SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

3 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark tridimensjonali – Forma ta’ kartuna ottagonali – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku – Proċess ta’ manifattura – Użu tal-prodott – Artikolu 7(1)(e)(ii) u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94

Fil-Kawża T‑104/25,

Lami Packaging (Kunshan) Co. Ltd, stabbilita f’Kunshan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn K. Strömholm, avukata,

rikorrenti,

vs

L‑Uffiċċju tal‑Proprjetà Intellettwali tal‑Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Nicolás Gómez u D. Hanf, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Tetra Laval Holdings & Finance SA, stabbilita f’Pully (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn S. Schäfer u M. Kleespies, avukati,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

komposta minn K. Kecsmár, President, L. Madise (Relatur), P. Nihoul, U. Öberg u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: G. Mitrev, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑20 ta’ Jannar 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Lami Packaging (Kunshan) Co. Ltd, titlob l-annullament u l-bidla tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑6 ta’ Diċembru 2024 (Każ R 12/2024‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fit‑3 ta’ Jannar 2022, ir-rikorrenti ressqet quddiem l-EUIPO talba għad-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li ġiet irreġistrata wara applikazzjoni ppreżentata mill-intervenjenti, Tetra Laval Holdings & Finance SA, fid‑19 ta’ April 2000 għas-sinjal tridimensjonali segwenti:

Image

3

Il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata li fir-rigward tagħhom intalbet id-dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jaqgħu fil-klassi 16 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Imballaġġi u materjal tal-imballaġġ magħmul mill-karta jew mill-karta llaminata bil-plastik” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

Ir-raġunijiet invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu dawk imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 51(1)(b) tal-imsemmi regolament.

5

Fis‑6 ta’ Novembru 2023, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament.

6

Fit‑3 ta’ Jannar 2024, l-intervenjenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

7

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell laqa’ l-appell u, konsegwentement, ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mir-rikorrenti, minħabba li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx japplika għat-trade mark ikkontestata. Essenzjalment, il-Bord tal-Appell qies li l-funzjoni ssodisfatta mill-forma tal-prodott ma kinitx tikkostitwixxi riżultat tekniku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Sabiex jasal għal din il-konklużjoni, il-Bord tal-Appell qies, billi rrefera, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kien japplika meta l-forma kienet tippermetti li prodott jikseb riżultat tekniku mixtieq waqt l-użu tiegħu. Il-Bord tal-Appell qies li, f’dan il-każ, il-karatteristiċi essenzjali marbuta mal-forma tal-prodott kienu jirrigwardaw il-proċess ta’ manifattura, iżda ma kellhomx effett fuq il-funzjoni żgurata mill-imsemmi prodott.

8

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa skont l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, billi qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-intervenjenti kienet għamlet użu abbużiv mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tat-trade marks bil-għan li tipproteġi b’mod artifiċjali forma li setgħet tiġi protetta biss permezz ta’ privattiva.

It-talbiet tal-partijiet

9

Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibdilha fis-sens li l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell huwa miċħud;

–

tikkundanna lill-EUIPO jew, jekk ikun il-każ, lill-intervenjenti, għall-ispejjeż.

10

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, “fil-każ li l-Qorti Ġenerali tapprova l-evalwazzjoni ġuridika u fattwali [li tinsab] fil-paragrafi 50 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata”;

–

sussidjarjament, tilqa’ r-rikors.

11

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Dritt applikabbli

12

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri d‑19 ta’ April 2000, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti inkwistjoni huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u s-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France/Gugler vs EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13

Sussegwentement, f’dan il-każ, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom għall-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) u għall-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 168, p. 13) għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, rispettivament, għall-Artikolu 7(1)(e)(i) u (ii) u għall-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li għandhom kontenut essenzjalment identiku għal dak li jirrigwarda din it-tilwima.

14

Barra minn hekk, sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment intiżi li japplikaw fid-data li fiha huma jidħlu fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), din it-tilwima hija rregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001.

Osservazzjonijiet preliminari

15

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tal-istess regolament.

16

Mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-invalidità tat-trade mark għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO, meta din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament Nru 40/94 it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha titqies li hija valida sakemm hija tiġi ddikjarata invalida mill-EUIPO wara proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Għalhekk, hija tibbenefika minn preżunzjoni ta’ validità, li tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-kontroll eżerċitat mill-EUIPO fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, H&H vs EUIPO – Giuliani (Swisse), T‑486/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:642, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, hija l-persuna li tkun ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha tinvoka quddiem l-EUIPO l-elementi konkreti li jikkontestaw il-validità ta’ din it-trade mark.

18

Skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati s-sinjali li huma kkostitwiti esklużivament mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

19

Kull waħda mid-diversi raġunijiet għar-rifjut tar-reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għanda tiġi interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li fuqhom hija bbażata kull waħda minn dawn ir-raġunijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 77). L-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fir-rigward tas-soluzzjonijiet tekniċi jew fir-rigward tal-karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 43, u tad‑19 ta’ Ġunju 2025, CeramTec, C‑17/24, EU:C:2025:455, punt 43).

20

Din id-dispożizzjoni hija għaldaqstant intiża li tevita li l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tat-trade marks tiġi estiża, lil hinn mis-sinjali li jippermettu li prodott jew servizz jiġi distint minn dawk offruti mill-kompetituri, sabiex jiġi ostakolat li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu joffru liberament prodotti li jinkorporaw l-imsemmija soluzzjonijiet tekniċi f’kompetizzjoni mal-proprjetarju tat-trade mark (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2025, CeramTec, C‑17/24, EU:C:2025:455, punt 43; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 78). B’mod partikolari, huwa importanti li jiġi evitat li drittijiet esklużivi oħra ta’ protezzjoni suġġetti għal termini ta’ prelazzjoni (privattivi, disinn) jiksbu protezzjoni mingħajr limitu ta’ żmien permezz tal-użu tad-dritt tat-trade marks (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2014, Hauck, C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii), tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-awtorità kompetenti għandha, l-ewwel nett, tidentifika l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni u, sussegwentement, tiddetermina jekk dawn il-karatteristiċi jissodisfawx kollha funzjoni teknika tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 68, 72 u 84, u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO, C‑30/15 P, EU:C:2016:849, punti 40 u 42).

