|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2460 |
3.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2460
tal-25 ta’ Novembru 2025
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Talba għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn Iżrael”
(notifikata bid-dokument C(2025) 8013)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Talba għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn Iżrael” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2025. |
|
(2) |
Dik it-talba ssegwi t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Sospensjoni tal-ftehimiet kummerċjali f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali” li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2025. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2025 (C(2025) 5818 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa fit-30 ta’ Lulju 2025, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat li filwaqt li tista’ tipproponi att legali uniku u orizzontali li jipprevedi l-possibbiltà li tiġi sospiża kategorija ta’ ftehimiet eżistenti, l-Unjoni tista’ ttemm ftehim biss abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill speċifika għal kull ftehim, f’konformità mal-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’analoġija. |
|
(4) |
Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788. |
|
(5) |
Fit-28 ta’ Ottubru 2025, il-grupp ta’ organizzaturi ressaq inizjattiva emendata. |
|
(6) |
L-għan tal-inizjattiva emendata kif espress mill-organizzaturi huwa li “tappella lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposta lill-Kunsill għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael”. Anness li hemm mal-inizjattiva emendata jipprovdi aktar dettalji dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni tqis li tista’ tadotta proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael abbażi tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(9) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(10) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
L-inizjattiva intitolata “Talba għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn Iżrael” għandha għalhekk tiġi rreġistrata. |
|
(13) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Talba għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn Iżrael” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Talba għas-sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn Iżrael”, irrappreżentat minn Malin BJÖRK u Catarina Martins li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2460/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)