Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 (1)

Kawżi C‑31/22 P(I),C‑32/22 P(I) u C‑74/22 P(I)

Atlas Copco Airpower,

Atlas Copco AB [C‑31/22 P(I)]

Anheuser-Busch Inbev,

Ampar [C‑32/22 P(I)]

Soudal NV,

Esko-Graphics BVBA [C‑74/22 P(I)]

vs

Magnetrol International

u Il‑Kummissjoni Ewropea


 

“Appell – Intervent – Appell fuq intervent – Interventi milqugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali – Annullament ta’ din is-sentenza u rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali – Esklużjoni impliċita mill-Qorti Ġenerali, tal-intervenjenti fl-appell bħala partijiet fil-proċedura wara r-rinviju”






I.      Daħla

1.        Dawn il-kawżi jqajmu b’mod espliċitu l-kwistjoni ġdida tal-persistenza tal-kwalità ta’ intervenjent, ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-proċedura tal-appell, fl-istadju tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali. Joffru wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-appelli mid-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għal intervent.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39 tal-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”) jipprevedi:

“Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiddeċiedi, skond proċedura sommarja li tkun tista tidderoga safejn meħtieġ minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Istatut u li għandha tiġi stabbilita mir-Regoli tal-Proċedura, fuq talbiet intiżi kemm għas-sospensjonijiet previsti fl-Artikolu 278 [TFUE] u fl-Artikolu 157 tat-Trattat KEEA, kemm fuq l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji skond l-Artikolu 279 [TFUE], kif ukoll fuq is-sospensjoni ta’ l-esekuzzjoni furzata skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 299 [TFUE] jew it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA.”

3.        L-ewwel, it-tieni u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdu:

“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi li jkunu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

L-istess dritt jappartjeni lill-korpi u lill-organi ta’ l-Unjoni u lil kull persuna oħra li tista’ turi li għandha interess fir-riżultat ta’ xi kawża miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux jintervjenu f’kawżi bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jew bejn Stati Membri u istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.

[...]

It-talbiet fir-rikors għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.”

4.        L-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut jipprevedu:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.

[...]

Ħlief fil-każ ta’ kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħhom, appell jista wkoll jitressaq minn Stati Membri u istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni li ma kinux intervjenew fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ikunu fl-istess pożizzjoni bħal dik ta’ Stati Membri jew istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fi Prim’ Istanza.”

5.        L-Artikolu 57 tal-imsemmi statut huwa fformulat kif ġej:

“Jista’ jsir appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn li jmissu min-notifika tad-deċiżjoni taċ-ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija skond l-Artikolu 278 jew l-Artikolu 279 jew ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 299 [TFUE] jew skond l-Artikolu 157 jew it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

L-appell imsemmi fl-ewwel żewġ paragrafi ta’ dan l-Artikolu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39.”

6.        L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-istess statut jipprovdu:

“Jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

F’każ ta’ rinviju, fuq punti ta’ dritt il-Qorti Ġenerali tkun marbuta bid-deċizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

B.      Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

7.        L-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell”, jipprovdi:

“Kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. It-terminu għall-preżentata ta’ risposta għall-appell ma jistax jiġi pprorogat.”

C.      Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

8.        L-Artikolu 1(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“2.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli:

[...]

c)      ‘parti’ u ‘partijiet’, użati mingħajr ebda indikazzjoni oħra, ifissru kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjenti;

[...]”

9.        L-Artikolu 142 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Għan u effetti tal-intervent”, jipprevedi:

“1.      L-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. L-intervent ma jagħtix l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk mogħtija lill-partijiet prinċipali u, b’mod partikolari, id-dritt li titressaq talba sabiex tinżamm seduta.

2.      L-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali. L-intervent jitlef l-għan tiegħu fil-każ li l-kawża titħassar mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-każ ta’ rinunzja għall-atti, fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet prinċipali jew fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

3.      L-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.”

10.      L-Artikolu 143(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, intitolat “Talba għal intervent”, jipprovdi:

“1.      It-talba għal intervent għandha titressaq f’terminu ta’ sitt ġimgħat li jiddekorri mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79.”

11.      L-Artikolu 217(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura jipprovdi:

“Meta d-deċiżjoni sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ingħatat wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub dwar il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.”

12.      L-Artikolu 219 tal-istess Regoli tal-Proċedura, intitolat “Spejjeż”, jipprovdi:

“Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawżi

13.      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699, tal‑11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-eżenzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita sussegwentement mir-Renju tal-Belġju.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet

14.      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑22 ta’ Marzu u fil‑25 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International NV ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

15.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi T‑131/16, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, u T‑263/16, Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

16.      Permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

17.      Fl‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat appell minn din is-sentenza.

18.      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Soudal NV, Esko-Graphics BVBA, Flir Systems Trading Belgium BVBA, Anheuser-Busch InBev SA/NV, Ampar BVBA, Atlas Copco Airpower SAS, Atlas Copco AB, Wabco Europe BVBA u Celio International NV ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Magnetrol International.

