European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1356

22.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1356 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Iż-żona Schengen inħolqot biex tinkiseb żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-funzjonament tajjeb ta’ dik iż-żona jiddependi fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-ġestjoni effiċjenti tal-fruntiera esterna.

(2)

Ir-regoli li jirregolaw il-kontroll fil-fruntieri ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Minkejja l-miżuri ta’ sorveljanza tal-fruntieri li huma applikati, l-Istati Membri jistgħu jiffaċċaw qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jevitaw il-verifiki fil-fruntieri. Sabiex tiġi żviluppata aktar il-politika tal-Unjoni bil-ħsieb li jitwettqu kontrolli fuq persuni u jiġi ssorveljat b’mod effiċjenti l-qsim tal-fruntieri esterni msemmija fl-Artikolu 77(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), miżuri addizzjonali jenħtieġ li jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni, fejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u fejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f’punt ta’ qsim tal-fruntiera mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul. Dan ir-Regolament jikkomplementa r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward ta’ dawk is-sitwazzjonijiet. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li, f’dawk is-sitwazzjonijiet, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu skrinjati, sabiex tiġi ffaċilitata identifikazzjoni xierqa u sabiex ikunu jistgħu jiġu riferuti b’mod effiċjenti għall-proċeduri xierqa li, skont iċ-ċirkostanzi, jistgħu jkunu l-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali jew proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Jenħtieġ li l-iskrinjar ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkomplementa mingħajr xkiel il-verifiki mwettqa fil-fruntiera esterna jew jikkumpensa għall-fatt li dawk il-verifiki ma jkunux saru meta qasmu l-fruntiera esterna.

(3)

Il-kontrolli fil-fruntieri mhumiex biss fl-interess tal-Istati Membri li fil-fruntieri esterni tagħhom isiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-kontrolli fil-fruntieri jenħtieġ li jgħinu biex titnaqqas il-migrazzjoni illegali, biex tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin u biex tiġi evitata kull theddida għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri. Meta jwettqu kontrolli fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali rilevanti, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, bl-obbligi relatati mal-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u bi drittijiet fundamentali. Bħala tali, il-miżuri meħuda fil-fruntieri esterni huma elementi importanti ta’ approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, li jippermetti li l-Istati Membri jindirizzaw l-isfida ta’ wasliet imħallta ta’ migranti irregolari u persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/399, il-kontrolli fil-fruntieri jikkonsistu minn verifiki fil-fruntieri mwettqa fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera u sorveljanza fil-fruntieri, li jitwettqu bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera, sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jitħallewx jaqsmu l-fruntieri mingħajr awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament jew ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fil-fruntieri. Skont id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza fil-fruntieri fir-Regolament (UE) 2016/399, persuna li tkun qasmet fruntiera b’mod mhux awtorizzat u li ma jkollhiex dritt li tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinqabad u tkun soġġetta għall-proċeduri skont id-Direttiva 2008/115/KE. Skont ir-Regolament (UE) 2016/399, il-kontrolli fil-fruntieri għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tar-refuġjati u tal-persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tan-non-refoulement.

(5)

Il-gwardji tal-fruntiera spiss jiffaċċaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitolbu protezzjoni internazzjonali mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar, kemm wara li jinqabdu waqt sorveljanza fil-fruntieri kif ukoll waqt verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Barra minn hekk, f’xi sezzjonijiet tal-fruntiera l-gwardji tal-fruntiera jiffaċċaw għadd kbir ta’ wasliet fl-istess ħin. F’ċirkostanzi bħal dawn, huwa partikolarment diffiċli u importanti li jiġi żgurat li jiġu kkonsultati l-bażijiet tad-data rilevanti kollha u li tiġi ddeterminata l-proċedura xierqa kemm jista’ jkun malajr.

(6)

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li huma jiġu riferuti għall-proċeduri xierqa mill-aktar fis possibbli u li dawk il-proċeduri jitkomplew mingħajr interruzzjoni jew dewmien. Fl-istess ħin, l-iskrinjar jenħtieġ li jgħin biex tiġi miġġielda l-prattika li biha xi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jaħarbu wara li jkunu ġew awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tat-talba tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, sabiex jagħmlu talbiet bħal dawn fi Stat Membru ieħor jew inkella ma jagħmluhomx.

(7)

Jenħtieġ li l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali jkun segwit minn eżami tal-ħtieġa għall-protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li dan jippermetti l-ġbir u l-qsim mal-awtoritajiet kompetenti għal dak l-eżami ta’ kwalunkwe informazzjoni li hija rilevanti biex dawn tal-aħħar jidentifikaw il-proċedura xierqa għall-eżami tal-applikazzjoni mingħajr preġudizzju dwar it-tip ta’ proċedura, u b’hekk jitħaffef dak l-eżami. Jenħtieġ ukoll li l-iskrinjar jikkontribwixxi għall-identifikar ta’ persuni vulnerabbli sabiex kwalunkwe ħtieġa speċjali titqies b’mod sħiħ fid-determinazzjoni tal-proċedura applikabbli u fit-twettiq tagħha.

(8)

L-obbligi fuq l-Istati Membri li jirriżultaw minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi irrispettivament jekk ikunux għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru, ħlief għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex meħtieġ li jieħu d-data bijometrika skont ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għal raġunijiet oħra għajr l-età tagħhom, kif ukoll għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu żbarkaw wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul stipulati fir-Regolament (UE) 2016/399. Għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu żbarkaw wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali rigward l-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal dawk il-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul jew fejn ċittadini ta’ pajjiż terz, wara li jkunu ġew awtorizzati jidħlu skont ir-Regolament (UE) 2016/399 għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali, jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

(10)

L-iskrinjar jenħtieġ li jitwettaq fi kwalunkwe post adegwat u xieraq deżinjat minn kull Stat Membru, li ġeneralment jinsab fil-fruntiera esterna jew qrib tagħha jew, alternattivament, f’postijiet oħra fit-territorju, filwaqt li jitqiesu l-ġeografija u l-infrastrutturi eżistenti, u filwaqt li jiġi żgurat li l-iskrinjar ikun jista’ jitwettaq mingħajr dewmien. L-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri, li jkunu qasmu fruntiera esterna biex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri b’mod mhux awtorizzat u li ma jkunux diġà ġew soġġetti għal skrinjar fi Stat Membru, jenħtieġ li jitwettaq fi kwalunkwe post adegwat u xieraq deżinjat minn kull Stat Membru fit-territorju tiegħu.

(11)

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar jenħtieġ jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet tal-iskrinjar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom biex tiġi żgurata il-preżenza ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-postijiet matul l-iskrinjar sabiex jiġi evitat li jaħarbu. Fejn ikun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali ta’ kull każ, l-Istati Membri jistgħu jżommu f’detenzjoni persuna soġġetta għall-iskrinjar, sakemm ma jkunux jistgħu jiġu applikati miżuri alternattivi inqas koerċittivi b’mod effettiv. Id-detenzjoni jenħtieġ li tiġi applikata biss bħala miżura tal-aħħar istanza f’konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità u jenħtieġ li tkun soġġetta għal rimedju effettiv, f’konformità mal-liġi nazzjonali, dik tal-Unjoni u dik internazzjonali. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, u r-regoli rilevanti dwar id-detenzjoni stipulati fid-Direttiva 2008/115/KE, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux għamlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jenħtieġ li japplikaw matul l-iskrinjar.

(12)

Kull meta jkun jidher ċar matul l-iskrinjar li ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal tali skrinjar jissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399, jenħtieġ li l-iskrinjar jintemm u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun awtorizzat jidħol fit-territorju, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ penali għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim ta’ fruntiera jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti kif imsemmi f’dak ir-Regolament.

(13)

Fid-dawl tal-għan tad-derogi mill-kundizzjonijiet tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399, jenħtieġ li l-persuni li d-dħul tagħhom ikun ġie awtorizzat minn Stat Membru f’konformità ma’ tali derogi skont dak ir-Regolament f’deċiżjoni individwali, ma jkunux soġġetti għall-iskrinjar anke jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha għad-dħul, sakemm ma jagħmlux applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

(14)

Jenħtieġ li ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz soġġetti għall-iskrinjar jiġu soġġetti għal verifiki, sabiex tiġi identifikata jew verifikata l-identità tagħhom u biex jiġi verifikat jekk jistgħux ikunu ta’ riskju għas-sigurtà interna jew theddida għas-saħħa pubblika. Fil-każ ta’ persuni li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’punti ta’ qsim tal-fruntiera, jenħtieġ li jitqiesu l-verifiki tal-identità u tas-sigurtà mwettqa fil-kuntest tal-verifiki fil-fruntieri biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ verifiki.

(15)

Mat-tlestija tal-iskrinjar, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jenħtieġ li jew jiġu riferuti għall-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew ikunu soġġetti għal proċeduri li jikkonformaw mad-Direttiva 2008/115/KE, kif xieraq. L-informazzjoni rilevanti miksuba matul l-iskrinjar jenħtieġ li tingħata lill-awtoritajiet kompetenti biex tappoġġa l-valutazzjoni ulterjuri ta’ kull każ individwali, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Fejn meħtieġ, il-verifiki stabbiliti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkomplu mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi fil-proċedura li tirriżulta. Il-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva 2008/115/KE jenħtieġ li jibdew japplikaw biss wara li jkun intemm l-iskrinjar. Id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet tal-protezzjoni internazzjonali tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jenħtieġ li japplikaw biss wara li l-iskrinjar ikun intemm. Dak għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fil-mument li jinqabdu, waqt il-kontroll fil-fruntieri fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera jew waqt l-iskrinjar, jenħtieġ li jitqiesu bħala applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u r-Regolament (UE) 2024/1348 u d-Direttiva (UE) 2024/1346 jenħtieġ li japplikaw għalihom.

(16)

Il-persuni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali li għalihom l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw jew ma jistgħux jibqgħu japplikaw proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera f’konformità mad-dispożizzjoni dwar l-eċċezzjonijiet għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera fir-Regolament (UE) 2024/1348 jenħtieġ li, bħala regola, ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju.

(17)

L-iskrinjar jista’ jiġi segwit ukoll minn rilokazzjoni skont il-mekkaniżmu għas-solidarjetà stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/1351 jew mekkaniżmu ta’ solidarjetà eżistenti ieħor.