22

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv uniku mressaq mir-rikorrenti.

Fuq l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata

23

Fir-rigward tal-ewwel stadju, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal għandha ssir każ b’każ, mingħajr ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi differenti ta’ elementi li sinjal jista’ jkollu. Din tista’ ssir jew billi wieħed jibbaża ruħu direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew, l-ewwel, billi jsir eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 70). Hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 69), l-espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-elementi l-iktar importanti tas-sinjal. Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sinjal tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fid-dawl tal-grad ta’ kumplessità tiegħu, titwettaq permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva tal-imsemmi sinjal jew, għall-kuntrarju, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal investigazzjonijiet u perizji, jew ukoll data relatata mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell identifika, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata bil-mod li ġej:

–

blokka b’erba’ pannelli li jifformaw ħitan u erba’ angoli tronkati li joħolqu forma ottogonali b’sezzjoni trasversali approssimattivament kwadrata;

–

l-erba’ angoli tronkati huma ppreżentati fil-forma ta’ eżagoni/parallelogrammi li ġejjin fit-tond u s-superfiċje tagħhom hija pjuttost konkava iktar milli ċatta;

–

l-erba’ pannelli li jifformaw il-ħitan jidjiequ fil-parti ċentrali tagħhom u jiftħu lejn ’il fuq u ’l isfel

–

il-parti ta’ fuq tal-blokka għandha ġonta ta’ siġill li tgħaddi minn fuq is-superfiċje ta’ fuq u li testendi sa żewġ perpuri ta’ angolu mitwija fuq tnejn mill-pannelli vertikali.

25

Il-Bord tal-Appell qies li l-ewwel tliet karatteristiċi essenzjali kienu jiddefinixxu l-istruttura u l-kontorni tal-forma, filwaqt li r-raba’ karatteristika essenzjali kienet tiżgura l-għeluq ermetiku tal-imballaġġ.

26

L-identifikazzjoni ta’ dawn l-erba’ karatteristiċi essenzjali ma hijiex ikkontestata mill-partijiet, u b’mod partikolari mir-rikorrenti, li tindika li hija ma topponix għar-riżultat li wasal għalih il-Bord tal-Appell fuq dan il-punt. Bl-istess mod, l-intervenjenti indikat li hija kienet taqbel mal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali mwettqa mill-Bord tal-Appell u li hija ma kellhiex l-intenzjoni tikkontesta, fil-kuntest ta’ din l-istanza, iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-argument li hija kienet ressqet quddiemu, li kienet teżisti ħames karatteristika essenzjali li tikkorrispondi għad-dehra globali tat-trade mark ikkontestata.

Fuq il-funzjonalità teknika tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata

27

La darba l-karatteristiċi essenzjali ġew identifikati, hija l-awtorità kompetenti li għandha tivverifika, fit-tieni stadju, jekk dawn il-karatteristiċi jissodisfawx kollha l-funzjoni teknika jew waħda mill-funzjonijiet tekniċi tal-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 72; tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Lulju 2025, Spin Master Toys UK/EUIPO – Verdes Innovations (Forma ta’ kubu b’uċuħ bi struttura ta’ grilja u ddifferenzjati skont kulurhom), T‑1171/23, EU:T:2025:691, punt 31).

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-determinazzjoni, mill-awtorità kompetenti, tal-funzjonijiet tekniċi tal-prodott ikkonċernat għandha tkun ibbażata fuq elementi ta’ informazzjoni oġġettivi u affidabbli. Din l-awtorità tista’ tfittex tali elementi, b’mod partikolari, fid-deskrizzjonijiet eventwali ta’ dan il-prodott ippreżentati fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, fl-informazzjoni relatata ma’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-imsemmi prodott, bħal privattivi preċedenti li jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-forma kkonċernata, permezz ta’ investigazzjonijiet u ta’ perizji fuq il-funzjonijiet tal-istess prodott jew ukoll f’kull dokumentazzjoni oħra rilevanti, bħal pubblikazzjonijiet xjentifiċi, katalogi u siti internet, li jiddeskrivu l-funzjonijiet tekniċi ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 85; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 34). Ġie deċiż ukoll li l-eżistenza ta’ privattiva setgħet tikkostitwixxi prova inkonfutabbli li l-karatteristiċi indikati minn din il-privattiva kienu funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Peri vs EUIPO (Forma ta’ lukkett għal shuttering)T‑656/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:367, punt 23).

29

Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni relatata mal-għarfien eventwali, mill-pubbliku rilevanti, tal-funzjonijiet tekniċi tal-prodott inkwistjoni u tal-mod li bih dawn huma akkwistati taqa’ taħt evalwazzjoni li neċessarjament tinvolvi elementi suġġettivi, li potenzjalment huma sors ta’ inċertezzi fir-rigward tal-portata u tal-eżattezza tal-għarfien ta’ dan il-pubbliku, fatt li joħloq riskju li jiġi ppreġudikat l-għan imfittex mir-raġuni għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament 40/94, li jikkonsisti f’li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks jagħti lil impriża monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq karatteristiċi utilitarji ta’ prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 35).

30

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kien japplika meta l-forma ta’ prodott kienet tippermetti li jinkiseb riżultat tekniku waqt l-użu tiegħu, iżda ma kienx japplika għall-mod li bih il-prodott kien immanifatturat u, min-naħa l-oħra, li, f’dan il-każ, ir-riżultat ta’ natura teknika marbut mal-forma tat-trade mark ikkontestata kien jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura nnifsu, iżda ma kellux effett fuq il-funzjoni żgurata minn dan il-prodott fil-kuntest tal-użu tiegħu mill-konsumatur.

31

Peress li l-argumenti tal-partijiet jikkonċentraw fuq dawn iż-żewġ punti, għandu, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-motiv uniku imressaq mir-rikorrenti, jiġi eżaminat suċċessivament jekk, minn naħa, il-kunċett ta’ “riżultat tekniku”, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, jirrigwardax biss il-mod li bih jiffunzjona l-prodott u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan il-każ, ir-riżultat ta’ natura teknika marbut mal-forma tat-trade mark ikkontestata jirrigwardax biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott innifsu.

Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ riżultat tekniku

32

Ir-rikorrenti u l-EUIPO għandhom dubju dwar il-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Bord tal-Appell li r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika meta l-forma tkun tippermetti li prodott jikseb riżultat tekniku mixtieq meta huwa jintuża, iżda ma tapplikax għall-mod li bih jiġi mmanifatturat il-prodott. Skont l-EUIPO u r-rikorrenti, din l-interpretazzjoni restrittiva titbiegħed mill-interpretazzjoni wiesgħa tal-interess ġenerali li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 li għandha tingħata.

33

Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni, bħall-EUIPO, li l-approċċ adottat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta minn interpretazzjoni letterali tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), u huwa bbażat, barra minn hekk, kuntrarjament għall-prinċipji mfakkra fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, fuq evalwazzjoni suġġettiva tar-riżultat tekniku li jista’ jirriżulta mill-forma tal-prodott.

34

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis, bħall-EUIPO, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 li l-kunċett ta’ “riżultat tekniku” jirreferi esklużivament għall-mod li bih il-prodott jintuża mill-konsumatur twassal sabiex tirrestrinġi indebitament l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni u għandha l-effett li twassal għal riżultati mhux mixtieqa fid-dawl tal-iskop tal-imsemmija dispożizzjoni.

35

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tindika li, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, li tirrigwarda prodott sofistikat li kien is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal privattiva, il-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), kienet tirrigwarda każ li fih il-forma tal-prodott kellha biss il-vantaġġ li tissemplifika l-proċess ta’ manifattura, mingħajr ebda effett fuq il-mod li bih il-konsumaturi kienu jużaw il-prodott. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li t-tagħlim ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li jissostanzja l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

36

L-intervenjenti ssostni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod korrett l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 u li huwa, ġustament, applika l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604).

37

Qabel kollox għandu jitfakkar li applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni jkunu neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

38

Wara li kkonkluda li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata kienu jippermettu li jinkiseb riżultat ta’ natura teknika, il-Bord tal-Appell madankollu qies, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li riżultat ta’ natura teknika ma kienx neċessarjament “riżultat tekniku” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

39

Fil-fatt, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-mod li bih il-prodott kien immanifatturat u, min-naħa l-oħra, il-mod li bih il-prodott kien jiffunzjona. B’hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika meta l-forma tkun tippermetti li prodott jikseb riżultat tekniku mixtieq meta huwa jintuża, iżda ma tapplikax għall-mod li bih jiġi mmanifatturat il-prodott.

40

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li tali interpretazzjoni kienet sostnuta mill-għan imfittex mid-dispożizzjoni inkwistjoni, li jikkonsisti f’li “jiġi evitat li jingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi li utent jista’ jfittex fil-prodotti tal-kompetituri”. Issa, skont id-deċiżjoni kkontestata, “mill-perspettiva tal-konsumatur, il-funzjonalitajiet tal-prodott huma determinanti u l-modalitajiet ta’ manifattura tiegħu ma humiex daqstant importanti”.

41

Għandu jiġi rrilevat li, sabiex jikkonkludi li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax meta r-riżultat tekniku miksub permezz tal-forma tat-trade mark ikkontestata jkun jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott innifsu, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604).

42

Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25) — redatt f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 — kellu jiġi interpretat fis-sens li huwa kien jirrigwarda l-mod li bih il-prodott inkwistjoni kien jiffunzjona u ma kienx japplika għall-mod li bih huwa kien immanifatturat. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi, fir-rigward tal-kunċett ta’ “riżultat tekniku”, minn naħa, l-użu tal-prodott u, min-naħa l-oħra, il-manifattura tiegħu.

43

Għalhekk, din id-distinzjoni ta’ prinċipju applikata mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), ikkontribwixxiet sabiex jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, billi stabbilixxiet li kienu biss ir-riżultati tekniċi li kienu jimmanifestaw ruħhom waqt l-użu tal-prodott inkwistjoni li kienu rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

44

Konsegwentement, meta qies li r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kienet tapplika meta l-forma kienet tippermetti li prodott jikseb riżultat tekniku meta kien jintuża, iżda ma kinitx tapplika għall-mod li bih il-prodott kien immanifatturat, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

45

L-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mill-EUIPO ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni.

46

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u tal-EUIPO li s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), ittendi li tiffavorixxi evalwazzjoni suġġettiva tar-riżultat tekniku li jista’ jirriżulta mill-forma tal-prodott, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet l-intervenjenti, li l-evalwazzjoni tal-eventwali funzjoni teknika ta’ forma għandha neċessarjament titwettaq billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-utilità li l-prodott għandu mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti. Din il-konstatazzjoni ma tbiddel xejn mill-fatt li l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-prodott għandha titwettaq mhux fid-dawl tal-vantaġġi pperċepiti mill-utent, peress li din l-evalwazzjoni tkun neċessarjament suġġettiva, iżda għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, bħad-dokumentazzjoni li tiddeskrivi l-elementi funzjonali tal-forma kkonċernata. Għalhekk, pjuttost milli jiżdied element suġġettiv ibbażat fuq il-perċezzjoni, mill-konsumatur, tar-riżultat tekniku tal-forma tal-prodott, minn din is-sentenza jirriżulta li għandu jiġi evalwat, b’mod oġġettiv, ir-riżultat tekniku li jista’ jinkiseb fil-kuntest tal-użu tal-prodott mill-konsumatur.

47

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u tal-EUIPO bbażat fuq il-kuntrarjetà ta’ distinzjoni bejn il-proċess ta’ manifattura u l-użu ta’ prodott mal-għan imfittex mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jitfakkar, hekk kif għamlet l-intervenjenti, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 55 tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), li din id-dispożizzjoni hija intiża li tipprekludi li d-dritt tat-trade marks jagħti monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi li jistgħu jiġu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tar-riżultat tekniku għandha titwettaq fir-rigward tal-funzjonalitajiet tal-forma waqt l-użu tal-prodott, filwaqt li l-modalitajiet tal-manifattura tiegħu huma, bħala tali, irrilevanti mill-perspettiva tal-konsumatur, u b’mod partikolari tal-konsumatur finali. Għaldaqstant, id-distinzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell ma tistax titqies li tmur kontra l-iskop tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda taqa’, għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-għan imfittex minnha.