19.      Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), il-Qorti tal-Ġustizzja:

–        annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91);

–        ċaħdet l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll l-ewwel motiv u l-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors fil-Kawża T‑263/16;

–        irrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet sal-ħames motivi tar-rikors fil-Kawża T‑131/16 kif ukoll dwar it-tieni motiv, it-tieni u t-tielet parti tat-tielet motiv kif ukoll ir-raba’ motiv fil-Kawża T‑263/16, u

–        irriżervat l-ispejjeż.

20.      Soudal u Esko-Graphics kif ukoll Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, Anheuser-Busch Inbev u Ampar bagħtu lill-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741) għas-soluzzjoni tat-tilwima permezz ta’ ittri, rispettivament, tas‑16 u tal‑25 ta’ Novembru 2021.

21.      Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, Atlas Copco Airpower, Atlas Copco, Anheuser-Busch Inbev, Ampar Soudal u Esko-Graphics rċevew ittra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, datata s‑6 ta’ Diċembru 2021, li informathom li, peress li dawn l-osservazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu dokument previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Awla adita tal-Qorti Ġenerali kien iddeċieda li ma jirreġistrahomx fil-proċess.

22.      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021, indirizzata lill-President tal-Qorti Ġenerali u lill-membri tagħha, dawn is-sitt kumpanniji, filwaqt li rreferew għall-motivazzjoni tad-Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915), u għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, talbu, minn naħa, li jiġi kkoreġut l-“iżball” (oversight) imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta rrifjutat li tinkludi l-osservazzjonijiet tagħhom fil-proċess kif ukoll, min-naħa l-oħra, konferma tal-istatus tagħhom bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

23.      F’din l-ittra, dawn is-sitt kumpanniji talbu risposta f’terminu ta’ ħamest ijiem, billi kienu ser ikunu obbligati jippreżentaw appell, fit-termini previsti, kontra kwalunkwe ċaħda impliċita possibbli li jingħatalhom l-istatus ta’ intervenjent f’din il-kawża.

24.      Fl‑10 ta’ Jannar 2022, Atlas Copco Airpower u Atlas Copco kif ukoll Anheuser-Busch Inbev u Ampar ippreżentaw l-appelli, rispettivament, fil-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P.

25.      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Jannar 2022, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali kkonferma li rċieva l-ittra ta’ Soudal u ta’ Esko-Graphics tad‑29 ta’ Diċembru 2021, u ġibed l-attenzjoni tagħhom għall-fatt li l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fil-Kawża T‑263/16 RENV mill-intervenjenti ammessi sabiex jipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/19 P ma kinitx prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

26.      Fit‑28 ta’ Jannar 2022, Soudal u Esko-Graphics ippreżentaw l-appell fil-Kawża C‑74/22 P.

27.      Atlas Copco Airpower u Atlas Copco jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li kienet indirizzata lilhom, u

–        tordna li Atlas Copco Airpower u Atlas Copco jżommu l-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV wara li din il-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Anheuser-Busch Inbev u Ampar jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li kienet indirizzata lilhom, u

–        tordna li Anheuser-Busch Inbev u Ampar jżommu l-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV wara li din il-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Soudal u Esko-Graphics jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li kienet indirizzata lilhom;

–        tordna li l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jiġu inklużi fil-proċess, u

–        tikkonstata li Soudal u Esko-Graphics iżommu l-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV wara li din il-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja.

30.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appelli inammissibbli;

–        fin-nuqqas ta’ dan, tiċħad l-appelli bħala infondati;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

31.      Ma saritx seduta.

V.      Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli fil-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P

32.      Il-Kummissjoni ssostni li l-appelli fil-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P huma inammissibbli sa fejn huma bbażati fuq l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-preżentazzjoni ta’ appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad talba għal intervent; issa f’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti Ġenerali ma adottatx tali deċiżjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li ma tinkludix fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, kif ukoll minn Anheuser-Busch Inbev u Ampar.

33.      Qabelxejn, nirrileva, bħall-Kummissjoni, li l-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 kienet intiża sabiex tinforma lil Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, kif ukoll lil Anheuser-Busch Inbev u Ampar bil-fatt li l-osservazzjonijiet li huma kienu ppreżentaw ma ġewx irreġistrati, peress li dawn ma kinux jikkostitwixxu dokumenti previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, huwa minnu li Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, kif ukoll Anheuser-Busch Inbev u Ampar, ma ppreżentawx talba għal intervent b’mod formali. Minn perspettiva formali, id-deċiżjoni fl-ittra kkontestata għalhekk ma hijiex ċaħda ta’ talba għal intervent, u ma tidhirx, prima facie, li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell skont l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

34.      Madankollu, ma jidhirlix li qari formalistiku ta’ din id-dispożizzjoni huwa sodisfaċenti. Fid-dawl tal-kuntest partikolari ħafna ta’ dawn il-kawżi, ikkaratterizzat b’mod partikolari mill-fatt li kien hemm raġunijiet leġittimi għalfejn il-kumpanniji inkwistjoni setgħu jemmnu li kienu żammew il-kwalità tagħhom bħala intervenjenti fl-istadju tar-rinviju, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma tiċħadx b’mod espliċitu l-kwalità ta’ intervenjenti ma jidhirlix li, fih innifsu, jista’ jeskludi li dan kien fil-fatt il-każ b’mod impliċitu.