(18)

F’konformità mal-preżunzjoni fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-durata tas-soġġorn stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-dħul u l-awtorizzazzjoni tad-dħul huma espressi b’timbru tad-dħul f’dokument tal-ivvjaġġar. Għalhekk, in-nuqqas ta’ tali timbru tad-dħul jew in-nuqqas ta’ dokument tal-ivvjaġġar jista’ jitqies bħala indikazzjoni li d-detentur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tad-dħul. Mal-bidu tat-tħaddim tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (EES) li jwassal għas-sostituzzjoni tat-timbri b’entrata fl-EES, dik il-preżunzjoni ser issir aktar affidabbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-iskrinjar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jinsabu fit-territorju tagħhom u li ma jistgħux jippruvaw li huma ssodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri. L-iskrinjar ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa meħtieġ sabiex jikkumpensa għall-fatt li preżumibbilment irnexxielhom jevitaw il-verifiki tad-dħul mal-wasla tagħhom fiż-żona Schengen u għalhekk ma setgħux jiġu rrifjutati d-dħul jew riferuti għall-proċedura xierqa wara l-iskrinjar. It-twettiq tal-iskrinjar jista’ tgħin ukoll fl-aċċertament, permezz tal-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data msemmija f’dan ir-Regolament, li l-persuni kkonċernati ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà interna. Sa tmiem l-iskrinjar fit-territorju, jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati jkunu soġġetti għal proċedura ta’ ritorn jew, meta japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali, għall-proċedura ta’ ażil xierqa. Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ma jiġux soġġetti għal skrinjar ripetut.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu joqogħdu lura milli jwettqu l-iskrinjar fit-territorju jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom jintbagħat lura, immedjatament wara li jinqabad, lejn Stat Membru ieħor skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew skont oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali. F’dan il-każ, l-Istat Membru li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun intbagħat lura lejh jenħtieġ li jwettaq l-iskrinjar mingħajr dewmien.

(20)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkopru l-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suspettati li jkunu qed jirrisjedu fi Stat Membru illegalment fejn hemm tali identifikazzjoni sabiex tiġi riċerkata, fi żmien qasir iżda raġonevoli, l-informazzjoni li tippermetti d-determinazzjoni tal-illegalità jew tal-legalità tas-soġġorn.

(21)

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kontrolli fil-fruntieri applikabbli fil-fruntieri interni tal-Istati Membri fejn tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni biex jitneħħew tali kontrolli, jenħtieġ li l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat ta’ tali fruntieri interni fejn il-kontrolli jkunu għadhom ma tneħħewx, isegwi r-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament għall-iskrinjar fit-territorju u mhux ir-regoli stabbiliti għall-iskrinjar fil-fruntiera esterna.

(22)

Jenħtieġ li l-iskrinjar fil-fruntiera esterna jitlesta kemm jista’ jkun malajr, u jenħtieġ li ma jaqbiżx sebat ijiem. Jenħtieġ li l-iskrinjar fit-territorju jitlesta kemm jista’ jkun malajr, u jenħtieġ li ma jaqbiżx tlett ijiem. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jinżammux milli jlestu l-iskrinjar fil-fruntiera esterna u l-iskrinjar fit-territorju f’perjodi iqsar, dment li jitwettqu l-verifiki previsti f’dan ir-Regolament.

(23)

L-iskrinjar huwa parti mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. L-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, stabbilit, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, bir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), b’mod partikolari jista’ jiġi mobilizzat biex jipprovdi appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istati Membri li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, f’konformità mar-regoli li jirregolaw l-użu ta’ dak l-Istrument u mingħajr preġudizzju għal prijoritajiet oħra sostnuti minnu.

(24)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-iskrinjar, jenħtieġ li jiġi żgurat qafas aktar b’saħħtu għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fid-dispożizzjoni tal-implementazzjoni ta’ kontroll tar-Regolament (UE) 2016/399, l-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri tal-ażil u għall-akkoljenza tal-applikanti, l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, u l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri ta’ ritorn li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu użu mill-appoġġ tal-aġenziji rilevanti, b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (“l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta”) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) (l-“Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil”), fil-limiti tal-mandati tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-detezzjoni u l-identifikar tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin kull fejn l-iskrinjar jiżvela fatti rilevanti għat-traffikar f’konformità mad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(25)

Matul l-iskrinjar, l-aħjar interessi tat-tfal jenħtieġ li dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja f’konformità mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). L-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal, kull fejn ikun neċessarju, jenħtieġ li jkunu involuti mill-qrib fl-iskrinjar biex jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal jitqiesu kif xieraq matul l-iskrinjar. Jenħtieġ li jinħatar rappreżentant biex jirrappreżenta u jassisti lill-minuri mhux akkumpanjat matul l-iskrinjar jew, fejn rappreżentant ma jkunx ġie maħtur, jenħtieġ li tiġi deżinjata persuna mħarrġa biex tissalvagwardja l-aħjar interessi u l-benesseri ġenerali tal-minuri. Fejn ikun applikabbli, dak ir-rappreżentant jenħtieġ li jkun l-istess bħar-rappreżentant li għandu jinħatar f’konformità mar-regoli ta’ minuri mhux akkumpanjati fid-Direttiva (UE) 2024/1346. Il-persuna mħarrġa jenħtieġ tkun il-persuna maħtura biex provviżorjament taġixxi bħala rappreżentant skont dik id-Direttiva, meta dik il-persuna tkun ġiet deżinjata.

(26)

Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem, u jenħtieġ li ma jiddiskriminawx kontra persuni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, inkluż il-Karta, matul l-iskrinjar, kull Stat Membru jenħtieġ li jipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u jistabbilixxi salvagwardji adegwati għall-indipendenza tiegħu bħar-rispett tal-Prinċipji ta’ Pariġi, adottati mir-Riżoluzzjoni 48/134 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Diċembru 1993, tal-Prinċipji ta’ Venezja, adottati mill-Kummissjoni ta’ Venezja fil-118-il Sessjoni Plenarja tagħha tal-15–16 ta’ Marzu 2019, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta’ Diċembru 2020 dwar ir-rwol tal-Ombudsman u istituzzjonijiet medjaturi fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt,u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottat fit-18 ta’ Diċembru 2002 fis-sebgħa u ħamsin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tar-riżoluzzjoni A/RES/57/199 (“OPCAT”). Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkollhom rikors għal mekkaniżmi nazzjonali diġà eżistenti ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ previst minn kull Stat Membru jkopri b’mod partikolari r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-iskrinjar, kif ukoll ir-rispett għar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli fir-rigward tad-detenzjoni u l-konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement. Jenħtieġ li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (15) (l-“Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali”) tistabbilixxi gwida ġenerali dwar l-istabbiliment u l-funzjonament indipendenti ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jitolbu l-appoġġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex jiżviluppaw il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jitħallew jiksbu parir mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tal-istabbiliment tal-metodoloġija għal dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ nazzjonali tagħhom u fir-rigward ta’ miżuri ta’ taħriġ xierqa. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jitħallew jistiednu organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u nongovernattivi rilevanti u kompetenti biex jipparteċipaw fil-monitoraġġ. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali pprovdut mill-osservaturi tad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fir-Regolament (UE) 2019/1896, il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-fini tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif stipulat fir-Regolament (UE) 2021/2303, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 (16) u l-monitoraġġ imwettaq minn korpi eżistenti ta’ monitoraġġ nazzjonali jew internazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali matul l-iskrinjar, inkluż billi jiżguraw li l-ilmenti jiġu ttrattati malajr u b’mod xieraq.

(28)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jgħammru l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti b’mezzi finanzjarji xierqa.

(29)

Is-sempliċi eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji f’każijiet individwali jew sistemi nazzjonali li jissorveljaw l-effiċjenza tal-iskrinjar mhijiex biżżejjed biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali skont dan ir-Regolament.

(30)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-iskrinjar jimlew formola tal-l-iskrinjar. Jenħtieġ li l-formola tiġi trażmessa bi kwalunkwe mezz adegwat, inkluż mezzi diġitali, lill-awtoritajiet li jirreġistraw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew lill-awtoritajiet kompetenti għall-proċeduri ta’ ritorn, skont lil min il-persuna tiġi riferuta.

(31)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet meħuda f’konformità mal-liġi nazzjonali bil-ħsieb li tistabbilixxi l-identità tal-persuna kkonċernata jew li tivvaluta t-theddid possibbli għas-sigurtà interna.

(32)

Jenħtieġ li l-informazzjoni fil-formola tal-iskrinjar tiġi rreġistrata b’tali mod li tkun miftuħa għal rieżami amministrattiv u ġudizzjarju matul kwalunkwe proċedura sussegwenti ta’ ażil jew ritorn. Jenħtieġ li l-persuna soġġetta għall-iskrinjar ikollha l-possibbiltà tindika lill-awtoritajiet tal-iskrinjar li l-informazzjoni li tinsab fil-formola mhijiex korretta. Jenħtieġ li kwalunkwe indikazzjoni bħal din tiġi rreġistrata fil-formola tal-iskrinjar mingħajr ma ddewwem it-tlestija tal-iskrinjar.

(33)

Jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-iskrinjar tkun disponibbli f’format stampat jew elettroniku lill-persuna kkonċernata, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni relatata mal-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti għall-kontrolli tas-sigurtà. Fil-każ ta’ minuri, jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-iskrinjar tingħata lill-adult jew adulti responsabbli għat-tifel jew tifla. Fil-każ ta’ minuri mhux akkumpanjati, jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-iskrinjar tiġi pprovduta lir-rappreżentant tat-tifel jew tifla jew lill-persuna mħarrġa biex tissalvagwardja l-aħjar interessi u l-benesseri ġenerali tal-minuri.

(34)

Jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data matul il-proċedura ta’ skrinjar jitwettaq dejjem f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(35)

Jenħtieġ li d-data bijometrika meħuda matul l-iskrinjar, flimkien mad-data msemmija fil-provvisti dwar il-ġbir u trażmissjoni ta’ data bijometrika ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jinqabdu b’konnessjoni mal-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jinstabu b’soġġorn illegali fi Stat Membru, u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ tar-Regolament (UE) 2024/1358, tiġi trażmessa lill-Eurodac stabbilit minn dak ir-Regolament (“Eurodac”) mill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-iskadenzi previsti f’dak ir-Regolament.

(36)

Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu soġġetti għall-iskrinjar ikunu soġġetti għal verifika preliminari tas-saħħa minn persunal mediku kwalifikat bil-ħsieb li tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa ta’ kura tas-saħħa jew iżolament minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Persunal mediku kwalifikat jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi, abbażi taċ-ċirkostanzi mediċi li jikkonċernaw l-istat ġenerali ta’ kull ċittadin individwali ta’ pajjiż terz, li ma tkunx meħtieġa verifika tas-saħħa ulterjuri matul l-iskrinjar. Jenħtieġ li dik il-verifika preliminari tas-saħħa titwettaq minn persunal mediku kwalifikat li jappartjeni għal waħda mill-kategoriji li ġejjin tal-klassifikazzjoni ISCO-08 tal-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi taħt ir-responsabbiltà tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol: 221 Tobba, 2221 Professjonisti tal-Infermerija, jew 2240 Prattikanti Paramediċi.

