European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2894

18.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2894

tat-18 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 (1).

(2)

Fl-14 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2698 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 u elenkat ċerti linji tal-ajru Iranjani.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kieku l-Iran kellu jittrasferixxi missili ballistiċi u teknoloġija relatata lir-Russja għall-użu kontra l-Ukrajna wara li jkun ipprovda lir-reġim Russu vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), li jintużaw f’attakki bla waqfien kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna, l-Unjoni tkun lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid ikun ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiġu mmirati entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran.

(4)

Fit-13 ta’ Settembru 2024, f’dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni, l-Unjoni kkundannat bil-qawwa t-trasferiment reċenti ta’ missili ballistiċi magħmula fl-Iran lejn ir-Russja, meqjusa bħala theddida diretta għas-sigurtà Ewropea u bħala eskalazzjoni materjali sostantiva fir-rigward ta’ forniment ta’ UAVs u munizzjon Iranjani, li r-Russja kienet użat fil-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. L-Unjoni lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran, inkluż id-deżinjazzjoni ta’ individwi u entitajiet involuti fil-programmi ta’ missili ballistiċi u droni tal-Iran, u f’dak ir-rigward kienet qed tikkunsidra wkoll miżuri restrittivi fis-settur tal-avjazzjoni tal-Iran.

(5)

Ir-Russja qed tuża UAVs prodotti mill-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali.

(6)

Il-programm tal-missili Iranjani, li huwa bbażat fuq kumpaniji tal-istat kif ukoll privati u jibbenefika minn kapaċitajiet ta’ riċerka domestiċi, huwa mmexxi mill-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li t-tnejn li huma huma soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(7)

It-trasferiment ta’ UAVs u missili magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati u komponenti tagħhom lejn ir-Russja u lil gruppi mhux statali armati fil-Lvant Nofsani u lil hinn huwa kwistjoni ċentrali ta’ tħassib. L-Iran ittrasferixxa UAVs u missili u teknoloġiji relatati magħmula fl-Iran u komponenti tagħhom lir-Russja, inkluż permezz ta’ bastimenti u portijiet.

(8)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, b’mod partikolari l-forniment mill-Iran ta’ UAVs u missili lir-Russja, li ddgħajjef il-paċi u s-sigurtà, u hija theddida diretta għas-sigurtà Ewropea, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi. Dawk il-miżuri ser jibqgħu jiġu rieżaminati u jistgħu jiġu sospiżi jew irtirati, jew jiġu supplimentati minn miżuri oħra restrittivi, fid-dawl ta’ żviluppi fuq il-post.

(9)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li persuna waħda u erba’ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532.

(10)

Huwa xieraq li jiġu emendati l-kriterji tal-elenkar u li jiġu previsti ċerti eċċezzjonijiet immirati mill-iffriżar tal-assi.

(11)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu pprojbiti l-esportazzjoni, it-trasferiment, il-forniment jew il-bejgħ mill-Unjoni lejn l-Iran ta’ komponenti użati fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ missili.

(12)

Huwa xieraq ukoll li jiġu pprojbiti l-esportazzjoni, it-trasferiment, il-forniment jew il-bejgħ mill-Unjoni lejn l-Iran ta’ komponenti ulterjuri użati fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs.

(13)

Huwa xieraq li jiġi pprojbit l-involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni direttament jew indirettament ma’ portijiet u mgħalaq, inkluż l-aċċess għall-faċilitajiet tagħhom jew il-forniment ta’ kwalunkwe servizz, li huma ta’, operati minn jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati f’din id-Deċiżjoni jew li jintużaw għat-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġija relatata jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat l-ambitu tal-projbizzjoni fuq l-aċċess għall-portijiet għall-bastimenti u li tiżdied eżenzjoni.

(14)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li żewġ portijiet jiġu inklużi fil-lista ta’ portijiet u mgħalaq stabbilita fl-Anness II tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532.

(15)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jiġi pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għall-kapaċità li l-Iran jimmanifattura Vetturi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAVs) jew missili, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Iran jew għall-użu fl-Iran.

It-tranżitu mit-territorju tal-Iran tal-oġġetti u t-teknoloġija, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, esportati mill-Unjoni, għandu jkun ipprojbit.”

