SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn l-ETUC, l-UNICE u ċ-CEEP dwar xogħol għal żmien determinat – Punt 1 tal-klawżola 5 – Obbligu għall-Istati Membri li jintroduċu miżuri intiżi li jipprevjenu u li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Assenza ta’ tali miżuri – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti”

Fil-Kawża C‑155/25,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fil‑21 ta’ Frar 2025,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude u D. Recchia, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn A. Berti Suman u L. Fiandaca, avvocati dello Stato,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, D. Gratsias u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tikkonstata li, billi ma adottatx miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju (iktar ’il quddiem il-“persunal ATA”) ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), u

–

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tiddikjara, fil-punt 1 tagħha, li:

“Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.”

Id-dritt Taljan

3

Id-decreto legislativo n. 297 – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative vigenti in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine e grado (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, li Japprova t-Test Uniku tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi Applikabbli fil-Qasam tat-Tagħlim, dwar l-Iskejjel ta’ Kull Tip u ta’ Kull Livell), tas‑16 ta’ April 1994 (GURI Nru 115 tad‑19 ta’ Mejju 1994, Suppliment Ordinarju Nru 79) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994”), jipprovdi, fl-Artikolu 554 tiegħu, li:

“1.   Il-ħatriet bħala uffiċjali permanenti għall-funzjonijiet tar-raba’ livell għandhom isiru permezz ta’ kompetizzjonijiet provinċjali bbażati fuq kwalifiki, organizzati kull sena fil-limiti tal-pożizzjonijiet vakanti, mill-awtoritajiet skolastiċi abbażi ta’ digriet tal-Ministru għall-Edukazzjoni, li fih għandhom jiġu speċifikati b’mod partikolari l-kwalifiki meħtieġa u l-kriterji ta’ evalwazzjoni.

2.   Dawn il-kompetizzjonijiet għandhom ikunu miftuħa għall-persunal ATA mhux permanenti, b’mill-inqas sentejn servizz, mingħajr ebda nuqqas dixxiplinari, f’funzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk li għalihom huma organizzati l-kompetizzjonijiet. Huwa possibbli li wieħed jipparteċipa biss fil-kompetizzjoni organizzata fil-provinċja fejn il-kandidat ikun fis-servizz fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

3.   Il-persunal ATA mhux permanenti, li jkun wettaq mill-inqas sentejn servizz, kompletament jew parzjalment, f’funzjonijiet ogħla minn dawk li għalihom huma organizzati l-kompetizzjonijiet, għandu d-dritt li jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet għall-funzjoni immedjatament inferjuri.

[…]

8.   Il-ħatriet bħala uffiċjali permanenti għandhom ssir, fil-limiti tal-pożizzjonijiet disponibbli, skont l-ordni tal-listi permanenti ta’ kandidati xierqa, ikkompletati u aġġornati bil-kriterji indikati iktar ’il fuq.”

4

L-Artikolu 4 tal-legge n. 124 – Disposizioni urgenti in materia di personale scolastico (il-Liġi Nru 124 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tal-Persunal Skolastiku), tat‑3 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 107, tal‑10 ta’ Mejju 1999, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 124/1999”), intitolata “Sostituzzjonijiet”, jgħid li:

“1.   Meta ma jkunx possibbli li l-pożizzjonijiet ta’ professuri u ta’ għalliema li jkunu effettivament vakanti u disponibbli qabel il‑31 ta’ Diċembru jimtlew b’għalliema permanenti li jifformaw parti mill-persunal provinċjali jew bl-użu ta’ persunal żejjed u meta jkun prevedibbli li tali pożizzjonijiet ser jibqgħu vakanti matul is-sena skolastika kollha, u bil-kundizzjoni li persunal permanenti ma jkunx diġà ġie assenjat f’dawn il-pożizzjonijiet bi kwalunkwe titolu, dawn għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet annwali, fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti.

2.   Il-pożizzjonijiet ta’ professuri u ta’ għalliema mhux vakanti li jsiru disponibbli de facto qabel il‑31 ta’ Diċembru u sat-tmiem tas-sena skolastika għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet ta’ tagħlim. Bl-istess mod, is-siegħat ta’ tagħlim li ma jippermettux li jinħolqu pożizzjonijiet full-time jew part-time għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet ta’ tagħlim.

3.   F’każijiet oħra minn dawk previsti fil-paragrafi 1 u 2, għandhom isiru sostituzzjonijiet temporanji.

[…]

11.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom japplikaw ukoll għall-persunal ATA.”

