|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1280 |
27.6.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1280
tal-21 ta’ Mejju 2025
li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/370 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 122, il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/370 (2) jistabbilixxi regoli dwar il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(4) ta’ dak ir-Regolament Delegat jistabbilixxi l-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal emendi relatati mat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 17(5), fl-Artikolu 88(7) u fl-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Tali talbiet għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Mejju 2025. |
|
(2) |
Fil-kuntest attwali tal-instabbiltà li għaddejja bħalissa fis-settur agrikolu madwar l-Unjoni, diversi Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet biex jiddeċiedu diġà fl-ewwel xhur tal-2025 dwar il-ħtieġa li jeżaminaw mill-ġdid id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment tagħhom meħuda fl-2022 skont l-Artikolu 17(5), l-Artikolu 88(6) u l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Għalhekk, jitqies neċessarju li l-Istati Membri jingħataw aktar żmien biex jippjanaw dawn it-trasferimenti u b’hekk tiġi posposta l-iskadenza tal-31 ta’ Mejju 2025 għall-31 ta’ Awwissu 2025. |
|
(3) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2023/370 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(4) |
Peress li l-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2023/370 qed joqrob lejn tmiemu u se jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2025, huwa ta’ importanza kbira li jiġi stabbilit il-perjodu ta’ żmien il-ġdid għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal emendi malajr kemm jista’ jkun biex ikunu jistgħu jsiru ppjanar u kunsiderazzjoni xierqa mill-Istati Membri. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
|
(5) |
Meta jitqies li l-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal emendi jintemm fil-31 ta’ Mejju 2025, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Ġunju 2025 biex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ lakuna legali bejn il-perjodu attwali u dak emendat għall-preżentazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/370, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. It-talbiet għal emendi relatati mat-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 17(5), fl-Artikolu 88(7) u fl-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Awwissu 2025.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/370 tat-13 ta’ Diċembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ proċeduri, limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, u każijiet oħra li għalihom ma japplikax l-għadd massimu ta’ emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (ĠU L 51, 20.2.2023, p. 25), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/370/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1280/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)