IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.2.2019
COM(2019) 95 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u tad-Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE)
It-Tieni Pjanijiet ta’ Mmaniġġar tal-Baċini tax-Xmajjar
L-Ewwel Pjanijiet ta’ Mmaniġġar tar-Riskju tal-Għargħar
{SWD(2019) 30 final} - {SWD(2019) 31 final} - {SWD(2019) 32 final} - {SWD(2019) 33 final} - {SWD(2019) 34 final} - {SWD(2019) 35 final} - {SWD(2019) 36 final} - {SWD(2019) 37 final} - {SWD(2019) 38 final} - {SWD(2019) 39 final} - {SWD(2019) 40 final} - {SWD(2019) 41 final} - {SWD(2019) 42 final} - {SWD(2019) 43 final} - {SWD(2019) 44 final} - {SWD(2019) 45 final} - {SWD(2019) 46 final} - {SWD(2019) 47 final} - {SWD(2019) 48 final} - {SWD(2019) 49 final} - {SWD(2019) 50 final} - {SWD(2019) 51 final} - {SWD(2019) 52 final} - {SWD(2019) 53 final} - {SWD(2019) 54 final} - {SWD(2019) 55 final} - {SWD(2019) 56 final} - {SWD(2019) 57 final} - {SWD(2019) 58 final} - {SWD(2019) 59 final} - {SWD(2019) 60 final} - {SWD(2019) 61 final} - {SWD(2019) 62 final} - {SWD(2019) 63 final} - {SWD(2019) 64 final} - {SWD(2019) 65 final} - {SWD(2019) 66 final} - {SWD(2019) 67 final} - {SWD(2019) 68 final} - {SWD(2019) 69 final} - {SWD(2019) 70 final} - {SWD(2019) 71 final} - {SWD(2019) 72 final} - {SWD(2019) 73 final} - {SWD(2019) 74 final} - {SWD(2019) 75 final} - {SWD(2019) 76 final} - {SWD(2019) 77 final} - {SWD(2019) 78 final} - {SWD(2019) 79 final} - {SWD(2019) 80 final} - {SWD(2019) 81 final} - {SWD(2019) 82 final} - {SWD(2019) 83 final} - {SWD(2019) 84 final}
1.Introduzzjoni
L-ilma huwa indipensabbli għall-ħajja u għaldaqstant għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna. L-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma se jkollu rwol importanti biex il-bniedem ikun jista’ jadatta ruħu għall-ambjent mibdul tiegħu, u jgħin biex jiġi evitat li ż-żieda fit-temperatura globali taqbeż il-1,5 °Celsius
. Aktar minn qatt qabel, l-immaniġġjar ta’ din ir-riżorsa essenzjali jirrikjedi approċċ verament integrat, li jqis id-dimensjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi u tas-saħħa.
Dan il-ħames rapport ta’ implimentazzjoni jippreżenta l-istat ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
(WFD) u tad-Direttiva dwar l-Għargħar
(FD) abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-tieni grupp ta’ Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar (RBMPs) u tal-ewwel grupp ta’ Pjanijiet ta’ Mmaniġġar tar-Riskju ta’ Għargħar (FRMPs) imħejjija u rrapportati mill-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2015 u l-2021. Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 18 tad-WFD u l-Artikolu 16 tal-FD rispettivament; iwieġeb ukoll għall-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art.
Id-WFD, li ġiet introdotta fl-2000, tiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-perspettivi ekonomiċi u ekoloġiċi fl-immaniġġjar tal-kwalità u l-kwantità tal-ilma. L-objettiv ewlieni tagħha huwa li sal-2015 jinkiseb stat tajjeb għall-aktar minn 111 000 ilma tal-wiċċ (eż. xmajjar, lagi, ilmijiet kostali) u għall-aktar minn 13 000 ilma ta’ taħt l-art fit-territorju tal-UE. Madankollu, id-WFD tippermetti li jkun hemm estensjonijiet għall-iskadenza tal-2015, sakemm dawn ikunu limitati għal mhux aktar minn 2 ċikli oħra (jiġifieri l-perjodu preżenti ta’ bejn l-2015 u l-2021, u l-perjodu li jmiss ta’ bejn l-2021 u l-2027), sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet naturali
li jipprevjenu l-ksib tal-objettivi tad-WFD fil-limiti taż-żmien stabbiliti. Il-kisba ta’ “stat tajjeb” tfisser l-iżgurar ta’ stat ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ u stat kwantitattiv u kimiku tajjeb tal-ilmijiet ta’ taħt l-art, li huma sorsi ewlenin ta’ astrazzjoni tal-ilma tax-xorb.
L-FD, li kienet ġiet introdotta seba’ snin wara bħala waħda mir-reazzjonijiet għall-għargħar kbar tul ix-xmajjar Danubju u Elbe fis-sajf tal-2002, tistabbilixxi qafas għat-tnaqqis tar-riskji tal-ħsara mill-għargħar fl-UE. Illum, dan l-għan huwa aktar rilevanti minn qatt qabel, fid-dawl taż-żieda fl-għargħar fl-Ewropa kollha. Hekk kif javvanza t-tibdil fil-klima u jespandu l-insedjamenti urbani
, l-inċertezzi dwar l-immaniġġar tar-riskju tal-għargħar jirrikjedu monitoraġġ u aġġustament kontinwi ta’ prattiki sabiex tiġi żgurata l-anqas ħsara possibbli. Dan ir-rapport jiffoka fuq il-progress li sar sa issa, abbażi tal-ewwel FRMPs.
Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn sensiela ta’ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni b’ħarsiet ġenerali tal-UE kif ukoll b’valutazzjonijiet u sommarji ta’ kooperazzjoni internazzjonali ta’ Stati Membri individwali.
2.Is-sitwazzjoni attwali tal-adozzjoni u tar-rapportar
L-Istati Membri kollha approvaw l-RBMPs u l-FRMPs tagħhom, minbarra l-FRMPs tal-Gżejjer Kanarji (Spanja)
.
Għalkemm dawn tjiebu meta mqabbla mal-eżerċizzju ta’ rapportar preċedenti, ħafna Stati Membri adottaw il-Pjanijiet tagħhom tard (wara t-22 ta’ Diċembru 2015), jew kienu tard fir-rapportar tagħhom permezz tal-bażi ta’ data tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa (WISE) (ir-rapportar kellu jintemm sat-22 ta’ Marzu 2016)
. Ċerti perjodi ta’ dewmien kienu ta’ sentejn jew aktar. Il-Kummissjoni fetħet proċedimenti legali kontra l-Istati Membri kollha bi ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar legali tagħhom.
3.valutazzjoni tat-tieni grupp ta’ RBMPs u l-ewwel grupp ta’ FRMPs
L-informazzjoni inkluża fl-RBMPs u fl-FRMPs ittellgħet fir-repożitorju diġitali komuni, WISE, amministrat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). Il-Kummissjoni użat il-WISE bħala bażi għall-valutazzjoni tagħha, flimkien ma’ informazzjoni miksuba direttament mill-RBMPs u l-FRMPs nazzjonali u internazzjonali.
L-Irlanda, il-Greċja u l-Gżejjer Kanarji Spanjoli naqsu milli jirrapportaw fil-ħin l-RBMPs kif ukoll l-FRMPs tagħhom lill-WISE sabiex dawn jiġu vvalutati, filwaqt li l-Litwanja, u r-Renju Unit għall-Ġibiltà naqsu milli jagħmlu dan għall-RBMPs tagħhom. Għalhekk, dan ir-rapport ma jkoprix dawn il-pajjiżi jew ir-reġjuni.
Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tal-Konferenza dwar l-Ilma li saret fl-20 u fil-21 ta’ Settembru 2018 fi Vjenna, tat l-opportunità lil firxa ta’ partijiet ikkonċernati u ta’ Stati Membri jipprovdu l-kontributi għar-rapport tagħha.
Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-kummenti li għamlu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rapporti ta’ implimentazzjoni preċedenti. Il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-ilma fl-2015, fejn enfasizza, fost l-oħrajn, l-importanza tal-immaniġġjar tal-kwalità u tal-kwantità tal-ilma, il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-liġi tal-UE dwar l-ilma u li din tiġi integrata iżjed f’politiki oħra tal-UE. Talab lill-Istati Membri jlestu u jimplimentaw l-RBMPs tagħhom u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti online. Enfasizza wkoll is-sinerġiji bejn l-RBMPs u l-FRMPs. Il-Kunsill ħareġ diversi settijiet ta’ Konklużjonijiet bejn l-2007 u l-2016.
Enfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi implimentat b’mod sħiħ l-acquis tal-UE dwar l-ilma biex l-ilmijiet jitħarsu kontra d-deterjorament u jiksbu, progressivament, stat tajjeb, u talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jintegraw aħjar dawn l-isforzi f’politiki rilevanti oħra. Fir-rigward tal-għargħar, b’mod partikolari, il-Kunsill irrefera għall-użu tal-infrastruttura ekoloġika u għall-miżuri ta’ żamma naturali tal-ilma bħala mezzi li jnaqqsu r-riskji tal-għargħar. Il-Kummissjoni tappoġġja dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha u impenjat ruħha li taġixxi kif mistħoqq.
4.WFD - sejbiet mit-tieni RBMPs
Ir-Rapport taż-ŻEE dwar l-Istat tal-Ilma, maħruġ f’Lulju 2018
, jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-istat tal-korpi tal-ilma tal-Ewropa, kif irrapportat mill-Istati Membri skont id-WFD.
Juri li sa issa, 74 % tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art tal-UE kisbu stat kimiku tajjeb u 89 % minnhom kisbu stat kwantitattiv tajjeb.
Is-sitwazzjoni hija anqas inkoraġġanti għall-ilmijiet tal-wiċċ: 38 % minnhom biss jinsabu fi stat kimiku tajjeb u 40 % biss jinsabu fi stat jew potenzjal ekoloġiku tajjeb
. Hemm numru żgħir ta’ kontaminanti individwali, li l-aktar komuni fosthom huwa l-merkurju
, għandhom impatt kbir fuq l-istat. Qed jittieħdu azzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak internazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-merkurju u ta’ kontaminanti oħra, li rriżultaw f’titjib fir-rigward tal-livelli ta’ xi sustanzi individwali.
Meta mqabbla maċ-ċiklu ta’ bejn l-2009 u l-2015, kien numru limitat biss ta’ korpi tal-ilma li tejbu l-istat tagħhom. Dan jista’ jkun minħabba l-identifikazzjoni tardiva tal-pressjonijiet, il-ħin itwal meħtieġ biex jitfasslu miżuri ta’ politika effettivi, l-introduzzjoni bil-mod ta’ miżuri, il-ħin ta’ reazzjoni tan-natura qabel ma jieħdu effett il-miżuri, iżda anki standards ogħla ta’ kwalità u monitoraġġ u rapportar imtejba li jiżvelaw li korpi tal-ilma li preċedentement kienu ġew ikkwalifikati li jinsabu fi stat ‟mhux magħruf” kienu fil-fatt jinsabu fi stat ‟mhux sodisfaċenti”.