5

Id-decreto ministeriale n. 430 – Regolamento recante norme sulle modalità di conferimento delle supplenze al personale amministrativo, tecnico ed ausiliario ai sensi dell’articolo 4 della legge 3 maggio 1999, n. 124 (id-Digriet Ministerjali Nru 430, li Jistabbilixxi r-Regolament li Jiffissa r-Regoli dwar il-Modalitajiet tal-Għoti tas-Sostituzzjonijiet tal-Persunal Amministrattiv, Tekniku u Awżiljarju skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124, tat‑3 ta’ Mejju 1999), tat‑13 ta’ Diċembru 2000 (GURI Nru 19, tal‑24 ta’ Jannar 2001), jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Disponibbiltà ta’ pożizzjonijiet u tipi ta’ sostituzzjonijiet”, dan li ġej:

“1.   Konformement mal-Artikolu 4(1), (2), (3) u (11) tal-[Liġi Nru 124/1999], meta ma jkunx possibbli li jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ [persunal ATA] disponibbli permezz tal-assenjazzjoni tal-persunal żejjed fis-servizz jew, taħt kwalunkwe titolu, tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, għandhom isiru:

a)

sostituzzjonijiet annwali, sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti disponibbli qabel l‑31 ta’ Diċembru u li x’aktarx jibqgħu vakanti matul is-sena skolastika kollha;

b)

sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet ta’ tagħlim, sabiex ikopru l-pożizzjonijiet mhux vakanti disponibbli qabel il‑31 ta’ Diċembru u sa tmiem tas-sena skolastika;

c)

sostituzzjonijiet temporanji, għal kull ħtieġa oħra ta’ sostituzzjoni li ma taqax taħt il-każijiet preċedenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.”

6

L-Artikolu 36 tad-decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, li Jistabbilixxi Regoli Ġenerali dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi), tat‑30 ta’ Marzu 2001 (GURI Nru 106, tad‑9 ta’ Mejju 2001, suppliment ordinarju Nru 112, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001”), intitolat “Persunal b’kuntratt għal żmien determinat jew impjegat fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol flessibbli”, jipprovdi li:

“1.   Għar-rekwiżiti marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw esklużivament permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat […]

2.   L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat, kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol, kif ukoll kuntratti ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal għal żmien determinat, u jagħmlu użu mill-forom ta’ kuntratti flessibbli previsti mill-Kodiċi Ċivili u minn leġiżlazzjonijiet oħra dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol fl-impriża, esklużivament fil-limiti u skont il-modalitajiet previsti għall-applikazzjoni tagħhom fl-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu l-kuntratti msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu biss għal bżonnijiet reali ta’ natura esklużivament temporanja jew eċċezzjonali u b’osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-proċeduri ta’ reklutaġġ iddefiniti fl-Artikolu 35. Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi skont l-Artikoli 19 et seq. tad-[decreto legislativo 15 giugno 2015, n. 81 – Disciplina organica dei contratti di lavoro e revisione della normativa in tema di mansioni, a norma dell’articolo 1, comma 7, della legge 10 dicembre 2014, n. 183 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81 dwar ir-Regolamentazzjoni Sistematika tal-Kuntratti ta’ Xogħol u r-Reviżjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar l-Obbligi Professjonali, skont l-Artikolu 1(7) tal-Liġi Nru 183, tal‑10 ta’ Diċembru 2014), tal‑15 ta’ Ġunju 2015 (GURI Nru 144, tal‑24 ta’ Ġunju 2015, suppliment ordinarju Nru 34, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015”)] […]

[…]

5.   Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi. Fil-każ speċifiku ta’ dannu li jirriżulta mill-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, bla ħsara għall-possibbiltà għall-ħaddiem li jipprova kull dannu addizzjonali, il-qorti għandha tistabbilixxi kumpens bejn minimu ta’ erba’ pagamenti mensili u massimu ta’ erbgħa u għoxrin pagament mensili abbażi tal-aħħar remunerazzjoni ta’ referenza għall-kalkolu tal-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, b’mod partikolari minħabba n-numru ta’ kuntratti suċċessivi bejn il-partijiet u t-tul totali tar-relazzjoni.

