SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48/KE – Kunċett ta’ ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ – Spejjeż marbuta mal-estensjoni tal-kreditu”
Fil-Kawża C‑686/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura
SIA “Soho Group”
vs
Patērētāju tiesību aizsardzības centrs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal SIA “Soho Group”, minn I. Šimulīte, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn V. Kalniņa u V. Soņeca, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene u G. Goddin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA “Soho Group” u l-Patērētāju tiesību aizsardzības centrs (iċ-Ċentru għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi, il-Latvja) (iktar ’il quddiem iċ-“ĊPDK”) dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponi fuq Soho Group multa għal ksur tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 19, 20, 26, 28 u 43 tad-Direttiva 2008/48 jinqraw kif ġej:
[…]
għandu wkoll jikkonsulta databases rilevanti; iċ-ċirkostanzi legali u attwali jistgħu jirrikjedu li tali konsultazzjonijiet ivarjaw fil-profondità. […] […]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/48 hija intiża li tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur. |
|
5 |
L-Artikolu 2(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li biss ċerti dispożizzjonijiet tagħha għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ kreditu li jipprevedu li t-termini għall-ħlas jew il-modalitajiet ta’ rimbors għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim bejn il-persuna li ssellef u l-konsumatur meta dan ikun diġà f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħlas fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu inizjali. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: […]
[…]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, bit-titolu “Informazzjoni prekuntrattwali”, jelenka, fil-paragrafu 1(ċ), (g) u (i) tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumatur qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt jew b’offerta ta’ kreditu, li hija, rispettivament, l-“ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ self”, ir-“[RIPS] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur” u, jekk ikun il-każ, “kwalunkwe imposta oħra li tirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu mibdula dawn l-imposti”. |
|
8 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.” |
|
9 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża “b’mod ċar u konċiż”. Din l-informazzjoni tinkludi rispettivament, fil-punti (d), (g), (k) u (u), “l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu”, “ir-[RIPS] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew”, u, jekk ikun il-każ, “kwalunkwe imposta oħra li tirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinbidlu dawn l-imposti”, kif ukoll “termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn”. |
|
10 |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/48, bit-titolu “Kalkolu tar-[RIPS]”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, sabiex isir dan il-kalkolu, “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi determinata, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe imposta pagabbli mill-konsumatur għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe impenn min-naħa tiegħu stabbilit fil-ftehim ta’ kreditu u imposti barra mill-prezz tax-xiri li, għal xiri ta’ merkanzija u servizzi, hu obbligat iħallas irrispettivament minn jekk it-transazzjoni issirx permezz ta’ flus kontanti jew permezz ta’ kreditu”. |
Id-dritt Latvjan
|
11 |
Il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, li jirriżulta mid-Direttiva 2008/48, ġie riprodott mill-Ministru kabineta noteikumi Nr. 1219 “Noteikumi minn patērētāja kreditēšanu” (id-Digriet Nru 1219 tal-Kunsill tal-Ministri, dwar ir-“Regoli fil-Qasam tal-Kreditu għall-Konsumatur”), tat‑28 ta’ Diċembru 2010 (Latvijas Vēstnesis, 2011, Nru 2), li jirregola l-kalkolu tar-RIPS. |
|
12 |
Il-Patērētāju tiesību aizsardzības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumaturi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi PDK”), tirriproduċi, fl-Artikolu 1(9) tagħha, id-definizzjoni tal-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, hekk kif ifformulata fid-Direttiva 2008/48. |
|
13 |
