Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)

11 ta’ Frar 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ VAT – Dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri – Artikolu 167, Artikolu 168(a) u Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112/KE – Ħruġ tal-fattura li tindika l-VAT matul il-perijodu taxxabbli li jiġi wara dak li fir-rigward tiegħu jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis – Newtralità fiskali u proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑689/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2024, fil-proċedura

I. S.A.

vs

Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Papasavvas, President, N. Półtorak, M. Sampol Pucurull, G. Steinfatt (Relatriċi) u D. Petrlík, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,

Reġistratur: M. Zwozdziak‑Carbonne, Amministratriċi,

wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2024, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li rat li s-suġġett jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ma hemm ebda kwistjoni indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi statut,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal I., minn T. Michalik u J. Warnieło, doradcy podatkowi,

–        għal Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn M. Kowalewska u T. Tratkiewicz,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u M. Owsiany‑Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 167, tal-Artikolu 168(a) u tal-Artikolu 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), ta’ effettività u ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I. S.A. u d-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Nazzjonali tat-Teżor, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”), dwar deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem li tikkonċerna t-tnaqqis tal-VAT fuq il-kunsinni ta’ gass u ta’ elettriku lil I. f’fatturi li rċeviet din tal-aħħar matul il-perijodu taxxabbli li jiġi wara dak li matulu kien sar ix-xiri.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is–servizzi huma pprovduti.”

4        It-Titolu X tad-Direttiva dwar il-VAT, li jikkonċerna t-tnaqqis, jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis”, liema kapitolu huwa magħmul mill-Artikoli 167 sa 172 ta’ din tal-aħħar. L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

5        L-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

6        Il-Kapitolu 4 tat-Titolu X tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis”, jinkludi l-Artikoli 178 sa 183 tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 178 ta’ din tal-aħħar:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[…]”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta' taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

8        It-Titolu XI tad-Direttiva dwar il-VAT, li jikkonċerna l-obbligi tal-persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli, jinkludi l-Kapitolu 5, intitolat “Dikjarazzjonijiet”, li huwa magħmul mill-Artikoli 250 sa 261 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 250(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi:

“Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Pollakk

10      L-Artikolu 86(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2174), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprevedi:

“Inkwantu l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli, il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 15 għandha d-dritt li tnaqqas l-ammont tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri (input) mill-ammont tat-taxxa dovuta, u dan bla ħsara tal-Artikolu 114, tal-Artikolu 119(4), tal-Artikolu 120(17) u (19), kif ukoll tal-Artikolu 124.”

11      Skont l-Artikolu 86(10) tal-Liġi dwar il-VAT:

“Id-dritt li jitnaqqas l-ammont tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri mill-ammont tat-taxxa dovuta jitnissel meta jsir il-prospett għall-perijodu li fih ikun tnissel l-obbligu fiskali relatat mal-oġġetti u mas-servizzi akkwistati jew importati mill-persuna taxxabbli.”

12      L-Artikolu 86(10b) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“Id-dritt li jitnaqqas l-ammont tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri mill-ammont tat-taxxa dovuta fil-każijiet imsemmija:

(1)      fil-punt (1) u fil-punt (2)(a) tal-paragrafu 2 jitnissel mhux iktar kmieni mill-mument li fih isir il-prospett għall-perijodu li matulu l-persuna taxxabbli tkun irċeviet il-fattura jew id-dokument doganali;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      I., kumpannija suġġetta għall-VAT fil-Polonja, topera kamra tal-ikklerjar (clearing house) tat-tranżazzjonijiet li jagħmlu l-membri tagħha, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-gass u mal-elettriku. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, I. hija kkunsidrata bħala xerrej u bejjiegħ mill-ġdid ta’ oġġetti li huma s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet fil-Borża u tidher bħala tali fuq il-fatturi. Għalhekk hija obbligata tħallas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri u miġbura fuq il-bejgħ (output).

14      I. adixxiet lill-awtorità fiskali b’talba għal deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem sa fejn għandu x’jaqsam il-VAT sabiex tkun taf jekk hija kellhiex id-dritt li tnaqqas it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri indikata fil-fatturi debitament maħruġa għax-xiri ta’ gass u ta’ elettriku, skont l-Artikolu 86(1) u (10) tal-Liġi dwar il-VAT, minkejja li hija kienet irċeviet il-fatturi li jiddokumentaw ix-xiri matul il-perijodu taxxabbli relatat magħhom matul il-perijodu taxxabbli sussegwenti, iżda mhux iktar tard mid-data li fiha hija kienet ippreżentat id-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha.

