16.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1359

tat-30 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021)4638)

(it-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/267 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-persistenza tal-kriżi tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet, il-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport u l-estensjoni ta’ ċerti perjodi msemmija fir-Regolament (UE) 2020/698 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(8) u l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (“CPC”), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021. L-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(3)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267 jestendi l-validità tal-liċenzji tas-sewqan li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

(4)

B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2021, il-Ġermanja ppreżentat talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2021/267. Il-Ġermanja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2021.

(5)

Permezz tat-talba motivata tagħha, il-Ġermanja tixtieq tikseb, l-ewwel nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3); it-tieni, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament; u fl-aħħar nett, awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa f’dak l-Istat Membru x’aktarx jibqgħu imprattikabbli wara t-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(7)

Il-Ġermanja tikkalkula li kull sena jitwettqu madwar 300 000 kors ta’ taħriġ perjodiku skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar it-taħriġ ta’ sewwieqa professjonali. Minħabba l-pandemija, dawn il-korsijiet setgħu jsiru biss b’għadd limitat ħafna ta’ parteċipanti, filwaqt li f’ċerti każijiet, ma setgħu jsiru ebda korsijiet.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, ir-restrizzjonijiet applikabbli għat-taħriġ inizjali u perjodiku ta’ sewwieqa professjonali ġejjin mill-Ordinanzi ta’ Protezzjoni mill-Coronavirus ta’ kull stat federali rispettiv, kif ukoll mill-Att Ġermaniż dwar il-Protezzjoni kontra l-Infezzjoni (3). Minħabba l-adattament kontinwu tar-regoli għall-iżvilupp tal-pandemija, is-sitwazzjoni kienet u għadha pjuttost differenti f’ħafna stati federali.

(9)

F’Baden-Württemberg, pereżempju, waħda mill-miżuri li ġew applikati kienet il-projbizzjoni ġenerali tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, minħabba rati għoljin ta’ infezzjoni. Għalkemm bħalissa korsijiet ta’ taħriġ perjodiku għal skopijiet professjonali huma ġeneralment permessi f’dak l-istat, għandha tinżamm distanza minima ta’ 1,5 metru bejn il-persuni, li jfisser li l-għadd ta’ parteċipanti f’korsijiet ta’ taħriġ inizjali u perjodiku għall-kwalifika ta’ sewwieqa professjonali huwa ristrett skont dan.

(10)

Fil-Bavarja, pereżempju, għalkemm il-korsijiet ta’ taħriġ inizjali u perjodiku għas-sewwieqa professjonali kienu permessi fil-perjodu bejn il-11 ta’ Mejju u t-30 ta’ Novembru 2020, numru mnaqqas biss ta’ parteċipanti setgħu jieħdu sehem minħabba r-regoli ta’ tbegħid applikabbli. Fil-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2020 sal-15 ta’ Diċembru 2020, ma saru l-ebda korsijiet ta’ taħriġ inizjali jew perjodiku. Mis-16 ta’ Diċembru 2020 sas-6 ta’ Ġunju 2021, il-korsijiet ta’ taħriġ professjonali huma pprojbiti f’distretti urbani u rurali jekk l-inċidenza tul sebat (7) ijiem tal-COVID-19 f’dawk iż-żoni tkun ta’ 100 jew aktar. Il-Ġermanja tinnota li filwaqt li kien biss fit-tieni nofs ta’ Mejju li l-inċidenza tul sebat (7) ijiem fil-Bavarja naqset għal inqas minn 100, dan il-limitu xorta nqabeż f’xi distretti fis-26 ta’ Mejju 2021.

(11)

Fi Stati federali oħra, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, ir-regoli adottati jipprevedu wkoll li l-korsijiet jistgħu jsiru biss soġġett għal restrizzjonijiet konsiderevoli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ distanzi minimi bejn il-parteċipanti, li jnaqqas ħafna l-kapaċità taċ-ċentri għat-taħriġ. F’xi każijiet, anki jekk il-korsijiet ta’ taħriġ huma permessi, xi ċentri għat-taħriġ għażlu li ma jipprovdux korsijiet matul il-pandemija, għal raġunijiet ta’ prekawzjoni. Dan wassal għal ammont konsiderevoli ta’ xogħol b’lura fit-taħriġ, li se jkun jista’ jsir biss aktar tard, u bil-mod.