;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni, direttament jew indirettament, ma’ portijiet u mgħalaq li huma:

(a)

proprjetà ta’, operati jew ikkontrollati minn, kwalunkwe persuna, fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(b)

proprjetà ta’, operati jew ikkontrollati minn, persuna ġuridika, entità jew korp li 50 % jew aktar tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness I;

(c)

proprjetà ta’, operati jew ikkontrollati minn persuna, fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem entità msemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu jew skont id-direzzjoni tagħha; jew

(d)

użati għat-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna,

kif elenkat fl-Anness II.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każ ta’ bastiment fil-bżonn ta’ assistenza li qed ifittex post ta’ rifuġju, ta’ waqfa ta’ emerġenza f’port għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima, jew għas-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, jew għall-finijiet umanitarji, jew għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.”

;

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni fiżiċi:

(a)

responsabbli għall-programm tal-UAVs jew tal-missili tal-Iran, li jappoġġawh jew li huma involuti fih;

(b)

li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom:

(i)

lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

(ii)

lil gruppi u entitajiet armati li jimminaw il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar;

(iii)

lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxu bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jew

(c)

li huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi msemmija fil-punt (a) jew (b);

kif elenkat fl-Anness I.”

;

(4)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi:

(a)

responsabbli għall-programm tal-UAVs jew tal-missili tal-Iran, li jappoġġjawh jew li huma involuti fih;

(b)

li jfornu, ibigħu jew li b’xi mod ieħor huma involuti fit-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom:

(i)

lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

(ii)

lil gruppi u entitajiet armati li jimminaw il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar;

(iii)

lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxu bi ksur tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jew,

(c)

li huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew (b);

kif elenkat fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“9a.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma meħtieġa għal:

(a)

finijiet umanitarji, l-evakwazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni, jew għal inizjattivi li jipprovdu appoġġ lill-vittmi ta’ diżastri naturali, nukleari jew kimiċi;

(b)

l-operat ta’ titjiriet meħtieġa għall-attendenza ta’ laqgħat bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-appoġġ militari Iranjan għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar, jew għall-promozzjoni tal-għanijiet ta’ politika tal-miżuri restrittivi;

(c)

inżul, tlugħ jew titjir li jgħaddi minn fuq it-territorju f’każijiet ta’ emerġenza; jew

(d)

vjaġġar għal skopijiet uffiċjali ta’ membri tal-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari ta’ Stati Membri fl-Iran jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jgawdu immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali.

9b.   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn huma residenti, jinsabu, stabbiliti jew inkorporati dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi skont il-paragrafu 9a fi żmien ġimagħtejn minn meta jkunu saru disponibbli. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li tasallu skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċeviha.

9c.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lill-entitajiet elenkati taħt in-numri tal-entrati 10, 11 u 12 fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, b’tali kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għas-servizzi fuq l-art kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (23), tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

9d.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma neċessarji biex jittrattaw kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-ajru li huma kritiċi u identifikati b’mod ċar u wara konsultazzjoni minn qabel mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”;"

(c)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 8, 9, 9c u 9d fi żmien ġimagħtejn minn dik l-awtorizzazzjoni.”

;

(5)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(6)

jiżdied l-Anness II f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1532 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar (ĠU L 186, 25.7.2023, p. 20).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2698 tal-14 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar (ĠU L, 2024/2698, 14.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2698/oj).


ANNESS

(1)   

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1532 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu tal-Anness hija sostitwita b’dan li ġej:

“ANNESS I

Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3”;

(b)

l-entrata li ġejja tiżdied taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“20.

Mohammad Reza KHIABANI

محمدرضا مدرس خیابانی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Direttur tal-IRISL

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: Raġel

Entitajiet assoċjati: Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL)

Mohammad Reza Khiabani huwa d-direttur tal-Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL), li hija elenkata mill-UE u li hija t-trasportatur marittimu nazzjonali tal-Iran.

Il-bastimenti tal-IRISL ilhom involuti għal bosta snin fit-trasport marittimu ta’ merkanzija relatata mal-qasam militari. L-Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (IRGCN) (il-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika) tal-Iran, li hija elenkata mill-UE, tikkonverti bastimenti tal-kontejners li huma proprjetà ta’ IRISL Group fi trasportaturi tad-droni.

L-IRGCN hija parti mill-IRGC, u tinkludi diviżjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) u diviżjoni tal-missili. L-IRGCN hija involuta fil-programmi tal-UAVs u l-missili tal-Iran, kif ukoll fit-trasferiment tal-missili tal-Iran lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar.

Għaldaqstant, fil-pożizzjoni tiegħu ta’ direttur tal-IRISL, Mohammad Reza Khiabani huwa assoċjat mal-IRGCN.

18.11.2024.”

(c)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“17.

