IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.9.2026
COM(2026) 495 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
Li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97, u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE huma l-elementi ewlenin tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz tar-riformi u l-investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.
(2)Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17(1), 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fil-qalba tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal 4 jew 5 snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn 3 snin.
(3)Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fl-eventwalità ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri u li jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263 (“klawżoli liberatorji nazzjonali”). Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien 4 ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, meta (i) ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill irid jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.
(4)Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir b’mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta’ Marzu 2025.
(5)Wara t-talba tal-Greċja, fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati għaż-żidiet fin-nefqa fid-difiża. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Greċja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex nefqa fid-difiża ogħla dejjiema ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.
(6)Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni ħabbret li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jista’ jiġi estiż biex jakkomoda l-miżuri deċiżi mill-Istati Membri wara t-28 ta’ Frar 2026, li jsaħħu r-reżiljenza strutturali tas-sistema tal-enerġija Ewropea u jħaffu l-pass tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili (minn hawn’ il quddiem, “miżuri tas-sigurtà tal-enerġija”). Fit-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż bi gwida ulterjuri għall-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tfassil tal-flessibbiltà addizzjonali għall-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija. Sabiex jiġu limitati r-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, il-limitu massimu eżistenti ta’ 1,5 % tal-PDG jibqa’ l-istess u japplika għall-flessibbiltà relatata kemm mad-difiża kif ukoll mal-enerġija. Barra minn hekk, il-kost baġitarju tal-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija li jibbenefikaw mill-flessibbiltà jenħtieġ li ma jaqbiżx 0,3 % tal-PDG fis-sena, filwaqt li l-kost kumulattiv ta’ dawn il-miżuri sa tmiem l-2028 jenħtieġ li ma jaqbiżx 0,6 % tal-PDG.
(7)Fis-6 ta’ Awwissu 2026, il-Greċja ppreżentat talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex testendi l-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex tinkludi miżuri addizzjonali li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija. Fit-talba tagħha, il-Greċja tenfasizza r-riperkussjonijiet tal-azzjoni militari fil-Golf Persjan, li tipperikola s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fit-tul. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali li l-Istat Membru ma għandux kontroll fuqha u tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u l-vulnerabbiltajiet relatati magħhom, u b’hekk ikun qiegħed jingħata kontribut għas-sigurtà tal-enerġija.
(8)Fit-talba tagħha, il-Greċja tippreżenta lista inizjali ta’ miżuri ppjanati ta’ sigurtà tal-enerġija ffinanzjati fil-livell nazzjonali b’impatt baġitarju dirett, deċiżi wara t-28 ta’ Frar 2026, li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u jsaħħu s-sigurtà tal-Ewropa. Il-miżuri previsti jappoġġaw l-investimenti, pereżempju, fil-pannelli fotovoltajċi, fil-ħżin tal-enerġija nadifa, fil-pompi tas-sħana u fil-ħiters tal-ilma, fit-titjib tal-enerġija tal-bini u tal-infrastruttura pubbliċi, kif ukoll fit-titjib tas-sistema ferrovjarja. Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari, dawn il-miżuri previsti jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-flessibbiltà għas-sigurtà tal-enerġija. Din il-valutazzjoni inizjali ma tippreġudikax valutazzjonijiet futuri tal-eliġibbiltà li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni. Il-miżuri jenħtieġ li jkunu mmirati u kosteffettivi u mfassla biex jimmassimizzaw l-impatt f’termini tal-kontribut tagħhom għad-dekarbonizzazzjoni u/jew l-iffrankar tal-enerġija. Pereżempju, it-titjib tal-enerġija tal-bini u tal-infrastruttura jenħtieġ li jkun ambizzjuż biżżejjed, pereż. biex jinkiseb iffrankar tal-enerġija fil-bini li jikkorrispondi għal rinnovazzjonijiet medji jew fil-fond. Meta rilevanti, se jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati wkoll il-ħtiġijiet tal-infrastruttura relatati, b’mod partikolari kapaċità tal-grilja ġdida jew aġġornata.
(9)Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-eliġibbiltà f’termini tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-addizzjonalità u tal-immirar/tal-kosteffettività ta’ miżuri konkreti, u tal-impatt baġitarju tagħhom, bħala parti mis-sorveljanza fiskali regolari tagħha, b’mod partikolari biex tiddetermina l-flessibbiltà mill-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit il-kont ta’ kontroll għall-Greċja u meta tiġi vvalutata l-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta rakkomandati.
(10)Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Greċja tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni l-lista ta’ miżuri konkreti ta’ sigurtà tal-enerġija li tqis eliġibbli għall-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali u tipprovdi evidenza rigward l-eliġibbiltà u l-impatt baġitarju tagħhom. Dan ir-rapportar regolari dwar il-miżuri tal-enerġija se jifforma parti mill-proċess ta’ sorveljanza fiskali biannwali. Ir-rapportar tar-rebbiegħa jenħtieġ li jinkludi miżuri u l-kost baġitarju tagħhom għas-sena preċedenti u t-tbassir tagħhom għas-sena kurrenti, filwaqt li r-rapportar tal-ħarifa jenħtieġ li jinkludi miżuri għas-sena kurrenti, kif ukoll miżuri għas-sena ta’ wara, li jkunu ġew adottati jew imħabbra b’mod kredibbli f’biżżejjed dettall. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tqis, fis-sorveljanza fiskali tagħha, il-miżuri konkreti biex ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, fil-limiti massimi annwali u kumulattivi ta’ 0,3 u 0,6 fil-mija tal-PDG, rispettivament.
(11)Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni C/2025/3965.
(12)Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u l-kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti trid tiġi kkompilata u rrapportata mill-Greċja f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 u r-Regolament (UE) Nru 549/2013.
B’DAN JIRRAKKOMANDA:
1.
Sal-2028, il-Greċja titħalla taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/661 sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawk ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn
(i)
it-total ta’:
(a)
iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2024 (is-sena ta’ referenza);
(b)
il-kost baġitarju tal-miżuri eliġibbli li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija matul il-perjodu 2026–2028, b’limitu massimu ta’ 0,3 fil-mija tal-PDG fis-sena u 0,6 fil-mija tal-PDG f’termini kumulattivi matul l-istess perjodu;
(ii)
dment li d-devjazzjoni totali li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx 1,5 fil-mija tal-PDG.
2.
Fis-snin wara l-2028, il-Greċja xorta tista’ tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta, u taqbiżhom, kif stabbilit minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikoli 17, 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.
3.
F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhumiex se jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Greċja.
4.
Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, il-Greċja trid tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż dwar l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG)u kwalunkwe nefqa li trid tiġi ffinanzjata minn self SAFE li mhijiex koperta fil-COFOG-02:
(a)
għas-snin 2021 sas-sena T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009;
(b)
għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikoli 11(1) u 15, u 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;
(c)
għas-snin T (is-sena attwali) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
5.
Sabiex tiġi żgurata reġistrazzjoni korretta, il-Greċja trid tirrapporta lill-Kummissjoni miżuri konkreti li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fl-2026–2028. Ir-rapportar lill-Kummissjoni ta’ dawn il-miżuri konkreti jenħtieġ li jirrispetta l-mudell ta’ rapportar li jrid jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, inkluża informazzjoni dwar l-istat ta’ implimentazzjoni, evidenza rigward l-eliġibbiltà tagħhom, u jenħtieġ li jiġi kkwantifikat b’mod trasparenti u prudenti. Ir-rapportar għandu jsir darbtejn fis-sena, fir-rebbiegħa sal-15 ta’ April, u fil-ħarifa, fil-kuntest tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, sal-15 ta’ Ottubru.
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell,