European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1734

13.8.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1734 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta’ Lulju 2025

dwar salvagwardji fir-rigward tal-aċċess minn kontropartijiet ċentrali għall-kreditu mil-lum għall-għada tal-Eurosistema fit-TARGET (BĊE/2025/29)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2), l-ewwel u r-raba’ inċiżi, u l-Artikolu 127(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/8) (1), il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn’ il quddiem “BĊNi taż-żona tal-euro”) jistgħu jipprovdu kreditu mil-lum għall-għada permezz ta’ faċilità ta’ kriżi lil kontropartijiet ċentrali ddedikata (CCPs) (minn hawn’ il quddiem il-“faċilità ta’ kreditu tas-CCP”). Tali CCPs iridu jkunu stabbiliti fiż-żona tal-euro u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) (minn hawn’ il quddiem “CCPs eliġibbli”). F’każijiet fejn is-CCPs eliġibbli ma jkunux irrimborżaw kreditu intraġurnata fi tmiem ġurnata huma jistgħu jaċċessaw il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP billi awtomatikament jirriportaw il-kreditu intraġurnata pendenti mingħajr il-ħtieġa li tiġi mitluba l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv.

(2)

Fir-rigward tal-euro bħala munita, il-banek ċentrali tal-Eurosistema jeżerċitaw kollettivament il-funzjoni tal-bank ċentrali tal-ħruġ fir-rigward tas-CCPs. Fid-dawl ta’ din il-funzjoni, jiġu stabbiliti rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità li jeħtieġ li jiġu rrispettati mis-CCPs eliġibbli kif ukoll il-metodu ta’ valutazzjoni tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti.

(3)

Is-salvagwardji fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP huma meħtieġa biex jiġi żgurat li s-CCPs eliġibbli biss li huma finanzjarjament sodi u li għandhom fis-seħħ ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità jistgħu jaċċessaw il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP. Ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità tiżgura li s-CCPs eliġibbli jkollhom stabbiliti kontrolli adegwati tar-riskju tal-likwidità, inkluż għal xenarji ta’ kriżi li taħthom is-CCPs eliġibbli ma jkunux mistennija jirrikorru għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP, jew fejn tali aċċess ikun disponibbli għal CCPs awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill (2) — għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Is-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni soda tar-riskju tal-likwidità jenħtieġ li japplikaw għas-CCPs eliġibbli kollha, inklużi dawk li huma awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(4)

Il-konformità tas-CCPs eliġibbli mar-rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni soda tar-riskju tal-likwidità jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-banek ċentrali tal-Eurosistema b’mod li jħares’ il quddiem. Għalhekk, is-CCPs eliġibbli jeħtieġ li jikkonformaw — fuq bażi kontinwa u mingħajr ebda dubju fir-rigward tal-konformità kontinwa u futura tagħhom — ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward ta’ kontrolli tal-kapital, tal-marġni, tal-fond tal-inadempjenza, ta’ riżorsi finanzjarji oħra u tar-riskju tal-likwidità tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti għall-valutazzjoni tas-solidità finanzjarja u l-ġestjoni soda tar-riskju tal-likwidità mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fir-rigward tal-għoti ta’ aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP.

(5)

Għall-fini li tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati s-setgħat tal-Kunsill Governattiv li jiddeċiedi dwar miżuri diskrezzjonali f’każijiet fejn CCP eliġibbli ma tikkonformax mar-rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu speċifikati l-penali applikabbli għal każijiet fejn l-aċċess ta’ CCP għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP ikun ġie limitat u s-CCP taqbeż il-livell ristrett ta’ aċċess, jew tirrikorri għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP bi ksur tar-rekwiżiti rilevanti relatati mal-kontrolli tar-riskju tal-likwidità. Fir-rigward tal-penali, jeħtieġ li jkun hemm komunikazzjoni biżżejjed bejn l-operaturi tas-sistemi komponenti tat-TARGET u l-funzjoni ta’ emittent tal-bank ċentrali tal-banek ċentrali tal-Eurosistema biex tiġi żgurata konformità mal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

(6)

Fejn rilevanti, ir-rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità, inklużi l-miżuri diskrezzjonali relatati u l-penali applikabbli, għandhom jiġu riflessi fl-arranġamenti kuntrattwali konklużi bejn is-CCPs eliġibbli u l-BĊNi taż-żona tal-euro fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP.