35.      Fil-fatt, Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, kif ukoll Anheuser-Busch Inbev u Ampar, ippreżentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, osservazzjonijiet “skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jirrigwardaw il-partijiet fil-proċedura quddiemha. F’dan is-sens, huma jibbażaw ruħhom fuq din il-kwalità, bħala intervenjenti.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tinkludix dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess tinvolvi b’mod impliċitu, iżda neċessarju, deċiżjoni li tiċħad lil Atlas Copco Airpower u Atlas Copco, kif ukoll lil Anheuser-Busch Inbev u Ampar, mill-kwalità ta’ intervenjenti.

37.      Tali deċiżjoni impliċita, li tipproduċi, fil-fehma tiegħi, l-istess effetti bħal deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għal intervent jew bħal deċiżjoni li ttemm intervent, tista’, bl-istess mod bħal din tal-aħħar, tkun is-suġġett ta’ appell abbażi tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

38.      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-interpretazzjoni li jiena nipproponi ta’ din id-dispożizzjoni hija fir-realtà l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja lil dawk li jitolbu li jintervjenu, li l-kwalità tagħhom bħala intervenjenti ġiet irrikonoxxuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fl-aħħar nett, li tiżgura l-effettività tad-dritt li wieħed jintervjeni stabbilit fl-Artikolu 40 ta’ dan l-Istatut, sa fejn l-ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma jkun miftuħ għalihom.

39.      Minn naħa, nemmen li ma jistax jiġi rikjest minn parti li għandha l-kwalità ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tressaq talba formali għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-iskop uniku li sussegwentement tkun tista’ tippreżenta appell mid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din it-talba, meta din il-ħaġa ssir b’mod sistematiku. Fil-fatt, it-talba tibqa’ dejjem iddekaduta peress li evidentement ma tressqitx fis-sitt ġimgħat li jibdew jiddekorru mill-pubblikazzjoni tar-rikors promotur ikkonċernat, kif preskritt fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

40.      Min-naħa l-oħra, dan lanqas ma jikkostitwixxi mezz ta’ rikors possibbli rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm l-istanza, sa fejn tali rikors huwa miftuħ biss għall-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, għall-partijiet li l-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti quddiemha diġà ġiet irrikonoxxuta.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li l-appelli fil-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C‑74/22 P

42.      Il-Kummissjoni ssostni li l-appell fil-Kawża C‑74/22 P huwa inammissibbli. Hija tirrileva, minn naħa, li d-deċiżjoni msemmija fl-appell ma taqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk Soudal u Esko-Graphics ma jistgħux jibbażaw l-appell tagħhom fuq din id-dispożizzjoni.

43.      Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li anki jekk jitqies li l-appell jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “appell ippreżentat skont l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li l-Kummissjoni tikkontesta, l-appell xorta waħda għandu jiġi miċħud, għall-istess raġunijiet bħal dawk imressqa fil-kuntest tal-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P. Skont il-Kummissjoni, tali appell, fi kwalunkwe każ, ġie ppreżentat tard.

44.      Jiena tal-opinjoni li l-appell, sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li d-deċiżjoni appellata la ttemm l-istanza u lanqas hija kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà.

45.      Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-Kawża T‑263/16 RENV ser ikompli quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni appellata, li ma tiddeċiedi dwar l-ebda aspett tat-tilwima fuq il-mertu.

46.      Min-naħa l-oħra, għalkemm in-nuqqas ta’ qbil dwar talba għal intervent jikkostitwixxi kwistjoni proċedurali, dan ma jirrigwardax eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, li huma l-uniċi kwistjonijiet proċedurali msemmija fl-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni huma suġġetti, kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal regoli speċifiċi (2) u huma intiżi sabiex il-qorti adita ttemm tilwima mingħajr ma tidħol fil-mertu tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li dawn jista’ jkollhom l-effett li jtemmu l-istanza jiġġustifika l-għażla li l-appelli ppreżentati minn dawn id-deċiżjonijiet jiġu suġġetti għall-istess sistema li għaliha huma suġġetti l-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza wara li l-qorti tkun taf il-mertu tal-kawża inkwistjoni.

47.      Għall-kuntrarju, il-kwistjonijiet relatati ma’ intervent huma ta’ natura differenti. Kif ġie enfasizzat fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-intervent huwa anċillari għall-kawża prinċipali (3), u d-deċiżjonijiet relatati miegħu bl-ebda mod ma jistgħu jtemmuha.

48.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li d-deċiżjoni appellata ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk l-appell fil-Kawża C‑74/22 P għandu jiġi ddikjarat li huwa inammissibbli f’dan ir-rigward.

49.      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-Qorti tista’, sabiex tagħti effett lil rikors, billi tqis ir-rikors fl-intier tiegħu, tinterpreta rikors lil hinn mit-termini espliċiti indikati mir-rikorrent (4). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat ukoll żewġ aggravji alternattivi, mingħajr ma llimitat ruħha għall-aggravju indikat mill-appellanti (5).

50.      Għalhekk jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, sabiex tagħti effett utli lill-appell, tikklassifika l-appell inkwistjoni bħala “appell ippreżentat skont l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li mit-talbiet tal-partijiet jirriżulta b’mod ċar li, permezz ta’ dan l-appell, huma qegħdin jikkontestaw deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonsisti fiċ-ċaħda tagħhom tal-kwalità ta’ intervenjenti.