15      F’deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem tat‑12 ta’ Novembru 2019, l-awtorità fiskali qieset li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis kien suġġett kemm fid-dritt Pollakk kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet formali, b’mod partikolari r-riċezzjoni ta’ fattura. Madankollu, fil-fehma tal-awtorità fiskali, dawn il-kundizzjonijiet la kellhom l-effett li jċaħħdu lill-persuna taxxabbli mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri u lanqas, għaldaqstant, li jiksru l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT.

16      Adita b’rikors kontra din id-deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2020, ma sabitx favur I. billi qieset b’mod partikolari li d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri kien b’mod ġenerali jorbot mal-mument li fih l-VAT saret eżiġibbli, jiġifieri fil-mument li fih kien jitnissel l-obbligu fiskali. Madankollu, fil-fehma ta’ dik il-qorti, sabiex il-persuna taxxabbli tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis, kellhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, il-waħda li t-tranżazzjoni kellha tkun saret u l-oħra li l-persuna taxxabbli kellu jkollha fattura li tagħti prova ta’ din it-tranżazzjoni. Għalhekk, fil-fehma tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja), il-mument li fih jitnissel id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri, previst fl-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa fil-prattika mmodifikat bir-rekwiżit formali stabbilit fl-Artikolu 178(a) ta’ din id-direttiva li tinżamm il-fattura korrispondenti. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, dan ifisser li d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri jitnissel, kemm‑il darba l-kundizzjonijiet l-oħra jkunu ssodisfatti, fil-mument li fih tasal l-imsemmija fattura.

17      I. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2020 quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, u allegat, b’mod partikolari, interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 167, tal-Artikolu 168(a) u tal-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT.

18      Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT ġewx trasposti tajjeb fl-ordinament ġuridiku intern. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-punt 1 tal-Artikolu 86(10b) tal-Liġi dwar il-VAT, meta mqabbel mad-Direttiva tal-VAT, jipprevedi kundizzjoni addizzjonali għat-tnissil tad-dritt għal tnaqqis, jiġifieri dik li jinżammu fattura jew dokument doganali fid-data tal-prospett.

19      Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 86(10b) tal-Liġi dwar il-VAT għandha l-effett, f’dan il-każ, li ddewwem it-tnissil tad-dritt għal tnaqqis. Fil-fatt, fil-fehma ta’ dik il-qorti, meta l-bejjiegħ, fi tranżazzjoni li huwa jkun għamel, ikun diġà ħallas il-VAT dovuta lit-Teżor Pubbliku, ix-xerrej huwa obbligat jistenna li jirċievi l-fattura korrispondenti sabiex jitnissel id-dritt tiegħu għal tnaqqis.

