|
22.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 17/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-21 ta’ Jannar 2008
li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għan-nefqa mġarrba mill-Ġermanja fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda għall-ġlieda kontra t-tifqigħa ta’ l-influwenza tat-tjur fl-2003
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 144)
(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)
(2008/67/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3, il-paragrafu 3 u l-Artikolu 3(a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Seħħew tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2003. Il-feġġ ta’ din il-marda jista’ jirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. |
|
(2) |
Biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda u biex tinqered kemm jista’ jkun malajr, il-Komunità għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru skond il-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tkun ikkumbattuta l-marda, kif previst fid-Deċiżjoni 90/424/KEE. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/51/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità fl-ambitu tal-qerda ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2003 (2) allokat kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lill-Ġermanja għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra din l-influwenza fl-2003. |
|
(4) |
Skond dik id-Deċiżjoni, sar l-ewwel pagament ta’ EUR 135 000. |
|
(5) |
Skond dik id-Deċiżjoni, il-bilanċ tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandu jkun ibbażat fuq it-talba mressqa mill-Ġermanja fil-25 ta’ Frar 2004, dokumenti ta’ sostenn ta’ l-ispejjeż imsemmija fit-talba u r-riżultati tal-verifiki finanzjarji mwettqa fuq il-post mill-Kummissjoni. L-ammont imsemmi fit-talba ta’ kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ l-2003 kienet ta’ EUR 514 392,42 iżda l-kontribut finanzjarju tal-Komunità ma jistax taqbeż il-50 % tan-nefqa eliġibbli. |
|
(6) |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, issa jeħtieġ li jiġi stipulat l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-infiq li sar bil-ħsieb ta’ l-eradikazzjoni tat-tifqigħa ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2003. |
|
(7) |
Il-konklużjoni tar-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli veterinarji tal-Komunità u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji ma jippermettux li l-ammont kollu tan-nefqa mressaq jiġi rikonoxxut bħala eliġibbli. |
|
(8) |
L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodu tagħha għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli ġew ikkomunikati lill-Ġermanja permezz ta’ ittra bid-data tal-21 ta’ Novembru 2007. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-infiq marbut ma’ l-eradikazzjoni tat-tifqigħa ta’ l-influwenza tat-tjur fil-Ġermanja fl-2003, dovut skond id-Deċiżjoni 2004/51/KE, huwa stipulat għal EUR 239 196,53.
Billi diġà ngħata l-ewwel pagament ta’ EUR 135 000 skond id-Deċiżjoni 2004/51/KE, il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità huwa stipulat għal EUR 104 196,53.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Jannar 2008.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċizjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/965/KE (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22).
(2) ĠU L 10, 16.1.2004, p. 60. Din id-Deċiżjoni ma ġietx ippubblikata bil-Malti.