(7)

Għaċ-ċertezza legali, id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi allinjata mad-data tal-applikazzjoni tal-emendi għal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) relatati mal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP, li hija s-6 ta’ Ottubru 2025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kontroparti ċentrali” jew “CCP” tfisser kontroparti ċentrali li hija awtorizzata skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(2)

“CCP eliġibbli” tfisser CCP eliġibbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (26a), tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(3)

“faċilità ta’ kreditu tas-CCP” tfisser il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (18a), tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(4)

“BĊN taż-żona tal-euro” tfisser BĊN taż-żona tal-euro kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (27), tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(5)

“Bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jew BĊN taż-żona tal-euro;

(6)

“arranġament ta’ finanzjament privat” tfisser arranġament ta’ finanzjament għajr faċilità ta’ self li jista’ jkun aċċessibbli permezz ta’ BĊN taż-żona tal-euro;

(7)

“fornitur privat tal-likwidità” tfisser fornitur tal-likwidità għajr BĊN taż-żona tal-euro.

Artikolu 2

Rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja

1.   Sabiex tiġi salvagwardjata s-solidità finanzjarja tagħhom, is-CCPs eliġibbli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fuq bażi kontinwa:

(a)

ir-rekwiżiti tal-kapital f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

ir-rekwiżiti tal-marġni f’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)

ir-rekwiżiti fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji prefinanzjati f’konformità mal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Fil-każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar ta’ CCP fejn is-CCP twettaq il-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tagħha f’konformità mal-Artikoli 45 u 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u b’riżultat ta’ dan tuża l-marġnijiet depożitati mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti u r-riżorsi finanzjarji prefinanzjati msemmija fl-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandu japplika dan li ġej:

(a)

is-CCP għandu jkollha biżżejjed riżorsi finanzjarji prefinanzjati, inklużi l-marġnijiet depożitati mill-membru tal-ikklerjar inadempjenti u r-riżorsi finanzjarji prefinanzjati, kif stabbilit fl-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, biex ikopru t-telf ta’ kreditu mġarrab bħala riżultat tal-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza;

(b)

abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 4, il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw temporanjament għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (c), fejn is-CCP tippreżenta pjan għar-rikostituzzjoni ta’ riżorsi finanzjarji prefinanzjati kif stabbilit fl-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b’mod kredibbli u f’waqtu.

3.   L-ebda CCP li titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli kif determinat skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ma għandha titqies finanzjarjament soda.

Artikolu 3

Rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar il-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità

1.   Sabiex tiġi salvagwardjata l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità tagħhom fir-rigward tal-euro, is-CCPs eliġibbli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fuq bażi kontinwa:

(a)

ikollhom fis-seħħ kontrolli tar-riskju tal-likwidità biex jiżguraw li l-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP jew — fejn tali aċċess ikun disponibbli għal CCPs awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 — għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, għandu:

(i)

ikun l-aħħar għażla;

(ii)

ikun limitat għal xenarji li minħabba s-severità tagħhom jistgħu jippreżentaw sfidi konsiderevoli għall-ġestjoni tal-likwidità tas-CCP (“xenarji ta’ kriżi”);

(iii)

jikkostitwixxi sors ta’ finanzjament temporanju abbażi ta’ pjan kredibbli għar-rimborż tal-ammont użat taħt il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP jew — fejn tali aċċess ikun disponibbli għal CCPs awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 — taħt operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema malajr kemm jista’ jkun;

(iv)

ma jkunx għall-fini li jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ pagament fir-rigward ta’ muniti oħra għajr l-euro;

(b)

jissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-kontrolli tar-riskju tal-likwidità f’konformità mal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Fil-każ tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar fejn is-CCP twettaq il-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tagħha f’konformità mal-Artikoli 45 u 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u b’riżultat ta’ dan tuża r-riżorsi likwidi msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandu japplika dan li ġej:

(a)

fir-rigward tar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), il-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 4 tista’ titwettaq wara li s-CCP tkun lestiet il-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza;

(b)

abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 4, il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jiddeċiedu li jirrinunzjaw temporanjament għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), meta s-CCP tippreżenta pjan għar-riforniment tar-riżorsi likwidi kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b’mod kredibbli u f’waqtu.