51.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-klassifikazzjoni mill-ġdid ma tippermettix li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tal-appell fil-Kawża C‑74/22 P. Bħall-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li dan l-appell, fi kwalunkwe każ, ġie ppreżentat tard.

52.      F’konformità mal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Soudal u Esko-Graphics kellhom jippreżentaw l-appell tagħhom f’terminu ta’ ġimgħatejn li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal intervent jew li ttemm l-intervent, miżjuda b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

53.      Issa, id-deċiżjoni ta’ ċaħda inkwistjoni tinsab fl-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li ġiet ikkomunikata lill-partijiet fis‑17 ta’ Diċembru 2021. Fil-fatt, huwa permezz ta’ din l-ittra li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod impliċitu iżda neċessarju lil Soudal u Esko-Graphics il-kwalità ta’ intervenjenti, u għalhekk l-appell kellu jiġi ppreżentat, l-iktar tard, fl‑10 ta’ Jannar 2022.

54.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-appell huwa inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu.

55.      Din il-konklużjoni ma hija kkontestata mill-ebda wieħed mill-argumenti tal-partijiet li, minn naħa, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell ma huwiex l-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021 iżda dik tal‑11 ta’ Jannar 2022 u, min-naħa l-oħra, li sar żball skużabbli min-naħa ta’ Soudal u ta’ Esko-Graphics.

56.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell, nirrileva li t-tieni ittra tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2022 hija ta’ natura purament konfermattiva. Hija ġurisprudenza stabbilita li deċiżjoni hija purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti meta ma jkun fiha l-ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti (6).

57.      Issa, l-ittra tal‑11 ta’ Jannar 2022 hija risposta għat-talba ta’ Soudal u ta’ Esko-Graphics li jiġi ikkonfermat li għadhom parti mill-proċedura bħala intervenjenti, li fiha l-Qorti Ġenerali sempliċement irrepetiet il-konklużjonijiet li jinsabu fl-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021. Barra minn hekk, nirrileva li Soudal u Esko-Graphics stess, b’risposta għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenfasizzaw li “t-tieni ittra kkonfermat il-kontenut tal-ewwel waħda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

58.      Għaldaqstant, l-ittra tal‑11 ta’ Jannar 2022 tikkostitwixxi biss deċiżjoni konfermattiva tal-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021 u, konsegwentement, ma tistax titqies bħala l-bidu tad-dekorrenza għall-preżentata ta’ appell.

59.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżistenza ta’ żball skużabbli f’dak li jikkonċerna t-terminu għall-preżentata tal-appell abbażi tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod kostanti li, fil-kuntest tar-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu madankollu jinvolvi ċirkustanzi eċċezzjonali biss, b’mod partikolari dawk li fihom l-istituzzjoni tkun adottat aġir tali, fil-konfront tiegħu jew b’mod suffiċjentement determinanti, li joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ parti bona fide fil-kawża, li tkun tista’ turi d-diliġenza kollha mitluba minn persuna normalment avżata (7).

60.      Fil-fehma tiegħi, tali ċirkustanzi ma humiex issodisfatti. Huwa minnu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali inkluża fl-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021, sa fejn din ma tiċħadx b’mod espliċitu l-kwalità ta’ intervenjenti ta’ Soudal u Esko-Graphics, hija ambigwa. Madankollu, din l-ambigwità waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex toħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ parti f’kawża bona fide, li tkun tista’ turi d-diliġenza kollha mitluba minn persuna normalment avżata.

61.      B’mod partikolari, nirrileva li Soudal u Esko-Graphics , bi tweġiba għall-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 indirizzata lilhom, ressqu talba intiża sabiex tiġi kkoreġuta l-ommissjoni li wasslet sabiex ma jiġux ammessi l-osservazzjonijiet tagħhom u tiġi kkonfermata l-kwalità tagħhom bħala intervenjenti.

62.      Iktar importanti minn hekk, nenfasizza li, permezz tal-ittra tagħhom indirizzata lill-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Diċembru 2021, Soudal u Esko-Graphics talbu lill-Qorti Ġenerali tirrispondi għat-talba tagħhom ta’ konferma tal-kwalità tagħhom bħala parti kkonċernata f’terminu ta’ ħamest ijiem, billi, fil-każ ta’ ċaħda tal-Qorti Ġenerali, huma jkunu “kostretti jippreżentaw appell fit-termini stabbiliti mid-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut li jingħatalhom l-istatus ta’ intervenjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

63.      Għaldaqstant, minn dawn l-elementi għandu jiġi dedott li mhux biss Soudal u Esko-Graphics kienu ġustament interpretaw l-ittra tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 bħala li ċaħditilhom b’mod impliċitu, iżda neċessarju, il-kwalità ta’ parti kkonċernata, iżda fuq kollox, li huma kellhom għarfien sħiħ tat-termini li jirregolaw il-preżentata ta’ appell minn tali deċiżjoni, peress li l-intenzjoni primarja tagħhom kienet li jipproċedu għal dan fit-termini stabbiliti.