20      Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dritt tal-Unjoni, għandu jkun possibbli li titnaqqas it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri għal perijodu taxxabbli partikolari meta d-dritt għal tnaqqis ikun tnissel matul dan il-perijodu u meta, barra minn hekk, il-persuna taxxabbli jkollha fattura jew dokument doganali fil-mument li fih hija teżerċita dan id-dritt. Hija tqis li tali interpretazzjoni tippermetti lill-persuna taxxabbli kkonċernata teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri mingħajr dewmien żejjed u mingħajr riskju ta’ abbuż. Hija tippreċiża li l-posponiment tat-tnaqqis tal-VAT jista’ jkollu effett dirett fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ newtralità u ma għandu ebda bażi diretta fid-Direttiva dwar il-VAT.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 167, 168(a) u 178(a) tad-Direttiva [dwar il-VAT] kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-punt 1 tal-Artikolu 86(10b) tal-[Liġi dwar il-VAT), li minnhom jirriżulta li l-persuna taxxabbli ma tistax teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fid-dikjarazzjoni ppreżentata għall-perijodu li fih issodisfat il-kundizzjonijiet sostantivi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, jekk f’dan il-perijodu kienet għadha ma rċevietx fattura, minkejja li xorta waħda tkun irċeviet din il-fattura qabel ma ppreżentat din id-dikjarazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri, f’dikjarazzjoni ppreżentata għall-perijodu li għalih hija tkun issodisfat il-kundizzjonijiet sostantivi relatati mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, jekk hija ma tkunx irċeviet il-fattura korrispondenti matul dan il-perijodu, u dan minkejja li hija tkun irċevietha qabel tippreżenta din id-dikjarazzjoni.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu, mill-VAT li għandhom iħallsu, il-VAT dovuta jew ġa mħallsa fuq l-oġġetti li jkunu akkwistaw u s-servizzi li jkunu rċevew upstream jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, NARE‑BG, C‑429/23, EU:C:2024:742, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fil-fatt, is-sistema tat-tnaqqis għandha l-għan li ttaffi għalkollox lill-persuna taxxabbli l-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi kollha. Għalhekk, is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi li l-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu xi jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, kemm‑il darba li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma nnifishom suġġetti għall-VAT, ikunu ntaxxati b’mod newtrali (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2000:691, punt 27, u tat‑12 ta’ Settembru 2024, NARE‑BG, C‑429/23, EU:C:2024:742, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju bażiku tas-sistema tal-VAT huwa bbażat fuq il-fatt li l-VAT hija intiża li tintaxxa biss lill-konsumatur finali u li tkun għalkollox newtrali fir-rigward tal-persuni taxxabbli involuti fil-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju ta’ tassazzjoni finali, ikun xi jkun in-numru ta’ tranżazzjonijiet involuti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Novo Nordisk (VAT – Kontribuzzjonijiet imħallsa skont obbligu legali), C‑248/23, EU:C:2024:735, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel sehem integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat jekk ir-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet, sew sostantivi u sew formali, li għalihom huwa suġġett dan id-dritt, ikunu osservati mill-persuni taxxabbli li jkunu jixtiequ jeżerċitawh. B’mod partikolari, dan id-dritt, normalment, jiġi minnufih eżerċitat fir-rigward tat-taxxi kollha li jkunu ġew imposti fuq it-tranżazzjonijiet upstream (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT – Akkwiżizzjoni fittizja), C‑114/22, EU:C:2023:430, punt 27 u ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Settembru 2024, NARE‑BG, C‑429/23, EU:C:2024:742, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT, id-dritt għal tnaqqis jitnissel fil-mument li fih it-taxxa deduċibbli ssir eżiġibbli, billi din it-taxxa ssir eżiġibbli, skont l-Artikolu 63 ta’ din id-direttiva, fil-mument li fih issir il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Warszawie (VAT – Akkwiżizzjoni fittizja), C‑114/22, EU:C:2023:430, punt 31).

27      Kif issemma fil-punt 25 iktar ’il fuq, id-dritt għal tnaqqis huwa suġġett għall-osservanza ta’ rekwiżiti jew ta’ kundizzjonijiet sew sostantivi u sew formali previsti fid-Direttiva dwar il-VAT.

28      Il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis huma dawk li jirregolaw il-bażi stess u l-portata ta’ dan id-dritt, bħalma huma dawk previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu X tad-Direttiva dwar il-VAT, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis”. B’hekk, skont l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-oġġetti li fir-rigward tagħhom il-persuna taxxabbli tkun biħsiebha tinvoka d-dritt għal tnaqqis għandhom ikunu ġew akkwistati minnha f’din il-kwalità fil-mument tal-akkwist. Barra minn hekk, dawn l-oġġetti għandhom jintużaw, downstream, mill-persuna taxxabbli għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha stess u għandhom ikunu ġew ipprovduti, upstream, minn persuna taxxabbli oħra (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 28; ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Finanzamt N u Finanzamt G (Komunikazzjoni tal-assenjazzjoni), C‑45/20 u C‑46/20, EU:C:2021:852, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-kundizzjonijiet formali tad-dritt għal tnaqqis jikkonċernaw ir-regoli u l-kontroll tal-eżerċizzju tiegħu, kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT, bħalma huma l-obbligi dwar il-kontabbiltà, il-fatturazzjoni u d-dikjarazzjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Finanzamt N u Finanzamt G (Komunikazzjoni tal-assenjazzjoni), C‑45/20 u C‑46/20, EU:C:2021:852, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, mill-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jeħtieġ li tinżamm fattura maħruġa skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Din id-distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet materjali u l-kundizzjonijiet formali li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis hija importanti, billi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji fundamentali ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità jeżiġu li t-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri jingħata jekk kemm‑il darba ir-rekwiżiti sostantivi jkunu ssodisfatti, minkejja li l-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti rekwiżiti formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Finanzamt N u Finanzamt G (Komunikazzjoni tal-assenjazzjoni), C‑45/20 u C‑46/20, EU:C:2021:852, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tas‑16 ta’ Frar 2016, DGRFP Cluj, C‑519/21, EU:C:2023:106, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali li seta’ jiġi rrimedjat ma setax iwaqqa’ dubju fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Zabrus Siret, C‑81/17, EU:C:2018:283, punt 46).

