SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)
11 ta’ Frar 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni tal-VAT – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi bi ħlas’ – Artikolu 2(1)(ċ), Artikolu 24(1) u Artikolu 25(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112/KE – Bażi tat-taxxa – Kunċett ta’ ‘korrispettiv’ – Artikolu 73 u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 – Detenturi ta’ drittijiet relatati – Komunikazzjoni ta’ fonogrammi u ta’ programmi awdjoviżivi mingħajr liċenzja – Remunerazzjoni mħallsa lis-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva – Żieda”
Fil-Kawża T‑643/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija)), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Novembru 2024, fil-proċedura
Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam)
vs
Cristian General Serv SRL,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari),
komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, M. Sampol Pucurull, G. Steinfatt, D. Petrlík u W. Valasidis (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Diċembru 2024, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Credidam, minn Ş. Gheorghiu, Direttur Eżekuttiv, assistit minn A. Lascu, avocată, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, M. Chicu u L. Ghiță, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u E. Stamate, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ), tal-Artikolu 24(1) u tal-Artikolu 25(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Centrul Român pentru Administrarea Drepturilor Artiștilor Interpreți (Credidam), li l-attività tiegħu hija li jiżgura l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fir-Rumanija, u, min-naħa l-oħra, Cristian General Serv SRL, kumpannija rregolata mid-dritt Rumen li topera stabbiliment ta’ akkomodazzjoni, dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tas-somma kollha jew parti minnha dovuta minn din il-kumpannija lil Credidam talli qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha, mingħajr liċenzja, fonogrammi u programmi awdjoviżivi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT: [...]
[...]” |
|
4 |
L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi: “1. ‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija. [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi: “Provvista ta’ servizzi tista’ tikkonsisti, inter alia, f’waħda mit-Transazzjonijiet li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi: “Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112: “L-ammont taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin:
[...]” |
Id-dritt nazzjonali
Il-Kodiċi tat-Taxxa
|
8 |
L-Artikoli 268 u 271 tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat‑8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688, tal‑10 ta’ Settembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), huma intiżi li jittrasponu fid-dritt Rumen l-Artikoli 2, 24 u 25 tad-Direttiva 2006/112. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 286 tal-Kodiċi tat-Taxxa: “[...] 4. Il-bażi tat-taxxa ma jinkludix l-elementi segwenti: [...]
|
Il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati
|
10 |
L-Artikolu 112 tal-legea nr. 8/1996 privind dreptul de autor și drepturile conexe (il-Liġi Nru 8/1996 dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tal‑14 ta’ Marzu 1996 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 60, tas‑26 ta’ Marzu 1996), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati”), jipprovdi: “1. L-artisti interpreti jew eżekuturi u l-produtturi tal-fonogrammi għandhom dritt għal remunerazzjoni unika u ekwa għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew għar-riproduzzjoni tagħhom permezz tax-xandir jew b’kull mezz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. 2. L-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ metodoloġiji, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 163 sa 165. 3. Il-ġbir tar-remunerazzjoni unika għandha ssir skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 168. [...] 5. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, fonogramma titqies li hija ppubblikata għal finijiet kummerċjali meta titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ tranżazzjoni ta’ bejgħ jew permezz ta’ mezzi bil-fili jew mingħajr fili li jippermettu lil kulħadd ikollu aċċess għaliha fil-post u fil-mument magħżul individwalment minnu.” |
|
11 |
L-Artikolu 145 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati jipprevedi: “1. Il-ġestjoni kollettiva għandha tkun obbligatorja għall-eżerċizzju tad-drittijiet li ġejjin: [...]
[...] 2. Fir-rigward tal-kategoriji ta’ drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva għandhom jirrappreżentaw ukoll lid-detenturi ta’ drittijiet li ma jkunux inkarigawhom jagħmlu dan.” |
|
12 |
Skont l-Artikolu 146 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati: “1. Id-drittijiet li ġejjin jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ġestjoni kollettiva: [...]