MG Flot LLC

 

Indirizz: Apartment 1, ul Lenina, Akhty, 18D, 368730, Russja

Tip ta’ entità: kumpanija tat-tbaħħir

Numru tar-reġistrazzjoni: IMO 6016988

MG Flot LLC hija kumpanija tat-tbaħħir Russa li l-bastimenti tagħha huma involuti fit-trasport marittimu ta’ prodotti Iranjani relatati mal-qasam militari, inkluż komponenti ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV), lejn ir-Russja.

Il-bastimenti ta’ MG Flot LLC, inkluż il-bastiment tal-merkanzija Rasul Gamzatov (IMO: 8861058; MMSI: 273157300), ilhom jittrasportaw armi u munizzjon magħmula fl-Iran, inkluż komponenti tal-UAV, min-naħa għall-oħra tal-Baħar Kaspju għar-riforiment tat-truppi Russi li qed jiġġieldu fl-Ukrajna.

Għalhekk, MG Flot LLC hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew il-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

18.11.2024

18.

VTS Broker LLC

 

Indirizz: Office 19, ul Dzerzhinskogo, 72B, Astrakhan, 414015, Russja

Tip ta’ entità: kumpanija tat-tbaħħir

Numru tar-reġistrazzjoni: IMO 5122966

VTS Broker LLC hija kumpanija tat-tbaħħir Russa li l-bastimenti tagħha huma involuti fit-trasport marittimu ta’ prodotti Iranjani relatati mal-qasam militari, inkluż komponenti ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV), lejn ir-Russja.

Il-bastimenti ta’ VTS Broker LLC, inkluż il-bastiment tal-merkanzija Musa Jalil (IMO: 8846814; MMSI: 273353660), ilhom jittrasportaw armi u munizzjon magħmula fl-Iran, inkluż komponenti tal-UAV, min-naħa għall-oħra tal-Baħar Kaspju għar-riforiment tat-truppi Russi li qed jiġġieldu fl-Ukrajna.

Għalhekk, VTS Broker LLC hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew il-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

18.11.2024

19.

Arapax LLC

 

Indirizz: Apartment 6, ul Savushkina, 2, Astrakhan, 414056, Russja

Tip ta’ entità: kumpanija tat-tbaħħir

Numru tar-reġistrazzjoni: IMO 6189893

Arapax LLC hija kumpanija tat-tbaħħir Russa li l-bastimenti tagħha huma involuti fit-trasport marittimu ta’ prodotti Iranjani relatati mal-qasam militari, inkluż komponenti ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV), lejn ir-Russja.

Il-bastimenti ta’ Arapax LLC, inkluż il-bastiment tal-merkanzija Begey (IMO: 8943210; MMSI: 273421560), ilhom jittrasportaw armi u munizzjon magħmula fl-Iran, inkluż komponenti tal-UAV, min-naħa għall-oħra tal-Baħar Kaspju għar-riforiment tat-truppi Russi li qed jiġġieldu fl-Ukrajna.

Għalhekk, Arapax LLC hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs jew il-missili tal-Iran jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

18.11.2024

20.

Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL)

گروه کشتیرانی جمهوری اسلامی ایران

(Ortografija Farsi)

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Individwi assoċjati: Mohammad Reza Khiabani (direttur)

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (IRGCN) (Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika)

Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL) hija t-trasportatur marittimu nazzjonali tal-Iran.

Il-bastimenti tagħha ilhom involuti għal bosta snin fit-trasport marittimu ta’ merkanzija relatata mal-qasam militari. L-Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (IRGCN) (il-Flotta Navali tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika) tal-Iran, li hija elenkata mill-UE, tikkonverti bastimenti tal-kontejners li huma proprjetà ta’ IRISL fi trasportaturi tad-droni.

L-IRGCN hija parti mill-IRGC, u tinkludi diviżjoni ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) u diviżjoni tal-missili. L-IRGCN hija involuta fil-programmi tal-UAVs u l-missili tal-Iran, kif ukoll fit-trasferiment tal-missili tal-Iran lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar.

Għalhekk, l-IRISL hija assoċjata mal-IRGCN li hija elenkata mill-UE.

18.11.2024.”

(2)   

Jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS II

Lista ta’ portijiet u mgħalaq imsemmija fl-Artikolu 1a

 

Isem

Raġunijiet għall-inklużjoni

Data tal-applikazzjoni

1.

Il-Port ta’ Amirabad, l-Iran

Artikolu 1a(1), il-punt (d): użat għat-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

18.11.2024

2.

Il-Port ta’ Anzali, l-Iran

Artikolu 1a(1), il-punt (d): użat għat-trasferiment ta’ UAVs jew missili Iranjani jew teknoloġiji relatati jew komponenti tagħhom lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

18.11.2024.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2894/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)