3.   Għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ CCP mal-paragrafu 1, il-punt (a), jista’ jitqies dan li ġej:

(a)

ir-riskju tal-likwidità minħabba dipendenza żejda fuq tip wieħed ta’ arranġament ta’ finanzjament privat;

(b)

ir-riskju tal-likwidità minħabba dipendenza żejda fuq ftit wisq fornituri privati tal-likwidità;

(c)

ir-riskju tal-likwidità minħabba n-numru baxx ta’ fornituri privati tal-likwidità tas-CCP li għandhom aċċess għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

4.   l-arranġamenti ta’ finanzjament privat Fir-rigward tal-paragrafu 1, il-punt (b), il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jqisu dan li ġej għall-fini tal-valutazzjoni tal-punt sa fejnhuma rranġati minn qabel u affidabbli ħafna, inkluż taħt kundizzjonijiet tas-suq taħt stress:

(a)

l-ambitu u l-grad tad-diliġenza dovuta li għalihom huma soġġetti l-arranġamenti ta’ finanzjament privat mis-CCP;

(b)

il-komprensività u l-frekwenza tal-ittestjar tal-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament privat, u l-metodoloġija u l-kuntest tax-xenarju ta’ stress użati għal dan l-għan;

(c)

il-validazzjoni tar-riżultati tat-test, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti stmati ta’ provvediment ta’ likwidità abbażi tal-arranġamenti ta’ finanzjament privat.

Artikolu 4

Valutazzjoni tas-salvagwardji

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-konformità minn CCPs eliġibbli mar-rekwiżiti relatati mas-salvagwardji dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità previsti fl-Artikoli 2 u 3 fuq bażi trimestrali u b’mod li jħares’ il quddiem.

2.   Jekk iseħħ avveniment bejn il-valutazzjonijiet trimestrali previsti fil-paragrafu 1 li jista’ jqajjem tħassib fir-rigward tas-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP eliġibbli, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom iwettqu wkoll valutazzjonijiet okkażjonali tal-konformità minn CCP eliġibbli mar-rekwiżiti dwar is-solidità finanzjarja u l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità previsti fl-Artikoli 2 u 3, inkluż permezz ta’ monitoraġġ intensifikat ad hoc u b’mod li jħares’ il quddiem.

3.   Għall-finijiet tal-valutazzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2, tista’ titqies l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni kwantitattiva dwar il-kapital, il-marġni, il-fond tal-inadempjenza, riżorsi finanzjarji oħra u l-kontrolli tar-riskju tal-likwidità rrapportati fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar il-kapital, il-marġni, il-fond tal-inadempjenza, riżorsi finanzjarji oħra u l-kontrolli tar-riskju tal-likwidità;

(c)

informazzjoni dwar l-elementi elenkati fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), fir-rigward tal-kontrolli tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP rigward sitwazzjonijiet ta’ stress;

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra li titqies rilevanti, b’mod partikolari jekk tqajjem tħassib sostanzjali dwar is-solidità finanzjarja ta’ CCP, il-ġestjoni tajba tar-riskju tal-likwidità, il-qafas ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju u l-governanza.

4.   Is-CCP eliġibbli għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jekk tintalab tagħmel dan mill-BĊN rilevanti taż-żona tal-euro.

Artikolu 5

Miżuri diskrezzjonali

1.   Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jadotta, jirrevedi jew ineħħi miżuri diskrezzjonali fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP għal raġunijiet ta’ prudenza. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati mill-BĊN rispettiv taż-żona tal-euro u għandhom jinkludu:

(a)

ir-rifjut, il-limitazzjoni tal-użu ta’ jew l-applikazzjoni ta’ haircuts ta’ valwazzjoni supplimentari għall-assi mobilizzati bħala kollateral għall-finijiet tal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP;

(b)

il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP kif speċifikat aktar fil-paragrafi 3 sa 7.