(37)

Jenħtieġ li titwettaq verifika preliminari tal-vulnerabbiltà bil-ħsieb li jiġu identifikati persuni b’indikazzjonijiet li huma vulnerabbli, li jkunu vittmi ta’ tortura jew trattament inuman jew degradanti ieħor, jew li jkunu mingħajr stat, jew li jista’ jkollhom ħtiġijiet ta’ akkoljenza jew proċedurali speċjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2024/1346 u r-Regolament (UE) 2024/1348, rispettivament. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal valutazzjoni ulterjuri fil-proċeduri sussegwenti wara t-tlestija tal-iskrinjar. Jenħtieġ li l-verifika tal-vulnerabbiltà titwettaq minn persunal speċjalizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar imħarreġ għal dak l-għan.

(38)

Waqt l-iskrinjar, jenħtieġ li l-persuni kkonċernati kollha jkunu garantiti livell ta’ għajxien li jikkonforma mal-Karta u jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa ta’ emerġenza u trattament essenzjali għall-mard. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi b’vulnerabbiltajiet, bħal nisa tqal, anzjani, familji b’ġenitur wieħed, persuni b’diżabilità fiżika jew mentali immedjatament identifikabbli, persuni li għaddew viżibbilment minn trawma psikoloġika jew fiżika u minuri mhux akkumpanjati. B’mod partikolari, fil-każ ta’ minuri, jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mod adattat għat-tfal u għall-età. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kollha involuti fit-twettiq tal-kompiti relatati mal-iskrinjar jirrapportaw kwalunkwe sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà osservata jew irrapportata lilhom, jenħtieġ li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-privatezza, u jenħtieġ li jżommu lura minn kwalunkwe diskriminazzjoni.

(39)

Peress li jista’ jkun li ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar ma jkollhomx id-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar meħtieġa għall-qsim legali tal-fruntiera esterna, jenħtieġ li ssir proċedura ta’ identifikazzjoni jew ta’ verifika bħala parti mill-iskrinjar.

(40)

Ir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (“CIR”) ġie stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 (18) u (UE) 2019/818 (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni korretta tal-persuni rreġistrati fl-EES, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (20) (VIS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar stabbilita mir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21)(ETIAS), il-Eurodac u s-sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (ECRIS-TCN), inkluż ta’ persuni mhux magħrufa li ma jistgħux jidentifikaw lilhom infushom. Għal dak il-għan, is-CIR fih biss l-identità, id-dokument tal-ivvjaġġar u d-data bijometrika rreġistrata fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN, separata b’mod loġiku. Id-data personali li hija strettament neċessarja biex issir verifika tal-identità preċiża biss tinħażen fis-CIR. Id-data personali rreġistrata fis-CIR titħassar b’mod awtomatiku malli d-data titħassar mis-sistemi sottostanti. Il-konsultazzjoni tas-CIR tippermetti l-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità affidabbli u eżawrjenti ta’ persuni, billi tagħmilha possibbli li tiġi kkonsultata d-data kollha dwar l-identità preżenti fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN, f’daqqa, b’mod rapidu u affidabbli, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data u jiġi evitat l-ipproċessar bla bżonn tad-data jew id-duplikazzjoni tagħha.

(41)

Sabiex tiġi stabbilita l-identità jew tiġi verifikata l-identità tal-persuna soġġetta għall-iskrinjar, jenħtieġ li tinbeda verifika fis-CIR fil-preżenza ta’ dik il-persuna waqt l-iskrinjar. Matul dik il-verifika, jenħtieġ li d-data bijometrika tal-persuna tiġi ċċekkjata kontra d-data fis-CIR. Meta ma tkunx tista’ tintuża d-data bijometrika ta’ persuna jew jekk tiftixa b’din id-data ma tirnexxix jew ma tagħti ebda hit, it-tiftixa tista’ titwettaq bid-data tal-identità tal-persuna flimkien mad-data tad-dokument tal-ivvjaġġar, fejn tali data tkun disponibbli, jew bid-data jew l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew miksuba mingħandu. F’konformità mal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità, u meta t-tiftixa tindika li d-data dwar dik il-persuna tkun maħżuna fis-CIR, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom aċċess għas-CIR biex jikkonsultaw id-data tal-identità, id-data tad-dokument tal-ivvjaġġar u d-data bijometrika ta’ dik il-persuna, mingħajr ma s-CIR tipprovdi ebda indikazzjoni dwar f’liema sistema ta’ informazzjoni tal-UE tinsab id-data.

(42)

Billi l-użu tas-CIR għal skopijiet ta’ identifikazzjoni kien limitat mir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 għall-iffaċilitar u l-assistenza fl-identifikazzjoni korretta ta’ persuni rreġistrati fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN f’sitwazzjonijiet ta’ verifiki mill-pulizija fit-territorju tal-Istati Membri, jeħtieġ li dawk ir-Regolamenti jiġu emendati sabiex jipprevedu l-għan addizzjonali li s-CIR jintuża biex jiġu identifikati jew tiġi verifikata l-identità tal-persuni matul l-iskrinjar. Fil-każ tar-Regolament (UE) 2019/818, għal raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli, jenħtieġ li tali emenda sseħħ permezz ta’ Regolament differenti minn dan ir-Regolament.

(43)

Minħabba li ħafna persuni soġġetti għall-iskrinjar jista’ jkun li ma jkollhom l-ebda dokument tal-ivvjaġġar, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-iskrinjar ikollhom aċċess għal kwalunkwe dokument rilevanti ieħor miżmum mill-persuni kkonċernati f’każijiet fejn id-data bijometrika ta’ dawn il-persuni ma tkunx tista’ tintuża jew ma tagħti l-ebda riżultat fis-CIR. Jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet jitħallew jużaw id-data minn dawk id-dokumenti, minbarra d-data bijometrika, biex iwettqu verifiki fil-bażijiet ta’ data rilevanti.

(44)

Jenħtieġ li l-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità ta’ persuni matul il-verifiki fil-fruntieri fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera u kwalunkwe konsultazzjoni tal-bażijiet ta’ data fil-kuntest tas-sorveljanza fil-fruntieri jew tal-verifiki tal-pulizija fiż-żona tal-fruntiera esterna jew fit-territorju mill-awtoritajiet li rreferew lill-persuna kkonċernata għall-iskrinjar, jitqiesu bħala parti mill-iskrinjar u jenħtieġ li ma jiġux ripetuti, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali li jiġġustifikaw tali ripetizzjoni. Jenħtieġ li t-teħid ta’ data bijometrika għall-fini kemm ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità kif ukoll ir-reġistrazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1358 isir darba bħala parti mill-iskrinjar.

(45)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni, li tippermettilha tistabbilixxi l-proċedura u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għall-irkupru tad-data u tispeċifika l-proċedura għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-iskrinjar, l-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol u l-unitajiet nazzjonali tal-Europol, rispettivament, biex tiġi ddeterminata t-theddida għas-sigurtà interna. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

(46)

Jenħtieġ li l-iskrinjar jivverifika wkoll jekk id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati fl-Unjoni jistax ikun ta’ theddida għas-sigurtà interna.

(47)

Peress li l-iskrinjar jikkonċerna ċittadini ta’ pajjiżi terzi preżenti fil-fruntiera esterna mingħajr ma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, ċittadini ta’ pajjiżi terzi żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, u ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-verifiki tas-sigurtà bħala parti mill-iskrinjar ikunu tal-anqas ta’ livell simili bħall-verifiki mwettqa fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw minn qabel għal awtorizzazzjoni biex jidħlu fl-Unjoni għal soġġorn qasir, sew jekk ikunu taħt obbligu ta’ viża u sew jekk le.

(48)

Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżentati abbażi tan-nazzjonalità tagħhom mir-rekwiżit tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), ir-Regolament (UE) 2018/1240 jipprevedi li jridu japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar biex jiġu fl-Unjoni għal soġġorn qasir. Qabel ma jirċievu dik l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, il-persuni kkonċernati jiġu soġġetti għal verifiki tas-sigurtà tad-data personali li jippreżentaw f’għadd ta’ bażijiet ta’ data tal-Unjoni, jiġifieri VIS, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen stabbilita mir-Regolamenti (UE) 2018/1860 (25), (UE) 2018/1861 (26) u (UE) 2018/1862 (27) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (SIS), EES, ETIAS, id-data tal-Europol ipproċessata għall-iskop ta’ kontroverifika msemmija fir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), l-ECRIS-TCN, kif ukoll il-bażi ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) u l-bażi tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN) tal-Interpol. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għar-rekwiżit tal-viża skont ir-Regolament (UE) 2018/1806, jiġu soġġetti għal verifiki tas-sigurtà qabel ma tinħareġ viża, fl-istess bażijiet ta’ data bħaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex soġġetti għal dak l-obbligu ta’ viża, skont ir-Regolamenti (KE) Nru 810/2009 (29) u (KE) Nru 767/2008 (30) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(49)

Fir-rigward ta’ persuni soġġetti għall-iskrinjar, jenħtieġ li jitwettqu verifiki awtomatizzati għal finijiet ta’ sigurtà fl-istess sistemi li huma previsti għall-applikanti għal viża, viża għal soġġorn twil, permess ta’ residenza taħt il-VIS jew għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar taħt l-ETIAS, jiġifieri l-VIS, l-EES, l-ETIAS, inkluż il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/1240, is-SIS, l-ECRIS-TCN fir-rigward ta’ persuni kkundannati b’rabta ma’ reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji, fid-data tal-Europol ipproċessat għall-iskop tal-kontroverifika kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2016/794, l-SLTD u t-TDAWN.

(50)

Jenħtieġ li l-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti għall-finijiet ta’ sigurtà titwettaq b’tali mod li jiżgura li tinkiseb biss id-data meħtieġa għat-twettiq tal-verifiki tas-sigurtà minn dawk il-bażijiet ta’ data. Fir-rigward tal-persuni li jkunu għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jew f’żoni ta’ tranżitu, jenħtieġ li l-konsultazzjoni tal-bażijiet ta’ data għall-verifika tas-sigurtà bħala parti mill-iskrinjar tiffoka fuq il-bażijiet ta’ data li ma kinux ġew ikkonsultati matul il-verifiki fil-fruntiera esterna, u b’hekk jiġu evitati konsultazzjonijiet ripetuti.