B’mod ġenerali, saru sforzi sostanzjali biex tiġi implimentata d-WFD. Implimentazzjoni aħjar ta’ partijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni li huma marbuta mill-qrib kellha wkoll effett pożittiv. Dan jirrigwardja b’mod partikolari d-Direttivi dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, dwar in-Nitrati u dwar l-Emissjonijiet Industrijali u d-dritt tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi.
Ir-rapport taż-ŻEE jikkonkludi li l-ilmijiet Ewropej jibqgħu taħt pressjoni sinifikanti kemm minn tniġġis iġġenerat minn sorsi diffużi (eż. l-agrikoltura, l-infrastruttura tat-trasport) kif ukoll minn sors puntiformi (eż. l-industrija jew il-produzzjoni tal-enerġija), astrazzjoni żejda u bidliet idromorfoloġiċi li jirriżultaw minn firxa ta’ attivitajiet tal-bniedem.
4.1Valutazzjoni fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali
Governanza xierqa fil-livell tal-baċin tax-xmara hija prekundizzjoni essenzjali għall-kisba tal-objettivi tad-WFD. Sa issa, l-Istati Membri kollha ħatru awtoritajiet kompetenti, ħafna drabi ta’ tipi diversi, u jenfasizzaw l-importanza tal-koordinazzjoni bejniethom. Dawn użaw diversi metodi biex jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati. Issa hemm ħafna korpi konsultattivi permanenti stabbiliti. Il-konsultazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati wasslet għal tibdiliet fl-abbozz tal-RBMPs; madankollu, ma kienx dejjem ċar kif il-kontribuzzjonijiet influwenzaw l-RBMP adottat.
L-Istati Membri jridu jipprovdu analiżi tal-karatteristiċi ta’ kull distrett tal-baċin tax-xmara (RBD), b’eżami mill-ġdid tal-impatt tal-attività tal-bniedem u analiżi ekonomika tal-użu tal-ilma. Din il-‟karatterizzazzjoni” trid tiġi aġġornata kull sitt snin. Jeħtieġ li jingħataw ukoll il-limiti u l-post ta’ kull korp tal-ilma. Għal kull ċiklu, din id-‟delineazzjoni” trid tiġi vverifikata u aġġornata, u jridu jiġu indikati l-bidliet fil-pressjonijiet u fl-impatti fuq l-istat tal-ilma. Id-delineazzjoni nbidlet f’madwar 4 minn 10 każijiet, ħafna drabi mingħajr spjegazzjoni ċara. Id-deskrizzjonijiet ta’ pressjonijiet importanti ġeneralmentikunu aktar ċari billi l-kriterji huma ddefiniti aħjar. Madankollu, għad hemm lok għal titjib, billi għal proporzjon kbir ta’ korpi tal-ilma, kienu ġew irrapportati impatti mhux magħrufa ta’ oriġini antropoġenika u pressjonijiet ta’ motivaturi mhux magħrufa (b’mod speċjali pressjonijiet idromorfoloġiċi).
Sar xi titjib metodoloġiku li ppermetta t-traċċar tal-progress kif ukoll il-komparabbiltà tad-data aktar faċli fir-rigward tal-istabbiliment ta’ meta, kif mitlub mid-WFD, korp tal-ilma mmodifikat ħafna jew korp tal-ilma artifiċjali jistgħu jitqiesu li kisbu Potenzjal Ekoloġiku Tajjeb.
Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta’ stat ekoloġiku u kimiku ta’ korpi tal-ilma tal-wiċċ juru stampa differenti f’termini tal-parametri mkejla u l-komparabbiltà tar-riżultati. Fl-UE kollha hemm diversità kbira fil-monitoraġġ ta’ Sustanzi Prijoritarji
, kemm f’termini tal-perċentwal tal-korpi tal-ilma kif ukoll tan-numru tas-sustanzi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri mmonitorjaw is-Sustanzi Prijoritarji kollha identifikati bħala skarikati fl-RBDs tagħhom. L-Istati Membri kollha rrapportaw inventarji ta’ emissjonijiet, ta’ skariki u tat-telf ta’ sustanzi ta’ ħsara bħal dawn, iżda ftit minnhom biss tlestew.
Il-fatt li, sa kmieni fl-2018, ma kien hemm l-ebda sistema ta’ interkalibrazzjoni komuni formali għal ħafna tipi ta’ ilma
, xorta waħda jagħmilha diffiċli ħafna biex isir tqabbil bejn il-korpi tal-ilma f’dan it-tieni ċiklu ta’ rapportar.
Madankollu, kien possibbli li jiġi stabbilit l-istat tal-korpi tal-ilma kważi kollha, u dan naqqas ħafna mill-inċertezza li kienet instabet qabel. Minkejja dan, għad fadal lakuni importanti fil-monitoraġġ tal-istat ekoloġiku.
B’mod ġenerali, il-monitoraġġ tal-elementi ta’ kwalita f’kull kategorija tal-ilma, fl-aħjar każ, huwa kemxejn limitat, u jiddependi b’mod eċċessiv fuq ir-raggruppar ta’ diversi korpi tal-ilma differenti u fuq ġudizzju espert, aktar milli fuq valutazzjoni aktar bir-reqqa ta’ kull korp tal-ilma rilevanti skont il-parametri speċifiċi tad-WFD. Jinħtieġu aktar sforzi biex in-netwerks tal-monitoraġġ adegwati jilħqu kopertura spazjali u affidabbiltà tal-valutazzjoni suffiċjenti.
Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istat kwantitattiv u kimiku tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art ittejbu, għalkemm numru sinfikanti ta’ dawn il-korpi għad ma għandhomx siti ta’ monitoraġġ xierqa. Hawnhekk, id-WFD hija kkomplementata mid-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, li tiddeskrivi, b’mod partikolari, il-lista ta’ kontaminanti rilevanti, il-valuri ta’ limitu u x-xejriet għall-valutazzjoni tal-istat kimiku. Iż-żewġ Direttivi jaħdmu f’sinerġija wkoll ma’ liġijiet oħra tal-UE, bħad-Direttivi dwar l-Ilma tax-Xorb (DWD) u dwar in-Nitrati. Il-monitoraġġ tal-istat kimiku għadu ma laħaqx standard tajjeb, u numru kbir ta’ korpi tal-ilma ta’ taħt l-art mingħajr monitoraġġ jew inkella b’monitoraġġ limitat tal-parametri ewlenin.
L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-WFD
attwalment ikopru madwar nofs il-korpi tal-ilma tal-Ewropa. Dan jirrigwarda prinċipalment korpi tal-ilma naturali, iżda dejjem iżjed qed isir jirrigwarda anki korpi tal-ilma modifikati ħafna u artifiċjali, flimkien ma’ modifiki fiżiċi ġodda. Filwaqt li l-ġustifikazzjonijiet għal dawn l-eżenzjonijiet tjiebu b’mod ġenerali, il-persistenza tal-użu mifrux tagħhom huwa indikatur tal-isforzi sinifikanti li għadhom meħtieġa biex jinkiseb stat jew potenzjal tajjeb sal-2027. Madankollu, u f’konformità ma’ dak li hu meħtieġ minn dak l-istess Artikolu, id-data rrapportata turi li l-Istati Membri jridu jiżguraw iktar li l-eżenzjonijiet li jkunu applikati għal korp tal-ilma wieħed ma jeskludux b’mod permanenti, jew ma jikkompromettux, il-kisba tal-objettivi ambjentali f’korpi tal-ilma oħra (Artikolu 4(8)), u jiggarantixxu tal-anqas il-livell ta’ protezzjoni previst f’leġiżlazzjoni ambjentali oħra tal-UE (Artikolu 4(9)).
Id-WFD tirrikjedi lill-Istati Membri jidentifikaw Programm ta’ Miżuri (PoM)
biex jiksbu stat tajjeb f’waqtu. Fir-rigward tal-korpi tal-ilma affettwati mill-astrazzjoni tal-ilma, ġew iddefiniti b’mod ġenerali l-miżuri ewlenin, iżda l-implimentazzjoni tagħhom mhijiex uniformi madwar l-Ewropa u għaldaqstant il-pressjonijiet qed jonqsu biss bil-mod. Il-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri jeżentaw astrazzjonijiet żgħar mill-kontrolli jew mir-reġistrazzjoni huwa potenzjalment problematiku. In-nuqqas ta’ kontroll u ta’ reġistrazzjoni jista’ jkun ta’ tħassib, b’mod partikolari fi Stati Membri li diġà għandhom problemi ta’ skarsezza tal-ilma u f’korpi tal-ilma li jiffaċċjaw problemi kwantitattivi.
L-impatti tal-agrikoltura huma fost il-pressjonijiet l-aktar sinifikanti li ġew identifikati mill-Istati Membri fil-maġġoranza tal-RBDs bħala pressjonijiet li joħolqu riskju potenzjali ta’ deterjorament jew nuqqas ta’ kisba tal-objettivi ambjentali, kemm fil-forma ta’ astrazzjoni żejda kif ukoll ta’ tniġġis minn sorsi diffużi. Normalment il-miżuri bażiċi
jkunu fis-seħħ. F’nofs il-każijiet ma ssir ebda valutazzjoni ex ante dwar sa liema punt se jkunu suffiċjenti l-miżuri li ttieħdu biex jitqarreb stat tajjeb. Ħafna minn dan se jiddependi wkoll fuq l-effett tal-miżuri volontarji, ħafna drabi fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Bil-għan li jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni ambjentali, il-proposti tal-Kummissjoni għall-PAK il-ġdida stabbilixxew rekwiżiti obbligatorji
għall-bdiewa. Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ intervent iddefinita mill-Istati Membri fil-pjan strateġiku tal-PAK tagħhom għandha tqis il-ħtiġijiet identifikati fl-RBMPs u għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tad-WFD. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jkollhom joffru appoġġ addizzjonali għal aktar interventi għall-protezzjoni tal-ilma permezz ta’ diversi skemi volontarji
.
Miżuri bażiċi biex jiġu indirizzati pressjonijiet minn setturi oħra għajr l-agrikoltura, bħall-industrija jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija, huma ġeneralment fis-seħħ ukoll. Dawn huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-kontaminanti li qed jikkawżaw nuqqasijiet fl-istat kimiku jew ekoloġiku, bħal, pereżempju, miżuri biex jitnaqqas jew jitwaqqaf ir-rilaxx ta’ ċerti kontaminanti fl-ilma. Madankollu, jinħtieġ aktar progress.
