21.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/101


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/396

tal-20 ta’ Frar 2023

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt għall-moviment liberu fl-Unjoni, taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċitar mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jipprevedi l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta l-Kummissjoni tikkonstata li dawn iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fil-5 ta’ Lulju 2022, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong ipprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema intitolata “COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” (Sistema Elettronika ta’ Rekords tat-Tilqim u tal-Ittestjar tal-COVID-19 (eVT)). Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa lill-Kummissjoni li skontu ċ-ċertifikati COVID-19 tiegħu qegħdin jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika, li huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/953 u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mal-“COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa wkoll lill-Kummissjoni li jaċċetta ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(5)

Fit-23 ta’ Novembru 2022, wara talba mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mal-“COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” huma interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/953, u dan jippermetti li jiġu vverifikati l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mal-“COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” fihom id-data neċessarja.

(6)

Barra minn hekk, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa lill-Kummissjoni li bħalissa qiegħed joħroġ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim għall-vaċċini kontra l-COVID-19 Comirnaty u CoronaVac.

(7)

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa wkoll lill-Kummissjoni li joħroġ ċertifikati tat-testijiet interoperabbli għat-testijiet tal-amplifikazzjoni tal-aċidi nuklejċi.

(8)

Apparti minn hekk, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa lill-Kummissjoni li joħroġ ċertifikati interoperabbli tal-fejqan.

(9)

Barra minn hekk, ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong informa lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fihom se tiġi pproċessata biss biex jiġi vverifikat u kkonfermat l-istatus tat-tilqim, tar-riżultat tat-test jew tal-irkupru tad-detentur, u mhijiex se tinżamm ulterjorment, bl-eċċezzjoni ta’ data dwar is-saħħa ta’ persuni li jittestjaw pożittivi mal-wasla, li tiġi rreġistrata bħala parti mill-investigazzjoni epidemjoloġika.

(10)

L-elementi neċessarji biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mal-“COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” se jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma għalhekk issodisfati.

(11)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mal-“COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5), fl-Artikolu 6(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(12)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operazzjonali, jenħtieġ li r-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong jiġi kkollegat mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Il-Kummissjoni, sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jew tħassarha, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(14)

Sabiex ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong jiġi kkollegat malajr kemm jista’ jkun mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/953, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong f’konformità mas-sistema “COVID-19 Electronic Vaccination and Testing Record System (eVT)” (Sistema Elettronika ta’ Rekords tat-Tilqim u tal-Ittestjar tal-COVID-19 (eVT)) għandhom jitqiesu, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

Ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong għandu jiġi kkollegat mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).