L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi, bit-titolu “Self lil konsumatur”, jipprovdi: “[…] (22) L-ispiża tal-kuntratt ta’ kreditu mogħti lil konsumatur għandha tkun proporzjonata u konformi mal-prattiki kummerċjali leali. L-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur għandha tiġi kkalkolata skont il-modalitajiet iddefiniti fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur. (23) Ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(22) ma għandhomx jitqiesu bħala li ġew issodisfatti meta l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur tkun tirrappreżenta perċentwali ta’ kuljum ta’ iktar minn 0.55 % tal-ammont tal-kreditu bejn l-ewwel u s-seba’ jum (inkluż) ta’ użu tal-kreditu, minn 0.25 % tal-ammont tal-kreditu bejn it-tmien u l-erbatax‑il jum (inkluż) ta’ użu tal-kreditu, u minn 0.2 % tal-ammont tal-kreditu mill-ħmistax‑il jum ta’ użu tal-kreditu. Għall-kuntratti li abbażi tagħhom il-kreditu għandu jiġi rrimborsat fuq talba jew il-perijodu tal-kreditu jkun ta’ iktar minn 30 jum, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 8(22) ma għandhomx jitqiesu bħala li ġew issodisfatti meta l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur tkun tirrappreżenta perċentwali ta’ kuljum ta’ iktar minn 0.25 % tal-ammont tal-kreditu. Il-limitazzjonijiet għall-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur ma għandhomx japplikaw għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur li fihom, għall-finijiet tal-konklużjoni tagħhom, jingħata oġġett lill-persuna li ssellef bħala garanzija u li abbażi tagħhom ir-responsabbiltà tal-konsumatur hija limitata esklużivament għall-oġġett mogħti bħala garanzija. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
14 |
Soho Group hija istituzzjoni ta’ kreditu speċjalizzata fl-għoti, online, ta’ self ta’ ammont żgħir, għal żmien qasir. Il-prattika kummerċjali ta’ din l-impriża tikkonsisti fil-provvista lill-konsumaturi ta’ servizzi ta’ kreditu fil-forma ta’ self ta’ ammont ta’ bejn EUR 70 u EUR 425, għal perijodu li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, jista’ jkun ta’ bejn 30 jum u 12‑il xahar. |
|
15 |
Waqt spezzjoni fuq is-sit internet tal-kumpannija, iċ-ĊPDK ikkonstata li Soho Group kienet qiegħda tipproponi kuntratti ta’ kreditu li jinkludu klawżola bit-titolu “Estensjoni tal-perijodu tas-self”. Skont din il-klawżola, il-persuna li tissellef tista’ titlob estensjoni tal-perijodu tas-self billi tħallas, fil-kont kurrenti tal-persuna li ssellef, spejjeż għal estensjoni li jiddependu fuq l-ammont u l-perijodu tas-self. Wara li tirċievi l-ħlas, il-persuna li ssellef tibgħat avviż li jikkonferma l-estensjoni tal-perijodu indikat fil-kundizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta’ kreditu jew fl-iskeda tal-ħlas, jew tirrifjuta l-għoti ta’ din l-estensjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan ir-rifjut jiġi motivat. |
|
16 |
Fit-tmiem ta’ dan il-kontroll, iċ-ĊPDK ikkonkluda li, fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu tal-kreditu, Soho Group kienet qiegħda tipproponi lill-konsumaturi kuntratti ta’ kreditu li l-ispiża totali ta’ kuljum tagħhom ma kinitx konformi mal-Artikolu 8(23) tal-Liġi PDK. Konsegwentement, iċ-ĊPDK qies li l-ispejjeż tal-kuntratt ta’ kreditu propost lill-konsumaturi minn Soho Group la kienu proporzjonati u lanqas konformi mal-prattiki kummerċjali leali, fis-sens tal-Artikolu 8(22) ta’ din il-liġi. Sabiex jagħmel dan, huwa qies li l-ispiża totali tal-kreditu kienet tinkludi l-ispejjeż għall-estensjoni tal-kreditu minħabba li l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-kreditu kienu jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef fil-kuntratt ta’ kreditu. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2017, iċ-ĊPDK impona multa ta’ EUR 25000 fuq Soho Group. |
|
18 |
Wara ċ-ċaħda mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) tar-rikors ippreżentat minn Soho Group intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, Soho Group appellat quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), li, permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali). |
|
19 |
F’din is-sentenza, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) qieset li, li kieku t-tul tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi estiż, l-ispejjeż marbuta mal-użu tal-kreditu matul il-perijodu ta’ estensjoni kienu jkunu magħrufa u kienu jikkostitwixxu spejjeż ta’ kreditu li fir-rigward tagħhom kienu japplikaw il-limitazzjonijiet previsti mil-Liġi PDK. |
|
20 |
Soho Group ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju li fil-kuntest tiegħu hija sostniet li l-ħlas tal-ispejjeż għal estensjoni ma huwiex obbligatorju sabiex jinkiseb is-self jew sabiex dan jintuża. Barra minn hekk, l-estensjoni tal-kuntratt ta’ kreditu hija biss waħda mit-tliet għażliet possibbli meta jiskadi s-self. Iż-żewġ għażliet l-oħra jikkonsistu fir-rimbors tas-self mingħajr ħlas addizzjonali jew fin-nuqqas ta’ rimbors tas-self, fatt li jiskatta l-kalkolu tal-interessi moratorji. Skont Soho Group, peress li l-estensjoni tal-kreditu ma tkunx magħrufa fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri fil-mument li fih tiġi ddeterminata l-ispiża totali tal-kreditu u li fih tiġi kkalkolata r-RIPS, l-ispejjeż għal din l-estensjoni ma jistgħux jiġu inklużi fl-ispiża totali tal-kreditu. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li għandu jiġi stabbilit jekk l-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” tinkludix l-ispejjeż għall-estensjoni tal-kreditu, sa fejn il-kundizzjonijiet għall-estensjoni eventwali tiegħu jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef fil-kuntratt ta’ kreditu. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma n-natura wiesgħa tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tad-Direttiva 2008/48 u, min-naħa l-oħra, li din il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li l-persuna li ssellef tista’ wkoll tiġbor kummissjonijiet mhux previsti minn din id-direttiva. |
