SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)
29 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/679 – Deċiżjoni vinkolanti li tagħti struzzjonijiet lil awtorità superviżorja ewlenija sabiex testendi l-kamp tal-investigazzjoni u tfassal abbozz ta’ deċiżjoni addizzjonali – Kompetenza tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data”
Fil-Kawżi magħquda T‑70/23, T‑84/23 u T‑111/23,
Data Protection Commission, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn D. Young, A. Bateman, R. Minch, M. Delargy, K. Donnelly, solicitors, B. Kennelly, SC, D. Fennelly, E. Synnott u R. Costello, barristers,
rikorrenti,
vs
Comité européen de la protection des données, irrappreżentat minn I. Vereecken, C. Foglia u M. Gufflet, bħala aġenti, assistiti minn G. Ryelandt, E. de Lophem u P. Vernet, avocats,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),
komposta minn O. Porchia, Presidenta, M. Jaeger, L. Madise (Relatur), P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,
Reġistratur: M. Zwozdziak-Carbonne, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑16 ta’ April 2024,
tagħti l-preżenti
|
1 |
Permezz tar-rikorsi tagħha bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Data Protection Commission, l-awtorità superviżorja Irlandiża fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet vinkolanti 3/2022, 4/2022 u 5/2022 tal-Comité européen de la protection des données (il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem iċ-“CEPD”), tal‑5 ta’ Diċembru 2022, dwar tilwimiet bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li nibtu minn abbozzi ta’ deċiżjoni tar-rikorrenti li jikkonċernaw rispettivament in-network soċjali Facebook, in-network soċjali Instagram u s-servizz ta’ messaġġerija WhatsApp, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet vinkolanti jordnawlha twettaq investigazzjonijiet ġodda dwar l-ipproċessar ta’ data marbuta mal-użu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u tiżviluppa abbozzi ta’ deċiżjoni addizzjonali fuq din il-bażi. |
Il-fatti u l-proċedura
[omissis]
|
6 |
Wara skambji mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, ir-rikorrenti kkonstatat li ma kienx hemm kunsens dwar l-oġġezzjonijiet ifformulati fir-rigward tal-abbozzi ta’ deċiżjoni tagħha u adixxiet liċ-CEPD fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza stabbilit fir-Regolament 2016/679, konformement mal-Artikolu 60(4) tiegħu. |
|
7 |
Wara l-eżami tat-tliet fajls, iċ-CEPD adotta d-Deċiżjonijiet vinkolanti 3/2022, 4/2022 u 5/2022 fil‑5 ta’ Diċembru 2022, abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679. F’dawn it-tliet deċiżjonijiet vinkolanti, iċ-CEPD qabelxejn qies li l-parti l-kbira tal-oġġezzjonijiet ifformulati fir-rigward tal-abbozzi ta’ deċiżjoni tar-rikorrenti kienu rilevanti u mmotivati, fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, u li huwa seta’ jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet li huma qajmu. F’dan ir-rigward, iċ-CEPD approva fuq il-mertu ċertu numru minn dawn l-oġġezzjonijiet li huwa kien qies rilevanti u motivati. [omissis] |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
Iċ-CEPD, fit-tliet kawżi, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
|
17 |
Fit-tliet kawżi, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-fatt li ċ-CEPD mar lil hinn mill-kompetenza mogħtija lilu mill-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679 billi impona fuqha, f’kull waħda mid-deċiżjonijiet vinkolanti inkwistjoni, minn naħa, it-twettiq ta’ investigazzjoni ġdida dwar aspetti li għadhom ma ġewx eżaminati u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ deċiżjoni addizzjonali, konformement mal-Artikolu 60(3) tal-istess regolament, abbażi tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ġdida. [omissis] |
Fuq il-motiv uniku bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza taċ-CEPD li jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati
[omissis]
|
29 |
Dan premess, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-prinċipju, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, Mensing, C‑264/17, EU:C:2018:968, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, ċerti argumenti tar-rikorrenti jirriżultaw ukoll minn kunsiderazzjonijiet jew minn prinċipji meħuda lil hinn mir-Regolament 2016/679 innifsu. Il-Qorti Ġenerali ser tiddeċiedi għalhekk dwar il-portata tal-kompetenza taċ-CEPD skont l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679 billi teżamina, sa fejn ikun meħtieġ, qabelxejn l-argumenti tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest ta’ analiżi letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika ta’ dan ir-regolament, imbagħad dawk ibbażati fuq il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kompetenza lil korp tal-Unjoni, fuq il-karatteristiċi tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fuq livell nazzjonali u fuq l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni inkarigati mill-protezzjoni tad-data personali. |
Fuq l-argumenti dwar il-portata tal-kompetenza taċ-CEPD skont l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679 imressqa fil-kuntest ta’ analiżi letterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tal-imsemmi regolament
|
30 |
Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a), tal-Artikolu 65(6) kif ukoll tal-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 sabiex issostni li ċ-CEPD ma għandux kompetenza sabiex jimponi fuq awtorità superviżorja ewlenija, f’deċiżjoni vinkolanti adottata skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li testendi l-investigazzjoni tagħha u li tippreżenta abbozz ta’ deċiżjoni ġdid sabiex tislet il-konklużjonijiet minn din l-investigazzjoni addizzjonali. Hija tinvoka wkoll f’dan is-sens il-premessi 126 u 136 ta’ dan ir-regolament. |
|
31 |
