Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0955 - 0955
Protokoll Nru.10 dwar Ċipru IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA, FILWAQT li jaffermew mill-ġdid l-impenn tagħhom għal ftehim komprensiv għal problema ta' Ċipru, konsistenti mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-appoġġ qawwi tagħhom għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal dak l-iskop, FILWAQT li jikkunsidraw li ftehim komprensiv bħal dak għal problema ta' Ċipru għadu ma ntlaħaqx. FILWAQT li jikkunsidraw li, għaldaqstant, huwa neċessarju li jipprovdu għas-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis f'dawk l-arei tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv, FILWAQT li jikkunsidraw illi, f'każ ta' soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru din is-sospensjoni għandha titneħħa, FILWAQT li jikkunsidraw li l-Unjoni Ewropea hija lesta takkomoda il-patti ta' ftehim bħal dan mal-prinċipji li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, FILWAQT li jikkunsidraw li huwa neċessarju li jipprovdu għall-patti li taħthom id-disposizzjonijiet rilevanti tal-liġi ta' l-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam l-arei msemmija hawn fuq u f'dawk iż-żewġ arei fejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u fejn l-Area ta' Bażi Sovrana tal-Lvant tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, FILWAQT li jixtiequ li l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea għandha tibbenefika ċ-ċittadini Ċiprijotti kollha u tippromwovi l-paċi ċivili u r-rikonċiljazzjoni, FILWAQT li jikkunsidraw, għaldaqstant, li xejn f'dan il-Protokoll ma jipprekludi miżuri immirati għal dan l-iskop, FILWAQT li jikkunsidraw li miżuri bħal dawk ma għandhomx jolqtu l-applikazzjoni ta' l-acquis taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat ta' l-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta' Ċipru, FTIEHMU FUQ ID-DISPOSIZZJONIJIET LI ĠEJJIN: Artikolu 1 1. L-applikazzjoni ta' l-acquis għandha tiġi sospiża f'dawk l-arei tar-Repubblika ta' Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv. 2. Il-Kunsill, b'mod unanimu abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar it-tneħħija tas-sospensjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1. Artikolu 2 1. Il-Kunsill, b'mod unanimu abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddefenixxi il-patti li taħthom id-disposizzjonijiet tal-liġi ta' l-UE għandhom japplikaw fir-rigward tal-linja li taqsam dawk l-arei imsemmija fl-Artikolu 1 u l-arei li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru jeżerċita kontroll effettiv. 2. Il-konfini bejn l-Area ta' Bażi Sovrana tal-Lvant u dawk l-arei li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom ikunu trattati bħala parti mill-konfini esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani għall-iskop tal-Parti IV ta' l-Anness mal-Protokoll dwar l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru għal matul is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-acquis skond l-Artikolu 1. Artikolu 3 1. Xejn f'dan il-Protokoll ma għandu jipprekludi miżuri maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku ta' l-arei li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1. 2. Miżuri bħal dawn ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni ta' l-acquis taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat ta' l-Adeżjoni fi kwalunkwe parti oħra tar-Repubblika ta' Ċipru. Artikolu 4 F'każ ta' ftehim, il-Kunsill, b'mod unanimu abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċidi dwar l-adattamenti għall-patti li jikkonċernaw l-adeżjoni ta' Ċipru ma' l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Komunità Ċipriotta-Torka. --------------------------------------------------