[...] 2. Għall-kategoriji tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1, is-soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva jirrappreżentaw biss lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu tawhom mandat u jiżviluppaw metodoloġiji [...] jew jinnegozjaw direttament il-kuntratti ta’ liċenzja mal-utenti. [...]” |
Metodoloġija
|
13 |
Id-Decizia nr. 120/2016 privind publicarea în Monitorul Oficial al României, Partea I, a Deciziei civile nr. 784A din 26 octombrie 2016 a Curţii de Apel Bucureşti – Secţia a IV-a civilă, pronunţată în Dosarul nr.2.013/2/2016 (id-Deċiżjoni Nru 120/2016 dwar il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Rumanija, Parti I, tad-Deċiżjoni Ċivili Nru 784A tas‑26 ta’ Ottubru 2016 tal-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest – Ir-Raba’ Awla Ċivili mogħtija fil-Kawża Nru 2.013/2/2016) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 952, tal‑25 ta’ Novembru 2016) iddaħħal fis-seħħ il-metodoloġija adottata mill-Oficiul Român pentru Drepturile de Autor (l-Uffiċċju Rumen tad-Drittijiet tal-Awtur), imsemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 112(2) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija”). |
|
14 |
Il-punt 3.12 tal-metodoloġija jipprevedi li, meta jsir użu ta’ xogħlijiet protetti mingħajr l-għoti minn qabel ta’ liċenzja għal dan l-għan, l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta mill-utent lill-artisti interpreti u eżekuturi jew lill-produtturi ta’ fonogrammi huwa ugwali għat-triplu tar-remunerazzjoni li dan l-utent kien ikollu jħallas li kieku kellu liċenzja. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Credidam, fil-kwalità tiegħu ta’ soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fir-Rumanija, jiġbor u jaqsam ir-remunerazzjonijiet dovuti li jikkorrispondu għal dawn id-drittijiet. Huwa jiżgura d-dritt tal-artisti interpreti, eżekuturi u produtturi ta’ fonogrammi għal “remunerazzjoni ekwa”, fis-sens tal-Artikolu 145(1)(d) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, għall-komunikazzjoni lill-pubbliku u għax-xandir ta’ fonogrammi ppubblikati għal finijiet kummerċjali jew għar-riproduzzjoni ta’ dawn il-fonogrammi. Huwa jamministra wkoll ir-remunerazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet li tawh mandat għall-komunikazzjoni ta’ servizzi artistiċi fil-qasam awdjoviżiv, skont l-Artikolu 146(1)(b) ta’ din il-liġi. |
|
16 |
Credidam qies li Cristian General Serv kellha tħallsu, għall-perijodu mill‑1 ta’ Ottubru 2019 sal‑31 ta’ Diċembru 2022 (iktar ’il quddiem, il-“perijodu kontenzjuż”) is-somma ta’ 4166,19 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 845), VAT inkluża, talli kkomunikat lill-pubbliku, fl-istabbiliment ta’ akkomodazzjoni li hija kienet topera, fonogrammi jew riproduzzjonijiet tagħhom u servizzi artistiċi fil-qasam awdjoviżiv (iktar ’il quddiem ix-“xogħlijiet protetti inkwistjoni”), mingħajr ma ngħatat liċenzja minn qabel għal dan l-għan. |
|
17 |
Sabiex jiddetermina s-somma msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, Credidam, b’applikazzjoni tal-metodoloġija, ittrippla r-remunerazzjoni li Cristian General Serv kien ikollha tħallas li kieku kellha liċenzja. Huwa qieset li din ir-remunerazzjoni kollha kellha tkun suġġetta għall-VAT. |
|
18 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2022, Credidam adixxa lit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors intiż, abbażi tar-responsabbiltà ċivili delittwali, sabiex Cristian General Serv tiġi kkundannata, minn naħa, tħallas is-somma msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, tikkonkludi kuntratt miegħu, li għandu bħala suġġett l-għoti ta’ liċenzji għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq. |
|
19 |
Dan ir-rikors ippreżentat minn Credidam ġie miċħud permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ April 2023, peress li t-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) irrilevat, fir-rigward tat-talba għal ħlas, li Cristian General Serv ma kinitx teżerċita attività kummerċjali matul il-perijodu kontenzjuż, b’tali mod li, minkejja li kellha spazju għal dan l-għan, hija ma kinitx ikkomunikat ix-xogħlijiet protetti inkwistjoni. Fir-rigward tat-talba intiża sabiex tiġi ordnata l-konklużjoni ta’ liċenzja mhux esklużiva, din il-qorti qieset li l-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati ma kinitx tidderoga mill-prinċipju ta’ libertà kuntrattwali u li, fi kwalunkwe każ, it-tneħħija tal-ispazju operat minn din il-kumpannija fi Frar 2023 kienet tostakola l-konklużjoni ta’ liċenzja mhux esklużiva bħal dik mitluba minn Credidam. |
|
20 |