L-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679 jipprovdi: “Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament f’każijiet individwali, [iċ-CEDP] għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti […] fejn […] awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwitx l-oġġezzjoni jew tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b’mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament.” |
|
32 |
Il-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jiddefinixxi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata kif ġej: “[O]ġġezzjoni għal abbozz ta’ deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament, jew jekk azzjoni maħsuba fir-rigward tal-kontrollur jew il-proċessur tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, li turi b’mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta’ deċiżjoni rigward id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u fejn applikabbli, iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni”. |
|
33 |
L-Artikolu 65(6) tar-Regolament 2016/679 jindika kif ġej: “L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li [ic-CEPD] jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. […] Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f’dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku [taċ-CEPD] f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.” |
|
34 |
Skont ir-rikorrenti, it-tliet dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq jillimitaw il-portata ta’ deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD, adottata abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679, għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżijiet imwettqa fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija trażmess lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati mill-fajl. Fil-fatt, tali deċiżjoni vinkolanti tista’ biss tagħti segwitu għal oġġezzjoni rilevanti u motivata, li għandha tirrigwarda l-kontenut tal-abbozz ta’ deċiżjoni u mhux dak li ma jinsabx fih. L-effett legali tad-deċiżjoni vinkolanti huwa limitat għall-emendi li, skont l-Artikolu 65(6) tal-istess regolament, għandha tagħmel l-awtorità superviżorja kompetenti, f’terminu ta’ xahar min-notifika tagħha, fid-deċiżjoni finali meta mqabbla mal-abbozz ta’ deċiżjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni vinkolanti tista’ tirrigwarda biss l-interpretazzjoni korretta tar-Regolament 2016/679 fir-rigward ta’ dak li jinsab fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija u d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jagħtu ebda setgħa liċ-CEPD jagħti lil din l-awtorità istruzzjonijiet dwar suġġett ieħor, pereżempju jobbligaha tinvestiga jew tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni ġdid. |
|
35 |
Madankollu, din l-interpretazzjoni hija restrittiva fid-dawl tat-test tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679 jinkludi fil-kunċett ta’ “oġġezzjoni rilevanti u motivata”“oġġezzjoni għal abbozz ta’ deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament […] li turi b’mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta’ deċiżjoni għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data”. Madankollu, għalkemm l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi li deċiżjoni vinkolanti adottata f’dan ir-rigward “għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata”, xejn ma jipprojbixxi li tali oġġezzjoni tirrigwarda l-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ analiżi, f’dan l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija, ta’ aspett tal-fajl, li jipprekludi li jsir magħruf jekk hemmx ksur tal-imsemmi regolament fuq dan l-aspett. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-termini “oġġezzjoni għal abbozz ta’ deċiżjoni” ma humiex limitati għall-oġġezzjonijiet għal kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Konsegwentement, peress li d-deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ oġġezzjonijiet rilevanti u motivati, xejn ma jipprekludi li, meta ċ-CEDP japprova oġġezzjoni rilevanti u motivata dwar assenza jew insuffiċjenza ta’ din in-natura, din id-deċiżjoni tkun tinkludi ordni lill-awtorità superviżorja ewlenija sabiex timla’ dan in-nuqqas ta’ analiżi u, jekk dan ikun jidher neċessarju fid-dawl tal-fajl fil-pussess taċ-CEPD, sabiex tapprofondixxi jew testendi għal dan l-għan l-investigazzjoni mwettqa sa dak iż-żmien. Fil-fatt, jekk jidher li l-fajl huwa insuffiċjenti sabiex titwettaq b’mod sħiħ l-analiżi meħtieġa, dan għandu jwassal sabiex iċ-CEPD ikun jista’ jimponi fuq l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija investigazzjoni addizzjonali. |
|
36 |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-formulazzjoni tat-tliet dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq, ikkunsidrati flimkien, ma tillimitax il-portata ta’ deċiżjoni vinkolanti biss għall-emendi immedjati li għandhom isiru lill-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentat mill-awtorità superviżorja ewlenija sabiex tiġi adottata deċiżjoni finali fil-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 65(6) tar-Regolament 2016/679, jiġifieri biss għall-emendi li jirrigwardaw il-kontenut tal-abbozz ta’ deċiżjoni u mhux dak li ma jinsabx fih. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tippreċiża l-modalitajiet ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni finali meta din tista’ immedjatament issegwi deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm bżonn ta’ tkomplija ta’ investigazzjoni jew ta’ analiżi iktar wiesgħa jew iktar fil-fond ta’ ċerti aspetti tal-fajl. Din ma tikkostitwixxix dispożizzjoni dwar il-kontenut possibbli ta’ deċiżjoni vinkolanti, li huwa ddeterminat mill-bażi legali li abbażi tagħha tiġi adottata din id-deċiżjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679, li għandu jinqara huwa stess flimkien mal-punt 24 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “oġġezzjoni rilevanti u motivata”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 65(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi tipi differenti ta’ deċiżjonijiet vinkolanti taċ-CEPD li ma jimplikawx neċessarjament l-adozzjoni konsekuttiva u immedjata ta’ deċiżjoni finali ta’ awtorità superviżorja. [omissis] |