48

Fit-tielet lok, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604), ma hijiex applikabbli għal dan il-każ, b’mod partikolari minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, relatati b’mod partikolari mas-sofistikazzjoni tal-prodott inkwistjoni jew mal-eżistenza ta’ applikazzjonijiet għal privattiva preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni fil-kuntest ta’ domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li, hekk kif tfakkar fil-punt 42 iktar ’il fuq, hija redatta f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. L-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata esklużivament fuq analiżi tad-dispożizzjoni nnifisha, hija, konsegwentement, ta’ portata ġenerali. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża sabiex tiġġustifika interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604).

49

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell seta’, mingħajr ma jikser la l-għan imfittex mill-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru40/94 u lanqas il-ġurisprudenza rilevanti, jibbaża l-analiżi tiegħu fuq id-distinzjoni bejn ir-riżultati tekniċi marbuta mal-proċess ta’ manifattura tal-prodott u dawk li jimmanifestaw ruħhom waqt l-użu tiegħu.

50

Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-uniku motiv imqajjem mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, din id-distinzjoni ġietx applikata korrettament u jekk il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark inkwistjoni jipproduċux riżultat tekniku li huwa limitat għall-proċess ta’ manifattura tal-prodott.

Fuq l-evalwazzjoni tar-riżultat tekniku f’dan il-każ

51

Ir-rikorrenti ssostni li kull waħda mill-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata tissodisfa funzjoni teknika fir-rigward tal-prodotti koperti mir-reġistrazzjoni.

52

Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkonkluda li r-riżultat tal-ewwel tliet karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata kien jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott. Hija ssostni li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti li tirrendi iktar effikaċi l-funzjoni bażika tal-prodott, li tikkonsisti fiż-żamma tal-likwidu. Hija tindika li din il-forma, billi tippermetti, bi kwantità mnaqqsa ta’ materjal, li tinżamm u li tittejjeb il-funzjoni ta’ imballaġġ tal-prodott, fiha nnifisha ġġib proprjetajiet ġodda u mtejba li jibqgħu wara l-manifattura.

53

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-forma tal-prodott, li tippermetti li jinkiseb ir-riżultat tekniku ta’ piż iżgħar, tiffaċilita l-ħażna, l-immaniġġar u t-trasport, filwaqt li tiżgura l-istabbiltà u r-riġidità tal-imballaġġ. Hija ssostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-forma tal-prodott għandha vantaġġi fuq il-livell ambjentali, f’termini ta’ tnaqqis tar-riżorsi kkonsmati u tal-iskart prodott.

54

Ir-rikorrenti żżid li r-riżultati tekniċi tat-trade mark ikkontestata huma ta’ interess tul il-katina ta’ provvista kollha. Fil-fehma tagħha, il-klijenti prinċipali tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-intermedjarji professjonali tal-industrija tal-ikel, jisiltu oġġettivament vantaġġ, fil-kuntest tal-użu normali tal-prodott, mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-forma tat-trade mark ikkontestata. Skont ir-rikorrenti, dawn il-vantaġġi jestendu wkoll għall-bejjiegħa bl-imnut u għall-konsumaturi finali.

55

L-EUIPO jibbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-validità tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi u fattwali li abbażi tagħhom il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-forma tal-prodott ma kinitx il-kawża ta’ riżultat tekniku li għandu effett fuq il-mod li bih jintuża l-prodott.

56

L-intervenjenti ssostni li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, li jippermettu t-titjib fir-relazzjoni bejn il-volum tar-reċipjent u s-superfiċje tal-imballaġġ, huma r-riżultat ta’ proċess ottimizzat ta’ manifattura, iżda ma jwasslux għal riżultati tekniċi vantaġġużi waqt l-użu tal-prodott.

57

L-intervenjenti żżid li ż-żamma tal-proprjetajiet abitwali ta’ imballaġġ, bħal stabbiltà tajba u manipulazzjoni tajba tar-reċipjent, ma tikkostitwixxix vantaġġ funzjonali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tqis li funzjonalitajiet ta’ din in-natura jikkostitwixxu fir-realtà karatteristiċi bażiċi li huma diġà preżenti fil-parti l-kbira tar-reċipjenti. Fl-aħħar nett, l-intervenjenti tqis li l-vantaġġi kummerċjali u ekoloġiċi indikati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux vantaġġi tekniċi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

58

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami tal-funzjonalità ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott, huwa importanti li jiġi evalwat, wara li jkunu ġew identifikati l-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmi sinjal, jekk dawn il-karatteristiċi jwettqux il-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Ċertament, dan l-eżami għandu jsir billi jiġi analizzat is-sinjal iddepożitat jew ikkontestat, u mhux billi jiġu analizzati s-sinjali kkostitwiti minn forom oħra ta’ prodotti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 84).

59

Permezz tal-kliem “esklussivament” u “neċessarja”, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jiżgura li biss il-forom ta’ prodott li unikament jinkorporaw soluzzjoni teknika u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika minn impriżi oħra jkunu miċħuda r-reġistrazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 48).

60

Madankollu, il-kundizzjoni li r-reġistrazzjoni ta’ forma ta’ prodott bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun irrifjutata skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 biss jekk il-forma tkun “neċessarja” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku intiż ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l-unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punt 53).

61

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tar-riżultat tekniku mwettqa mill-Bord tal-Appell f’dan il-każ.