(12)

Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Ġermanja mill-Assoċjazzjoni Federali Ġermaniża tat-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, il-Loġistika u r-Rimi (4), il-miżuri fis-seħħ wasslu biex għadd sinifikanti ta’ korsijiet ta’ taħriġ perjodiku posposti se jkollhom jiġu ttrattati aktar tard miċ-ċentri għat-taħriġ. Skont informazzjoni mill-Assoċjazzjoni Ġermaniża tat-Trasport bit-Triq (5), fl-ewwel tliet xhur tal-2021 biss kien hemm akkumulazzjoni ta’ 5 000 sewwieq professjonali li kienu qed jistennew biex jattendu korsijiet ta’ taħriġ perjodiku. Meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ parteċipanti ammonta biss għal madwar 60 %. Skont il-Ġermanja wkoll, dan ix-xogħol b’lura probabbilment żdied fil-frattemp, minħabba l-miżuri ta’ lockdown aktar stretti li kienu fis-seħħ tul dawn l-aħħar ftit ġimgħat. L-awtoritajiet tar-reġjun tal-Bavarja, pereżempju, jistmaw li fit-tliet xhur li ġejjin se jkun hemm bżonn li jiġi offrut id-doppju tal-għadd ta’ korsijiet sabiex tiġi akkomodata d-domanda, avolja dan jidher improbabbli minħabba r-regoli attwali dwar it-tbegħid soċjali.

(13)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja wkoll, it-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan fil-Ġermanja x’aktarx se jibqa’ imprattikabbli lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2021, minħabba l-miżuri li ħadet biex jiġi evitat u jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(14)

Minħabba l-involviment tat-tobba tal-familja u, probabbilment mis-7 ta’ Ġunju 2021, tas-servizzi mediċi tal-kumpaniji fl-istrateġija tal-vaċċinazzjoni tal-Gvern Federali tal-Ġermanja, kif ukoll minħabba l-ammont ta’ xogħol kbir u dejjem jiżdied li għandhom, il-Ġermanja tistenna li se jkun hemm konġestjonijiet sinifikanti fl-appuntamenti għall-eżamijiet mediċi meħtieġa għall-estensjoni tal-liċenzji tas-sewqan dan is-sajf.

(15)

Skont il-Ġermanja, dawn il-konġestjonijiet huma mistennija li jiżdiedu b’mod partikolari minn Ġunju 2021, minħabba t-tneħħija mistennija tal-prijoritizzazzjoni attwali tal-vaċċinazzjonijiet u minħabba ż-żieda konsegwenti fl-appuntamenti għall-vaċċinazzjonijiet. F’Ġunju 2021 biss, il-kliniki tat-tobba u s-servizzi mediċi tal-kumpaniji mistennija jirċievu u jagħtu 14 396 850 doża tal-vaċċin BioNTech. Barra minn hekk, il-Ġermanja qed tistenna li tirċievi kunsinni mingħand AstraZeneca, Johnson & Johnson u Curevac, skont l-iskeda ta’ konsenja tal-manifatturi rispettivi tagħhom.

(16)

Barra minn hekk, il-Ġermanja tistenna li, minħabba l-għadd kbir ta’ każijiet ta’ COVID-19, jista’ jkun li l-awtoritajiet tal-liċenzji tas-sewwieqa jkollhom jerġgħu jagħlqu, jew li ma jkunux jistgħu joperaw b’mod normali, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni infettati fi ħdan l-awtoritajiet.