|
38 |
L-analiżi letterali magħmula fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq tat-tliet dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq ma tistax tiġi invalidata mill-formulazzjoni tal-premessi 126 u 136 tar-Regolament 2016/679, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Fil-fatt, fl-ewwel wieħed minn dawn il-premessi, billi jindika li “[i]d-deċiżjoni għandha tiġi maqbula [adottata] b’mod konġunt mill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati”, il-leġiżlatur bl-ebda mod ma jillimita l-kwistjoni tal-portata tal-analiżi li tali deċiżjoni għandha tkopri f’każ partikolari għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għajr l-awtorità superviżorja ewlenija, għall-kuntrarju, peress li “d-deċiżjoni” timmaterjalizza mhux biss mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fiha, iżda wkoll mill-kamp tal-aspetti li hija tkopri. Konsegwentement, għalkemm ma jkunx hemm kunsens dwar dan il-punt bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u ċ-CEPD ikun adit f’dan ir-rigward, il-formulazzjoni ta’ din il-premessa ma teskludix li ċ-CEPD jista’ jimponi estensjoni tal-analiżi u, jekk ikun neċessarju, tal-investigazzjoni. Bl-istess mod, il-premessa 136 tar-Regolament 2016/679 tindika li ċ-CEDP “għandu joħroġ […] deċiżjonijiet legalment vinkolanti f’każijiet speċifikati b’mod ċar fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti fost l-awtoritajiet superviżorji, b’mod partikolari fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar il-merti tal-każ, b’mod partikolari jekk kienx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament”. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-kamp tal-investigazzjoni ma jaqax taħt aspett proċedurali, iżda taħt il-mertu tal-fajl, peress li jiddetermina l-portata ta’ dak li għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi evalwat jekk l-ipproċessar tad-data inkwistjoni josservax ir-Regolament 2016/679. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, jista’ minn issa jiġi miċħud argument ieħor tar-rikorrenti, li jgħid li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “oġġezzjoni rilevanti u motivata”, magħmula fil-punt 35 iktar ’il fuq, tagħti l-possibbiltà liċ-CEPD jindirizza lill-awtorità superviżorja ewlenija ordnijiet li jikkonċernaw is-setgħat kollha miżmuma minn din l-awtorità bil-kundizzjoni biss li l-kwistjoni mqajma minn awtorità superviżorja kkonċernata tiġi kklassifikata bħala oġġezzjoni rilevanti u motivata fis-sens hekk adottat. Kif jindika l-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tirrigwarda biss aspett relatat mal-kwistjoni dwar jekk dan ir-regolament huwiex osservat jew jekk il-miżuri korrettivi previsti fir-rigward tal-kontrollur jew tal-proċessur humiex huma stess konformi miegħu. Tali oġġezzjoni tista’ għalhekk tirrigwarda biss il-mertu tal-proċess u s-setgħat deċiżjonali finali tal-awtorità superviżorja ewlenija, b’mod partikolari previsti fl-Artikolu 58(2) tal-istess regolament, li jaqgħu wkoll fil-mertu. Konsegwentement, tali oġġezzjoni ma tistax tirrigwarda t-twettiq tal-investigazzjoni nnifisha (għall-kuntrarju tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni), li hija bbażata fuq is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament 2016/679. |
|
40 |
L-analiżi letterali tal-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679, magħmula billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjonijiet tal-punt 24 tal-Artikolu 4, tal-Artikolu 65(6) u tal-premessi 126 u 136 tal-istess regolament, tmur għalhekk fis-sens tal-kompetenza taċ-CEPD sabiex jadotta dispożizzjonijiet, bħad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jagħtu struzzjonijiet lir-rikorrenti sabiex twettaq investigazzjoni ġdida fuq ċerti aspetti tal-fajls inkwistjoni u tadotta sussegwentement f’dan ir-rigward abbozzi ta’ deċiżjoni ġodda. Għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tal-interpretazzjonijiet kuntestwali u teleoloġiċi tar-Regolament 2016/679 humiex ta’ natura li jikkontradixxu r-riżultati ta’ din l-ewwel analiżi. [omissis] |
|
43 |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati minn każ, deskritta fl-Artikolu 60 tar-Regolament 2016/679, li tista’ tinvolvi l-bidu tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza żgurat miċ-CEPD, previst fil-paragrafu 4, ma hijiex proċedura “f’sens uniku” li fiha l-istadji jkunu dejjem marbuta fl-ordni tad-dispożizzjonijiet li jippreveduhom, mingħajr il-possibbiltà ta’ ritorn fi stadju preċedenti jew ta’ żamma temporanja fl-istess stadju. Għalhekk, pereżempju, billi telqet mis-sitwazzjoni mressqa mir-rikorrenti, prevista fil-paragrafu 5, li fiha l-awtorità superviżorja ewlenija kellha l-intenzjoni li ssegwi hija stess l-oġġezzjonijiet ta’ awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra fformulati fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha ppreżentat skont il-paragrafu 3, u li fiha hija ppreżentat lil dawn l-awtoritajiet abbozz ta’ deċiżjoni rrevedut, il-proċedura tista’ tiżviluppa b’diversi modi. Fl-assenza ta’ oġġezzjoni minn dawn l-awtoritajiet għall-abbozz rivedut, id-deċiżjoni finali għandha sussegwentement tiġi adottata direttament skont il-paragrafi 6 sa 9. Fil-każ kuntrarju, jiġifieri fil-preżenza ta’ oġġezzjonijiet għall-abbozz rivedut, jekk l-awtorità superviżorja ewlenija taċċettahom kompletament jew parzjalment, il-fażi prevista fil-paragrafu 5 għandha tiġġedded, bil-ħtieġa li l-awtorità superviżorja ewlenija tippreżenta abbozz rivedut ġdid li jieħu inkunsiderazzjoni l-oġġezzjonijiet li tkun aċċettat. Jekk l-awtorità superviżorja ewlenija ma taċċettax l-oġġezzjonijiet kollha jew parti minnhom għall-abbozz rivedut, hija għandha, skont il-paragrafu 4, tiskatta l-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza billi tirreferi l-kwistjoni liċ-CEDP abbażi tal-abbozz tad-deċiżjoni rivedut l-iżjed komplet. |