[…]

5d.   Bla ħsara għall-paragrafu 5, dan l-artikolu ma japplikax għar-reklutaġġ tal-[persunal ATA] għal żmien determinat fl-istabbilimenti skolastiċi u edukattivi tal-Istat u tal-awtoritajiet lokali, kif ukoll fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja fil-qasam tal-arti, tal-mużika u taż-żfin. […]”

7

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015 jistabbilixxi, fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Xogħol għal żmien determinat”, tul massimu għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (Artikolu 19), kif ukoll numru massimu ta’ tiġdid (Artikolu 21). Skont l-Artikolu 29(2)(c) tiegħu, il-Kapitolu III ma japplikax għall-“kuntratti għal żmien determinat konklużi mal-[persunal ATA] għall-għoti ta’ sostituzzjonijiet […]”, peress li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “[j]ibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001]”.

8

Il-legge n. 107 – Riforma del sistema nazionale di istruzione e formazione e delega per il riordino delle disposizioni legislative vigenti (il-Liġi Nru 107, li Tirriforma s-Sistema Nazzjonali tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ u Tagħti Delega għar-Reviżjoni tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fis-Seħħ), tat‑13 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 162, tal‑15 ta’ Lulju 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 107/2015”), kienet introduċiet, fl-Artikolu 1(131) tagħha, tul massimu ta’ 36 xahar, anki jekk mhux konsekuttivi, għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tal-għalliema u tal-persunal ATA tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi. Din id-dispożizzjoni tħassret bl-Artikolu 4a tad-decreto-legge n. 87 – Disposizioni urgenti per la dignità dei lavoratori e delle imprese (id-Digriet Liġi Nru 87, dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għad-Dinjità tal-Ħaddiema u tal-Impriżi), tat‑12 ta’ Lulju 2018 (GURI Nru 161, tat‑13 ta’ Lulju 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 87/2018”).

Il-proċedura prekontenzjuża

9

Fis‑26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, li fiha esprimiet id-dubji tagħha dwar, b’mod partikolari, il-konformità mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ta’ diversi dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-persunal ATA ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, għal dak li jirrigwarda l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat.

10

Ir-Repubblika Taljana wieġbet għall-ilmenti u għall-mistoqsijiet imqajma f’din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ diversi komunikazzjonijiet. Wara komunikazzjoni tad‑29 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru, fit‑3 ta’ Diċembru 2020, ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li għaliha l-imsemmi Stat Membru wieġeb, b’mod partikolari, permezz ta’ ittri tas‑6 ta’ April u tal‑21 ta’ Settembru 2021.

11

Fid‑19 ta’ April 2023, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana li fiha hija, b’mod partikolari, żammet il-pożizzjoni tagħha li l-leġiżlazzjoni Taljana ma hijiex konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fir-rigward tal-protezzjoni tal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni kontra l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat, u stiednet lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha miegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni.

12

Fit-tweġiba tagħha tat‑8 ta’ Frar 2024 għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana esprimiet, għal darba oħra, in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

13

Peress li ma kinitx konvinta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Fuq ir-rikors

14

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Taljana talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas billi ma ħaditx miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-persunal ATA ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi.

L-argumenti tal-partijiet

15

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li fid-dritt Taljan ma teżisti ebda miżura adottata skont il-punt 1(b) u (c) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar it-tul massimu totali tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jistgħu jiġu konklużi mal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni jew dwar in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti. Fil-fatt, mill-Artikolu 36(5d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001 u mill-Artikolu 29(2)(c) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/2015 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-tul massimu u n-numru massimu ta’ kuntratti għal żmien determinat li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-persunal tagħhom ma japplikawx għall-kuntratti konklużi mal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi. Barra minn hekk, jekk, qabel, l-Artikolu 1(131) tal-Liġi Nru 107/2015 kien jistabbilixxi limiti f’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tħassret mid-Digriet Liġi Nru 87/2018.

16

Fit-tieni lok, din l-istituzzjoni ssostni li huma wkoll neqsin, fid-dritt Taljan, miżuri bħal dawk imsemmija fil-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jirrigwardaw ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi.