62

Qabel kollox, għandhom jitfakkru l-motivi mogħtija f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

63

Il-Bord tal-Appell wettaq l-eżami tal-funzjonalità teknika billi analizza l-forma tat-trade mark ikkontestata u billi ħa inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni PCT/WO1997034809, ippreżentata fid‑29 ta’ Ottubru 1996 mill-intervenjenti taħt it-Trattat ta’ Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Privattivi, iffirmat f’Washington fid‑19 ta’ Ġunju 1970, kif emendat (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT”). Fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li r-rilevanza ta’ din l-applikazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li d-disinni inklużi fiha kienu jvarjaw mit-trade mark ikkontestata. Il-Bord tal-Appell irrileva f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, l-identiċità ta’ privattiva mat-trade mark ma kinitx kundizzjoni sabiex il-privattiva tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark.

64

Abbażi, b’mod partikolari, tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT, il-Bord tal-Appell irrileva fil-punti 44, 47 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata li, meta mqabbla mal-forom parallelediċi tradizzjonali, forma priżmatika bħal dik tat-trade mark ikkontestata kienet tnaqqas il-kwantità ta’ kartun ta’ imballaġġ neċessarju sabiex jinżamm volum speċifiku ta’ likwidu. Il-Bord tal-Appell qies li dan ir-riżultat tekniku kien intlaħaq permezz tal-ewwel tliet karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, imfakkra fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu jiddefinixxu l-istruttura u l-forma tar-reċipjent, filwaqt li r-raba’ karatteristika essenzjali, marbuta mal-preżenza ta’ ġonta ta’ siġill li tgħaddi minn fuq il-parti ta’ fuq tal-forma, kienet tippermetti li jiġi żgurat l-għeluq ermetiku tal-imballaġġ. Il-Bord tal-Appell qies ukoll, fil-punti 44 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma tat-trade mark ikkontestata kienet tippermetti li jiġu żgurati l-istabbiltà u l-proprjetajiet ta’ manipulazzjoni tal-imballaġġ.

65

Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma tat-trade mark ikkontestata, billi tnaqqas il-kwantità ta’ materjal neċessarju għall-manifattura tal-prodott, kienet sors ta’ vantaġġi għall-manifattur, jiġifieri l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, billi tippermettilu jiffranka u jilħaq għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali. Min-naħa l-oħra huwa qies li tali vantaġġi ma kinux imfittxija mill-pubbliku kkonċernat mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-intermedjarji professjonali tal-industrija tal-ikel li kienu jixtru imballaġġi vojta sabiex jimlewhom b’likwidi u bi prodotti tal-ikel.

66

Fil-punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina l-vantaġġi tekniċi eventwali tat-trade mark ikkontestata għal kategoriji oħra ta’ utenti, bħall-bejjiegħa bl-imnut u l-utenti finali. Madankollu, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti, billi qies, l-ewwel nett, li l-iffrankar fir-rigward tal-ispiża ta’ trasport kien purament ipotetiku, it-tieni nett, li l-gwadann fil-qasam tas-sostenibbiltà kien spekulattiv fil-portata tiegħu u, it-tielet nett, li r-rikorrenti invokat vantaġġi li ma kinux ta’ natura teknika iżda kummerċjali, billi enfasizzat b’mod partikolari li l-klijenti tat-trade mark kellhom il-possibbiltà jbigħu kwantità ikbar ta’ prodott tal-ikel, billi jibbenefikaw minn imballaġġ ta’ kapaċità ikbar meta mqabbel mal-bokok tradizzjonali. Fir-rigward tal-konsumaturi finali, huwa qies li l-vantaġġi allegati mir-rikorrenti ma kinux jirrigwardaw il-mod li bih il-prodott kien ser jintuża minn dawn tal-aħħar.

67

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma tat-trade mark ikkontestata ma kellhiex effett pożittiv f’dak li kien jirrigwarda l-immaniġġar u l-ħażna tar-reċipjent u li hija kienet tippermetti biss, fuq dan il-punt, li jiġu osservati r-rekwiżiti bażiċi applikabbli għall-parti l-kbira tal-oġġetti ta’ imballaġġ.

68

Il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punti 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riżultat tekniku miksub permezz tat-trade mark ikkontestata kien jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott innifsu, iżda ma kellux effett fuq il-funzjoni żgurata minn dan il-prodott.

69

Għalhekk, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell qies essenzjalment li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata, minn naħa, kienu jippermettu lill-prodott jissodisfa l-funzjoni tiegħu ta’ reċipjent billi jippreżerva l-istabbiltà u l-proprjetajiet ta’ manipulazzjoni tal-imballaġġ u, min-naħa l-oħra, kienu jtejbu r-relazzjoni bejn il-volum tar-reċipjent u l-kwantità ta’ materjal neċessarju għall-manifattura tiegħu. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies li la ż-żamma tal-proprjetajiet bażiċi tal-imballaġġ u lanqas it-titjib tar-relazzjoni bejn il-volum tar-reċipjent u l-kwantità ta’ materjal neċessarju ma kienu jikkostitwixxu riżultat tekniku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

70

Għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, iż-żamma tal-proprjetajiet bażiċi tal-prodott kopert mit-trade mark ikkontestata u, it-tieni nett, it-titjib fir-relazzjoni bejn il-volum tar-reċipjent u l-kwantità ta’ materjal neċessarju għall-manifattura tiegħu.

71

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT, il-prodott kopert mit-trade mark ikkontestata huwa reċipjent li l-funzjoni teknika prinċipali tiegħu tikkonsisti fiż-żamma ta’ likwidi jew ta’ prodotti tal-ikel. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, hekk kif tirrileva r-rikorrenti, il-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata jikkontribwixxu kollha sabiex il-prodott ikun jista’ jissodisfa din il-funzjoni teknika, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel tliet karatteristiċi essenzjali jiddefinixxu l-istruttura u l-kontorni tar-reċipjent, filwaqt li r-raba’ karatteristika essenzjali tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat l-issiġillar tiegħu.

