11.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1324

tal-10 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1597/2002 fir-rigward tal-format għas-sottomissjoni ta’ listi nazzjonali tal-materjal bażiku ta’ materjal riproduttiv tal-foresta

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1597/2002 (2) jistabbilixxi format standardizzat għall-Istati Membri biex jissottomettu listi nazzjonali ta’ materjal bażiku ta’ materjal riproduttiv tal-foresta lill-Kummissjoni.

(2)

Riċentement, il-Kummissjoni żviluppat sistema ta’ informazzjoni għas-sottomissjoni elettronika ta’ dawk il-listi nazzjonali, imsejħa Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materjal Riproduttiv tal-Foresta (FOREMATIS). Il-FOREMATIS tippermetti lill-Istati Membri biex jippubblikaw il-listi nazzjonali tagħhom fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

(3)

Minħabba dak l-iżvilupp tekniku, jenħtieġ li l-format tal-listi nazzjonali previsti fir-Regolament (KE) Nru 1597/2002 jiġi sostitwit b’dak tal-FOREMATIS.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1597/2002 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1597/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-lista nazzjonali msemmija fl-Artiklu 10(2) tad-Direttiva 1999/105/KE għandha tiġi sottomessa minn kull Stat Membru permezz tal-format tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Materjal Riproduttiv tal-Foresta tal-Kummissjoni (*1) u f’konformità miegħu.

(*1)  https://ec.europa.eu/forematis/”;"

(2)

l-Anness huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1597/2002 tas-6 ta’ Settembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE f’dak li għandu x’jaqsam il-format ta’ listi nazzjonali tal-materjal bażiku ta’ materjal riproduttiv tal-foresta (ĠU L 240, 7.9.2002, p. 34).