|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2492 |
12.11.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2492
tal-10 ta’ Novembru 2026
li tirrifjuta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(“Tavas Yanık Koyun Yoğurdu” (IĠP))
(notifikata bid-dokument C(2026) 7866)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Tavas Yanık Koyun Yoğurdu” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), imressqa mit-Turkija fl-4 ta’ Lulju 2024 (PGI-TR-03280). |
|
(2) |
Wara l-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha, filwaqt li enfasizzat in-nuqqasijiet fl-applikazzjoni, b’mod partikolari rigward l-applikant, il-lingwa użata f’partijiet mit-test/mid-dokumentazzjoni tad-dokument uniku u tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, il-limitu ta’ kliem tad-dokument uniku, il-prova tal-protezzjoni, id-deskrizzjoni tal-prodott, il-prova tal-oriġini, ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar, u r-rabta kawżali maż-żona ġeografika. L-applikant intalab jagħmel aġġustamenti fl-applikazzjoni u jipprovdi kjarifiki wkoll. |
|
(3) |
L-applikant ma weġibx. |
|
(4) |
Fit-28 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni infurmat lill-applikant bl-intenzjoni tagħha li tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143, sakemm ma titressaqx verżjoni riveduta tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew l-applikazzjoni tiġi rtirata. L-ittra semmiet diversi nuqqasijiet ta’ konformità. |
|
(5) |
L-applikant la pprovda kummenti u lanqas talab l-irtirar tal-applikazzjoni fi żmien il-perjodu stipulat ta’ xahrejn minn wara li waslet l-ittra. |
|
(6) |
L-applikazzjoni fiha diversi nuqqasijiet ta’ konformità. B’mod partikolari, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 mhuwiex rispettat, peress li l-applikant huwa l-Muniċipalità ta’ Tavas (“TAVAS BELEDİYESİ”) li la hija produttur uniku li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u lanqas grupp ta’ produtturi li jaħdem bil-prodott, li l-isem tiegħu huwa propost għar-reġistrazzjoni. |
|
(7) |
Barra minn hekk, id-dokument uniku u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinkludu test/dokumentazzjoni bit-Tork; għaldaqstant, ir-rekwiżiti stabbilit fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 ma huwiex issodisfat. |
|
(8) |
Il-prova tal-protezzjoni fit-Turkija u t-traduzzjoni tagħha b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, meħtieġa mill-Artikolu 13(2)(d) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, huma neqsin. |
|
(9) |
Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fi tmiem id-dokument uniku taħt “Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott”, hija nieqsa wkoll. Għalhekk, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 (2) ma huwiex issodisfat. |
|
(10) |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni ma tidentifikax il-proċeduri li jiżguraw li l-prodott joriġina fiż-żona ġeografika definita; għaldaqstant, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26 ma huwiex issodisfat. |
|
(11) |
Id-deskrizzjoni tal-prodott mhijiex kompluta, peress li l-karatteristiċi kimiċi u mikrobijoloġiċi prinċipali tal-prodott huma neqsin; għaldaqstant, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 49(1)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1143 ma huwiex issodisfat. |
|
(12) |
Ir-regoli dwar it-tikkettar fid-dokument uniku ma humiex allinjati ma’ dawk fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u b’hekk ma humiex konformi mal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1143 u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26. |
|
(13) |
Barra minn hekk, peress li l-fatturi li fuqhom hija bbażata r-rabta bejn l-oriġini u l-prodott mhumiex ċari u ma tingħata l-ebda spjegazzjoni dwar kif il-fatturi umani u/jew naturali jaffettwaw il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott, u lanqas ma hija stabbilita r-reputazzjoni attwali tat-“Tavas Yanık Koyun Yoğurdu”, ir-rabta kawżali bejn il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott u ż-żona ġeografika definita mhijiex stabbilita f’konformità mal-Artikolu 49(1)(f)(ii) tar-Regolament (UE) 2024/1143. |
|
(14) |
Fl-aħħar nett, il-limitu tal-għadd totali ta’ 2 500 kelma tad-dokument uniku, li huwa rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/26, ma huwiex irrispettat. |
|
(15) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-“Tavas Yanık Koyun Yoğurdu” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1143. |
|
(16) |
Għalhekk, jenħtieġ li tiġi rrifjutata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Tavas Yanık Koyun Yoğurdu” bħala IĠP. |
|
(17) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għal prodotti agrikoli, inbid u xorb spirituż, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Tavas Yanık Koyun Yoğurdu” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) hija rrifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-applikant:
|
TAVAS BELEDİYESİ |
|
Samanlık Mahallesi Cumhuriyet Meydanı No:6/A |
|
Tavas/DENİZLİ, Türkiye |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Christophe HANSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/26 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet, l-emendi, il-kanċellazzjonijiet, l-infurzar tal-protezzjoni, it-tikkettar u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-inbid, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 u (UE) 2021/1236 (ĠU L, 2025/26, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/26/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2492/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)