64.      Il-fatt li dan l-appell ġie ppreżentat wara dawn it-termini għalhekk ma jirriżultax minn żball skużabbli kkawżat mill-ambigwità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fl-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021, iżda biss mill-aġir ta’ Soudal u Esko-Graphics.

65.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li l-appell fil-Kawża C‑74/22 P għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba li ġie ppreżentat tard.

B.      Fuq il-mertu

66.      Qabelxejn, nenfasizza li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-mertu li ser niżviluppa huma validi biss għall-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P, sa fejn jiena nikkunsidra li l-appell ippreżentat fil-Kawża C‑74/22 P għandu jiġi ddikjarat li huwa inammissibbli. Nippreċiża madankollu li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi, il-kunsiderazzjonijiet segwenti huma wkoll trasponibbli għal din il-kawża.

67.      Insostenn tal-appelli tagħhom, Atlas Copco Airpower, Atlas Copco, Anheuser-Busch Inbev u Ampar (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) iqajmu aggravju uniku, maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat il-ġurisprudenza tagħha stess, li tipprovdi li l-partijiet ammessi sabiex jintervjenu fl-appell iżommu l-istatus tagħhom fil-proċedura ta’ rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku, l-appellanti jsostnu barra minn hekk li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħhom, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni “il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”, li hija intiża għall-partijiet awtorizzati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom wara r-rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja, tinkludi wkoll il-partijiet ammessi sabiex jintervjenu fil-proċedura tal-appell.

68.      Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv uniku t-tnejn iqajmu l-kwistjoni tal-kontinwità tal-istatus ta’ intervenjent, ser neżaminahom flimkien.

69.      Ser nibda l-analiżi tiegħi billi nenfasizza li, għalkemm it-testi applikabbli għall-intervent ma humiex inekwivoċi fir-rigward tal-kwistjoni tal-kontinwità tal-kwalità ta’ intervenjent (taqsima 1), il-ġurisprudenza dwar l-intervent madankollu tipprovdi kunsiderazzjonijiet utli favur il-persistenza tal-kwalità ta’ intervenjenti fl-istadju tar-rinviju (taqsima 2). Ser nispjega li, fil-fehma tiegħi, din il-persistenza tirriżulta wkoll mill-kontinwità funzjonali tal-proċeduri fl-appell u fir-rinviju (taqsima 3). Fl-aħħar nett, ser inżid ċerti kunsiderazzjonijiet dwar ir-rabta bejn is-soluzzjoni li nipproponi u l-prattika tal-kawżi msejħa “piloti” (taqsima 4).

1.      Fuq l-ambigwità tat-testi dwar l-intervent

70.      Il-kwistjoni tal-kontinwità tal-istatus ta’ intervenjent rikonoxxut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-proċedura tar-rinviju hija direttament marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jirregola l-proċedura ta’ rinviju wara annullament.

71.      Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tar-rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja (8), meta l-proċedura bil-miktub dwar il-mertu tkun ingħalqet qabel il-proċedura tal-appell. Għalkemm l-espressjoni “partijiet [...] quddiem il-Qorti Ġenerali” tirreferi wkoll għall-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali (9), il-mistoqsija tibqa’ jekk din tindirizzax lill-intervenjenti ammessi fl-istadju tal-appell mill-Qorti tal-Ġustizzja.

72.      Issa, it-testi li jirregolaw l-intervent ma jagħtux tweġiba ċara għal din il-mistoqsija u, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita li tipprevedi l-kontinwità tal-intervent ammess fl-istadju tal-appell, huwa possibbli li wieħed jistaqsi jekk is-silenzju tat-testi għandux jiġi interpretat bħala konferma impliċita tal-estinzjoni tiegħu fi tmiem il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

73.      Din l-interpretazzjoni tista’ tkun imsaħħa mill-fatt li d-dispożizzjonijiet rilevanti jikkonfermaw expressis verbis il-kontinwità tal-intervent f’każijiet simili. Minn naħa, ma hemm l-ebda dubju, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-partijiet ammessi sabiex jintervjenu fil-proċedura fuq il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali huma awtorizzati jintervjenu fil-proċedura tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-intervenjenti fuq il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jintervjenu fil-proċedura tal-appell, sa fejn ikollhom interess jagħmlu dan. L-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti fis-sitwazzjoni inversa, li tikkonferma mingħajr ambigwità l-kontinwità tal-intervent ammess mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell, tista’ tiġi interpretata a contrario, bħala li tikkonferma l-estinzjoni tiegħu.

74.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tista’ tiġi kkontestata. Qabelxejn, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta b’mod ċar li d-dritt ta’ intervent huwa suġġett għall-eżistenza ta’ interess fis-soluzzjoni tat-tilwima min-naħa tal-intervenjenti. Issa, jekk tali interess jeżisti fl-istadju tal-proċedura tal-appell, li l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi b’mod espliċitu, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li dan jintemm fil-mument tar-rinviju, minkejja li l-eżitu tat-tilwima jkun għadu, min-natura tar-rinviju stess, indeterminat (10).