Fir-rigward ta’ modifiki fiżiċi eżistenti fil-korpi tal-ilma, il-maġġoranza tal-Istati Membri rrapportaw miżuri (passaġġi għall-ħut, it-tneħħija ta’ strutturi, eċċ.) imfasslin apposta biex inaqsu l-impatti ambjentali negattivi ta’ pressjonijiet idromorfoloġiċi sinifikanti. Hemm ukoll rabta aktar ċara bejn il-miżuri, il-pressjonijiet u l-użi tal-ilma u s-setturi ekonomiċi. Il-flussi ekoloġiċi minimi jeħtieġ li jiġu ddefiniti u implimentati aħjar u jeħtieġ li jiġu żgurati l-kontinwità tax-xmara u l-immaniġġjar xieraq tas-sedimenti.
Numru ta’ Stati Membri tejbu l-politiki tagħhom dwar l-ipprezzar tal-ilma billi ssodisfaw il-kundizzjonalità ex-ante għall-ilma skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Saru passi fid-definizzjoni tas-servizzi tal-ilma, fil-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji, fil-kejl, fit-twettiq ta’ analiżi ekonomika u fil-valutazzjoni tal-ispejjeż ambjentali kif ukoll dawk tar-riżorsi meta jiġu kkalkolati l-ammonti tal-irkupru tal-ispejjeż għas-servizzi tal-ilma. Madankollu, fadal lakuni sinifikanti fit-traduzzjoni ta’ dawn l-elementi mtejba ta’ analiżi ekonomika f’miżuri konkreti u fil-kisba ta’ approċċi aktar armonizzati biex jiġu stmati u integrati l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi. Żieda fl-investimenti hija essenzjali biex jiġu ssodisfati l-objettivi tad-WFD. Aktar progress fis-sostenn ekonomiku tal-Programm ta’ Miżuri jkun jiffaċilita b’mod qawwi d-deċiżjonijiet u l-investimenti relatati mal-ilma.
Ftit li xejn sar progress fir-rigward ta’ żoni protetti għall-ilma tax-xorb u għal żoni protetti tan-natura. L-evalwazzjoni tad-DWD tal-1998 ivvalutat il-koerenza tagħha mad-WFD u identifikat konnessjoni nieqsa fir-rigward tal-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tax-xorb. Għalhekk, il-proposta tal-2018 għal riformulazzjoni tad-DWD tintroduċi approċċ ibbażat fuq ir-riskju mill-astrazzjoni għall-vit, filwaqt li tippromowovi komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-fornituri tal-ilma tal-Istati Membri biex jiġi żgurat ċiklu sħiħ ta’ governanza. Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-koerenza bejn iż-żewġ Direttivi u tiżgura li japplikaw kemm il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni.
Għal parti kbira taż-żoni protetti, l-għarfien dwar, pereżempju, l-istat u l-pressjonijiet, huwa nieqes u ma huma stabbiliti l-ebda objettivi. Ir-rapportar ta’ monitoraġġ immirat speċifikament lejn żoni protetti, inkluż għall-frott tal-baħar, huwa limitat ħafna u xi drabi nieqes kompletament.
F’madwar nofs l-Istati Membri, in-nixfiet kienu kkunsidrati bħala karatteristika rilevanti għall-immaniġġjar tal-ilma. Waħda mill-miżuri ewlenin biex jiġu mitigati l-impatti tan-nixfiet hija Pjan ta’ Mmaniġġjar tan-Nixfiet, iżda dan ma ġiex adottat fl-RBDs rilevanti kollha.
Għat-tielet RBMPs, jenħtieġ li l-Istati Membri
·Jkomplu jtejbu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, b’parteċipazzjoni attiva fil-proċess tal-ippjanar u fl-integrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tagħhom fl-RMBPs.
·Jidentifikaw b’mod ċar iddistakk li jridu jnaqqsu biex jinkiseb stat tajjeb għal pressjonjiet individwali u korpi tal-ilma u jfasslu, jiffinanzjaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ miżuri immirati biex jagħlquh.
·Inaqqsu d-dipendenza fuq l-eżenzjonijiet biex jiżguraw kisba f’waqtha tal-objettivi tad-WFD u jtejbu t-trasparenza fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet użati.
·Jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 9 dwar l-irkupru tal-ispejjeż, inklużi l-kalkolu u l-internalizzazzjoni tal-ambjent u l-ispejjeż tar-riżorsi għall-attivitajiet kollha b’impatt sinifikanti fuq il-korpi tal-ilma u l-analiżi ekonomika biex jiġi sostnut il-pjan ta’ miżuri.
4.2Kooperazzjoni transkonfinali skont id-WFD
Għall-baċini tax-xmajjar li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali, id-WFD tirrikjedi li l-Istati Membri jikkoordinaw ma’ xulxin u jagħmlu sforzi raġonevoli anki ma’ pajjiżi mhux tal-UE, fejn rilevanti. Ħafna xmajjar Ewropej jgħaddu lil hinn mill-fruntieri tal-UE, fosthom pereżempju r-Renu u d-Danubju. Il-grad ta’ kooperazzjoni jvarja. Normalment, ikun fis-seħħ ftehim internazzjonali, ħafna drabi anki korp ta’ koordinazzjoni internazzjonali u, anqas frekwenti, RBMP konġunt. Ftit hemm baċini fl-UE li ma għandhom l-ebda wieħed minn dawn.