|
23 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk tali spejjeż jaqgħux taħt l-imsemmi kunċett. |
|
24 |
Din il-qorti tippreċiża wkoll li ċerti klawżoli speċifiċi tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali juru li l-persuna li ssellef tqis l-estensjoni ta’ dan il-kuntratt bħala soluzzjoni aċċettabbli intiża li jiġi evitat in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali. Dan jirriżulta kemm min-natura ddettaljata ta’ dawn il-klawżoli kif ukoll min-numru kbir ta’ kuntratti ta’ kreditu estiżi fil-prattika. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
26 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, previst fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan il-kunċett jinkludi l-ispejjeż għall-estensjoni tal-kreditu, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet għall-estensjoni eventwali tiegħu jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef fil-kuntratt ta’ kreditu. |
|
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/48 hija intiża biss li tarmonizza ċerti aspetti tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur, u li din ma tinkludix regoli ta’ armonizzazzjoni dwar il-posponiment tat-terminu tal-kreditu. Fl-Artikolu 2(6) tagħha, din id-direttiva tirreferi biss għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas, fatt li ma huwiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hekk kif sostnew il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tal-ispiża massima ammissibbli tal-kreditu ma hijiex irregolata mill-imsemmija direttiva, b’tali mod li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiffissaw tali spiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punti 40 u 48). |
|
28 |
Skont l-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” jinkludi “l-ispejjeż kollha, inklużi interessi, kummissjonijiet, taxxi, u kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur ħlief spejjeż notarili”. |
|
29 |
Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, minn naħa, biss l-“[i]spejjeż notarili” huma espliċitament esklużi minn din id-definizzjoni. Min-naħa l-oħra, din id-definizzjoni ma tippreċiżax jekk l-ispejjeż imsemmija fiha humiex limitati għal dawk li huma neċessarji sabiex jinkiseb il-kreditu. |
|
30 |
Għall-kuntrarju, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” jinkludi “kwalunkwe tip ta’ onorarji oħrajn li l-konsumatur għandu jħallas b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu u li huma magħrufin mal-kreditur”, u li dawn l-ispejjeż jinkludu wkoll “l-ispejjeż relatati ma’ servizzi anċillari fir-rigward tal-ftehim ta’ kreditu”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett ikopri l-ispejjeż kollha li huwa għandu jħallas għall-kuntratt ta’ kreditu u li huma magħrufa mill-persuna li ssellef (sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 84, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑127/15, EU:C:2016:934, punt 34), inklużi l-kummissjonijiet li l-persuna li tissellef għandha l-obbligu li tħallas lill-persuna li ssellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 65). |
|
31 |
Għalhekk, sabiex tiġi żgurata protezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta, fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, mhux biss id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” ma tinkludi ebda limitazzjoni dwar it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, iżda fuq kollox l-ispejjeż u t-tqassim tagħhom matul it-tul ta’ dan il-kuntratt jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Lexitor, C‑383/18, EU:C:2019:702, punti 23 u 31 sa 33). Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-premessa 20 tad-Direttiva 2008/48, li tipprovdi li l-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” għandu jinftiehem “b’konnessjoni mal-ftehim ta’ kreditu”. |
|
33 |
Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” ikopri kemm l-ispejjeż marbuta mal-kisba tal-kreditu kif ukoll dawk marbuta mal-użu tiegħu ratione temporis. |
|
34 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex l-ispejjeż ta’ eventwali estensjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, prevista minn dan tal-aħħar, ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza u jkunu jistgħu, għaldaqstant, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, minn naħa, il-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi ta’ din l-estensjoni eventwali għandhom ikunu speċifikati fl-imsemmi kuntratt u, min-naħa l-oħra, dawn l-ispejjeż għandhom ikunu magħrufa mill-persuna li ssellef, u b’hekk il-konsumatur ikun jista’ jiddetermina l-imsemmija spejjeż abbażi tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, b’mod partikolari skont il-perijodu tal-użu tal-kreditu. |