75.      Sussegwentement, għalkemm huwa minnu li skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 40 u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-intervenjenti “privileġġjati” li huma l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu dejjem jintervjenu fil-proċedura tal-appell (11), ma jistax jiġi dedott a contrario minn din id-dispożizzjoni li l-partijiet mhux privileġġjati qatt ma jistgħu jintervjenu, iżda biss li dan l-intervent huwa suġġett għall-eżistenza ta’ interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

76.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-interess ipprovat tal-intervenjent fis-soluzzjoni tat-tilwima, ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell, l-impossibbiltà li titressaq b’mod utli talba ġdida għal intervent fil-proċedura ta’ rinviju taħt piena ta’ dekadenza (12) tista’ tiġi interpretata bħala konferma impliċita tan-natura kontinwa tal-intervent.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li t-testi ma jippermettux, waħedhom, li tingħata risposta għall-mistoqsija tal-kontinwità tal-kwalità ta’ intervenjent fl-istadju tal-proċedura tar-rinviju. Għalhekk ser neżamina l-problema dwar it-tul tal-intervent, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li fil-fehma tiegħi tinkludi elementi utli biex tiġi mwieġba l-mistoqsija magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Fuq il-ġurisprudenza dwar it-tul ta’ żmien tal-intervent

78.      Prima facie, is-soluzzjonijiet adottati mill-ġurisprudenza jistgħu jidhru li huma kontradittorji. Madankollu, dawn huma fformulati b’mod koerenti fid-dawl tal-interess fis-soluzzjoni tat-tilwima li fuqu huwa bbażat id-dritt għal intervent.

79.      L-ewwel waħda minn dawn is-soluzzjonijiet tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li fuqha jibbażaw ruħhom l-appellanti, li l-partijiet ammessi sabiex jintervjenu fl-appell iżommu l-istatus tagħhom fil-proċedura tar-rinviju, u dan jippermettilhom, b’mod partikolari, li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din is-soluzzjoni ma hijiex ibbażata fuq żewġ sentenzi iżolati li stabbilixxewha u kkonfermawha b’mod espliċitu (13), iżda tista’ tiġi dedotta wkoll mit-trattament tal-intervenjenti f’diversi kawżi rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali (14). F’konformità mar-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-kawża Spanja et vs Il‑Kummissjoni (15), din is-soluzzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sa fejn tiffavorixxi l-kontinwità tat-tilwima wara r-rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

80.      It-tieni waħda minn dawn is-soluzzjonijiet fil-ġurisprudenza tippermetti lill-partijiet fit-tilwima jinvokaw l-inammissibbiltà ta’ intervent ammess fi stadju preċedenti tal-proċedura. L-ammissjoni minn qabel tal-intervenjenti fit-tilwima ma tipprekludix li jsir eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tiegħu, la matul il-proċedura fuq il-mertu (16) u lanqas fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell (17). Minn dan isegwi li d-dritt ta’ intervent qatt ma jiġi akkwistat b’mod definittiv u jista’ jiġi kkontestat f’każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi li twassal għat-telf ta’ interess fis-soluzzjoni tat-tilwima (18).

81.      Jiena nenfasizza li dawn is-soluzzjonijiet fil-ġurisprudenza ma jirriżultawx b’mod espliċitu mit-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, huma sostnuti mil-loġika li fuqha huwa bbażat id-dritt ta’ intervent, li r-rikonoxximent tiegħu huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima (19). Fil-fatt, ir-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali tista’ tammetti għall-proċedura tar-rinviju intervenjenti li kienu ġew ammessi għall-proċedura ta’ appell hija li dan l-interess jibqa’ attwali, fil-prinċipju, sas-soluzzjoni definittiva tat-tilwima. Huwa minħabba t-telf possibbli ta’ dan l-interess matul il-kawża, ikkawżat minn bidla possibbli fiċ-ċirkustanzi, li l-partijiet jistgħu jikkontestaw f’kull mument tal-proċedura l-ammissibbiltà ta’ intervent ammess preċedentement.

82.      Għaldaqstant, mit-testi u mill-ġurisprudenza dwar l-intervent jirriżulta li l-istatus ta’ intervenjent jagħti lill-persuna kkonċernata dritt proċedurali u l-garanziji proċedurali relatati, li jirriflettu l-interess tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima, u li dan l-istatus jista’ jiġi kkontestat f’każ li bidla ulterjuri fiċ-ċirkustanzi twassal għat-telf tal-interess inkwistjoni.

83.      Fil-każ ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali segwit minn rinviju, isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-parti ammessa fl-istadju tal-appell għandha żżomm, fil-prinċipju, il-kwalità tagħha li tintervjeni, sa fejn l-interess li hija għandha fl-eżitu tal-appell jibqa’ neċessarjament attwali sas-soluzzjoni definittiva tal-kawża.

3.      Fuq il-kontinwità funzjonali tal-proċedura waqt ir-rinviju

84.      Din il-persistenza tal-interess fis-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta barra minn hekk mill-kontinwità funzjonali bejn il-proċedura tal-appell u l-proċedura tar-rinviju, fejn it-tieni waħda sservi sabiex jinsiltu l-konsegwenzi tal-ewwel waħda.