(51)

Fejn ikun iġġustifikat, l-iskrinjar jista’ jinkludi wkoll il-verifika ta’ oġġetti fil-pussess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura applikata fil-kuntest ta’ verifika tas-sigurtà tkun proporzjonata u jenħtieġ li tirrispetta d-dinjità tal-persuni soġġetti għall-iskrinjar. Jenħtieġ li l-awtoritajiet involuti jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-libertà tal-espressjoni.

(52)

Peress li l-aċċess għall-EES, l-ETIAS, il-VIS u l-ECRIS-TCN huwa meħtieġ għall-awtoritajiet tal-iskrinjar sabiex jiġi vverifikat jekk il-persuna tistax tkun ta’ theddida għas-sigurtà interna, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u r-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament, jiġu emendati biex jipprevedu dak id-dritt ta’ aċċess, li bħalissa mhux previst minn dawk ir-Regolamenti. Fil-każ tar-Regolament (UE) 2019/816, jenħtieġ li tali emenda sseħħ għal raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli permezz ta’ Regolament differenti minn dan ir-Regolament.

(53)

Jenħtieġ li l-portal Ewropew tat-tfittxija stabbilit mir-Regolament (UE) 2019/817 (ESP) jintuża biex jitwettqu tfittxijiet fis-CIR għall-identifikazzjoni jew verifika tal-identità.

(54)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet tal-iskrinjar biex jużaw l- ESP biex jitwettqu tfittxijiet fl-EES, l-ETIAS, il-VIS, SIS u l-ECRIS-TCN, id-data tal-Europol, SLTD u TDAWN, għall-fini tal-verifiki tas-sigurtà, kif applikabbli.

(55)

Il-konsultazzjoni ta’ bażijiet tad-data tal-Unjoni għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità jew tal-kontrolli tas-sigurtà jistgħu jiġu ġġustifikati għall-implimentazzjoni effettiva tal-iskrinjar u għall-kisba tal-istess objettiv li għalih ġiet stabbilita kull waħda minn dawk il-bażijiet tad-data, jiġifieri l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni fil-kuntest tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

(56)

Fil-każ ta’ hit għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità jew ta’ verifika ta’ sigurtà, jenħtieġ li l-awtorità tal-iskrinjar tivverifika li d-data rreġistrata fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jew id-data tal-Europol tikkorrispondi mad-data li twassal għal hit.

(57)

Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll għall-awtoritajiet tal-iskrinjar biex jivverifikaw il-bażijiet tad-data nazzjonali rilevanti fil-kuntest ta’ identifikazzjoni jew tal-verifika tal-identità jew verifika ta’ sigurtà f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(58)

Għall-finijiet ta’ konformità mal-obbligu li jitwettqu l-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità u l-verifiki tas-sigurtà matul l-iskrinjar, l-Istati Membri li għadhom ma japplikawx xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ u għalhekk ma għandhomx aċċess għas-sistemi ta’ informazzjoni kollha tal-UE u għall-bażijiet ta’ data kollha tal-Unjoni, huma responsabbli għat-twettiq tal-verifiki tal-identità u tas-sigurtà billi jwettqu tfittxijiet biss f’dawk is-sistemi u l-bażijiet ta’ data li huma għandhom aċċess għalihom.

(59)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jissaħħaħ il-kontroll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni u li tiġi prevista l-identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar u għall-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk iċ-ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar jistgħux ikunu ta’ theddida għas-sigurtà interna u jikkontribwixxu għar-riferiment tagħhom għall-proċeduri xierqa, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(60)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, kif anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(61)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (31). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(62)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (32).

(63)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (33).

(64)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (34).

(65)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(66)

Fir-rigward ta’ Ċipru, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (35) jipprevedi regoli speċifiċi li japplikaw għal-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u dawk iż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv. Skont dan ir-Regolament, għalkemm dik il-linja ma tikkostitwixxix fruntiera esterna, għandhom jitwettqu verifiki fuq il-persuni kollha li jaqsmu l-linja minn punt ta’ qsim awtorizzat jew mhux awtorizzat bl-għan li tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex jiġi identifikat u evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà. Minn dan isegwi li l-iskrinjar mal-fruntiera esterna jista’ japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat ta’ dik il-linja u għal dawk li jkunu għamlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-punti ta’ qsim awtorizzati.

(67)

Id-Danimarka, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mhumiex marbuta bid-Direttiva (UE) 2024/1346. F’dawn l-Istati l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali huma rregolati mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti bbażati fuq l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967. Fir-rigward ta’ dawk l-Istati, jenħtieġ li r-referenzi magħmula f’dan ir-Regolament għal dik id-Direttiva jinftiehmu bħala referenzi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-liġi nazzjonali,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

l-iskrinjar fuq il-fruntieri esterni tal-Istati Membri ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399, ikunu qasmu l-fruntiera esterna b’mod mhux awtorizzat, ikunu applikaw għal protezzjoni internazzjonali matul il-verifiki fil-fruntieri, jew ikunu ġew żbarkati wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ, qabel ma jiġu riferuti għall-proċedura xierqa, u

(b)

l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri meta ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu ġew soġġetti għal kontrolli fil-fruntieri esterni, qabel ma jiġu riferuti għall-proċedura xierqa.

L-objettiv tal-iskrinjar għandu jkun li jissaħħu l-kontrolli fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni, li jiġu identifikati ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar u li jiġi vverifikat bi tqabbil mal-bażijiet tad-data rilevanti jekk il-persuni soġġetti għall-iskrinjar jistgħux ikunu ta’ theddida għas-sigurtà interna. L-iskrinjar għandu jinvolvi wkoll verifiki preliminari tas-saħħa u tal-vulnerabbiltà biex jiġu identifikati, persuni li jkollhom bżonn kura tas-saħħa u persuni li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-saħħa pubblika, u biex jiġu identifikati persuni vulnerabbli. Tali verifiki għandhom jiffaċilitaw biex dawn il-persuni jiġu riferuti għall-proċedura xierqa.

Dan ir-Regolament jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti f’kull Stat Membru biex tiġi mmonitorjata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), matul l-iskrinjar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“theddida għas-saħħa pubblika” tfisser “theddida għas-saħħa pubblika” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (21), tar-Regolament (UE) 2016/399;

(2)

“verifika” tfisser “verifika” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2019/817;

(3)

“identifikazzjoni” tfisser “identifikazzjoni” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2019/817;

(4)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser “ċittadin ta’ pajjiż terz” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2016/399;

(5)

“persuna apolida” tfisser persuna li l-ebda Stat ma jqisha ċittadin tiegħu skont il-liġi tiegħu.

(6)

“data tal-Europol” tfisser “data tal-Europol” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (16), tar-Regolament (UE) 2019/817;

(7)

“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew organizzazzjoni, inkluż awtorità pubblika, maħtura mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, biex tirrappreżenta, tgħin u taġixxi, kif applikabbli, f’isem minuri mhux akkumpanjat;

(8)

“data bijometrika” tfisser “data bijometrika” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2019/817;

(9)

“minuri” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida taħt l-età ta’ 18-il sena;

(10)

“awtoritajiet tal-iskrinjar” tfisser l-awtoritajiet kompetenti kollha deżinjati mil-liġi nazzjonali biex iwettqu kompitu wieħed jew aktar skont dan ir-Regolament, ħlief il-verifiki tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 12(1);

(11)

“minuri mhux akkumpanjat” tfisser minuri li jasal fit-territorju tal-Istat Membru mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew għaliha, kemm jekk bil-liġi jew inkella skont il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u għaż-żmien li fih tali minuri effettivament ma jkunx fil-kura ta’ tali adult, inkluż minuri li jitħalla mhux akkumpanjat wara li jkun daħal fit-territorju ta’ Stat Membru;

(12)

“detenzjoni” tfisser il-konfinament ta’ persuna f’post partikolari minn Stat Membru, fejn tali persuna tiċċaħħad mill-moviment liberu;

(13)

“bażijiet ta’ data tal-Interpol” tfisser “il-bażijiet ta’ data tal-Interpol” kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (17), tar-Regolament (UE) 2019/817;

(14)

“Operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ” tfisser operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ kif imsemmi fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi adottata f’Hamburg, il-Ġermanja, fis-27 ta’ April 1979.

Artikolu 3

Drittijiet fundamentali

Meta japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu f’konformità sħiħa mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, inkluż il-Karta, id-dritt internazzjonali rilevanti, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, bl-obbligi marbuta mal-aċċess għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u mad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 4

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra

1.   Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar li jkunu għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

a)

ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1348 għandha tkun determinata mill-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament; u

b)

l-applikazzjoni tal-istandards komuni għall-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali tad-Direttiva (UE) 2024/1346 għandha tkun determinata mill-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(7) ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 2008/115/KE jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE għandhom japplikaw biss wara li jkun intemm l-iskrinjar, ħlief l-iskrinjar imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, fejn dik id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrispettaw dik id-Direttiva għandhom japplikaw b’mod parallel mal-iskrinjar imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Skrinjar fil-fruntiera esterna

1.   L-iskrinjar previst skont dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi, irrispettivament minn jekk ikunux għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 u li:

(a)

jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru, ħlief ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru kkonċernat mhuwiex meħtieġ jieħu d-data bijometrika skont l-Artikolu 22(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1358 għal raġunijiet li ma jkunux l-età tagħhom, jew

(b)

jiġu żbarkati fit-territorju ta’ Stat Membru wara operazzjoni ta’ tfittxija u salvataġġ.

2.   L-iskrinjar previst taħt dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’punti ta’ qsim tal-fruntiera esterna jew f’żoni ta’ tranżitu u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għad-dħul stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399.

3.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew awtorizzati jidħlu skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2016/399 m’għandhomx ikunu soġġetti għall-iskrinjar. Madankollu, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jidħlu skont l-Artikolu 6(5)(c) ta’ dak ir-Regolament u li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu soġġetti għall-iskrinjar.

Fejn isir evidenti matul l-iskrinjar li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399, l-iskrinjar ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jintemm.

L-iskrinjar jista’ jitwaqqaf meta ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati jħallu t-territorju tal-Istati Membri, għall-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew il-pajjiż ta’ residenza jew għal pajjiż terz ieħor li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jiddeċiedi li jirritorna fih volontarjament u fejn ir-ritorn ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jiġi aċċettat.