|
35 |
Fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-kreditu, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li dawn jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef. Bl-istess mod, għalkemm din il-qorti tippreċiża li l-persuna li ssellef tista’ tirrifjuta l-estensjoni tal-kuntratt, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan ir-rifjut jiġi motivat, huwa paċifiku li din l-estensjoni tista’ sseħħ biss wara talba tal-konsumatur f’dan is-sens, wara aċċettazzjoni mill-persuna li ssellef u wara l-ħlas minnu tal-ispejjeż ta’ estensjoni fil-kont kurrenti ta’ din tal-aħħar. |
|
36 |
Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-konsumatur li għandu l-obbligu jħallas l-ispejjeż għal estensjoni u li dawn l-ispejjeż huma magħrufa mill-persuna li ssellef, jiġifieri li dawn huma ddeterminati jew determinabbli. |
|
37 |
Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Soho Group, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li, minħabba l-fatt li l-estensjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx ċerta meta jiġi konkluż dan il-kuntratt, l-ispejjeż marbuta ma’ din l-estensjoni ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48. |
|
38 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mid-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48, li l-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur” huwa marbut ma’ dawk ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur” għall-finijiet tal-kalkolu tar-RIPS. |
|
39 |
Peress li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48 ma jinkludi, fir-rigward ta’ dawn il-kunċetti, ebda riferiment għad-dritt nazzjonali, kull wieħed minnhom għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, State Street Bank International, C‑255/18, EU:C:2019:967, punt 33). |
|
40 |
Sussegwentement, minn naħa, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ammont totali ta’ kreditu”, fis-sens tad-Direttiva 2008/48, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 3(l) tagħha bħala l-limitu massimu jew is-somom totali disponibbli bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kreditu. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(i) ta’ din id-direttiva, ir-RIPS tikkorrispondi ma’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, espressa f’perċentwali annwali tal-ammont totali tal-kreditu, b’teħid inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 19(2) ta’ din l-istess direttiva. |
|
42 |
Peress li l-kunċett ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2008/48 bħala “is-somma ta’ l-ammont totali tal-kreditu u l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, minn dan jirriżulta li l-kunċetti ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’” huma esklużivi għal xulxin u li, għaldaqstant, l-“ammont totali ta’ kreditu” ma jista’ jinkludi ebda somma inkluża fl-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 85). |
|
43 |
Għalhekk, id-Direttiva 2008/48 tinkludi tifsira kompleta tat-tqassim tas-somom li jaqgħu taħt il-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum. |
|
44 |
Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jirrigwardawx in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2008/48, jekk l-ispejjeż għal estensjoni jifformaw parti mill-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur”, dawn ma jistgħux jaqgħu taħt l-“ammont totali tal-kreditu”, b’mod li dawn jaqgħu taħt “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) ta’ din id-direttiva. |
|
45 |
Għandu jiġi osservat ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 jirrigwardaw mhux biss il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, iżda wkoll il-modalitajiet tal-emenda tiegħu. |
|
46 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għalkemm l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi li r-RIPS u l-“ammont totali pagabbli mill-konsumatur”, imsemmija fil-kuntratt ta’ kreditu, għandhom ikunu kkalkolati “fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu”, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża madankollu li “l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew [fih]”. |
|
47 |
Għal kuntratti ta’ kreditu, bħal dawk offruti minn Soho Group, u li fir-rigward tagħhom ma huwiex rari, hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ikollhom biss data ta’ ħlas waħda li tkun tikkoinċidi mat-tmiem tal-kuntratt, huwa possibbli għall-persuna li ssellef li ssemmi l-ipoteżi li fiha l-kuntratt ta’ kreditu jkun is-suġġett ta’ estensjoni waħda jew iktar. |
|
48 |