31      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 sa 30 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tnissil tad-dritt għal tnaqqis jista’ jkun suġġett biss għall-kundizzjonijiet sostantivi, previsti fid-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C‑895/19, EU:C:2021:216, punt 45).

32      Għalhekk, id-dritt għal tnaqqis jitnissel mingħajr ma jingħata kas jekk fattura tkunx inżammet jew le, li huwa biss rekwiżit formali relatat mal-eżerċizzju tiegħu (ara l-punti 28 sa 31 iktar ’il fuq). Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 178 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt huwa, bħala prinċipju, possibbli biss mill-mument li fih il-persuna taxxabbli jkollha fattura (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 43).

33      Issa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt li jitnaqqas l-ammont tal-VAT imħallas fuq ix-xiri mill-ammont tal-VAT dovuta jitnissel mhux iktar kmieni mill-mument li fih isir il-prospett għall-perijodu li matulu l-persuna taxxabbli tkun irċeviet il-fattura korrispondenti. B’hekk, skont din il-leġiżlazzjoni, jekk l-imsemmija fattura tkun waslet matul il-perijodu taxxabbli li jiġi wara dak li matulu tkun seħħet it-tranżazzjoni taxxabbli, id-dritt għal tnaqqis jitnissel matul dan il-perijodu sussegwenti. Kif tikkonstata wkoll il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi għalhekk kundizzjoni addizzjonali sabiex jitnissel id-dritt għal tnaqqis, jiġifieri li jinżammu fattura jew dokument doganali fid-data tal-prospett għall-perijodu li għalih jiġi eżerċitat l-imsemmi dritt, imqar jekk, f’din id-data, il-kundizzjonijiet materjali, fosthom is-seħħ tat-tranżazzjoni taxxabbli, ikunu ġew issodisfatti.

34      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis jiġi eżerċitat, bħala prinċipju, matul l-istess perijodu bħal dak li fih ikun tnissel, jiġifieri, fid-dawl tal-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT, fil-mument li fih it-taxxa ssir eżiġibbli (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 44; tas‑26 ta’ April 2018, Zabrus Siret, C‑81/17, EU:C:2018:283, punt 36, u tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Wilo Salmson France, C‑80/20, EU:C:2021:870, punt 84).

35      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Pollakk, il-konklużjoni bil-maqlub ta’ dik imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq ma tistax tiġi dedotta mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Terra Baubedarf‑Handel (C‑152/02, EU:C:2004:268). Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 34 u 38 ta’ din is-sentenza, li d-dritt għal tnaqqis kellu, bħala prinċipju, jiġi eżerċitat għall-perijodu li matulu, minn naħa, dan id-dritt kien tnissel u, min-naħa l-oħra, il-persuna taxxabbli kellha fattura jew dokument ieħor minflokha huwa spjegat mill-fatt li, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhiex fattura jew tali dokument fil-mument li fih hija eżerċitat id-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 39).

36      Issa, għall-kuntrarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Terra Baubedarf-Handel (C‑152/02, EU:C:2004:268), u bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex (C‑518/14, EU:C:2016:691), il-persuna taxxabbli kkonċernata kellha l-fatturi fil-mument li fih eżerċitat id-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT.

37      Barra minn hekk, in-natura immedjata tat-tnaqqis imfakkra fil-punt 35 tas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Terra Baubedarf‑Handel (C‑152/02, EU:C:2004:268), għandha l-għan li, b’mod partikolari, tiggarantixxi n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT u li tevita li l-persuni taxxabbli jidħlu f’riskju finanzjarju billi jitgħabbew bil-piż ta’ din it-taxxa, kollu jew biċċa minnu. Din hija r-raġuni għaliex, skont l-Artikolu 179 tad-Direttiva dwar il-VAT, il-perijodu li matulu l-oġġett mixtri jew is-servizz ipprovdut ikunu suġġetti għall-VAT, li jnissel id-dritt għal tnaqqis, għandu jikkoinċidi mal-perijodu li matulu jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis.