Artikolu 6

Awtorizzazzjoni għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru

Matul l-iskrinjar, il-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) m’għandhomx ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet biex jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2), jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli biex iwettqu l-iskrinjar fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 8, sakemm idum l-iskrinjar, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ħarba, theddid potenzjali għas-sigurtà interna li jirriżulta mit-tali ħarba jew theddid potenzjali għas-saħħa pubblika li jirriżulta mit-tali ħarba.

Artikolu 7

Skrinjar fit-territorju

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-iskrinjar għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jirrisjedu illegalment fit-territorju tagħhom biss meta tali ċittadini ta’ pajjiż terz ikunu qasmu fruntiera esterna biex daħlu fit-territorju tal-Istati Membri b’mod mhux awtorizzat u ma jkunux diġà ġew soġġetti għall-iskrinjar fi Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet biex jiżguraw li dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-iskrinjar sakemm idum l-iskrinjar, biex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ ħarba u theddid potenzjali għas-sigurtà interna li jirriżulta mit-tali ħarba.

2.   L-Istati Membri jistgħu joqogħdu lura milli jwettqu l-iskrinjar f’konformità mal-paragrafu 1 jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom jintbagħat lura, immedjatament wara li jinqabad, lejn Stat Membru ieħor skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew skont qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali. F’dak il-każ, l-Istat Membru li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun intbagħat lura lejh għandu japplika l-iskrinjar.

3.   L-Artikolu 5(3), it-tieni u t-tielet subparagrafi għandhom japplikaw għall-iskrinjar f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Rekwiżiti li jikkonċernaw l-iskrinjar

1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5, l-iskrinjar għandu jsir fi kwalunkwe post adegwat u xieraq deżinjat minn kull Stat Membru, li ġeneralment jinsab fuq il-fruntieri esterni jew qribhom, jew inkella f’postijiet oħra fit-territorju tiegħu.

2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7, l-iskrinjar għandu jitwettaq fi kwalunkwe post adegwat u xieraq deżinjat minn kull Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru.

3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, l-iskrinjar għandu jitwettaq mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ għandu jitlesta fi żmien sebat ijiem mill-qbid fiż-żona tal-fruntiera esterna, l-iżbark fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew il-preżentazzjoni fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament li għalihom japplika l-Artikolu 23(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1358, fejn dawk il-persuni jibqgħu fiżikament fil-fruntiera esterna għal aktar minn 72 siegħa, l-iskrinjar tagħhom għandu mbagħad jitwettaq u l-perjodu għall-iskrinjar għandu jitnaqqas għal erbat ijiem.

4.   L-iskrinjar imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jitwettaq mingħajr dewmien u jitlesta fi żmien tlett ijiem mill-qbid taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

5.   L-iskrinjar għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

verifika preliminari tas-saħħa f’konformità mal-Artikolu 12;

(b)

verifika preliminari tal-vulnerabbiltà f’konformità mal-Artikolu 12;

(c)

identifikazzjoni jew il-verifika tal-identità f’konformità mal-Artikolu 14;

(d)

ir-reġistrazzjoni tad-data bijometrika f’konformità mal-[Artikoli 15, 22 u 24 tar-Regolament (UE) 2024/1358, sa fejn tkun għadha ma saritx;

(e)

verifika tas-sigurtà f’konformità mal-Artikoli 15 u 16;

(f)

il-mili ta’ formola tal-iskrinjar f’konformità mal-Artikolu 17;

(g)

riferiment għall-proċedura xierqa f’konformità mal-Artikolu 18.

6.   L-organizzazzjonijiet u l-persuni li jagħtu pariri u konsulenza għandu jkollhom aċċess effettiv għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul l-iskrinjar. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti fuq tali aċċess minħabba l-liġi nazzjonali meta tali limiti jkunu oġġettivament meħtieġa għas-sigurtà, l-ordni pubbliku jew il-ġestjoni amministrattiva ta’ punt ta’ qsim tal-fruntiera jew faċilità fejn iseħħ l-iskrinjar, dment li tali aċċess ma jkunx ristrett b’mod serju ħafna jew li ma jsirx impossibbli.

7.   Ir-regoli rilevanti dwar id-detenzjoni stipulati fid-Direttiva 2008/115/KE għandhom japplikaw matul l-iskrinjar fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kollha soġġetti għall-iskrinjar jingħataw livell ta’ għajxien li jiggarantixxi s-sussistenza tagħhom, jipproteġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom, u jirrispetta d-drittijiet tagħhom skont il-Karta.

9.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet tal-iskrinjar u jiżguraw li l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet li jwettaq l-iskrinjar ikollu l-għarfien xieraq u jkun irċieva t-taħriġ meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/399.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persunal mediku kwalifikat iwettaq il-verifika preliminari tas-saħħa prevista fl-Artikolu 12 u li l-persunal speċjalizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar imħarreġ għal dak l-għan iwettaq il-verifika preliminari tal-vulnerabbiltà prevista f’dak l-Artikolu. Fejn xieraq, għandhom ikunu involuti wkoll f’dawk il-verifiki l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mid-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew mekkaniżmi ekwivalenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar responsabbli għall-identifikazzjoni jew għall-verifika tal-identità u għall-verifika tas-sigurtà jkollhom aċċess għad-data, is-sistemi u l-bażijiet tad-data msemmija fl-Artikoli 14 u 15.

L-Istati Membri għandhom jużaw persunal xieraq u biżżejjed riżorsi biex iwettqu l-iskrinjar b’mod effiċjenti.

L-awtoritajiet tal-iskrinjar jistgħu jiġu megħjuna jew appoġġati fit-twettiq tal-iskrinjar minn esperti jew uffiċjali u timijiet ta’ kollegament mibgħuta mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill- Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil fil-limiti tal-mandati tagħhom, dment li dawn l-esperti jew uffiċjali u timijiet ta’ kollegament ikollhom it-taħriġ rilevanti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi.

Artikolu 9

Obbligi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar

1.   Matul l-iskrinjar, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar għandhom jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet tal-iskrinjar.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom:

a)

jindikaw l-isem, id-data tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità tagħhom, u għandhom jipprovdu dokumenti u informazzjoni, fejn disponibbli, li jkunu jservu ta’ prova ta’ dik id-data;

b)

jipprovdu d-data bijometrika kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2024/1358.

Artikolu 10

Monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet rilevanti biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-iskrinjar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq, riferiment biex jinbdew proċedimenti ċivili jew ta’ ġustizzja kriminali f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett jew infurzar tad-drittijiet fundamentali, f’konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu, li għandu:

(a)

jimmonitorja l-konformità mal-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali, inkluż il-Karta, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-ażil, il-prinċipju ta’ non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal u r-regoli rilevanti dwar id-detenzjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar id-detenzjoni fil-liġi nazzjonali matul l-iskrinjar; u

(b)

jiżgura li allegazzjonijiet sostanzjati ta’ nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet rilevanti kollha marbuta mal-iskrinjar jiġu indirizzati b’mod effettiv u mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, biex jinbdew, meta jkun meħtieġ, investigazzjonijiet f’tali allegazzjonijiet u jiġi mmonitorjat il-progress ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għandu jkopri l-attivitajiet kollha mwettqa mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għandu jkollu s-setgħa li joħroġ rakkomandazzjonijiet annwali lill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu salvagwardji adegwati biex jiggarantixxu l-indipendenza tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti. L-Ombudspersons nazzjonali u l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ prevenzjoni stabbiliti taħt l-OPCAT, għandhom jipparteċipaw fit-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti u jistgħu jinħatru biex iwettqu l-kompiti kollha jew parti minnhom tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti jista’ jinvolvi wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi rilevanti u korpi pubbliċi indipendenti mill-awtoritajiet li jwettqu l-iskrinjar. Sakemm waħda jew aktar minn dawk l-istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet jew korpi ma jkunux direttament involuti fil-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti, il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti għandu jistabbilixxi u jżomm rabtiet mill-qrib magħhom. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti għandu jistabbilixxi u jżomm rabtiet mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għandu jwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta’ verifiki fuq il-post u verifiki għal għarrieda u mhux imħabbra.

L-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess lill-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti għall-postijiet rilevanti kollha, inkluż il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u detenzjoni, l-individwi u d-dokumenti, sa fejn dan l-aċċess ikun meħtieġ biex il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti jkun jista’ jissodisfa l-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu. L-aċċess għall-postijiet jew l-informazzjoni klassifikata rilevanti għandu jingħata biss lill-persuni li li jaġixxu f’isem il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti u li jkunu rċevew l-approvazzjoni tas-sigurtà xierqa maħruġa minn awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għandha toħroġ gwida ġenerali għall-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u dwar il-funzjonament indipendenti tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tappoġġahom fl-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti tagħhom, inkluż is-salvagwardji għall-indipendenza ta’ dawn il-mekkaniżmi, kif ukoll il-metodoloġija ta’ monitoraġġ u skemi ta’ taħriġ xierqa.

Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sejbiet tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ indipendenti fil-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-Karta skont l-Artikolu 15(1) u l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36).

3.   Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ independenti msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għall-fini ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas- Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif stipulat fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/2303 u għar-rwol tal-osservaturi tad-drittijiet fundamentali fil-monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta kif stipulat fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

4.   L-Istati Membri għandhom jgħammru l-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti msemmi fil-paragrafu 2 b’mezzi finanzjarji xierqa.

Artikolu 11

Għoti ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar jiġu infurmati dwar:

(a)

l-iskop, id-durata u l-elementi tal-iskrinjar kif ukoll il-mod ta’ kif jitwettaq u l-eżiti possibbli tiegħu;

(b)

id-dritt li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali u r-regoli applikabbli dwar kif jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fejn applikabbli fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2024/1348 u, għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-obbligi u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità stabbiliti fl-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE) 2024/1351;

(c)

id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul l-iskrinjar, inkluż l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 9 u l-possibbiltà li jikkuntattjaw u jiġu kkuntattjati mill-organizzazzjonijiet u l-persuni msemmija fl-Artikolu 8(6);

(d)

id-drittijiet mogħtija lis-suġġetti tad-data mil-liġi tal-Unjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll, fejn xieraq, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar jiġu infurmati dwar:

(a)

ir-regoli applikabbli dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2016/399, kif ukoll dwar kundizzjonijiet oħra għad-dħul, soġġorn u residenza tal-Istat Membru kkonċernat, sa fejn dik l-informazzjoni ma tkunx diġà ngħatat;

(b)

l-obbligu ta’ ritorn f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE u l-possibbiltajiet ta’ reġistrazzjoni fi programm li jipprovdi assistenza loġistika, finanzjarja u materjali oħra jew in natura biex jiġi appoġġat tluq volontarju;

(c)

il-kundizzjonijiet tar-rilokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew f’xi mekkaniżmu ta’ solidarjetà eżistenti ieħor.