|
44 |
Fir-risposta tiegħu, iċ-CEPD jipprovdi eżempju ieħor li juri li l-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati minn każ, prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament 2016/679, ma hijiex neċessarjament “f’sens uniku”. Wara oġġezzjonijiet ta’ awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra fformulati fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha ppreżentat skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità superviżorja ewlenija tista’ hija stess tqis li, minflok ma tippreżenta mill-bidu abbozz ta’ deċiżjoni revedut jew tagħti bidu għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza, jittieħed pass lura u jiġi approfondit l-eżami qabel ma jiġi ppreżentat mill-ġdid abbozz ta’ deċiżjoni skont l-istess paragrafu 3. Iċ-CEPD jindika li l-awtorità superviżorja Franċiża pproċediet b’dan il-mod f’każ. |
|
45 |
Bl-istess mod, fil-każ ta’ intervent taċ-CEPD skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu u ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni vinkolanti, diversi ipoteżijiet huma possibbli. Jekk l-aspetti rilevanti kollha tal-każ ikunu ġew indirizzati b’mod suffiċjenti fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija, din jew, jekk ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment, jistgħu jadottaw, skont il-paragrafi 6 sa 9 tal-istess artikolu, deċiżjoni jew deċiżjonijiet finali li jagħlqu l-każ, billi b’mod partikolari jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD. Jekk, għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD jitqies, wara oġġezzjonijiet ifformulati f’dan is-sens, li l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija ma jittrattax, jew ma jittrattax b’mod suffiċjenti, l-aspetti rilevanti kollha tal-każ u, jekk ikun il-każ, li ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni jkun għalhekk neċessarju, deċiżjoni finali parzjali jew deċiżjonijiet finali parzjali jistgħu eventwalment jiġu adottati mill-awtorità superviżorja ewlenija jew mill-awtorità superviżorja li quddiemha jkun ġie ppreżentat l-ilment, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, iżda l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha b’mod parallel tikkompleta l-analiżi tagħha, wara li, jekk ikun il-każ, tkun wettqet investigazzjoni ġdida, bl-għan li tippreżenta, konformement mal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, abbozz ta’ deċiżjoni addizzjonali lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. |
|
46 |
Ir-rikorrenti tressaq it-tieni argument abbażi tal-interpretazzjoni kuntestwali li, moqri fid-dawl tal-premessa 141 tar-Regolament 2016/679, l-Artikolu 57(1)(f) ta’ dan l-istess regolament, li jindika li l-awtorità superviżorja tittratta l-ilmenti u teżamina s-suġġett tagħhom sa fejn huwa neċessarju, juri li l-kamp tal-investigazzjoni li għandha ssir wara lment jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, bla ħsara biss għal stħarriġ ġudizzjarju nazzjonali. |
|
47 |
Fil-premessa 141 tar-Regolament 2016/679 huwa indikat dan li ġej: “Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, u jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv […] jekk is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament jew fejn l-awtorità superviżorja ma tiħux azzjoni b’rabta ma’ ilment, tirrifjuta jew tiċħad l-ilment parzjalment jew kompletament jew ma tiħux azzjoni fejn tali azzjoni tkun meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. L-investigazzjoni li ssegwi l-ilment għandha titwettaq, soġġett għal stħarriġ ġudizzjarju, dment li tkun adatta fil-każ speċifiku. […]” |
|
48 |
L-Artikolu 57(1)(f) tar-Regolament 2016/679 u l-kunsiderazzjonijiet invokati mir-rikorrenti madankollu ma jwasslux sabiex ineħħu l-kwistjoni tan-natura xierqa tal-kamp tal-investigazzjoni mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni kkonċernati u ta’ kontroll tal-koerenza miċ-CEPD. |
|
49 |
Fil-fatt, l-Artikolu 57 tar-Regolament 2016/679, li jikkonċerna l-kompiti kollha tal-awtoritajiet superviżorji, jipprovdi bħala l-ewwel kompitu, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, dak li jsir kontroll tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u li tiġi żgurata l-osservanza tiegħu. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet sostanzjalment ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-analiżi tal-kundizzjonijiet li fihom isir ipproċessar tad-data personali u tal-konformità tiegħu ma’ dan ir-regolament ma għandhiex tkun limitata għal dak li jsostni ilment ta’ lanjant. |
|
50 |
Fuq kollox, li jiġu żgurati b’mod sħiħ il-kompiti previsti fl-Artikolu 57(1)(a) u (f) tar-Regolament 2016/679, li tiġi żgurata l-osservanza tiegħu u li l-ilmenti jiġu ttrattati sa fejn ikun neċessarju, jimplika li jinżamm kamp ta’ analiżi xieraq tal-fajl fir-rigward tal-ilment li jkun ta lok għalih, iżda wkoll fid-dawl tal-elementi l-oħra li jistgħu jikkompletawh. Din l-analiżi għandha twassal, peress li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni jkun transkonfinali, għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kriterju li għandu jiġi ssodisfatt sabiex kwistjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD, adottata abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-imsemmi regolament, huwa li tkun tat lok għal oġġezzjoni rilevanti u motivata, kif iddefinita fil-punt 24 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament. L-oġġezzjoni rilevanti u motivata, skont id-definizzjoni tagħha, tirrigwarda aspetti li l-analiżi tagħhom taqa’ tabilħaqq taħt iż-żewġ kompiti imsemmija iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-fatt li oġġezzjoni rilevanti u motivata tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi u, jekk ikun il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni u li ċ-CEPD jagħti segwitu għaliha bl-ebda mod ma jikkomprometti dawn il-kompiti. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjonijiet intermedji tal-awtoritajiet superviżorji wara lment jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali ma jipprekludix li l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija jkun jista’ min-naħa tiegħu jkun is-suġġett, fil-limiti materjali assenjati lill-mekkaniżmu tal-kontroll tal-koerenza stabbilit fir-Regolament 2016/679, ta’ kontroll miċ-CEPD. |