17

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi Nru 124/1999, li jippermettu r-reklutaġġ ta’ persunal ATA sabiex jimtlew b’mod temporanju pożizzjonijiet vakanti u disponibbli fit-tagħlim pubbliku, ma jinkludu ebda riferiment għal rekwiżit, bħal rekwiżit ta’ flessibbiltà speċifiku għat-tagħlim pubbliku, li jista’ jintrabat mal-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. Barra minn hekk, iċ-ċifri ppubblikati mill-Ministero dell’Istruzione (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Italja) dwar l-iżvilupp tal-popolazzjoni skolastika u tal-kompożizzjoni tal-persunal jidhru, min-naħa tagħhom, li jikkontradixxu l-eżistenza ta’ tali rekwiżit. Fil-fatt, minkejja li, mis-sena skolastika 2017/2018, kien hemm tnaqqis kontinwu fin-numru ta’ studenti, in-numru u l-proporzjon tal-persunal ATA impjegat għal żmien determinat komplew jiżdiedu matul l-istess perijodu.

18

Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li, anki jekk huwa konċepibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’, teoretikament, tibbaża ruħha fuq raġuni oġġettiva bħal rekwiżit ta’ flessibbiltà marbut mal-partikolaritajiet tal-iskola pubblika, tali rekwiżit ma jeżistix fil-prattika.

19

It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, is-sempliċi eżistenza ta’ raġuni oġġettiva ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), tali konformità tippreżupponi li din il-leġiżlazzjoni tippermetti li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni jissodisfax effettivament bżonn reali u josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

20

Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tippermettix li jiġu identifikati tali kriterji. Għall-kuntrarju, ir-reklutaġġ tal-persunal ATA abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat jikkostitwixxi fir-realtà l-metodu abitwali ta’ reklutaġġ. Fil-fatt, sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet organizzati sabiex jimtlew pożizzjonijiet permanenti intiżi għall-persunal ATA ta’ sostituzzjoni, il-persuni kkonċernati għandhom qabelxejn ikunu ġew irreklutati fil-kuntest ta’ kuntratti għal żmien determinat u jkollhom mill-inqas sentejn servizz, li huwa f’kontradizzjoni manifesta mal-premessa li fuqha huwa bbażat il-Ftehim qafas, li tgħid li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat huma l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet ma ssirx skont kalendarju preċiż, sa fejn hija suġġetta għal restrizzjonijiet baġitarji u tiddependi, barra minn hekk, mit-tluq naturali tal-persunal permanenti.

21

Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ir-reklutaġġ tal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat isir mingħajr ma l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li din il-leġiżlazzjoni tippermetti, għall-kuntrarju, li jintużaw tali kuntratti sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti u fit-tul. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva, f’dan il-kuntest, li r-Repubblika Taljana stess irrikonoxxiet dan fit-tweġiba tagħha, billi affermat li l-persunal ATA huwa rreklutat għal żmien determinat sabiex jiġu indirizzati “nuqqasijiet strutturali” ta’ persunal.

22

Fit-tielet lok, u għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni żżid li, jekk ir-Repubblika Taljana kellha tqis li l-organizzazzjoni f’dawn l-aħħar snin ta’ diversi kompetizzjonijiet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “miżuri legali ekwivalenti” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jiġi kkunsidrat li tali organizzazzjoni tirrappreżenta biss miżura speċifika li tippermetti, l-iktar l-iktar, li tintemm, f’ċerti aspetti, sitwazzjoni abbużiva diġà mwettqa, mingħajr ma tkun ta’ natura li tevita l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fir-rigward tal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi. L-istess japplika għall-abbozzi leġiżlattivi invokati mir-Repubblika Taljana, li l-applikazzjoni tagħhom hija limitata għal ċerti snin skolastiċi.

23

Ir-Repubblika Taljana tqis, min-naħa tagħha, li hija osservat l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

24

Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jirrileva li l-aċċess għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti fi ħdan it-tagħlim pubbliku jsir permezz tal-proċeduri ta’ selezzjoni msemmija fl-Artikolu 554 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, li huma esklużivament miftuħa għall-persunal ATA mhux permanenti li jkollu mill-inqas sentejn servizz u li fil-kuntest tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba. B’hekk, is-servizz imwettaq fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien determinat jippermetti li tiġi vvalorizzata din l-esperjenza u jikkontribwixxi għall-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat. Għal din ir-raġuni, din is-sistema kienet dejjem maħsuba b’tali mod li tiffavorixxi t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni, sa fejn tali tiġdid jiffaċilita l-aċċess għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti. F’din l-istess perspettiva, ġie deċiż li jitħassar, permezz tad-Digriet Liġi Nru 87/2018, it-tul massimu ta’ 36 xahar preċedentement previst għal tali kuntratti fl-Artikolu 1(131) tal-Liġi Nru 107/2015.