3.   L-informazzjoni mogħtija waqt l-iskrinjar għandha tingħata f’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew li jkun raġonevolment mistenni jifhem. L-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub, fuq karta jew b’format elettroniku, u fejn meħtieġ, b’mod orali bl-użu ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni. Fil-każ ta’ minuri, l-informazzjoni għandha tingħata b’mod imfassal apposta għat-tfal u adattat għall-età tagħhom bl-involviment tar-rappreżentant jew il-persuna msemmija fl-Artikolu 13(2) u (3). L-awtoritajiet responsabbli jistgħu jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex ikunu disponibbli servizzi ta’ medjazzjoni kulturali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-proċedura għal protezzjoni internazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u mhux governattivi rilevanti u kompetenti biex jipprovdu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu matul l-iskrinjar skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 12

Verifiki preliminari tas-saħħa u vulnerabbiltajiet

1.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar imsemmi fl-Artikoli 5 u 7 għandhom ikunu soġġetti għal verifika preliminari tas-saħħa li għandha titwettaq minn persunal mediku kwalifikat bil-ħsieb li tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa ta’ kura tas-saħħa jew iżolament minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Abbażi taċ-ċirkostanzi mediċi li jikkonċernaw l-istat ġenerali ta’ ċittadin individwali ta’ pajjiż terz, il-persunal mediku kwalifikat jista’ jiddeċiedi li ma tkunx meħtieġa verifika tas-saħħa ulterjuri matul l-iskrinjar. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu soġġetti għall-iskrinjar imsemmi fl-Artikoli 5 u 7 għandu jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa ta’ emerġenza u trattament essenzjali tal-mard.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi fuq l-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1348, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għamlu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali l-verifika tas-saħħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tagħmel parti mill-eżami mediku msemmi fl-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament.

3.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar imsemmi fl-Artikoli 5 u 7 għandhom ikunu soġġetti għal verifika preliminari tal-vulnerabbiltà minn persunal speċjalizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar imħarrġa għal dak il-għan, bil-ħsieb li tiġi identifikata jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jkun persuna apolida, vulnerabbli, jew vittma ta’ tortura jew xi trattament inuman jew degradanti ieħor, jew li għandha bżonnijiet speċjali skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/115/KE, l-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2024/1346, u l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2024/1348. Għall-finijiet ta’ dik il-verifika tal-vulnerabbiltà, l-awtoritajiet tal-iskrinjar jistgħu jiġu megħjuna minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u, fejn rilevanti, minn persunal mediku kwalifikat.

4.   Fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ vulnerabbiltajiet jew bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza jew bżonnijiet proċedurali speċjali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jirċievi appoġġ f’waqtu u adegwat f’faċilitajiet adegwati, skont is-saħħa fiżika u mentali tiegħu. Fil-każ tal-minuri, għandu jingħata appoġġ imfassal apposta għat-tfal u adattat għall-età tagħhom minn persunal imħarreġ u kwalifikat biex jittratta l-minuri, u f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tat-tfal.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2024/1346, il-valutazzjoni tal-bżonnijiet proċedurali speċjali meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2024/1348, u l-verifika tal-vulnerabbiltà meħtieġa skont id-Direttiva 2008/115/KE, il-verifika preliminari tal-vulnerabbiltà fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu tista’ tagħmel parti mill-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u dawk proċedurali speċjali stabbiliti f’dak ir-Regolament u dawk id-Direttivi.

Artikolu 13

Garanziji għall-minuri

1.   Matul l-iskrinjar, l-aħjar interessi tat-tfal dejjem għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja f’konformità mal-Artikolu 24(2) tal-Karta.

2.   Matul l-iskrinjar, il-minuri għandu jkun akkumpanjat, fejn preżenti, minn membru adult tal-familja.

3.   Mill-aktar fis, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li rappreżentant, jew fejn ma jkunx ġie maħtur rappreżentant, persuna mħarrġa biex tissalvagwardja l-aħjar interessi u l-benesseri ġenerali tal-minuri, jakkumpanja u jassisti lill-minuri mhux akkumpanjat matul l-iskrinjar b’mod imfassal apposta għat-tfal u adattat għall-età tagħhom u b’lingwa li jista’ jew tista’ tifhem. Dik il-persuna għandha tkun il-persuna deżinjata biex provviżorjament taġixxi bħala rappreżentant skont id-Direttiva (UE) 2024/1346 meta dik il-persuna tkun ġiet deżinjata skont dik id-Direttiva.

Ir-rappreżentant għandu jkollu l-ħiliet u l-kompetenza meħtieġa, inkluż fir-rigward tat-trattament u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ minuri. Ir-rappreżentant għandu jaġixxi sabiex jissalvagwardja l-aħjar interessi u l-benesseri ġenerali tal-minuri u sabiex il-minuri mhux akkumpanjat ikun jista’ jgawdi d-drittijiet u jikkonforma mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

4.   Il-persuna responsabbli biex takkumpanja u tassisti minuri mhux akkumpanjat f’konformità mal-paragrafu 3 m’għandhiex tkun persuna responsabbli għal xi elementi tal-iskrinjar, għandha taġixxi b’mod indipendenti u m’għandhiex tirċievi ordnijiet la mill-persuni responsabbli għall-iskrinjar u lanqas mill-awtoritajiet tal-iskrinjar. Dawn il-persuni għandhom iwettqu dmirijiethom f’konformità mal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal u għandu jkollhom il-kompetenza u t-taħriġ meħtieġa għal dan. Sabiex jiġu żgurati l-benesseri u l-iżvilupp soċjali tal-minuri, dik il-persuna għandha tinbidel meta jkun meħtieġ biss.

5.   L-Istati Membri għandhom jinkarigaw rappreżentant jew persuna kif imsemmija fil-paragrafu 3 li tkun responsabbli minn għadd proporzjonat u limitat ta’ minuri mhux akkumpanjati u, f’ċirkostanzi normali, mhux aktar minn tletin minuri mhux akkompanjati fl-istess ħin, biex taċċerta li dak ir-rappreżentant jew dik il-persuna tista’ twettaq il-kompiti tiegħu jew tagħha b’mod effettiv.

6.   Il-fatt li ma jkunx inħatar rappreżentant jew ma tkunx ġiet deżinjata persuna li provviżorjament taġixxi bħala rappreżentant skont id-Direttiva (UE) 2024/1346, m’għandux jipprevjeni lil minuri mhux akkumpanjat milli jeżerċita d-dritt li japplika għal protezzjoni internazzjonali.

Artikolu 14

Identifikazzjoni jew verifika tal-identità

1.   Sa fejn dan ikun għadu ma sarx matul l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399, l-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar skont l-Artikolu 5 jew 7 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi vverifikata jew stabbilita, billi jintuża, fejn applikabbli, dan li ġej:

(a)

id-dokumenti tal-identità, tal-ivvjaġġar jew dokumenti oħra;

(b)

id-data jew l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew miksuba mingħandu; u

(c)

id-data bijometrika.

2.   Għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-verifika tal-identità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandhom, bl-użu tad-data jew l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu, ifittxu fir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 (CIR) skont l- Artikolu 20a tar-Regolament (UE) 2019/817 u skont l-Artikolu 20a tar-Regolament (UE) 2019/818, ifittxu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2018/1862 (SIS) u, fejn rilevanti, ifittxu fil-bażijiet tad-data nazzjonali applikabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali. Id-data bijometrika ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għall-iskrinjar għandha tittieħed darba għall-fini kemm tal-identifikazzjoni jew tal-verifika tal-identità ta’ dik il-persuna u tar-reġistrazzjoni ta’ dik il-persuna fl-Eurodac f’konformità mal-Artikoli 15(1)(b), 22, 23 u 24 tar-Regolament Eurodac (UE) 2024/1358 kif applikabbli.

3.   It-tfittxija fis-CIR prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha titnieda bl-użu tal-ESP f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/818. Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża l-ESP biex issir tfittxija f’sistema ta’ informazzjoni waħda jew aktar tal-UE jew fis-CIR, l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandux japplika u l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandhom jaċċessaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jew is-CIR direttament. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-aċċess mill-awtoritajiet tal-iskrinjar għas-SIS, li għaliha l-użu tal-ESP għandu jibqa’ fakultattiv.

4.   Meta d-data bijometrika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma tkunx tista’ tintuża jew meta t-tfittxija li tuża dik id-data msemmija fil-paragrafu 2 ma tirnexxix jew ma twassal għal ebda hit, it-tfittxija għandha ssir bid-data tal-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien ma’ kwalunkwe data ta’ dokument tal-identità, tal-ivvjaġġar jew dokument ieħor, jew bi kwalunkwe data jew informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b).

5.   It-tfittxijiet fis-SIS bid-data bijometrika għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1862.

6.   Il-verifiki, fejn possibbli, għandhom jinkludu wkoll il-verifika ta’ mill-inqas wieħed mill-identifikaturi bijometriċi integrati fi kwalunkwe dokument tal-identità, tal-ivvjaġġar jew dokument ieħor.

Artikolu 15

Verifika tal-kwalità

1.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għall-iskrinjar skont l-Artikolu 5 jew 7 għandha ssirilhom verifika tas-sigurtà biex jiġi vverifikat jekk jistgħux ikunu ta’ theddida għas-sigurtà interna. Il-verifika tas-sigurtà tista’ tkopri kemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif ukoll l-oġġetti fil-pussess tagħhom. Il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat għandha tapplika għal kwalunkwe tfittxija li ssir.

2.   Għall-fini li ssir il-verifika tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u sakemm ma tkunx diġà saret waqt il-verifiki msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2016/399, il-bażijiet ta’ data rilevanti tal-Unjoni, partikolarment SIS, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 (EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 (ETIAS), inkluż il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża stabbilita bid-Deċiżjoni 2004/512/KE (VIS) u s-sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/816 (ECRIS-TCN), id-data tal-Europol ipproċessata għall-fini msemmi fl-Artikolu 18(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/794, u l-bażijiet ta’ data tal-Interpol għandhom jiġu kkonsultati kif previst fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament. Jistgħu jiġu kkonsultati wkoll bażijiet tad-data nazzjonali rilevanti għal dak il-fini.