|
51 |
L-argumenti tar-rikorrenti mressqa skont l-interpretazzjoni kuntestwali għalhekk ma jippermettux li tiġi sostnuta l-pożizzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ kompetenza taċ-CEPD sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
52 |
Għall-kuntrarju, il-kuntest ġenerali tal-obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati minn każ, stabbilit fir-Regolament 2016/679, jikkonferma l-kompetenza taċ-CEPD f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-Artikolu 60(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi b’mod partikolari li “[l]-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens”. L-Artikolu 60(3) tal-istess regolament jippreċiża li “[l]-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra” u li hija “għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni […] għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom”. |
|
53 |
Minn dan jirriżulta li l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tirrigwarda b’mod partikolari l-analiżi tal-każ fl-intier tiegħu u t-tfassil tad-deċiżjoni, u li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tfittex il-kunsens tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’dan ir-rigward. Xejn fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jippermetti li jiġi eskluż minn dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni l-kamp tal-analiżi li għandha ssir u lanqas, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni tal-kamp tal-investigazzjoni preliminari li għandha ssir. Fis-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et (C‑645/19, EU:C:2021:483, punti 63 u 64), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret in-natura indispensabbli tad-djalogu u tal-kooperazzjoni leali u effikaċi bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni kkonċernati minn każ. |
|
54 |
Mill-punti 41 sa 53 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-kuntest li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 jikkonferma l-analiżi letterali mwettqa preċedentement. |
|
55 |
Skont interpretazzjoni teleoloġika, ir-rikorrenti ssostni, qabelxejn, li r-rikonoxximent liċ-CEPD tas-setgħa li jimponi fuq awtorità superviżorja ewlenija l-fatt li tfassal abbozz ta’ deċiżjoni addizzjonali u li testendi minn qabel għal dan l-għan il-kamp tal-investigazzjoni tagħha huwa inkompatibbli mal-għanijiet tal-mekkaniżmu tal-“punt uniku ta’ servizz” mixtieq mil-leġiżlatur meta adotta r-Regolament 2016/679. L-istabbiliment ta’ awtorità superviżorja unika għall-persuni kkonċernati kien intiż b’mod partikolari sabiex jevitalhom spejjeż superfluwi u inkonvenjenzi eċċessivi, kif tindika l-premessa 129 ta’ dan ir-regolament. Il-ftuħ mill-ġdid ta’ investigazzjoni minħabba sempliċi nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jikser dan l-għan, billi jobbliga lill-awturi tal-ilmenti u lill-impriżi msemmija jaffaċċjaw it-tkomplija tal-investigazzjoni, bi spejjeż u inkonvenjenzi, minkejja li din il-fażi kellha tintemm. |
|
56 |
Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li punt uniku ta’ servizz jissodisfa għan ta’ semplifikazzjoni ta’ natura proċedurali li ma jistax jipprevali fuq l-għan essenzjali tar-Regolament 2016/679 li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali tal-persuni fiżiċi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom. L-ewwel premessa tal-imsemmi regolament tfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16(1) TFUE jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha. Estensjoni ta’ investigazzjoni, neċessarjament mitluba minn mill-inqas nofs l-awtoritajiet superviżorji fil-kuntest taċ-CEPD, ma hijiex intiża, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li tikkomplika l-kompitu tal-persuna li tkun ressqet ilment jew dak tal-kontrollur ikkonċernat minnha, iżda tikkostitwixxi miżura sabiex jiġu difiżi d-drittijiet rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, investigazzjoni u analiżi tal-awtorità superviżorja ewlenija li tkopri qabelxejn l-aspetti kollha neċessarji għat-tfassil ta’ deċiżjoni finali kompleta dwar il-każ inkwistjoni jippermettu li jiġu evitati l-inkonvenjenzi msemmija mir-rikorrenti. |
|
57 |
L-argument tar-rikorrenti, li l-ftuħ mill-ġdid ta’ investigazzjoni jdewwem ir-regolament definittiv tal-aspetti diġà analizzati u deċiżi, għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
58 |
Fil-fatt, kif barra minn hekk għamlet f’dan il-każ ir-rikorrenti, f’tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha għall-kuntrarju tadotta deċiżjoni finali dwar l-aspetti sostantivi analizzati u deċiżi wara deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD fit-terminu previst fl-Artikolu 65(6) tar-Regolament 2016/679. Dan ma jipprekludihx milli jwettaq investigazzjoni ulterjuri u milli janalizza l-aspetti tal-każ li għadhom ma ġewx eżaminati. |
|
59 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li n-nuqqas ta’ intervent taċ-CEPD fid-determinazzjoni tal-kamp tal-analiżi li għandu jqajjem każ, li jikkostitwixxi kwistjoni preliminari jew proċedurali, ma jipprekludix il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet superviżorji. |
|
60 |
Madankollu, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni huwa limitat meta l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati ma jirnexxilhomx jilħqu kunsens. Hija f’din is-sitwazzjoni, espressament prevista fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament 2016/679, li l-kwistjoni mhux kunsenswali għandha tiġi suġġetta mill-awtorità superviżorja ewlenija għall-mekkaniżmu ta’ konsistenza, li jwassal għal deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD, kif tindika din id-dispożizzjoni. |
