24.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/364


RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1627 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2019

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2019,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0088/2021),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji u l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta’ EUR 223 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 81,30 % meta mqabbel mal-2018, minħabba l-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-IT li għalihom l-Aġenzija rċeviet kontribuzzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni fi tmiem l-2019; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li l-Qorti kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ 99,86 %, rata li tirrappreżenta żieda ta’ 2,02 % meta mqabbla mal-2018; jiddispjaċih, madankollu, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 41,05 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 31,85 % meta mqabbla mal-2018; billi dak it-tnaqqis huwa dovut għar-riport tal-impenji pendenti li ammontaw għal EUR 131 137,56 jew 59 % tal-ammonti impenjati fir-rigward ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-IT iffirmati li ma tlestewx sa tmiem is-sena;

Kanċellazzjoni tar-riporti

2.

Jinnota fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ segwitu għas-sejbiet tal-Qorti fl-2018, li r-rata ta’ kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit riportati mill-2018 għall-2019 kienet ta’ 17 %, li turi li saru impenji mhux ġustifikati fl-2018; jistieden lill-Aġenzija ma tirriportax l-approprjazzjonijiet tal-baġit ħlief meta dan ikun iġġustifikat;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li fl-2019 l-Aġenzija, skont l-Artikolu 52 tal-attivitajiet tat-Trattat tal-Aġenzija, assenjat 178 referenza ġdida ta’ reġistrazzjoni li jikkorrispondu għal kuntratti ġodda u emendi jew supplimenti għal kuntratti eżistenti u, skont l-Artikoli 75 u 74 tal-attivitajiet tat-Trattat, l-Aġenzija assenjat 139 referenza ġdida ta’ reġistrazzjoni li jkopru tranżazzjonijiet relatati mal-prestazzjoni ta’ servizzi għall-provvista ta’ kwantitajiet żgħar ta’ materjali nukleari; jirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista;

4.

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija taħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha, bħala mezz biex tnaqqas il-burokrazija;

Politika dwar il-persunal

5.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, it-tabella tal-persunal kienet 100 % implimentata, bil-ħatra ta’ 17-il uffiċjal tal-Kummissjoni minn total ta’ 17-il post awtorizzat fit-tabella tal-persunal (meta mqabbel mal-25 post awtorizzati fl-2018);

Kontrolli interni

6.

Jinnota li fl-2019, l-Aġenzija applikat l-istandards ta’ kontroll intern (ICSs) tal-Kummissjoni għal ġestjoni effettiva b’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2007 dwar ir-reviżjoni tal-ICSs; jinnota li fl-2019, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju b’enfasi partikolari fuq il-finanzi u l-IT;

7.

Jinnota li fl-2019, l-Aġenzija bdiet tiżviluppa l-qafas il-ġdid ta’ kontroll intern li se jkun effettiv mill-2020; jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tkompli f’dik id-direzzjoni u żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li jkun sar;

Kummenti oħra

8.

Jinnota, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta stipulat li r-relazzjoni futura għandha tinkludi ftehim ta’ kooperazzjoni nukleari mifrux bejn l-Aġenzija u r-Renju Unit dwar l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari, u l-partijiet jaqblu dwar il-kooperazzjoni, permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, dwar il-forniment ta’ isotopi radjuattivi mediċi; jistieden lill-Aġenzija tiżgura li tibqa’ konxja tal-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit u li tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp ulterjuri f’dak ir-rigward;

9.

Jinnota li l-Aġenzija kellha aġent Direttur Ġenerali bejn Jannar u Marzu 2019 u li, minn April 2019 il-Kummissjoni ħatret Direttur Ġenerali ġdid;

10.

Jistieden lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka u tal-attivitajiet tagħha fost il-pubbliku, permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

11.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)  Testi adottati, P9_TA(2021)0215.