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jiżgura li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jittieħdu b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju u jkunu debitament ġustifikati.

3.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, CCP li ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 għandu jkollha l-aċċess tagħha għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP limitata awtomatikament għal raġunijiet ta’ prudenza. Jekk il-konformità ma tkunx ġiet restawrata permezz ta’ miżuri adegwati u f’waqthom sa mhux aktar tard minn 16-il ġimgħa mid-data tad-determinazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 abbażi tal-valutazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4, l-aċċess tas-CCP għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP għandu jiġi sospiż għal raġunijiet ta’ prudenza. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati mill-BĊN rispettiv taż-żona tal-euro.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3, l-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP jista’ jiġi limitat jew sospiż għal raġunijiet ta’ prudenza għal CCP eliġibbli li għaliha l-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-valutazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ma tkunx kompluta jew ma tkunx disponibbli għall-banek ċentrali tal-Eurosistema. L-aċċess għandu jiġi restawrat ladarba l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli għall-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CCP tkun ġiet ivvalutata bħala li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 2 u 3.

5.   Mal-limitazzjoni tal-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP prevista f’dan l-Artikolu, is-CCP eliġibbli rilevanti tista’ żżomm livell ristrett ta’ aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, dak il-livell ristrett ta’ aċċess għandu jikkorrispondi għal-livell tal-użu tal-faċilità ta’ kreditu tas-CCP fiż-żmien meta l-banek ċentrali tal-Eurosistema jsiru konxji ta’:

(a)

fil-każ stabbilit fil-paragrafu 3, in-nuqqas ta’ konformità tas-CCP eliġibbli rilevanti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3;

(b)

fil-każ stabbilit fil-paragrafu 4, l-inkompletezza jew in-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-informazzjoni meħtieġa għall-fini tal-valutazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.

6.   Fil-każ ta’ sospensjoni tal-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP prevista f’dan l-Artikolu, kwalunkwe kreditu pendenti għandu immedjatament jitħallas lura kollu.

7.   Fil-każ ta’ terminazzjoni tal-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP prevista f’dan l-Artikolu, kwalunkwe kreditu pendenti għandu immedjatament isir kompletament ripagabbli u s-CCP soġġetta għal tali terminazzjoni għandha immedjatament tieqaf milli tkun eliġibbli għall-aċċess għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP.

Artikolu 6

Penali fir-rigward ta’ salvagwardji u miżuri diskrezzjonali

1.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, il-BĊN rispettiv taż-żona tal-euro għandu japplika penali fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-aċċess ta’ CCP għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP ikun limitat f’konformità mal-Artikolu 5 u s-CCP taqbeż il-livell ristrett ta’ aċċess;

(b)

meta CCP tirrikorri għall-faċilità ta’ kreditu tas-CCP bi ksur tal-Artikolu 3(1), il-punt (a).

2.   Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-forma ta’ rati tal-imgħax tal-penali, li għandhom jiġu kkalkulati f’konformità ma’:

(a)

L-Anness I, il-Parti II, l-Artikolu 12a(3), il-punt (a), tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8), jekk il-każ stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew il-punt (b), iseħħ għall-ewwel darba fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar;

(b)

L-Anness I, il-Parti II, l-Artikolu 12a(3), il-punt (b), tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8), jekk il-każ stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew il-punt (b), iseħħ għal mill-inqas it-tieni darba fl-istess perjodu ta’ 12-il xahar.

3.   Ir-rati tal-imgħax tal-penali msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu applikati għal:

(a)

fil-każ stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (a), l-ammont użat taħt il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP li jaqbeż il-livell ristrett ta’ aċċess stabbilit bħala limitu permess; jew

(b)

fil-każ stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (b), l-ammont sħiħ użat taħt il-faċilità ta’ kreditu tas-CCP.

Artikolu 7

Implimentazzjoni permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali

Il-BĊNi taż-żona tal-euro għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw l-Artikoli 2 sa 6 permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali ma’ CCPs eliġibbli fejn rilevanti, sad-data msemmija fl-Artikolu 8(2).

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika mis-6 ta’ Ottubru 2025.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Lulju 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2022/912/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(3)  3. Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/23/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1734/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)