|
61 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti targumenta li tali assenza ta’ kunsens issib soluzzjoni fl-użu tal-istħarriġ ġudizzjarju nazzjonali. Hija tfakkar li l-Artikolu 58(4) u l-premessa 141 tar-Regolament 2016/679 jindikaw li l-investigazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. |
|
62 |
Huwa minnu li jekk iċ-CEPD ma setax isolvi problema marbuta mal-kamp tal-analiżi mwettqa mill-awtorità superviżorja ewlenija, il-qorti nazzjonali tista’ tintervjeni f’dan ir-rigward. Madankollu, ir-Regolament 2016/679 jipprevedi li l-problemi mqajma fil-kuntest ta’ oġġezzjoni rilevanti u motivata ta’ awtorità superviżorja kkonċernata, fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, huma rregolati fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u, jekk ikun il-każ, ta’ superviżjoni tal-konsistenza, bejn awtoritajiet superviżorji. Kif ġie analizzat preċedentement, problema li tikkonċerna l-kamp tal-analiżi u, jekk ikun il-każ, dak tal-investigazzjoni mwettqa mill-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tqajjem oġġezzjoni rilevanti u motivata fis-sens iċċitat iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-possibbiltà li tiġi adita l-qorti nazzjonali dwar problema ta’ din in-natura, li barra minn hekk ma tkunx neċessarjament faċli għal lanjant residenti fi Stat differenti minn dak tal-awtorità superviżorja ewlenija, ma tistax timplika li n-nuqqas ta’ qbil persistenti bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati dwar il-kwistjonijiet li kienu s-suġġett ta’ oġġezzjonijiet rilevanti u mmotivati ma jistgħux jiġu solvuti fi ħdan iċ-CEPD. |
|
63 |
Mill-punti 55 sa 62 iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-għanijiet tar-Regolament 2016/679 jikkonferma wkoll l-analiżi letterali mwettqa preċedentement. [omissis] |
Fuq l-argumenti bbażati fuq il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kompetenza lil korp tal-Unjoni, fuq il-karatteristiċi tal-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq fil-livell nazzjonali u fuq l-indipendenza tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni inkarigati mill-protezzjoni tad-data ta’ natura personali
|
65 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ kompetenza lil korp tal-Unjoni ma jippermettux li r-Regolament 2016/679 jiġi interpretat fis-sens żviluppat mill-analiżijiet preċedenti, jiġifieri dak li jipprovdi li huwa jagħti l-ġurisdizzjoni kkontestata liċ-CEPD. |
|
66 |
Ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 5 TUE sabiex tfakkar li l-Unjoni tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha. Dan il-prinċipju japplika għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-korpi tal-Unjoni, bħaċ-CEPD. Dawn tal-aħħar huma barra minn hekk suġġetti għad- “duttrina Meroni” li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), applikabbli għall-korpi tal-Unjoni, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punti 53 u 54). Din id-duttrina timponi li s-setgħat tal-korpi tal-Unjoni jiġu ddefiniti b’mod preċiż u jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti lill-korp ikkonċernat. B’mod partikolari, fil-punt 45 tat-tieni sentenza msemmija iktar ’il fuq, ġie kkonstatat li s-setgħa tal-ESMA diskussa f’din il-kawża, finalment ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet irregolata minn diversi kriterji u kundizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni ta’ din l-awtorità. Fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF (C‑911/19, EU:C:2021:599, punti 67 u 75), dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li setgħa ta’ korp tal-Unjoni kellha tkun espliċitament prevista mil-leġiżlatur u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa kellu jkun rigoruż. |
|
67 |
Dawn il-prinċipji applikati fil-ġurisprudenza jikkonċernaw fil-fatt iċ-CEPD li ġie stabbilit bħala korp tal-Unjoni fl-Artikolu 68 tar-Regolament 2016/679. |
|
68 |
Għaldaqstant, qabelxejn għandu jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni adottata, preċedentement f’din is-sentenza, tippermettix li jitqies li l-eżerċizzju tas-setgħa taċ-CEPD, meta jimponi fuq awtorità superviżorja ewlenija li testendi l-analiżi tagħha u, jekk ikun il-każ, l-investigazzjoni tagħha, “huwa rregolat b’diversi kriterji u kundizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ azzjoni [tagħha]”, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-setgħa tal-ESMA li kienet ikkontestata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18). |
|
69 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679, moqri flimkien mal-punt 24 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, din is-setgħa li tiġi imposta fuq awtorità superviżorja ewlenija l-estensjoni tal-analiżi tagħha u, jekk ikun il-każ, tal-investigazzjoni tagħha tista’ tiġi implimentata biss wara l-formulazzjoni, minn awtorità superviżorja kkonċernata, ta’ oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija dwar il-każ inkwistjoni, dwar in-nuqqas ta’ analiżi ta’ aspett ta’ “jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament [2016/679] jew jekk azzjoni maħsuba fir-rigward tal-kontrollur jew il-proċessur tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament” u li turi “b’mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta’ deċiżjoni rigward id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data u, fejn applikabbli, iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni”. |
|