B’mod ġenerali, meta mqabbla mal-ewwel ċiklu, l-istrutturi ta’ governanza komplew jiġu fformalizzati, ġew żviluppati iżjed u iżjed RBMPs internazzjonali,u l-komparabbiltà tas-sejbiet tjiebet, bħal ma għamlet ukoll il-kompatibbiltà tal-approċċi b’reazzjoni għall-pressjonijiet.
4.3Kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-livell tal-Istati Membri
Il-proċedura tal-Artikolu 12 tad-WFD għal kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-livell tal-Istati Membri ġiet invokata darba. Fl-2016 id-Danimarka enfasizzat li, biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD, jeħtieġ li Stati Membri oħra jieħdu azzjoni biex inaqqsu t-tagħbija tan-nitroġenu tagħhom fil-korpi tal-ilma komuni. Meta ntalbet tintervjeni, il-Kummissjoni enfasizzat li huma l-Istati Membri li primarjament huma responsabbli biex jiżguraw l-objettivi tad-WFD u nnotat li l-Artikolu 3 jipprevedi koordinazzjoni fi ħdan l-RBDs, anki dawk internazzjonali. Hija ssuġġeriet li l-ewwel jiġu eżawriti l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni bilaterali inkluż skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.
FD - sejbiet mill-ewwel FRMPs
5.1
Valutazzjoni fil-livell nazzjonali
L-għażliet umani, storiċi iżda li għadhom mifruxa sal-lum il-ġurnata wkoll, għandhom effett sinifikanti fuq l-okkorrenza u l-impatti mill-għargħar
u teżisti evidenza li n-numru ta’ avvenimenti ta’ għargħar kbar żdied tul is-snin.
Il-projezzjonijiet huma kawża għal tħassib; skont xenarju mingħajr adattament (jiġifieri jekk wieħed jassumi l-kontinwazzjoni tal-protezzjoni attwali kontra l-għargħar tax-xmajjar sa perjodu ta’ ritorn li bħalissa huwa ta’ 100 sena), id-danni fl-UE mill-effett ikkombinat ta’ bidliet klimatiċi u soċjoekonomiċi huma mistennija li jiżdiedu minn EUR 6,9 biljun fis-sena għal EUR 20,4 biljun fis-sena sas-snin 2020, sas-snin 2050 jilħqu l-EUR 45,9 biljun fis-sena, u sat-tmeninijiet (2080) jaslu għal EUR 97,9 biljun fis-sena.
Għalhekk huwa loġiku li 27 mit-28 Stat Membru inkludew l-għargħar bħala riskju prinċipali fil-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tagħhom.
L-istabbiliment tal-FRMPs, li huma għodda ta’ mmaniġġjar li tintuża għat-tnaqqis ta’ konsegwenzi negattivi potenzjali mill-għargħar, kien it-tielet pass tal-approċċ ċikliku għall-immaniġġjar tar-riskju tal-għargħar introdott mill-FD. Preċedentement, twettqu Valutazzjonijiet Preliminari tar-Riskju talGħargħar
(fl-2011) u tħejjew Mapep ta’ Periklu u ta’ Riskju ta’ Għargħar (fl-2013) mill-Istati Membri.
F’termini ta’ kompletezza, kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw il-konklużjonijiet tal-Valutazzjonijiet Preliminari tar-Riskju ta’ Għargħar u Mapep ta’ Periklu u Riskju ta’ Għargħar tagħhom fl-FRMPs tagħhom. L-Istati Membri kollha stabbilixxew objettivi għall-immaniġġjar tar-riskji ta’ għargħar, u f’20 mis-26 Stat Membru vvalutati, dawn huma fil-livell nazzjonali jew billi jiġu adattati objettivi fil-livell nazzjonali għal ċirkostanzi reġjonali/lokali. Xi wħud stabbilixxew numru żgħir ta’ objettivi wisgħin, oħrajn ippreżentaw numru akbar ta’ objettivi aktar dettaljati. L-Istati Membri kollha inkludew miżuri għall-kisba tal-objettivi. Madankollu, mhux l-objettivi kollha huma elaborati biżżejjed biex jippermettu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u mhux il-miżuri kollha huma marbuta b’mod ċar mal-objettivi; meħuda flimkien, dawn in-nuqqasijiet jistgħu joħolqu sfida għat-tieni ċiklu (bejn l-2016 u l-2021), meta l-Istati Membri huma mistennija jivvalutaw il-progress.
In-numru ta’ miżuri jvarja b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri, u jvarja minn ftit miżuri individwali għal eluf ta’ gruppi ta’ miżuri. Madwar 50 % tal-miżuri jirrigwardaw il-prevenzjoni u l-istat tat-tħejjija, madwar 40 % jirrigwardaw il-protezzjoni mill-ħsara tal-għargħar u l-10 % li jifdal jirrigwardaw l-irkupru. F’termini ta’ inizjattivi mhux strutturali
, l-FRMPs kollha vvalutati jirreferu għall-ippjanar spazjali. Kull wieħed mis-26 Stat Membru li ġew ivvalutati jinkludu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura f’xi FRMPs jew fl-FRMPs kollha, jew bħala proġetti jew bħala studji preparatorji. Għalkemm l-FD ma ssemmix il-kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji tal-għargħar, aktar minn nofs l-FRMPs ivvalutati jsemmu tal-anqas xi miżuri relatati, inkluża s-sensibilizzazzjoni.