25

Fit-tieni lok, tali mekkaniżmu ta’ reklutaġġ jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sistema skolastika, jiġifieri l-varjabbiltà qawwija fid-domanda għal persunal ATA skont in-numru ta’ studenti rreġistrati fid-diversi skejjel u żoni ġeografiċi kif ukoll ir-rabta stretta li teżisti bejn in-numru neċessarju ta’ persuni li jaqgħu taħt il-persunal ATA u d-daqs tal-popolazzjoni tal-istudenti. Issa, dawn il-partikolaritajiet jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

26

F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Taljana tenfasizza, l-ewwel nett, li ma jidhirx li din id-dispożizzjoni teżiġi li tali raġunijiet oġġettivi jkunu stabbiliti fid-dritt pożittiv.

27

It-tieni nett, iż-żieda fil-persunal ATA msemmija mill-Kummissjoni hija dovuta għan-neċessità li jiġi rrimedjat in-nuqqas strutturali ta’ persunal f’sistema li timponi l-osservanza tar-rotazzjoni tiegħu. F’dan l-aħħar rigward, dan l-Istat Membru jenfasizza madankollu, fil-kontroreplika tiegħu, li ma hemmx lok li l-argument tiegħu jinftiehem fis-sens li dan in-nuqqas strutturali ta’ persunal jikkostitwixxi, bħala tali, raġuni oġġettiva fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

28

Fit-tielet lok, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, matul is-snin 2019 sa 2021, illimita l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fir-rigward tal-persunal ATA billi pproċeda għall-implimentazzjoni ta’ diversi proċeduri ta’ reklutaġġ. Barra minn hekk, għas-sena skolastika 2023/2024, ġie awtorizzat ir-reklutaġġ b’ħatra bħala uffiċjali permanenti ta’ total globali ta’ 9975 unità ta’ persunal imqassma kif ġej, jiġifieri 2163 assistent amministrattiv, 717‑il assistent tekniku, 7066 kollaboratur skolastiku, 13‑il kollaboratur skolastiku tekniku (assenjati lill-azjendi agrikoli), 8 attendenti tal-gwardarobba, 4 koki u 4 infermiera.

29

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Taljana, mingħajr ma tirrinunzja għall-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha, tosserva li hija qiegħda tipprepara emendi għal-leġiżlazzjoni applikabbli intiżi li jagħtu lill-persunal ATA kollu ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi possibbiltajiet serji ta’ permanenza fl-impjieg tagħhom permezz tal-okkupazzjoni immedjata tal-pożizzjonijiet permanenti kollha attwalment vakanti, u dan b’deroga mill-modalitajiet abitwali ta’ reklutaġġ tal-persunal ATA. Barra minn hekk, qed tiġi ppreparata sistema ġdida ta’ klassifikazzjoni professjonali tal-persunal ATA, li tinkludi mekkaniżmi ġodda ta’ progress u ta’ reklutaġġ. Madankollu, kwalunkwe riforma possibbli tal-mekkaniżmi ta’ reklutaġġ għandha tkun ir-riżultat ta’ proċess ta’ djalogu mas-sħab soċjali u ma’ amministrazzjonijiet rilevanti oħra.

30

Ir-Repubblika Taljana titlob għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni bħala infondat jew, sussidjarjament, tissospendi l-proċedura skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li tkun tista’ tadotta fi żmien raġonevoli l-emendi leġiżlattivi neċessarji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet segwiti minnha, jiġifieri li jkun limitat l-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, teżiġi, fil-punt 1 tagħha, fir-rigward tal-Istati Membri, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri elenkati, meta d-dritt intern tagħhom ma jkollux miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ tali relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola 5 jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżuri previsti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, dwar it-tul massimu totali ta’ kuntratti għal żmien determinat kif ukoll in-numru ta’ tiġdid tagħhom, il-Kummissjoni tesponi, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, li, fir-rigward tal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, tali miżuri ma jeżistux fid-dritt Taljan. Hija tenfasizza, f’dan il-kuntest, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan li jistabbilixxu t-tul massimu u n-numru massimu ta’ kuntratti għal żmien determinat li l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma awtorizzati jikkonkludu għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-persunal tagħhom huma espressament inapplikabbli għall-kuntratti konklużi ma’ dan il-persunal ATA, filwaqt li d-dispożizzjoni li qabel kienet tipprevedi tul massimu ta’ 36 xahar għal tali kuntratti tħassret fl‑2018.