72

Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 44 u 47 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT jirriżulta li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti barra minn hekk li tiġi żgurata l-istabbiltà tar-reċipjent kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jiġi mmanipulat. Hekk kif issostni r-rikorrenti, tali vantaġġi tekniċi, li jikkontribwixxu għas-solidità tar-reċipjent u għall-kapaċità tiegħu li jitqiegħed wieħed fuq l-ieħor u li jinħażen, huma mfittxija mill-utenti tal-prodott, b’mod partikolari mill-intermedjarji professjonali tal-industrija tal-ikel, li, hekk kif tfakkar fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, jimlew l-imballaġġi vojta b’likwidi jew bi prodotti tal-ikel qabel ma jiddistribwixxuhom bħala prodott finali. Tali funzjonijiet tekniċi huma rilevanti fil-kuntest tal-użu tal-prodott, peress li, hekk kif tirrileva r-rikorrenti, ir-reċipjent, wara li jkun imtela, għandu jinħażen, jintbagħat jew jiġi mmanipulat mingħajr problema ta’ instabbiltà jew ta’ riskju ta’ dannu.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku li jikkonsisti f’li l-prodott ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu ta’ reċipjent intiż li jżomm likwidi jew prodotti tal-ikel, filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jiġi mmanipulat. Peress li dawn il-karatteristiċi jippermettu li l-prodott jintuża konformement mal-użu li għalih huwa ġie ddisinjat, ir-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li l-imsemmija karatteristiċi huma neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku li jirrigwarda l-mod li bih jiffunzjona l-prodott.

74

Fit-tieni lok, mill-punti 44, 47 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ewwel tliet karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata jippermettu li tittejjeb il-kwantità tar-reċipjent meta mqabbla mal-kwantità ta’ materjal neċessarju għall-manifattura tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward tal-forom parallelediċi tradizzjonali, forma priżmatika bħal dik tat-trade mark ikkontestata kienet tnaqqas il-kwantità ta’ kartun ta’ imballaġġ neċessarju sabiex jinżamm volum ta’ likwidu speċifiku.

75

Jekk il-Bord tal-Appell ikkonkluda li tali vantaġġ tekniku kien ta’ benefiċċju biss għall-manifattur, u għalhekk għall-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, billi jippermettilu jiffranka u jilħaq għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali, għandu jiġi osservat dan li ġej.

76

L-ewwel nett, kif issostni r-rikorrenti, l-ottimizzazzjoni ta’ dak li reċipjent jista’ jżomm fih tikkontribwixxi sabiex il-funzjoni bażika tal-prodott issir iktar effettiva. Fil-fatt, il-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti, għal kwantità ta’ materjal ta’ imballaġġ speċifiku, li tiżdied il-kwantità ta’ likwidi jew ta’ prodotti tal-ikel miżmuma fir-reċipjent. Sa fejn tippermetti li tittejjeb il-funzjoni bażika tal-prodott, il-forma tat-trade mark ikkontestata ma tistax titqies li hija biss ir-riżultat ta’ proċess ta’ manifattura ottimizzat li ma għandu ebda effett fuq il-mod li bih jaħdem il-prodott.

77

It-tieni nett, hekk kif tirrileva wkoll ir-rikorrenti, it-titjib tar-relazzjoni bejn il-volum tar-reċipjent u l-kwantità ta’ materjal neċessarju għall-manifattura tiegħu għandu bħala konsegwenza li, għal volum speċifiku, l-imballaġġ ikun eħfef mill-imballaġġi ta’ forma tradizzjonali. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-komunikazzjoni kummerċjali tal-intervenjenti tenfasizza tali vantaġġi tekniċi. Għalhekk, minn estratt mis-sit internet tal-intervenjenti jirriżulta li hija tindika, fir-rigward tal-forma tat-trade mark ikkontestata, li l-użu ta’ kwantità iżgħar ta’ materjal ta’ imballaġġ ma jikkompromettix il-prestazzjoni tal-prodott. Din il-komunikazzjoni kummerċjali tenfasizza wkoll in-natura ħafifa tal-prodott kif ukoll l-effiċjenza ottima tiegħu marbuta, b’mod partikolari, mal-forma mhux ingombranti tiegħu. Għalkemm, waqt is-seduta, l-intervenjenti indikat li l-komunikazzjoni kummerċjali kienet tinkludi elementi suġġettivi u ma kinitx tagħti informazzjoni preċiża dwar il-vantaġġi tekniċi ta’ prodott, jirriżulta għall-kuntrarju mill-ġurisprudenza li kull dokumentazzjoni rilevanti sabiex jiġu evalwati l-funzjonijiet tekniċi ta’ prodott tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, inklużi b’mod partikolari katalogi jew siti internet li jiddeskrivu l-funzjonijiet tekniċi tal-prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gömböc, C‑237/19, EU:C:2020:296, punt 34).

78

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif issostni r-rikorrenti, it-tnaqqis fil-piż u fil-volum tal-imballaġġi jikkostitwixxi riżultat tekniku rilevanti mill-perspettiva tal-pubbliku kopert mit-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, il-forma priżmatika tal-prodott, billi tippermetti tnaqqis fil-piż tal-imballaġġi u billi tirrendihom inqas ingombranti, toffri soluzzjoni teknika li tista’ titfittex mill-intermedjarji professjonali tal-industrija tal-ikel. Hekk kif tenfasizza r-rikorrenti, tnaqqis fil-piż tal-imballaġġi huwa b’mod partikolari ta’ natura li jiffaċilita l-ħażna u t-trasport tagħhom.

79

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti li jinkiseb imballaġġ inqas voluminuż u eħfef mill-imballaġġi ta’ forma tradizzjonali, minħabba l-użu ta’ kwantità iżgħar ta’ materjal. Tali riżultat tekniku huwa rilevanti mill-perspettiva tal-pubbliku kopert mit-trade mark ikkontestata, billi jaffettwa b’mod pożittiv il-mod li bih il-prodott jista’ jintuża mill-intermedjarji professjonali tal-industrija tal-ikel.

80

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-forma tat-trade mark ikkontestata hija sors ta’ vantaġġi tekniċi għall-konsumatur finali.