Ir-riferiment għall-ipoteżijiet differenti użati għall-kalkolu tar-RIPS jippermetti barra minn hekk li jiġi implimentat l-għan imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 relatat mal-informazzjoni neċessarja għall-paragun tal-offerti differenti sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, peress li dan il-paragun għandu jkun jista’ jsir billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-RIPS skont id-diversi perijodi tal-offerti għad-dispożizzjoni tiegħu. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 2008/48 ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u li tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq intern ta’ kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb. Mill-premessa 19 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, li tiggarantixxi li l-konsumatur jirċievi, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, informazzjoni adatta, li tirrigwarda b’mod partikolari r-RIPS fl-Unjoni kollha, li tippermettilu jqabbel ir-rati applikati (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Home Credit Slovakia, C‑290/19, EU:C:2019:1130, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, dwar l-“Informazzjoni prekuntrattwali”, b’mod partikolari tal-Artikolu 5(1)(i), kif ukoll tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, dwar l-“Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, b’mod partikolari tal-Artikolu 10(2)(k), jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għal “kwalunkwe imposta oħra li tirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinbidlu dawn l-imposti”. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2)(u) jipprovdi wkoll li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jindika, b’mod ċar u konċiż, jekk ikun il-każ, it-“termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn”. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu għalhekk li jiġi implimentat l-għan, imfakkar fil-premessa 43 tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti fil-fatt li din tiddefinixxi b’mod ċar u komprensiv l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, u li jinżamm l-effett utli ta’ din l-istess direttiva. |
|
51 |
Konsegwentement, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll tat-tifsira wiesgħa tal-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, it-tieni nett, tal-fatt li dan il-kunċett ikopri kemm il-kisba kif ukoll l-użu tal-kreditu, it-tielet nett, tal-interkonnessjoni tal-kunċetti ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, ta’ “ammont totali ta’ kreditu” u ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur”, u, ir-raba’ nett, tal-għan tal-imsemmija direttiva, kif ukoll tal-ħtieġa li jinżamm l-effett utli tagħha, meta t-terminu ta’ kuntratt ta’ kreditu jiġi estiż u l-ħlas tiegħu jiġi emendat permezz tal-ħlas tal-ispejjeż relatati, b’tali mod li dan ikollu effett fuq il-kunċett ta’ “ammont totali pagabbli mill-konsumatur”, l-ispejjeż għall-estensjoni tal-imsemmi kuntratt, meta tali għażla ta’ estensjoni tkun miftiehma bejn il-partijiet, u meta dawn l-ispejjeż ikunu magħrufa mill-persuna li ssellef, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48. |
|
52 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-persuna li ssellef li l-estensjoni tal-kuntratt ta’ kreditu hija soluzzjoni preferibbli għal eventwali nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li numru kbir ħafna tal-kuntratti ta’ kreditu konklużi jkun is-suġġett ta’ estensjoni tat-terminu inizjalment miftiehem. Issa, il-persuna li ssellef ma għandhiex titwassal tagħti self b’mod irresponsabbli jew tagħti krediti mingħajr evalwazzjoni minn qabel tas-solvenza tal-konsumatur. Fil-fatt, din għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessi 26 u 28 tagħha, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, tevalwa s-solvenza tal-konsumatur. Dan l-obbligu huwa intiż, skont il-premessa 26 ta’ din id-direttiva, li jirresponsabbilizza lill-persuna li ssellef u li jiġi evitat li din tagħti kreditu lil konsumaturi li ma jkunux solventi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 20). |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, previst fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-kunċett jinkludi l-ispejjeż għall-estensjoni eventwali tal-kreditu, sa fejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi għall-estensjoni eventwali tiegħu, inkluż it-tul tagħha, jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef fil-kuntratt ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, dawn l-ispejjeż huma magħrufa mill-persuna li ssellef. |
Fuq l-ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-kunċett ta’ “l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, previst fl-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-kunċett jinkludi l-ispejjeż għall-estensjoni eventwali tal-kreditu, sa fejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet konkreti u preċiżi għall-estensjoni eventwali tiegħu, inkluż it-tul tagħha, jifformaw parti mill-klawżoli u mill-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-persuna li ssellef u l-persuna li tissellef fil-kuntratt ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, dawn l-ispejjeż huma magħrufa mill-persuna li ssellef. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.