Credidam appella minn din is-sentenza tad‑19 ta’ April 2023 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija). Huwa reġa’ invoka t-talbiet tiegħu kollha u qies, f’dan ir-rigward, essenzjalment, li huwa kien ipproduċa l-prova li Cristian General Serv kienet ikkomunikat lill-pubbliku x-xogħlijiet protetti inkwistjoni. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet ta’ Credidam, tistaqsi dwar jekk is-somma mitluba minnu, kellhiex, totalment jew parzjalment, tkun suġġetta għall-VAT. Hija tippreċiża li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2017, SAWP (C‑37/16, EU:C:2017:22), tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA (C‑501/19, EU:C:2021:50), u tal‑4 ta’ Lulju 2024, Credidam (C‑179/23, EU:C:2024:571). |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
23 |
Kif indikat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jekk hija tqisx bħala stabbilita li effettivament kien hemm komunikazzjoni tax-xogħlijiet protetti inkwistjoni lill-pubbliku. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti Ġenerali ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade, C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
F’dan il-każ, ċertament, mill-punt 2 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-kontenut tagħha ġie riprodott fil-punt 19 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-qorti tal-ewwel istanza, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li Cristian General Serv ma kinitx eżerċitat attività kummerċjali matul il-perijodu kontenzjuż, li jqajjem il-kwistjoni dwar kinux effettivament seħħew il-provvisti ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti Ġenerali. |
|
26 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ma ssemmix dubji dwar l-eżistenza ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi fit-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
27 |
Għaldaqstant, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-fatt li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżattezza u l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jitqies li, peress li din il-qorti tindika li ma għandhiex elementi suffiċjenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq, sabiex tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha, u fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw id-domandi preliminari, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112 mitluba mill-imsemmija qorti ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma minn din il-qorti hija ta’ natura ipotetika (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, NARE-BG, C‑429/23, EU:C:2024:742, punt 42). |
|
28 |
Għaldaqstant id-domandi magħmula huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
29 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, fl-ewwel lok, li r-remunerazzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet relatati fid-dritt Rumen tirriżulta mil-liġi u mill-metodoloġija li tispeċifikaha u, fit-tieni lok, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar, fil-każ li tkun inkwistjoni provvista ta’ servizzi bi ħlas, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-VAT għandhiex tkun imposta biss fuq ir-remunerazzjoni li utent b’liċenzja jkollu jħallas jew inkella fuq it-triplu ta’ din ir-remunerazzjoni, minħabba l-komunikazzjoni mingħajr liċenzja tax-xogħlijiet protetti. |
|
30 |
Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu interpretati wkoll l-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112, dwar l-eżekuzzjoni ta’ servizzi skont il-liġi, kif ukoll l-Artikolu 73 u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva, dwar il-bażi tat-taxxa tal-VAT. |
|
31 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25(a) u (ċ), l-Artikolu 73 u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li:
|
|
32 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax id-definizzjoni ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, għandu jitfakkar li provvista ta’ servizzi titwettaq bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jsir skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas irċevut mill-fornitur ikun jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv ta’ servizz individwabbli pprovdut lill-benefiċjarju. Dan ikun il-każ jekk tkun teżisti rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Suzlon Wind Energy Portugal, C‑605/20, EU:C:2022:116, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jsir skambju ta’ servizzi reċiproċi” għandu jkollu tifsira wiesgħa. Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi użu ta’ servizz irregolat, bħal pereżempju l-ipparkjar tal-vettura f’parkeġġ bi ħlas (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C‑90/20, EU:C:2022:37) jew il-konsum tal-elettriku fil-post ta’ residenza (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348), jista’ joħloq relazzjoni ġuridika bejn il-persuna li għandha drittijiet li jippermettu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan is-servizz u dik li għamlet użu minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C‑90/20, EU:C:2022:37 punti 28 u 29, u tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punti 30 sa 32). |