L-Istati Membri kollha rrapportaw dwar il-prijoritizzazzjoni tal-miżuri, jew ipprovdew skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Biex jintwera dan, madwar 10 % tal-miżuri rrapportati kienu ta’ prijorità kritika, 60 % kienu ta’ prijorità għolja ħafna jew għolja, 20 % kienu ta’ prijorità moderata u l-bqija kienu ta’ prijorità baxxa. 19 mis-26 Stat Membru li ġew ivvalutati wettqu analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri. Għal kważi l-Istati Membri kollha ġie żviluppat approċċ nazzjonali
. Anqas Stati Membri (11) użaw analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji (CBA) fl-Unitajiet kollha ta’ Mmaniġġjar (UoMs)
ivvalutati. 21 mis-26 Stat Membru jirreferu b’mod espliċitu għall-koordinazzjoni mal-objettivi ambjentali tal-Artikolu 4 tad-WFD fil-UoMs kollha jew tal-anqas f’xi wħud minnhom.
Madwar nofs l-Istati Membri li ġew ivvalutati ipprovdew l-istimi tal-ispejjeż tal-miżuri tal-għargħar, għalkemm, f’ħafna każijiet, dawn ma jkoprux l-FRMPs jew il-miżuri kollha. Fi 23 minn 26 Stat Membru, il-maġġoranza tal-FRMPs identifikaw sorsi ta’ finanzjament, madankollu, f’ħafna każijiet dan jikkonċerna mekkamiżmi ta’ finanzjament possibbli b’mod ġenerali, eż. il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
Intużat varjetà ta’ mezzi ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku u mal-partijiet ikkonċernati u, b’mod ġenerali, kienu involuti firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati fit-tħejjija tal-ewwel FRMPs, madankollu, ma kienx dejjem ċar kif dawn il-kontribuzzjonijiet influwenzaw l-FRMPs li ġew adottati f’diversi livelli amministrattivi u permezz ta’ diversi atti.
Għat-tieni FRMPs jenħtieġ li l-Istati Membri
·Jorbtu b’mod ċar l-implimentazzjoni tal-miżuri mal-kisba tal-objettivi sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-progress mit-tieni ċiklu ’l quddiem;
·Jidentifikaw sorsi ta’ finanzjament speċifiċi biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri.
5.2
Impatt tat-Tibdil fil-Klima
L-evidenza dejjem qed tiżdied li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt sostanzjali fuq l-okkorrenza u s-severità tal-għargħar fil-parti l-kbira tal-Ewropa
. Aktar minn nofs l-Istati Membri kkunsidraw it-tibdil fil-klima fil-passi tal-Valutazzjonijiet Preliminari tar-Riskju ta’ Għargħar u tal-Mapep ta’ Periklu u Riskju ta’ Għargħar. Mill-FRMPs li ġew ivvalutati u mir-rapportar tal-Istati Membri, 24 mis-26 Stat Membru kkunsidraw tal-anqas xi aspetti u għaxra minnhom ipprovdew l-evidenza li kienu kkunsidraw l-impatti tat-tibdil fil-klima. Erbatax-il Stat Membru ddiskutew xenarji klimatiċi futuri fl-FRMPs tagħhom b’diversi skedi taż-żmien (madwar nofshom għandhom xenarji għall-2050, u madwar nofs ieħor għandhom xenarji għall-2100). Anqas minn nofs jirreferu għall-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament imħejjija mill-Istati Membri skont l-Istrateġija tal-UE tal-Adattament għat-Tibdil fil-Klima. F’madwar kwart tal-Istati Membri, l-FRMPs kollha li ġew ivvalutati rreferew għal tali strateġiji nazzjonali; fi ftit Stati Membri oħra xi wħud, iżda mhux l-FRMPs kollha li ġew ivvalutati, kellhom dawn ir-referenzi.
Għat-tieni FRMPs jenħtieġ li l-Istati Membri
·B’mod konformi mal-Artikolu 14 tal-FD, jikkunsidraw l-impatt probabbli tat-tibdil fil-klima fuq l-okkorrenza tal-għargħar u jadattaw il-miżuri kif mistħoqq filwaqt li jagħmlu użu xieraq mill-għodod tal-immudellar tal-UE bħal dawk li huma disponibbli permezz tas-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus
;
·Jikkunsidraw l-istrateġiji nazzjonali għat-tibdil fil-klima u jikkoordinaw ma’ miżuri inklużi fihom.
5.3
Kooperazzjoni transkonfinali skont l-FD
Skont l-FD, l-Istati Membri huma meħtieġa jikkoordinaw ma’ xulxin f’baċini tax-xmajjar transkonfinali u jagħmlu wkoll sforzi biex jikkoordinaw ma’ pajjiżi terzi. Meta ġew stabbiliti strutturi ta’ koordinazzjoni, l-iżvilupp ta’ Pjan Internazzjonali ta’ Mmaniġġar tar-Riskju ta’ Għargħar (iFRMP) dejjem wassal għal objettivi komuni għall-immaniġġjar tar-riskju tal-għargħar u, fil-każijiet kważi kollha, wassal biex jiġu ddefiniti numru ta’ miżuri kkoordinati. Seħħet konsultazzjoni pubblika estensiva għal xi wħud mill-baċini fejn ġiet stabbilita kummissjoni tax-xmara, bħal fil-każ tad-Danubju, tar-Renu, tal-Elbe u tal-Odra; il-kunsiderazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-livell tal-baċin hija aktar żviluppata fejn kummissjoni tax-xmara tiġi inkarigata bil-koordinazzjoni.