70 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament 2016/679, l-implimentazzjoni tas-setgħa msemmija iktar ’il fuq tippreżupponi li fi ħdan iċ-CEPD, maġġoranza ta’ żewġ terzi, jew tal-inqas nofs il-membri tiegħu f’ċerti ċirkustanzi, fosthom, fil-każ ta’ numru ugwali ta’ voti, il-President, ikunu, essenzjalment, approvaw din l-oġġezzjoni rilevanti u motivata u l-azzjoni li għandha tittieħed. Għaldaqstant, numru sinjifikattiv ta’ awtoritajiet superviżorji għandhom jikkonfermaw in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ analiżi ta’ aspett importanti tal-każ inkwistjoni u jaqblu dwar is-segwitu li għandu jingħata mill-awtorità superviżorja ewlenija sabiex dan jiġi rrimedjat. F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-CEPD huwa huwa stess kompost minn numru kbir ta’ awtoritajiet indipendenti speċjalizzati fil-qasam, u, konsegwentement, mill-fatt li opinjoni konverġenti maġġoritarja tagħhom fi ħdanu tagħti garanziji fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa. Barra minn hekk, għalkemm il-kunċett ta’ “oġġezzjoni rilevanti u motivata”, imfakkar fil-punt 69 iktar ’il fuq, ċertament iħalli lok għal marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ksur tar-Regolament 2016/679 mill-kontrollur jew mill-proċessur ikkonċernat jew jekk tali aspett għandux jiġi eżaminat sabiex isir magħruf, dawn id-domandi madankollu kollha jirreferu għal regoli legali preċiżi li jinsabu f’dan ir-regolament, fatt li ma jippermettix l-eżerċizzju ta’ “setgħa diskrezzjonali wiesgħa”. |
|
71 |
Fil-qosor, fir-rigward tal-kwistjoni tal-qafas tas-setgħa taċ-CEPD, ikkontestata mir-rikorrenti, għandu għalhekk jiġi kkonstatat, minn naħa, li din is-setgħa hija implimentata biss fil-każ ta’ insuffiċjenza identifikata sew tal-analiżi tal-awtorità superviżorja ewlenija fl-ipproċessar tal-każ, li jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi, kif jirriżulta mid-definizzjoni tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata li tinsab fil-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, u, min-naħa l-oħra, li din is-setgħa tirriżulta mill-evalwazzjoni kollettiva tal-awtoritajiet superviżorji li jifformaw iċ-CEPD li jintervjeni fil-kundizzjonijiet enfasizzati fil-punt 70 iktar ’il fuq. |
|
72 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-setgħa inkwistjoni hijiex “espliċitament” prevista mil-leġiżlatur, għandu jiġi enfasizzat li l-avverbju “espliċitament” kif ukoll l-avverbju “espressament” u “kjarament”, li huma sinonimi u li jirreferu rispettivament għall-aġġettivi “espliċitu”, “espress” u “ċar”, ifissru li ma hemmx dubju dwar il-portata ta’ dak li huwa espress. Madankollu, mill-interpretazzjoni fuq bażijiet letterali, kuntestwali u teleoloġika magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li ma hemmx dubju dwar il-fatt li ċ-CEPD għandu l-kompetenza kkontestata u għalhekk dwar il-fatt li din hija espliċitament prevista mil-leġiżlatur. Jista’ jiġi osservat li, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF (C‑911/19, EU:C:2021:599), dwar l-EBA, il-linji gwida ta’ din l-awtorità li fir-rigward tagħhom ġie kkontestat li hija għandha l-kompetenza li tadottahom kienu jirrigwardaw “l-arranġamenti ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti bankarji bl-imnut”. Ebda wieħed mit-testi applikabbli għal din l-awtorità ma kien jindika barra minn hekk li din setgħet tadotta linji gwida dwar dan is-suġġett. Huwa permezz ta’ analiżi globali ta’ dawn it-testi, jiġifieri tar-Regolament li jistabbilixxi l-EBA, li kien jipprevedi b’mod ġenerali l-kompetenza tagħha sabiex tadotta linji gwida għal ċerti finijiet, u ta’ diversi direttivi dwar l-istituzzjonijiet u l-prodotti finanzjarji, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-linji gwida kkontestati kienu jaqgħu taħt din il-kompetenza. |
|
73 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju tas-setgħa taċ-CEPD li jimponi fuq awtorità superviżorja ewlenija l-estensjoni tal-analiżi tagħha u, jekk ikun neċessarju, tal-investigazzjoni tagħha huwa effettivament suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Huwa minnu li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti għażlet li tikkontesta d-dispożizzjonijiet ikkontestati biss minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza taċ-CEPD mingħajr ma kkontestat l-evalwazzjoni konkreta li dan tal-aħħar għamel dwar l-oġġezzjonijiet ifformulati minn ċerti awtoritajiet superviżorji fir-rigward tal-abbozzi ta’ deċiżjoni tiegħu, evalwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, fil-limiti tal-motivi li jiġu invokati quddiemha, il-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika l-legalità fil-mertu ta’ tali dispożizzjonijiet skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. B’mod partikolari, hija tista’, fl-ewwel lok, tivverifika jekk iċ-CEPD, billi adotta dispożizzjonijiet ta’ din in-natura, tax segwitu għal oġġezzjoni rilevanti u motivata ta’ awtorità superviżorja, fis-sens tal-punt 24 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679. Fit-tieni lok, hija tista’ tivverifika l-legalità tas-sustanza stess ta’ tali dispożizzjonijiet li jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet ta’ kontroll. |
|
74 |
Tali tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju huwa “rigoruż”, fis-sens użat fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF (C‑911/19, EU:C:2021:599, punt 67). Fil-fatt, il-qorti tal-legalità hija, b’mod ġenerali, marbuta bil-funzjoni tagħha kif ukoll bir-regoli tal-proċess u l-istħarriġ tagħha huwa neċessarjament rigoruż jekk hija tissodisfa b’mod sħiħ il-funzjoni tagħha fil-kuntest ta’ dawn ir-regoli. Fuq kwistjonijiet sostantivi, huwa skont il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jew ma għandux l-awtur tal-att ikkontestat li l-qorti tal-legalità teżerċita stħarriġ normali (fil-prinċipju fir-rigward tal-aspetti legali, tal-istabbiliment tal-fatti u tal-każijiet ta’ kompetenza limitata) jew stħarriġ ristrett (bħala prinċipju dwar l-aspetti tekniċi kumplessi jew meta l-awtorità jkollha marġni ta’ diskrezzjoni, każijiet fejn il-qorti tissanzjona biss l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni) (ara, f’dan is-sens u b’analoġija fir-rigward tal-istħarriġ tal-qorti nazzjonali fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, SCHUFA Holding (Liberazzjoni minn dejn li ma tħallasx lura), C‑26/22 u C‑64/22, EU:C:2023:958, punti 68 u 69). |
|
75 |
Mill-punti 67 sa 74 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kompetenza lil korp tal-Unjoni ma jipprekludux l-analiżi mwettqa preċedentement f’din is-sentenza. |