85.      Minn naħa, l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jiżvela din il-kontinwità, peress li jirriżerva lill-Qorti Ġenerali d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż sostnuti mill-intervenjent fil-proċedura tal-appell, sa fejn il-merti tal-intervent ikunu jistgħu jiġu evalwati b’mod sħiħ biss fil-mument tar-riżoluzzjoni definittiva tat-tilwima.

86.      Min-naħa l-oħra, jidhirli li tali kontinwità tirriżulta wkoll mill-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kawża fuq il-mertu fl-eżitu tal-appell, peress li r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jsir biss meta l-kawża ma tkunx fi stat li tiġi deċiża. Tali rinviju huwa għalhekk kompletament dipendenti fuq il-progress tat-trattament tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u ma jistax jitqies, fil-fehma tiegħi, li kawża li hija s-suġġett ta’ rinviju hija distinta mill-appell li ordna r-rinviju tagħha, minkejja li l-proċedura hija neċessarjament ikkunsidrata bħala unika meta tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja.

87.      F’dan ir-rigward nirrileva li, kieku l-persistenza tal-kwalità ta’ intervenjent fl-istadju tar-rinviju kellha tiġi miċħuda, dan iwassal neċessarjament għal nuqqas ta’ simetrija fit-trattament irriżervat għall-partijiet li ġew ammessi sabiex jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-istat li fih tkun tinsab il-kawża fi tmiem il-proċedura tal-appell. F’każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-mertu wara l-appell, il-partijiet li huma ammessi fl-appell huma b’hekk awtorizzati jintervjenu sar-riżoluzzjoni definittiva tat-tilwima. Fil-każ kuntrarju, huma jitilfu l-istatus tagħhom fil-proċedura tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, xejn ma jiġġustifika tali differenzjazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti tal-intervenjenti. Barra minn hekk, fil-każ ta’ appell ieħor wara r-rinviju, din is-soluzzjoni tista’ twassal għal żewġ interventi suċċessivi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li teskludi lill-parti kkonċernata mid-dibattitu li sadanittant iseħħ quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-frammentazzjoni tal-istatus kontenzjuż li tirriżulta minn dan tidher diffiċli li tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-dritt ta’ intervent, li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni tal-interess tal-intervenjent fis-soluzzjoni tat-tilwima, u fuq il-kontinwità funzjonali bejn il-proċedura tal-appell u mbagħad dik tar-rinviju.

88.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet sistemiċi, ibbażati fuq il-koerenza tas-soluzzjonijiet adottati mill-ġurisprudenza, u tal-kontinwità stabbilita bejn il-proċedura tal-appell u r-rinviju sussegwenti, fil-fehma tiegħi jisħqu favur iż-żamma tal-intervent wara r-rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għat-telf possibbli tal-interess li wieħed jintervjeni li jirriżulta minn bidla ulterjuri fiċ-ċirkustanzi.

4.      Kunsiderazzjonijiet addizzjonali relatati mal-prattika tal-“kawżi piloti”

89.      Bħala tfakkira, il-prattika tal-kawżi msejħa piloti tikkonsisti f’li jiġi żgurat trattament prijoritarju tal-kawża inkwistjoni, filwaqt li l-proċeduri pendenti fil-kawżi simili jiġu sospiżi sakemm din tiġi riżolta. Billi tiffavorixxi l-konċentrazzjoni tad-dibattitu kontenzjuż, din il-prattika tfittex li tiżgura trattament omoġenju u effikaċi ta’ sensiela ta’ kawżi simili, filwaqt li tippermetti li jiġu ffrankati r-riżorsi mill-Qorti Ġenerali.

90.      It-trattament irriżervat f’dan il-każ lill-appellanti jista’ għalhekk jiġi spjegat mir-rieda tal-Qorti Ġenerali li tipprevjeni dewmien possibbli li jirriżulta mill-ammissjoni tal-interventi fl-istadju tar-rinviju. Madankollu, is-soluzzjoni li nipproponi ma jidhirlix li tista’ taffettwa l-istatus prijoritarju rrikonoxxut f’dan il-każ fil-kawża Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑263/16), li ġiet indikata mill-Qorti Ġenerali bħala kawża pilota, u li l-appellanti qegħdin ifittxu li jintervjenu fiha.

91.      B’mod partikolari, huwa diffiċli li naqbel mal-argument tal-Kummissjoni li l-ammissjoni tal-interventi fil-kawża pilota tar-rinviju twassal sabiex “tiġi evitata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] is-sospensjoni tal-proċedura fil-Kawżi T‑278/16 u T‑370/16, mibdija permezz tar-rikorsi ppreżentati mill-appellanti. L-ammissibbiltà ta’ intervent għandha tiġi evalwata indipendentement mid-destin tal-persuna kkonċernata bħala parti prinċipali f’kawża oħra, sakemm l-eżitu ta’ dik il-kawża ma jaffettwax l-interess tagħha li tintervjeni. B’mod partikolari, hija ġurisprudenza stabbilita li l-esklużjoni ta’ rikorrent, li tipprekludih milli jikkontesta d-deċiżjoni li tagħha huwa d-destinatarju permezz ta’ rikors dirett, ma twaqqfux milli jintervjeni fi proċeduri mibdija minn destinatarju ieħor tal-istess deċiżjoni (20). Jekk it-talba għal intervent ammessa taħt dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix ikkunsidrata bħala tentattiv biex jiġi evitat it-terminu tar-rikors, dan huwa minħabba li l-ammissibbiltà tal-intervent hija evalwata esklużivament fuq il-bażi tal-interess tal-parti li tressaq it-talba fis-soluzzjoni tat-tilwima.