|
34 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “korrispettiv”, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-assenza totali ta’ ħlas tas-somom dovuti ma tikkostitwixxix ostakolu għall-konstatazzjoni tar-reċiproċità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mit-transazzjoni ekonomika inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C‑90/20, EU:C:2022:37 punti 39 sa 43, u tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punti 30 sa 32). |
|
35 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “rabta diretta”, kif indikat il-qorti tar-rinviju stess, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-fatt li remunerazzjoni tinġabar minn soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ma kienx jipprekludi l-eżistenza ta’ rabta diretta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 iktar ’il fuq, peress li din is-soċjetà kienet taġixxi għan-nom tad-detenturi ta’ tali drittijiet, u li l-fatt li l-ġestjoni kollettiva tar-remunerazzjoni kienet tirriżulta minn obbligu legali lanqas ma kienx jipprekludi l-eżistenza ta’ tali rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA, C‑501/19, EU:C:2021:50, punt 37). Hija ppreċiżat ukoll li kien speċifikament il-qafas leġiżlattiv li kien jistabbilixxi rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi u l-obbligu li jitħallas il-korrispettiv, filwaqt li wieħed għandu jiftakar li mill-Artikolu 25(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta espressament li provvista ta’ servizzi tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ servizz skont il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Credidam, C‑179/23, EU:C:2024:571, punt 40). |
|
36 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet protetti saret mingħajr ma kienet ingħatat preċedentement liċenzja mingħand Credidam għall-finijiet ta’ tali komunikazzjoni wassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi applikata għall-fatti tal-kawża prinċipali l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, UCMR – ADA (C‑501/19, EU:C:2021:50). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, distinzjoni ġġeneralizzata bejn it-tranżazzjonijiet illegali u t-tranżazzjonijiet legali, peress li s-sistema tal-VAT hija intiża li tiġi imposta fuq il-konsumatur finali ta’ oġġetti jew servizzi meta dawn ikunu ġew ikkunsinnati jew ipprovduti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli skont id-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa lmentat li Cristian General Serv ikkomunikat xogħlijiet protetti lill-pubbliku mingħajr ma ngħatatilha awtorizzazzjoni jew liċenzja minn qabel. |
|
39 |
Il-komunikazzjoni tax-xogħlijiet protetti inkwistjoni tagħti lok, għall-artisti interpreti, għall-eżekuturi u għall-produtturi ta’ fonogrammi li kkontribwixxew għal dawn ix-xogħlijiet, għal remunerazzjoni unika u ekwa għall-użu dirett jew indirett ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr ma, barra minn hekk, dawn l-artisti interpreti, eżekuturi u produtturi ta’ fonogrammi jkunu jistgħu jopponu dan l-użu. |
|
40 |
Il-modalitajiet tar-remunerazzjoni unika u ekwa, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-punt 3.12 tal-metodoloġija, jagħtu lok għal varjazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni, minn remunerazzjoni bażika għal tliet darbiet din ir-remunerazzjoni bażika, skont jekk il-komunikazzjoni tax-xogħlijiet protetti tkunx ġiet awtorizzata jew le minn Credidam, li jiżgura r-rappreżentanza ex lege tad-detenturi ta’ drittijiet relatati, skont l-Artikoli 145 u 146 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati (ara l-punti 11 u 12 iktar ’il fuq). Konsegwentement, anki jekk il-komunikazzjoni tax-xogħlijiet protetti inkwistjoni saret mingħajr liċenzja, xorta jibqa’ l-fatt li n-nuqqas ta’ għoti ta’ liċenzja mis-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ma kienx jipprekludi l-applikazzjoni tal-qafas legali u regolamentari li jirregola l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ tali xogħlijiet mingħajr liċenzja, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
|
41 |
Il-fatt li l-utent tax-xogħlijiet protetti ma ħallasx somom li huwa kellu jħallas ma jipprekludix li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, dawn jiġu kklassifikati bħala korrispettiv tas-servizz ipprovdut minn soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, f’isem id-detenturi ta’ drittijiet relatati, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. |