|
76 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka diversi raġunijiet sabiex turi li l-qrati nazzjonali jikkostitwixxu l-“forum xieraq” sabiex jittrattaw kontestazzjonijiet marbuta mal-investigazzjoni, jiġifieri li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jagħmlu dan. |
|
77 |
Madankollu, kif ġie espost fil-punt 62 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li n-nuqqas ta’ qbil persistenti bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, relatat mal-kamp tal-analiżi ta’ każ u, jekk ikun il-każ, mal-kamp tal-investigazzjoni mwettqa fir-rigward tiegħu, jiġu arbitrati fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza fi ħdan iċ-CEPD. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li l-qrati nazzjonali jikkostitwixxu l-“forum xieraq” sabiex jittrattaw kontestazzjonijiet marbuta mal-investigazzjoni huma ineffettivi. |
|
78 |
Għandu jingħad ukoll, sa fejn kemm il-qorti nazzjonali kif ukoll iċ-CEPD jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar il-kamp tal-analiżi u tal-investigazzjoni, li, fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, fejn ir-responsabbiltajiet huma wkoll kondiviżi bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata politika tal-Unjoni, ġew stabbiliti ċertu numru ta’ prinċipji fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kkoordinata l-azzjoni tal-qrati nazzjonali u tal-entità tal-Unjoni inkarigata li tiżgura l-koerenza fl-applikazzjoni tal-politika inkwistjoni, jiġifieri l-Kummissjoni (sentenzi tat‑28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, EU:C:1991:91, u tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, EU:C:2000:689). Għalkemm ma huwiex eskluż li, skont dawn il-prinċipji, qorti nazzjonali tqis li huwa preferibbli li tissospendi l-proċeduri quddiemha fl-istennija ta’ deċiżjoni tal-entità kompetenti tal-Unjoni jew li tista’, meta tingħata din id-deċiżjoni, tkun marbuta biha, mingħajr ma tiddubita l-validità tagħha u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, dawn is-sitwazzjonijiet huma inerenti għal tali tqassim tar-responsabbiltajiet u għan-neċessità li tiġi żgurata fl-Unjoni kollha l-koerenza fl-applikazzjoni tal-politika kkonċernata. |
|
79 |
Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fit-tielet lok, deċiżjoni vinkolanti taċ-CEPD, adottata abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tar-Regolament 2016/679, li timponilu jestendi l-analiżi tiegħu u l-investigazzjoni tiegħu ma tikkontestax il-kapaċità tiegħu li jipprijoritizza t-twettiq tad-diversi funzjonijiet tiegħu bħala awtorità indipendenti, kompitu li l-istħarriġ tiegħu jaqa’ taħt il-qorti nazzjonali biss. Hija lanqas ma tikkontesta, b’mod iktar ġenerali, l-indipendenza tagħha stabbilita fl-Artikolu 39 TUE, fl-Artikolu 16(2) TFUE u fl-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
|
80 |
Fil-fatt, minn naħa, kemm jekk fuq inizjattiva tagħha stess, fl-istadju tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati wara interventi f’dan is-sens mill-kollegi tagħha kif ukoll wara tali deċiżjoni vinkolanti, għalkemm l-awtorità superviżorja ewlenija jkollha tikkompleta l-analiżi u l-investigazzjoni tagħha fuq każ, hija ma tkunx obbligata tagħmel dan kollu mingħajr waqfien, bi prijorità meta mqabbla mal-kompiti l-oħra tagħha. Hija tista’, pereżempju, tħabbar li l-ewwel abbozz ta’ deċiżjoni jew li deċiżjoni inizjali li hija tkun adottat jittrattaw biss parti mill-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-każ inkwistjoni u li hija ser tkompli sussegwentement l-analiżi u l-investigazzjoni tagħha. |
|
81 |
Huwa biss fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 66 tar-Regolament 2016/679, meta awtorità superviżorja oħra kkonċernata tqis li jkun urġenti li tintervjeni sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, li deċiżjoni vinkolanti b’urġenza taċ-CEPD tista’ tobbliga lill-awtorità superviżorja ewlenija tirrevedi mingħajr dewmien l-ordni tal-prijoritajiet tagħha sabiex tittratta każ. Il-leġiżlatur għalhekk ippreveda din il-possibbiltà għal każijiet eċċezzjonali biss. Fil-fatt, id-Deċiżjonijiet vinkolanti 3/2022, 4/2022 u 5/2022 ma ġewx adottati abbażi tal-imsemmi Artikolu 66, konsegwentement, dawn ma jimponux fuq ir-rikorrenti ordni ta’ prijorità bejn il-kompiti differenti tagħha. |
|
82 |
Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li tinvoka r-rikorrenti ma jimplikawx indipendenza assoluta, fis-sens ta’ assenza ta’ kull kontroll, tal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli prinċipalment sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw biss li l-kontroll tal-osservanza tal-imsemmija regoli huwa fdat lil awtoritajiet indipendenti, li għalhekk bl-ebda mod ma jipprekludi sistema ta’ kontroll reċiproka bejn awtoritajiet indipendenti, bħall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ kontroll tal-koerenza previsti fir-Regolament 2016/679, u lanqas, naturalment, l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mid-diversi awtoritajiet involuti. L-importanti huwa li l-kontrolluri tal-kontrolluri jkunu huma stess indipendenti. Dan huwa l-każ taċ-CEPD, peress li huwa kompost mill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li huwa stess awtorità indipendenti fil-konfront tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet l-oħra tal-Unjoni li huwa jikkontrolla. [omissis] |
Fuq l‑ispejjeż
|
84 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub miċ-CEPD. |
|
Għal dawn il-motivi, |
|
IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża) |
|
taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Porchia Jaeger Madise Nihoul Verschuur Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Jannar 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli. Fir-rigward tal-punti ommessi, għandu jsir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal- (T-/).
( 2 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.