3.   Fir-rigward tal-konsultazzjoni tal-EES, l-ETIAS, bl-eċċezzjoni tal-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1240, u l-VIS skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, id-data miksuba għandha tkun limitata għall-indikazzjoni ta’ rifjuti ta’ dħul, rifjuti, annullament jew revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, jew deċiżjonijiet ta’ rifjut, annullament jew revoka ta’ viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza rispettivament, li huma bbażati fuq raġunijiet ta’ sigurtà.

F’każ ta’ hit fis-SIS, l-awtorità tal-iskrinjar li twettaq it-tfittxija għandu jkollha aċċess għad-data kollha fl-allert.

4.   Fir-rigward tal-konsultazzjoni tas-ECRIS-TCN, id-data miksuba għandha tkun limitata għal kundanni relatati ma’ reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/816.

5.   Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-proċedura u l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati għall-ksib tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 16

Arranġamenti għall-identifikazzjoni u l-verifiki tas-sigurtà

1.   It-tfittxijiet previsti fl-Artikolu 14(2) u fl-Artikolu 15(2) jistgħu jitnedew, għal tfittxijiet relatati mas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, bl-użu tad-data tal-Europol, tal-bażijiet tad-data tal-Interpol,, tal-ESP f’konformità mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/818.

2.   Meta jinkiseb hit wara tfittxija kif previst fl-Artikolu 15(2) mad-data f’waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandu jkollhom aċċess biex jikkonsultaw id-data li tikkorrispondi għal dik il-hit fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE rispettivi soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-atti legali li jirregolaw tali aċċess.

3.   Meta tinkiseb hit wara tfittxija fis-SIS, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandhom iwettqu l-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 jew (UE) 2018/1862, inkluż il-konsultazzjoni tal-Istat Membru li joħroġ l-allert permezz tal-Uffiċċju SIRENE msemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2018/1862.

4.   Fejn id-data personali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tikkorrispondi għal persuna li d-data tagħha tkun irreġistrata fl-ECRIS-TCN u ssenjalata skont l-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/816, id-data tista’ tintuża biss għall-fini tal-verifika tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament u għall-fini ta’ konsultazzjoni mar-rekords kriminali nazzjonali li għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 7c ta’ dak ir-Regolament. Ir-rekords kriminali nazzjonali għandhom jiġu kkonsultati qabel ma tingħata opinjoni skont l-Artikolu 7c ta’ dak ir-Regolament.

5.   Fejn tfittxija prevista fl-Artikolu 15(2) tirrapporta konkordanza mad-data tal-Europol, għandha tintbagħat notifika awtomatizzata, bid-data użata għat-tfittxija, lill-Europol f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 sabiex il-Europol, jekk meħtieġ, tieħu kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu, permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni previsti f’dak ir-Regolament.

6.   Tfittxijiet ta’ bażijiet ta’ data tal-Interpol kif previsti fl-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikoli 9(5) u 72(1) tar-Regolament (UE) 2019/817. Meta ma jkunx possibbli li tali tfittxijiet isiru b’mod li ebda informazzjoni ma tiġi żvelata lill-persuna responsabbli għall-allert tal-Interpol, l-iskrinjar m’għandux jinkludi t-tfittxija tal-bażijiet ta’ data tal-Interpol.

7.   Meta tinkiseb hit fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-Artikolu 35a ta’ dak ir-Regolament għandu japplika.

8.   Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-proċedura għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-iskrinjar, l-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali tal-Interpol u l-unitajiet nazzjonali tal-Europol, rispettivament, biex tiġi ddeterminata t-theddida għas-sigurtà interna. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 19(2).

Artikolu 17

Formola tal-iskrinjar

1.   L-awtoritajiet tal-iskrinjar għandhom, fir-rigward tal-persuni msemmija fl-Artikoli 5 u 7, jimlew formola li jkun fiha dan li ġej:

(a)

l-isem, id-data u l-post tat-twelid u s-sess;

(b)

l-indikazzjoni taċ-ċittadinanzi jew l-apolodija, il-pajjiżi ta’ residenza qabel il-wasla u l-lingwi mitkellma;

(c)

ir-raġuni li għaliha twettaq l-iskrinjar;

(d)

informazzjoni dwar il-verifika preliminari tas-saħħa mwettqa skont l-Artikolu 12(1), inkluż fejn, abbażi taċ-ċirkostanzi li jikkonċernaw l-istat ġenerali ta’ kull ċittadin individwali ta’ pajjiż terz, ma kinitx meħtieġa verifika ulterjuri tas-saħħa;

(e)

l-informazzjoni rilevanti dwar il-verifika preliminari tal-vulnerabbiltà mwettqa f’konformità mal-Artikolu 12(3), b’mod partikolari kwalunkwe vulnerabbiltà jew ħtieġa ta’ akkoljenza speċjali jew proċedurali identifikata;

(f)

informazzjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikunx għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

(g)

informazzjoni pprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat dwar jekk dak iċ-ċittadin għandux membri tal-familja li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru;

(h)

jekk il-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data rilevanti f’konformità mal-Artikolu 15 irriżultatx f’hit;

(i)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikunx ikkonforma mal-obbligu tiegħu li jikkoopera f’konformità mal-Artikolu 9.

2.   Fejn disponibbli, il-formola msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

ir-raġuni għall-wasla jew għad-dħul irregolari;

(b)

l-informazzjoni dwar ir-rotot ivvjaġġati, inkluż il-punt tat-tluq, il-postijiet ta’ residenza preċedenti, il-pajjiżi terzi ta’ tranżitu, pajjiżi terzi fejn setgħet ġiet mitluba jew mogħtija protezzjoni internazzjonali, u d-destinazzjoni maħsuba fl-Unjoni;

(c)

dokumenti tal-ivvjaġġar jew tal-identità li nġarru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(d)

kwalunkwe kumment u informazzjoni rilevanti oħra, inkluż kwalunkwe informazzjoni relatata f’każijiet ta’ suspett ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jew traffikar tal-bnedmin.

3.   L-informazzjoni fil-formola msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi rreġistrata b’tali mod li tkun miftuħa għal rieżami amministrattiv u ġudizzjarju matul kwalunkwe proċedura sussegwenti ta’ ażil jew ritorn.

Għandu jiġi speċifikat jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), hijiex ikkonfermata mill-awtoritajiet tal-iskrinjar jew iddikjarata mill-persuna kkonċernata.

L-informazzjoni li tinsab fil-formola għandha tkun disponibbli jew f’format stampat jew elettroniku lill-persuna kkonċernata. L-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha titħalla barra. Qabel ma l-formola tintbagħat lill-awtoritajiet rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 18(1), (2), (3) u (4), il-persuna soġġetta għall-iskrinjar għandu jkollha l-possibbiltà li tindika li l-informazzjoni li tinsab fil-formola mhijiex korretta. L-awtoritajiet tal-iskrinjar għandhom jirreġistraw kwalunkwe indikazzjoni bħal din mal-informazzjoni rilevanti kif imsemmi f’dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Tlestija tal-iskrinjar

1.   Ladarba jitlesta l-iskrinjar jew, mhux aktar tard minn meta jiskadu l-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5(1), ta’ dan ir-Regolament li ma jkunux għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet li huma kompetenti biex japplikaw proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2016/399.

Il-formola msemmija fl-Artikolu 17 għandha tintbagħat lill-awtoritajiet rilevanti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi riferut għandhom.

2.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikoli 5 u 7 li jkunu għamlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu jiġi rilokat skont l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2024/1351 jew kwalunkwe mekkaniżmu ta’ solidarjetà eżistenti ieħor, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jiġi riferut lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati flimkien mal-formola msemmija fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, li ma jkunux għamlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċeduri ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE.

5.   Meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) u fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jiġu riferuti għall-proċedura xierqa rigward il-protezzjoni internazzjonali, għal proċedura li tirrispetta d-Direttiva 2008/115/KE jew lill-awtoritajiet rilevanti ta’ Stat Membru ieħor dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom jiġu rilokati, l-iskrinjar jintemm. Meta ma jkunux tlestew il-verifiki kollha sad-dati ta’ skadenza msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, l-iskrinjar għandu madankollu jintemm fir-rigward ta’ dik il-persuna, li għandha tiġi riferuta għall-proċedura xierqa.

6.   Fejn, f’konformità mad-dritt kriminali nazzjonali, ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Artikoli 5 jew 7 ta’ dan ir-Regolament ikun soġġett għal proċeduri ta’ liġi kriminali nazzjonali, jew għal proċedura ta’ estradizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-iskrinjar. Jekk l-iskrinjar ikun diġà beda, il-formola msemmija fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament għandha tintbagħat, b’indikazzjoni taċ-ċirkostanzi li temmew l-iskrinjar, lill-awtoritajiet kompetenti għall-proċeduri skont id-Direttiva 2008/115/KE, jew, jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, lill-awtoritajiet kompetenti skont il-liġi nazzjonali għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

7.   Id-data personali maħżuna skont dan ir-Regolament għandha titħassar f’konformità mal-iskedi ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1358.

Artikolu 19

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 20

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 767/2008

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-aċċess għall-VIS sabiex tiġi kkonsultata d-data għandu jiġi riżervat esklużivament għall-persunal awtorizzat kif xieraq ta’:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u tal-korpi tal-Unjoni li huma kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 22, l-Artikoli 22g sa 22m, u l-Artikolu 45e ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, maħtura skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2018/1240, għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 18c u 18d ta’ dan ir-Regolament u għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2018/1240;

(c)

l-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dak ir-Regolament;

(d)

l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u tal-korpi tal-Unjoni li jkunu kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 20, 20a u 21 tar-Regolament (UE) 2019/817.

Tali aċċess għandu jkun limitat sal-punt li tkun meħtieġa d-data għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għal dawk il-finijiet, u għandu jkun proporzjonat għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(2)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 għandhom ikollhom ukoll aċċess għall-VIS biex jikkonsultaw id-data sabiex iwettqu verifika tas-sigurtà f’konformità mal-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Tfittxija f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandha ssir bl-użu tad-data msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2024/1356 u l-VIS għandha tirritorna hit fejn deċiżjoni biex jiġu rrifjutati, imħassra jew revokati viża, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza abbażi tar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 12(2)(a)(i),(v) u (vi) ta’ dan ir-Regolament tiġi rreġistrata f’fajl korrispondenti.

Meta tinkiseb hit, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandu jkollhom aċċess għad-data rilevanti kollha fil-fajl.”.