81

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki meta, bħal f’dan il-każ, il-pubbliku kopert mit-trade mark ikkontestata jkun ikkostitwit minn klijenti professjonali, jista’ jkun rilevanti li tiġi analizzata l-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ din it-trade mark billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, iżda wkoll dik tal-utenti finali. Fil-fatt, kif tirrileva essenzjalment l-intervenjenti, l-intermedjarji professjonali għandhom interess li r-riżultat tekniku miksub permezz tal-forma tat-trade mark inkwistjoni jissodisfa mhux biss il-bżonnijiet tagħhom stess, iżda wkoll dawk tal-utenti finali, li huma intiżi li jixtru l-prodotti tagħhom. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament eżamina jekk il-forma tat-trade mark ikkontestata setgħetx tippermetti li jinkiseb riżultat tekniku utli għall-konsumatur finali.

82

F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta wasal għall-konklużjoni li l-vantaġġi tekniċi li jirriżultaw mill-forma tat-trade mark ikkontestata ma kinux jirrigwardaw il-mod li bih il-prodott jintuża mill-konsumaturi finali. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ppreżentata taħt il-PCT tindika li, minħabba l-forma partikolari tiegħu, l-imballaġġ huwa iktar faċli li jinqabad bl-idejn u li jintuża għall-konsumatur. Bl-istess mod, l-estratti mis-sit internet tal-intervenjenti prodotti mir-rikorrenti jsemmu n-natura ergonomika tal-forma tal-prodott. B’mod partikolari, huwa indikat li l-prodott ġie ddisinjat sabiex jadatta ruħu perfettament għad-daqsijiet kollha tal-idejn sabiex joffri żamma fl-idejn iktar komda waqt il-konsum.

83

Mill-punti 71 sa 82 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li r-riżultat tekniku miksub mit-trade mark ikkontestata kien jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott innifsu u ma kellux effett fuq il-funzjoni żgurata minn dan il-prodott. Konsegwentement, ir-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li l-forma tat-trade mark ikkontestata hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

84

L-argumenti mressqa mill-intervenjenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

85

L-ewwel nett, għalkemm l-intervenjenti ma tikkontestax li l-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata jippermettu lill-prodott kopert minnha jissodisfa l-funzjoni prinċipali tiegħu ta’ reċipjent filwaqt li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ stabbiltà u ta’ funzjonabbiltà mfittxija mill-utenti ta’ dawn it-tip ta’ prodotti, hija tqis li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti biss lill-prodott jissodisfa l-funzjoni bażika tiegħu, mingħajr ma toffri fuq dan il-punt titjib fir-rigward tal-imballaġġi ta’ forma tradizzjonali. Dan l-argument jingħaqad mal-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li l-fatt li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippreżerva l-kapaċità tar-reċipjent li jinqabad bl-idejn u jitqiegħed wieħed fuq l-ieħor ma jfissirx li din il-forma għandha effett pożittiv fuq dawn il-funzjonalitajiet.

86

Madankollu, il-fatt li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti li tiġi ssodisfatta l-funzjoni teknika bażika tal-oġġetti ta’ imballaġġ mingħajr madankollu ma ttejjeb din il-funzjoni huwa irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 49/94. Fil-fatt, kif jirrileva l-EUIPO, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ riżultat tekniku mtejjeb. Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tipproteġi l-forom ta’ prodott neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, u mhux biss ir-riżultati tekniċi innovattivi li jistgħu jkunu suġġetti għal privattiva (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Yoshida Metal Industry vs EUIPO, T‑331/10 RENV u T‑416/10 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2015:302, punt 59).

87

Bl-istess mod, l-allegazzjoni tal-intervenjenti li l-forma tat-trade mark ikkontestata tippermetti, fir-rigward tal-istabbiltà tal-prodott, li jinkiseb riżultat tekniku ekwivalenti għal dak ta’ forom oħra ta’ imballaġġ hija irrilevanti. Fil-fatt, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 49/94, l-analiżi tal-funzjonalità ta’ forma teħtieġ li jiġi eżaminat jekk din hijiex neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, iżda ma teħtieġx li hija tiġi pparagunata ma’ forom oħra ta’ prodott disponibbli fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Tecnodidattica vs EUIPO (Forma ta’ bażi għal globi u għal lampi), T‑752/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:130, punt 33).

88

It-tieni nett, l-intervenjenti tqis li, anki jekk il-vantaġġi għall-konsumatur f’termini ta’ ħażna u ta’ manipulazzjoni tal-prodott kienu meqjusa bħala miksuba, dawn kellhom jitqiesu bħala riżultati ekonomiċi u kummerċjali u mhux bħala riżultat tekniku. Madankollu, il-forma tat-trade mark ikkontestata, sa fejn tippermetti li jiġi ffaċilitat l-imballaġġ u l-ħażna tal-prodott, għandha titqies li tissodisfa funzjoni teknika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2018, Novartis vs EUIPO – SK Chemicals (Rappreżentazzjoni ta’ garża li tipprovdi mediċina li tgħaddi minn ġol-ġilda), T‑44/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:48, punt 63). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlu r-rikorrenti u l-EUIPO, li l-linji gwida interni tal-EUIPO, fil-punt 3 tal-Kapitolu 6 tat-Taqsima 4 tal-Parti B tagħhom, jistabbilixxu li t-terminu “riżultat tekniku” għandu jinkludi forom li, b’mod partikolari, “jużaw l-inqas materjal” jew li “jippermettu ħażna prattika jew trasport prattiku”.

89

It-tielet nett, l-intervenjenti ssostni li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova ta’ gwadann ekonomiku li jista’ jinkiseb mill-klijenti tat-trade mark ikkontestata permezz tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma ta’ din it-trade mark. Dan l-argument jingħaqad mal-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, imfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq, li tgħid li l-iffrankar allegat mir-rikorrenti f’termini ta’ spejjeż ta’ trasport huwa purament ipotetiku, filwaqt li l-gwadann allegat fil-qasam tas-sostenibbiltà huwa spekulattiv fil-portata tiegħu.