38      B’hekk, fil-każ fejn persuna taxxabbli ma tistax tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri, relatata mat-tranżazzjonijiet li jkunu saru matul il-perijodu li fih ikun tnissel id-dritt għal tnaqqis, minkejja li l-fatturi korrispondenti kienu disponibbli fil-mument li fih tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni tal-VAT għall-imsemmi perijodu, hija għandha temporanjament terfa’ l-piż tal-VAT, hekk li ma tittaffiex għalkollox mill-piż tal-imsemmija taxxa, u dan bi ksur tal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tan-natura immedjata tat-tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C‑895/19, EU:C:2021:216, punti 46 sa 49).

39      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza dwar l-effetti ratione temporis tar-rettifika ta’ fattura.

40      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha r-rettifika ta’ fattura ma tipproduċix effett retroattiv hekk li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT eżerċitat abbażi tal-fattura rrettifikata ma jkunx jikkonċerna s-sena li matulha din il-fattura tkun inizjalment inħarġet, iżda s-sena li matulha din tkun ġiet irrettifikata (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 43).

41      Għaldaqstant, jekk persuna taxxabbli tista’, wara rettifika tal-fattura korrispondenti, teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis fir-rigward tal-perijodu taxxabbli li matulu l-imsemmija fattura tkun inizjalment inħarġet, minkejja n-nuqqas ta’ fattura regolari fil-mument tad-dikjarazzjoni fiskali inizjali, tali kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori għal persuna taxxabbli li tippreżenta fattura regolari mal-preżentazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni.

42      Dan ifisser li l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taħtha l-persuna taxxabbli ma tkunx tistax teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri, f’dikjarazzjoni ppreżentata għall-perijodu li fih hija tkun issodisfat il-kundizzjonijiet sostantivi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, jekk ma tkunx irċeviet fattura matul dan il-perijodu, u dan minkejja li tirċeviha qabel ma tippreżenta din id-dikjarazzjoni.

43      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Gvern Pollakk u tal-awtorità fiskali bbażati fuq l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT.

44      Skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra li, fil-fehma tagħhom, ikunu neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex jevitaw il-frodi. Il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi possibbli hija, fil-fatt, għan li din id-direttiva tirrikonoxxi u tinkoraġġixxi. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, EMS‑Bulgaria Transport, C‑284/11, EU:C:2012:458, punt 47, u tat‑12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens, C‑8/17, EU:C:2018:249, punt 38).

45      Waqt is-seduta, l-awtorità tat-taxxa sostniet, b’mod partikolari, li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni setgħet tevita, f’każijiet partikolari, li l-VAT titnaqqas downstream qabel ma tkun ġiet iddikjarata upstream sabiex jiġu evitati problemi ta’ verifika tal-ħlas tal-fatturi. Madankollu, ma hemmx dan ir-riskju f’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża prinċipali, fejn il-persuna taxxabbli kellha fattura ta’ impenn fil-mument li fih ippreżentat id-dikjarazzjoni tagħha, u l-awtorità fiskali setgħet għalhekk tagħmel il-verifiki neċessarji. Issa, Stat Membru ma jistax ifittex li jilħaq l-għan li jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u li jiġi evitat il-frodi b’miżura ġenerali li ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li, b’mod partikolari, tista’ xxekkel sistematikament id-dritt għal tnaqqis tal-persuni taxxabbli kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C‑895/19, EU:C:2021:216, punt 54).

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ effettività għandux jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi, huwa wkoll, dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li taħtha l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri, f’dikjarazzjoni ppreżentata għall-perijodu li għalih hija tkun issodisfat il-kundizzjonijiet sostantivi relatati mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, jekk hija ma tkunx irċeviet il-fattura korrispondenti matul dan il-perijodu, u dan minkejja tirċeviha qabel ma tippreżenta din id-dikjarazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla li tiddeċiedi fuq domandi preliminari)

taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 167, l-Artikolu 168(a) u l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ proporzjonalità,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha persuna taxxabbli ma tkunx tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tnaqqas it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri, f’dikjarazzjoni ppreżentata għall-perjodu li għalih tkun issodisfat il-kundizzjonijiet sostanzjali sabiex teżerċita dak id-dritt, jekk hija ma tkunx irċeviet il-fattura korrispondenti matul dak il-perjodu, u dan minkejja li tirċeviha qabel ma tippreżenta din id-dikjarazzjoni.

Papasavvas

Półtorak

Sampol Pucurull

Steinfatt

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑11 ta’ Frar 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.