Artikolu 21

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2226

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6(1), jinżdied il-punt li ġej:

“(l)

tappoġġa l-objettivi tal-iskrinjar stabbiliti mir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament u tal-Kunsill (*2), b’mod partikolari għall-verifiki previsti fl-Artikoli 14 sa 16 tiegħu.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(2)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2b.   Il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 għandu jkollhom aċċess għall-EES biex jikkonsultaw id-data tal-EES.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   ‘L-aċċess għad-data tal-EES maħżuna fis-CIR għandu jiġi rriżervat esklużivament għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u għall-persunal debitament awtorizzat tal-aġenziji tal-Unjoni li jkunu kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 20, 20a u 21 tar-Regolament (UE) 2019/817 u fl-Artikoli 20, 20a u 21 tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3). Tali aċċess għandu jkun limitat skont sa fejn tkun meħtieġa d-data għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għal dawk il-finijiet, u għandu jkun proporzjonat għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.’

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).”;"

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Aċċess għad-data għall-verifika tas-sigurtà għall-finijiet tal-iskrinjar

L-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 għandu jkollhom aċċess għall-EES biex jikkonsultaw id-data sabiex iwettqu verifika tas-sigurtà f’konformità mal-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Tfittxija f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha titwettaq bl-użu tad-data msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2024/1356 u l-EES għandha tirritorna hit fejn rekord ta’ rifjut ta’ dħul ibbażat fuq ir-raġunijiet previsti fil-punti B, D, H, I u J tal-Parti B tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2016/399 ikun marbut ma’ fajl (individwali) korrispondenti. Meta tinkiseb hit, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandu jkollha aċċess għad-data rilevanti kollha fil-fajl.

Jekk il-fajl individwali ma jinkludi l-ebda data bijometrika, l-awtoritajiet tal-iskrinjar jistgħu jipproċedu biex jaċċessaw id-data bijometrika tal-persuna kkonċernata u jivverifikaw il-korrispondenza fil-VIS f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”;

(4)

fl-Artikolu 46(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-fini tal-aċċess imsemmi fl-Artikolu 9(2), (2a) u (2b).”.

Artikolu 22

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1240

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(eb)

tappoġġa l-finijiet tar-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 8(2), jinżdied il-punt li ġej:

“(i)

jagħtu opinjonijiet skont l-Artikolu 35a.”;

(3)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4a.   L-aċċess għad-data tal-identità tal-ETIAS u tad-dokument tal-ivvjaġġar maħżuna fis-CIR għandu jiġi rriżervat b’mod esklużiv għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u għall-persunal debitament awtorizzat tal-aġenziji tal-Unjoni li jkunu kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 20, 20a u 21 tar-Regolament (UE) 2019/817. Tali aċċess għandu jkun limitat sal-punt li tkun meħtieġa d-data għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għal dawk il-finijiet, u għandu jkun proporzjonat għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4b.   L-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 (l-‘awtoritajiet tal-iskrinjar’) għandu jkollhom ukoll aċċess għall-ETIAS biex jikkonsultaw id-data sabiex iwettqu l-verifiki f’konformità mal-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Tfittxija f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandha titwettaq bl-użu tad-data msemmija fl-Artikolu 14(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/1356 u l-ETIAS għandha tirritorna hit meta deċiżjoni li tirrifjuta, tannulla jew tirrevoka awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ibbażata fuq l-Artikolu 28(7) jew fuq l-Artikolu 37(1), il-punti (a), (b) u (e), ta’ dan ir-Regolament tkun inkluża f’fajl ta’ applikazzjoni korrispondenti.

Meta tinkiseb hit, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandu jkollhom aċċess għad-data rilevanti kollha fil-fajl.

Jekk it-tfittxija mwettqa skont dan il-paragrafu tindika li hemm korrispondenza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data rreġistrata fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS imsemmija fl-Artikolu 34, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS jew il-Europol li tkun daħħlet id-data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għandha tiġi nnotifikata bil-korrispondenza u għandha tkun responsabbli għall-aċċess għad-data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS u biex tagħti opinjoni f’konformità mal-Artikolu 35a.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4 u 4a ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet tal-iskrinjar imsemmija fil-paragrafu 4b ta’ dan l-Artikolu, u għandu jikkomunika lista ta’ dawk l-awtoritajiet lill-eu-LISA mingħajr dewmien, f’konformità mal-Artikolu 87(2) ta’ dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tispeċifika l-iskop li għalih il-persunal debitament awtorizzat ta’ kull awtorità għandu jkollu aċċess għad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS skont il-paragrafi 1, 2, 4 u 4a ta’ dan l-Artikolu.”;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 35a

Kompiti tal-Unità Nazzjonali tal-ETIAS u l-Europol rigward il-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS għall-fini tal-iskrinjar

1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(4b), ir-raba’ subparagrafu, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat notifika awtomatizzata jew lill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS jew lill-Europol, skont liema minnhom daħħlet id-data fil-lista ta’ sorveljanza tal-ETIAS. Fejn l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS jew il-Europol, kif xieraq, tqis li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għall-iskrinjar jista’ jkun ta’ theddida għas-sigurtà interna, hija għandha tinnotifika minnufih lill-awtoritajiet tal-iskrinjar rispettivi u tagħti opinjoni motivata lill-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-iskrinjar, fi żmien jumejn mill-wasla tan-notifika, bil-mod li ġej:

(a)

l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-iskrinjar permezz ta’ mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni sikur, li għandu jiġi stabbilit mill-eu-LISA, bejn l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS, minn naħa waħda, u l-awtoritajiet tal-iskrinjar, min-naħa l-oħra;

(b)

il-Europol għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-iskrinjar li jużaw il-kanali ta’ komunikazzjoni previsti fir-Regolament (UE) 2016/794; jekk ma tingħata ebda opinjoni, għandu jitqies li m’hemm ebda riskju għas-sigurtà.

2.   In-notifika awtomatizzata msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha d-data msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2024/1356 użata għat-tfittxija.”;

(5)

fl-Artikolu 69(1), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ea)

fejn rilevanti, referenza għal tfittxijiet imdaħħla fis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għall-finijiet tal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2024/1356, il-hits iġġenerati u r-riżultati ta’ din it-tfittxija;”.

Artikolu 23

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/817

Ir-Regolament (UE) 2019/817 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jużaw l-ESP biex ifittxu data relatata ma’ persuni jew mad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom fis-sistemi ċentrali tal-EES, tal-VIS u tal-ETIAS skont id-drittijiet ta’ aċċess tagħhom kif imsemmi fl-istrumenti legali li jirregolaw dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u fil-liġi nazzjonali. Għandhom ukoll jużaw l-ESP biex ifittxu fis-CIR f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”;

(2)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Huwa stabbilit repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (CIR), li joħloq fajl individwali għal kull persuna li tiġi rreġistrata fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac jew l-ECRIS-TCN li fiha d-data msemmija fl-Artikolu 18, għall-fini ta’ ffaċilitar u ta’ assistenza għall-identifikazzjoni korretta tal-persuni rreġistrati fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN f’konformità mal-Artikoli 20 u 20a, biex jiġi appoġġat il-funzjonament tal-MID f’konformità mal-Artikolu 21 u għall-faċilitazzjoni u l-issimplifikar tal-aċċess mill-awtoritajiet maħtura u mill-Europol għall-EES, il-VIS, l-ETIAS u l-Eurodac, fejn dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni jew għall-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 22.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fejn, minħabba falliment fis-CIR, ikun teknikament impossibbli li jsiru tfittxijiet fis-CIR għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 20 jew għall-fini ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità ta’ persuna skont l-Artikolu 20a, għad-detezzjoni ta’ identitajiet multipli skont l-Artikolu 21 jew għall-finijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 22, l-utenti tas-CIR għandhom jiġu notifikati mill-eu-LISA b’mod awtomatizzat.”;

(3)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-awtoritajiet li jaċċessaw is-CIR għandhom jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont l-istrumenti legali li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, u skont il-liġi nazzjonali u f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

L-aċċess għar-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l -identifikazzjoni jew verifika tal-identità skont ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*5)

1.   It-tfittxijiet fis-CIR għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet tal-iskrinjar kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tar-Regolament (UE) 2024/1356 (l-‘awtoritajiet tal-iskrinjar’) għall-fini ta’ identifikazzjoni jew verifika tal-identità tal-persuna skont l-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament, dment li l-proċess ikun inbeda fil-preżenza ta’ dik il-persuna.

2.   Fejn it-tfittxija tindika li d-data dwar dik il-persuna hija maħżuna fis-CIR, l-awtoritajiet tal-iskrinjar għandu jkollhom aċċess biex jikkonsultaw id-data msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll id-data msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj).”;"

(5)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2017/2226, għall-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u għall-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-eu-LISA għandha żżomm reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data fis-CIR f’konformità mal-paragrafi 2, 2a, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-eu-LISA għandha żżomm reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data skont l-Artikolu 20a fis-CIR. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

l-Istat Membru li jkun qed iniedi t-tfittxija;

(b)

l-iskop tal-aċċess tal-utent li jagħmel tfittxija permezz tas-CIR;

(c)

id-data u l-ħin tat-tfittxija;

(d)

it-tip ta’ data użata għat-tnedija tat-tfittxija;

(e)

ir-riżultati tat-tfittxija.”;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Kull aġenzija ta’ Stat Membru għandha żżomm reġistru tat-tfittxijiet li l-awtoritajiet tagħha u l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet li huwa debitament awtorizzat biex juża s-CIR jagħmlu skont l-Artikoli 20, 20a, 21 u 22. Kull aġenzija tal-Unjoni għandha żżomm reġistri tat-tfittxijiet li jagħmel il-persunal debitament awtorizzat tagħha skont l-Artikoli 21 u 22.”.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

Sat-12 ta’ Ġunju 2028, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Sat-12 ta’ Ġunju 2031, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja għall-preparazzjoni ta’ dak ir-rapport sat-12 ta’ Diċembru 2030, u kull ħames snin wara dan.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Ġunju 2026.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 16 relatati ma’ tfittxijiet fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, fis-CIR u fl-ESP għandhom jibdew japplikaw biss ladarba s-sistemi ta’ informazzjoni individwali rilevanti, is-CIR u l-ESP jibdew jaħdmu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 155, 30.4.2021, p. 58.

(2)   ĠU C 175, 7.5.2021, p. 32.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/1358 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika sabiex jiġu applikati b’mod effettiv ir-Regolamenti (UE) 2024/1351 u (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE u sabiex jiġi identifikat ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi b’soġġorn illegali u dwar talbiet għat-tqabbil mad-data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1358, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1358/oj).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L, 2024/1346, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1346/oj).

(9)  Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(24)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(28)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(29)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(30)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(31)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(32)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(33)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(34)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(35)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att ta’ Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)