90

Madankollu, hekk kif irrileva l-EUIPO waqt is-seduta, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 japplika għall-forom ta’ prodotti neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, mingħajr ma jkun meħtieġ li tintwera l-portata tal-vantaġġi li jistgħu jirriżultaw minn dan ir-riżultat tekniku. Għalhekk, peress li l-forma tat-trade mark ikkontestata għandha titqies bħala li tippermetti li jinkiseb riżultat tekniku, il-fatt li l-vantaġġi ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minnha jkunu diffiċli li jiġu kkwantifikati, jew saħansitra jkunu ipotetiċi, fil-portata tagħhom ma huwiex ta’ natura li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

91

Ir-raba’ nett, l-intervenjenti enfasizzat, waqt is-seduta, li t-tieni karatteristika essenzjali tat-trade mark ikkontestata, marbuta mal-preżenza ta’ erba’ angoli tronkati, kienet tikkostitwixxi element estetiku, li kien jippermetti li r-reċipjent jingħata dehra distintiva.

92

Madankollu, it-tieni karatteristika essenzjali tikkontribwixxi sabiex tagħti lill-prodott kopert mit-trade mark ikkontestata l-forma priżmatika tiegħu, li tippermetti li tiżdied ir-relazzjoni bejn il-kapaċità tar-reċipjent u l-kwantità ta’ materjal użat għall-manifattura tiegħu, filwaqt li jiġu żgurati l-istabbiltà u l-proprjetajiet ta’ manipulazzjoni tiegħu. Għalhekk, it-tieni karatteristika essenzjali identifikata mill-Bord tal-Appell tissodisfa funzjoni teknika, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-intervenjenti.

93

Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma japplikax meta jkun jeżisti element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ornamentali jew fantażjuż, li jkun jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tat-trade mark ikkontestata, iżda li ma jkunx neċessarju sabiex jinkiseb riżultat tekniku (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2023, BB Services vs EUIPO – Lego Juris (Forma ta’ figurina ta’ ġugarell bi stud fuq ir-ras), T‑297/22, EU:T:2023:780, punt 121).

94

Min-naħa l-oħra, il-fatt li element essenzjali tat-trade mark ikkontestata, li jkun meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat tekniku, ikollu, barra minn hekk, valur estetiku jew ikun ta’ natura mhux tas-soltu ma jippermettix li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2023, Wajos vs EUIPO (Forma ta’ reċipjent), T‑10/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:377, punt 45).

95

Konsegwentement, il-fatt li t-tieni karatteristika essenzjali, minbarra l-funzjoni teknika tagħha, jista’ jkollha valur estetiku u tikkontribwixxi sabiex tagħti lit-trade mark ikkontestata forma mhux tas-soltu ma huwiex ta’ natura li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

96

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li l-Bord tal-Appell applika b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonkluda li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika f’dan il-każ, minħabba li r-riżultat tekniku miksub mill-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata kien jirrigwarda biss il-proċess ta’ manifattura tal-prodott innifsu, mingħajr ma kellu effett fuq il-funzjoni żgurata minn dan il-prodott.

97

Minn dan jirriżulta li kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx iġġustifikata tinvoka l-invalidità tat-trade mark kkontestata abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament.

98

Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax it-tieni motiv tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Bord tal-Appell ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità sa fejn din kienet ibbażata fuq l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, peress li r-raġunijiet ta’ invalidità previsti fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu huma awtonomi waħda mill-oħra, huwa biżżejjed li waħda minnhom tkun fondata sabiex tiġi ġġustifikata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2025, CeramTec, C‑17/24, EU:C:2025:455, punt 49).

99

Peress li r-rikorrenti hija ġġustifikata ssostni li l-Bord tal-Appell ċaħad b’mod żbaljat l-ewwel raġuni ta’ invalidità li hija kienet invokat, minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien imissu, għal din ir-raġuni biss, ċaħad l-appell tal-intervenjenti ppreżentat quddiemu.

100

Għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

Fuq it-talba għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata

101

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali “tiddikjara t-trade mark [kkontestata] invalida”. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li dawn it-talbiet kellhom jinftiehmu fis-sens li hija titlob, permezz ta’ bidla tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċaħda tal-appell ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell.

102

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 72(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġuriżdizzjoni kemm sabiex tannulla kif ukoll sabiex tibdel id-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO. Din is-setgħa ta’ bidla madankollu ma għandhiex l-effett li tagħti lill-Qorti Ġenerali s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa ta’ bidla huwa fil-fatt limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi hekk kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ jieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2025, EUIPO vs Neoperl, C‑93/23 P, EU:C:2025:33, punti 68 u 69).

103

F’dan il-każ, wara li stħarrġet l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell dwar ir-raġuni marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tiddetermina d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ jieħu, u minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

104

Peress li l-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti ntlaqa’, minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu jqis, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li t-trade mark ikkontestata kienet invalida abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament. Il-Bord tal-Appell kien għalhekk meħtieġ jiċħad l-appell ippreżentat quddiemu mill-intervenjenti. Konsegwentement, hemm lok li l-Qorti Ġenerali, billi tibdel id-deċiżjoni kkontestata, tiċħad l-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Airhole Facemasks vs EUIPO – sindustrysurf (AIR HOLE FACE MASKS YOU IDIOT), T‑107/16, EU:T:2017:335, punti 48 sa 50).

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

106

Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija annullata u mibdula, l-intervenjenti tilfet. L-istess japplika fir-rigward tal-EUIPO, u dan minkejja l-kap ta’ talbiet ippreżentat minn dan tal-aħħar sussidjarjament, intiż sabiex ir-rikors jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, W. Kordes’ Söhne Rosenschulen vs EUIPO (Kordes’ Rose Monique), T‑569/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:421, punt 40).

107

Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti talbet li l-EUIPO jew “jekk applikabbli” l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Ir-rikorrenti għandha għalhekk titqies li titlob li prinċipalment l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż jew, sussidjarjament li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, hemm lok li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

108

L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas‑6 ta’ Diċembru 2024 (Każ R 12/2024‑4) hija annullata u mibdula fis-sens li l-appell ippreżentat quddiem l-EUIPO minn Tetra Laval Holdings & Finance SA kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tas‑6 ta’ Novembru 2023 huwa miċħud.

 

2)

L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti minn Lami Packaging (Kunshan) Co. Ltd.

 

3)

Tetra Laval Holdings & Finance SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Kecsmár

Madise

Nihoul

Öberg

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Ġunju 2026.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.