|
42 |
Il-fatt li s-somom dovuti mill-utent tax-xogħlijiet protetti jintalbu minn soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u mhux mid-detenturi tad-drittijiet relatati stess, lanqas ma jipprekludi, kif jirriżulta mill-punt 35 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut. |
|
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li provvista ta’ servizzi bħal dik identifikata minn din il-qorti tissodisfa l-kriterji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq. |
|
44 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-VAT għandhiex tkun imposta biss fuq ir-remunerazzjoni li kienet tkun dovuta lis-soċjetà għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, f’isem id-detenturi ta’ drittijiet relatati, li kieku l-utent tax-xogħlijiet protetti kellu liċenzja, jew jekk din għandhiex tiġi imposta fuq it-triplu ta’ din ir-remunerazzjoni, għandhom isiru l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. |
|
45 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-bażi tat-taxxa għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas, huwa kkostitwit mill-korrispettiv effettivament irċevut għal dan il-għan mill-persuna taxxabbli. Dan il-korrispettiv huwa l-valur suġġettiv, jiġifieri dak realment miġbur, u mhux valur stmat skont kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, l-imsemmi korrispettiv għandu jkun jista’ jiġi indikat fi flus (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, Efir, C‑19/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:148, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Barra minn hekk, mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-VAT stess ma hijiex inkluża fil-bażi tat-taxxa, li għandu bħala korollarju li l-VAT hija dejjem inkluża, ipso jure, fil-prezz miftiehem (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (Possibbiltà ta’ korrezzjoni fil-każ ta’ rata żbaljata), C‑606/22, EU:C:2024:255, punt 27). |
|
47 |
Issa, dan il-kunċett ta’ “prezz miftiehem”, jiġifieri ta’ “korrispettiv” għall-provvista ta’ servizzi, huwa interpretat mill-qorti tal-Unjoni bħala li jinkludi ż-żidiet jew l-ispejjeż addizzjonali, meta dawn jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku għar-relazzjonijiet bejn il-fornitur ta’ servizzi u dak li bbenefika minnhom, anki jekk b’mod illegali jew irregolari, fi kliem ieħor meta dawn iż-żidiet jew dawn l-ispejjeż addizzjonali juru r-rabta diretta bejn il-provvista ta’ servizzi u l-korrispettiv tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-ispejjeż ta’ kontroll għall-parkeġġ irregolari, li kellhom iħallsu s-sewwieqa li bbenefikaw minn post ta’ parkeġġ, kienu suġġetti għall-VAT, minkejja l-fatt li tali spejjeż kienu kklassifikati, fid-dritt nazzjonali, bħala penalità (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Apcoa Parking Danmark, C‑90/20, EU:C:2022:37, punti 30 sa 34 u 46). Hija ddeċidiet, bl-istess mod, li l-kumpens li jirrappreżenta l-vantaġġ miksub indebitament minn konsumatur tal-elettriku klandestin kien suġġett għall-VAT (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Fluvius Antwerpen, C‑677/21, EU:C:2023:348, punt 32). |
|
48 |
F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-punt 3.12 tal-metodoloġija, li hija speċifikament imsemmija mil-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, jirriżulta espressament li ż-żieda fir-remunerazzjoni dovuta mill-utent ta’ xogħlijiet protetti li ma jkollux liċenzja hija l-konsegwenza diretta tal-komunikazzjoni mingħajr liċenzja ta’ dawn ix-xogħlijiet, jiġifieri ta’ provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
49 |
Għaldaqstant, il-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u li fuqu għandha tiġi imposta l-VAT, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, huwa l-prezz iddeterminat legalment f’każ ta’ komunikazzjoni mingħajr liċenzja ta’ xogħlijiet bħalma huma x-xogħlijiet protetti inkwistjoni, jiġifieri t-triplu tal-prezz li l-utent kien ikollu jħallas fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku b’liċenzja. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25(a) u (ċ), l-Artikolu 73 u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari, b’ħames Imħallfin) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1)(ċ), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 25(a) u (ċ), l-Artikolu 73 u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
|
Papasavvas Sampol Pucurull Steinfatt Petrlík Valasidis Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Frar 2026. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.