92.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, l-għan li jiġi żgurat trattament effikaċi tal-kawża pilota (21) ma jidhirlix li jiġġustifika ċ-ċaħda tal-istatus ta’ intervenjent, li r-rikonoxximent tiegħu jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tipparteċipa fit-tilwima u l-garanziji li jirriżultaw minnu.

93.      F’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn l-intervenjenti huma fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża pilota, jidher barra minn hekk xieraq li d-dibattitu kontenzjuż jiġi kkonċentrat billi jiġi ammess l-intervent tal-partijiet li jinvokaw interess dirett fis-soluzzjoni tat-tilwima, peress li dan huwa determinanti għall-eżitu tal-kawżi sospiżi.

VI.    Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell fil-Kawża C‑74/22 P bħala inammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea inkluża fl-ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawżi C‑31/22 P u C‑32/22 P.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      L-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


3      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


4      Digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2011, Verein Deutsche Sprache vs Il‑Kunsill (C‑93/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:429, punti 20 u 21).


5      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 27 u 28).


6      Sentenzi tal‑14 ta’ April 1970, Nebe vs Il‑Kummissjoni (24/69, EU:C:1970:22, punt 145), u tal‑10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni (23/80, EU:C:1980:284), kif ukoll id-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni (C‑521/03 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:778, punt 41).


7      Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 26), u d-digriet tal‑14 ta’ Jannar 2010, SGAE vs Il‑Kummissjoni (C‑112/09 P, EU:C:2010:16, punt 20).


8      Tapplika dispożizzjoni simili fil-każ ta’ rinviju wara eżami mill-ġdid (l-Artikolu 222(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali).


9      L-Artikolu 1(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


10      F’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali fi tmiem il-proċedura ta’ appell jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix hija stess definittivament il-kawża, peress li din tal-aħħar ma tkunx fi stat li tiġi deċiża.


11      Ara, Muguet-Poullenec, G., u Domenicucci, D. P., “L’intervention devant le Tribunal après l’entrée en vigueur du nouveau règlement de procédure : entre droit d’ingérence et urgence judiciaire”, Revue Lamy de la concurrence, Nru 45, 2015.


12      L-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ara, ukoll, il-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1993, Gill vs Il‑Kummissjoni (T‑43/89 RV, EU:T:1993:24), u tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2019, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14 RENV, EU:T:2019:668); tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966); tal‑21 ta’ Novembru 2018, Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑545/11 RENV, EU:T:2018:817); tal‑25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill (T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26); tal‑15 ta’ Diċembru 2016, DEI vs Il‑Kummissjoni, T‑169/08 RENV, EU:T:2016:733); tat‑2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni (T‑425/04 RENV u T-444/04 RENV, EU:T:2015:450), u tal‑14 ta’ April 2015, Ayadi vs Il‑Kummissjoni (T‑527/09 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2015:205).


15      Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020 (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434, il-punt 65).


16      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1999, Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (T‑158/96, EU:T:1999:335, punt 33); tal‑10 ta’ Frar 2000, Nederlandse Antillen vs Il‑Kummissjoni (T‑32/98 u T‑41/98, EU:T:2000:36; punt 30); tad‑9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni (T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punt 95), u tat‑12 ta’ April 2019, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni (T‑492/15, EU:T:2019:252, punt 98).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 52), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas f’din il-kawża (EU:C:1997:358, punti 10 sa 17).


18      Bħala eżempju, kumpannija omm li tintervjeni f’tilwima dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil waħda mis-sussidjarji tagħha tista’ titlef il-kwalità tagħha li tintervjeni wara l-bejgħ tal-kumpannija li bbenefikat mill-għajnuna kontenzjuża.


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punti 64 u 65).


20      Bħala eżempju, ara d-digriet tas‑17 ta’ Frar 2010, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni (T‑587/08, EU:T:2010:42), punti 30 sa 32.


21      Fid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2019, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et (C‑597/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:743), il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi f’dan il-kuntest ir-riskju li l-interventi jippreżentaw għat-trattament tal-kawżi pilota. L-osservazzjonijiet magħmula f’dan ir-rigward fil-punt 19 ta’ dan id-digriet madankollu ma jidhirlix li huma deċiżivi. Id-digriet inkwistjoni ngħata f’kuntest fattwali sostanzjalment differenti mill-kawżi eżaminati f’dan il-każ, fl-okkażjoni ta’ kawża għad-danni, peress li ċ-ċaħda tat-talbiet għal intervent kienet iddettata mill-assenza ta’ interess dirett fis-soluzzjoni tat-tilwima min-naħa tal-partijiet li ressqu t-talba (ara l-punti 14 sa’ 17 tal-imsemmi digriet). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat l-impatt possibbli tal-interventi fuq it-trattament tal-kawża pilota biss fuq bażi anċillari.