(17)

Fis-Sassonja t’Isfel u f’Nordrhein-Westfalen, pereżempju, għadd kbir ta’ awtoritajiet tal-liċenzji tas-sewwieqa għadhom magħluqa għall-pubbliku. Iż-żjarat fiżiċi jistgħu jsiru biss b’appuntamenti individwali, u huma limitati għal kwistjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li tabilfors wieħed ikun preżenti. Fis-Sassonja, it-tnaqqis tas-servizzi wiċċ imb’wiċċ sa mill-bidu tal-pandemija wassal biex il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan sar konsiderevolment aktar diffiċli. Skont il-Ġermanja, hemm possibbiltà li dawn l-awtoritajiet u awtoritajiet oħra li joħorġu l-liċenzji tas-sewwieqa jerġgħu jagħlqu fil-futur.

(18)

Skont l-Awtorità Federali Ġermaniża tat-Trasport bil-Vetturi bil-Mutur (6), fit-3 ta’ Mejju 2021, fil-Ġermanja, 102 426 persuna kellhom liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C, C1, CE jew C1E li tiskadi bejn l-1 ta’ Lulju 2021 u t-30 ta’ Settembru 2021, filwaqt li 10 517 persuna kellhom liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D, D1, DE jew D1E li tiskadi bejn l-istess dati. Fil-każ ta’ 51 799 persuna li għandhom liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C, C1, CE jew C1E, u ta’ 8 331 persuna li għandhom liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D, D1, DE jew D1E, kull waħda flimkien mal-marka tal-Kodiċi 95, iċ-ċertifikat rispettiv tagħhom ta’ kompetenza professjonali (“CPC”) jiskadi wkoll bejn l-1 ta’ Lulju 2021 u t-30 ta’ Settembru 2021.

(19)

Skont il-Ġermanja, dawn in-numri ma jinkludux il-liċenzji tas-sewqan u s-CPCs li ġew estiżi bl-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament (UE) 2021/267. Għalhekk, huwa mistenni li l-awtoritajiet tal-liċenzji tas-sewqan ikollhom jittrattaw għadd ferm akbar min-normal ta’ talbiet għat-tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan.

(20)

Skont il-Ġermanja, il-perjodu ta’ tliet xhur għall-estensjonijiet mitluba huwa kkunsidrat ristrett għal dak li huwa meħtieġ, filwaqt li jitqies ix-xogħol b’lura attwali b’rabta mal-korsijiet ta’ taħriġ perjodiku għas-sewwieqa professjonali. Il-Ġermanja tistenna li l-introduzzjoni tal-vaċċinazzjonijiet tikseb progress favorevoli sat-30 ta’ Settembru 2021, li jippermetti titjib fl-għadd ta’ appuntamenti għal eżamijiet mediċi għall-valutazzjoni tas-saħħa tas-sewwieqa, u għal titjib fl-iskarsezza attwali ta’ persunal fl-awtoritajiet tal-liċenzji tas-sewwieqa.

(21)

It-talba tikkonċerna biss il-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2021, u għalhekk tkopri biss għadd limitat ta’ liċenzji tas-sewqan u kwalifiki ta’ sewwieqa professjonali. Barra minn hekk, il-grupp ta’ persuni li jibbenefikaw minn tali perjodu ta’ validità estiż diġà kisbu liċenzja tas-sewqan jew lestew taħriġ perjodiku mill-inqas darba, u b’hekk taw prova tal-profiċjenza u tal-kompetenzi tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjonijiet mitluba ma jwasslux għal riskji sproporzjonati f’termini ta’ sikurezza u sigurtà tat-trasport.

(22)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ġermanja tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1), għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 2(3), fl-Artikolu 2(5) u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja hija awtorizzata tapplika l-estensjonijiet li ġejjin għall-perjodi speċifikati fl-Artikolu 2(1), (3) u (5) u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/267:

(a)

estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/267, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament; kif ukoll

(c)

estensjoni ta’ tliet xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021 speċifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 60, 22.2.2021, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(3)  Vierten Gesetzes zum Schutz der Bevölkerung bei einer epidemischen Lage von nationaler Tragweite vom 22. April 2021, BGBl. I S. 802.

(4)  Bundesverband Güterkraftverkehr. Logistik und Entsorgung.

(5)  Straßenverkehrsgenossenschaft.

(6)  Kraftfahrt-Bundesamts.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10).