Għat-tieni ċiklu, jenħtieġ li l-Istati Membri b’baċini tax-xmajjar transkonfinali
·Jkomplu jiżviluppaw approċċi komuni, filwaqt li jqisu, fl-iskala tal-baċin, l-effetti upstream u downstream tal-miżuri tat-tnaqqis tar-riskju tal-għargħar li ma jinstabux fil-viċinanza tal-fruntieri nazzjonali u jestendu l-prattika ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi internazzjonali.
6. Konklużjonijiet
B’mod ġenerali, l-għarfien u r-rapportar dwar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tjiebu b’mod sinifikanti meta mqabbla maċ-ċiklu preċedenti. Kien hemm aktar Stati Membri li rrapportaw b’mod f’waqtu u b’informazzjoni aktar komprensiva, rilevanti u affidabbli.
Huwa rrapportat li l-konformità mal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma qed tiżdied b’mod gradwali. Għalkemm, f’numru ta’ Stati Membri ttieħdu miżuri ta’ politika tajbin u saru numru ta’ investimenti finanzjarji, f’ħafna baċini tax-xmara xorta waħda jrid jgħaddi xi żmien sakemm titjieb il-kwalità tal-ilma. Fil-fatt, filwaqt li maġġoranza kbira tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art kisbu stat tajjeb, hemm anqas minn nofs il-korpi tal-ilma tal-wiċċ li jinsabu fi stat tajjeb, għalkemm ix-xejriet f’diversi elementi u sustanzi ta’ kwalità individwali sottostanti huma aktar pożittivi.
Għad baqa’ ħafna xi jsir biex jinkisbu b’mod sħiħ l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttivi relatati, l-ewwel u qabel kollox mill-Istati Membri. L-Istati Membri se jibbenefikaw minn involviment akbar mill-atturi kollha rilevanti tas-suq u tas-soċjetà ċivili biex ikun żgurat aktar infurzar tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Il-fondi tal-UE se jkomplu jappoġġaw dawn l-isforzi ta’ implimentazzjoni, inkluż il-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-isforzi
lejn il-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali għas-Servizzi tal-Ilma
. It-triq lejn il-konformità sħiħa mal-objettivi tad-WFD sal-2027, fejn wara din is-sena l-possibbiltajiet ta’ eżenjoni huma limitati, tidher li hija ta’ sfida kbira f’dan l-istadju. Ir-rapportar wera fil-fatt li, għalkemm se jittieħdu miżuri oħra sal-2021,se jkunu meħtieġa ħafna iżjed lil hinn mill-2021.
Għad-Direttiva dwar l-Għargħar, ittieħdu passi importanti ħafna. Għalkemm dawn huma l-ewwel FRMPs, huwa ċar li l-Istati Membri kollha ħaddnu b’mod fundamentali l-kunċett tal-immaniġġjar tar-risku ta’ għargħar anki jekk ivarja l-grad prattiku ta’ elaborazzjoni. Il-kisba tal-objettiv ewlieni tad-Direttiva dwar l-Għargħar tat-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi potenzjali minn għargħar sinifikanti se tirrikjedi sforzi sostnuti mill-parti tal-Istati Membri fiċ-ċikli li ġejjin.
Il-Kummissjoni se ssegwi mal-Istati Membri, skont ir-rilevanza, ir-rakkomandazzjonijiet inklużi f’dan ir-rapport u d-dokumenti ta’ akkumpanjament tiegħu, biex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar tar-rekwiżiti skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar. Se jiġi segwit ukoll l-infurzar miżjud tal-obbligi legali li jkopru l-pressjonijiet ewlenin fuq l-ambjent akkwatiku, bħal dawk li jirriżultaw mid-Direttivi dwar in-Nitrati u dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi.
Minbarra li se tkompli taħdem mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tkompli tinvoli ruħha maċ-ċittadini u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex tippromwovi l-konformità, anki permezz tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali. Fejn possibbli, ir-rapportar se jkompli jiġi ssimplifikat. Se tingħata attenzjoni għall-kontaminanti ġodda li jiżviluppaw, eż. il-mikroplastiċi u l-farmaċewtiċi.
Ir-rapport preżenti se jikkontribwixxi għall-Kontroll ta’ Idoneità kontinwu tal-liġi tal-UE dwar l-ilma u l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Jikkontribwixxi wkoll għall-valutazzjoni tal-progress li jsir biex jinkisbu l-objettivi tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE u l-Aġenda globali tal-2030 tal-Iżvilupp Sostenibbli.
L-ilmijiet tal-Ewropa qegħdin kontinwament jiġu affettwati aktar mit-tibdil fil-klima. Il-konformità mal-liġi tal-UE dwar l-ilma diġà qed tgħin biex jiġu mmaniġġjati l-effetti ta’ klima li qed tinbidel, billi jiġu antiċipati aktar nixfiet u għargħar. Il-politika tal-UE dwar l-ilma għandha potenzjal konsiderevoli biex timmitiga t-tibdil fil-klima, dejjem jekk tittieħed azzjoni effettiva minn issa.