34

Sabiex tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana tirrileva li, għalkemm id-dispożizzjoni li tipprevedi tul massimu ta’ 36 xahar għal kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA inkwistjoni ġiet effettivament imħassra, tali tħassir kien fir-realtà intiż li jippermetti lil dan il-persunal jakkumula l-esperjenza permezz tal-konklużjoni repetuta ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u b’hekk iżid il-possibbiltajiet tiegħu li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fi stadju ulterjuri, liema ħatra ssir, b’mod partikolari, skont l-esperjenza hekk miksuba.

35

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali argument sempliċement jikkonferma l-assenza, fid-dritt Taljan, ta’ miżuri intiżi li jillimitaw it-tul massimu jew in-numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jistgħu jiġu konklużi mal-persunal ATA inkwistjoni u, konsegwentement, l-assenza ta’ miżuri preventivi tal-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens tal-punt 1(b) u (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk id-dritt Taljan jipprevedix, għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA ta’ sostituzzjoni, il-miżura msemmija fil-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, dwar ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” għandu jinftiehem li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali ma tippermettix li jiġu identifikati kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jissodisfax effettivament bżonn veru, jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex u jekk huwiex neċessarju għal dan l-iskop. Tali dispożizzjoni tinvolvi għalhekk riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effettività tal-Ftehim qafas (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni jirriżulta li l-kritika tagħha tirrigwarda prinċipalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi Nru 124/1999, li kienu wkoll inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), u li b’applikazzjoni tagħhom, moqrija flimkien, huwa permess li jimtlew pożizzjonijiet ta’ persunal ATA “effettivament vakanti u disponibbli qabel il‑31 ta’ Diċembru” tas-sena skolastika permezz ta’ sostituzzjonijiet annwali, u dan “fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ [persunal] permanenti”.

40

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għalkemm ir-Repubblika Taljana ma tidhirx, f’din il-kawża, li tinvoka, bħala raġuni oġġettiva fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, il-ħtieġa li jimtlew b’mod temporanju impjiegi intiżi għal persunal permanenti, jiġifieri fl-istennija tat-tlestija ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ tali persunal, għandu madankollu jitfakkar, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward kif ukoll tal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999 li jsemmi espressament dan il-bżonn, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali bżonn jista’ jiġġustifika l-użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 96).

41

Madankollu, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tieħu inkunsiderazzjoni tali bżonn tkun tista’ titqies li hija ġġustifikata minn raġuni oġġettiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu, fl-applikazzjoni konkreta ta’ din il-leġiżlazzjoni, kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jiġi vverifikat jekk it-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat jissodisfax effettivament bżonn reali, huwiex ta’ natura li jintlaħaq l-għan imfittex u huwiex neċessarju għal dan l-għan, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata skont il-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jekk hija tippermetti li jsir tali tiġdid sabiex ikopri bżonnijiet li, fil-fatt, ma humiex ta’ natura provviżorja, iżda, għall-kuntrarju, permanenti u fit-tul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 99 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistabbilixxi ebda terminu preċiż għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni, li fir-rigward tagħhom hija tippreċiża li din hija suġġetta għal restrizzjonijiet baġitarji u hija, barra minn hekk, dipendenti fuq it-tluq naturali tal-persunal permanenti. Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni tirrileva li l-possibbiltà għall-persunal ATA ta’ sostituzzjoni li jipparteċipa f’tali kompetizzjonijiet hija, barra minn hekk, suġġetta għall-kundizzjoni, għall-membri ta’ dan il-persunal, li jkunu wettqu mill-inqas sentejn servizz fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom għal żmien determinat, fatt li barra minn hekk dan l-Istat Membru stess ikkonferma billi rrefera għall-Artikolu 554 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 dwar, b’mod partikolari, il-ħatra bħala uffiċjal permanenti permezz tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi tali kundizzjoni.

43

Issa, dawn l-elementi, mhux ikkonfutati, anzi irrikonoxxuti, mir-Repubblika Taljana, juru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, minkejja li tillimita formalment l-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat sabiex isiru sostituzzjonijiet annwali għal pożizzjonijiet vakanti u liberi fl-iskejjel amministrati mill-Istat għal perijodu temporanju biss li jintemm meta jitlestew il-proċeduri ta’ kompetizzjoni, ma tippermettix li jiġi żgurat li l-applikazzjoni konkreta ta’ din ir-raġuni oġġettiva, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-attività kkonċernata u tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim qafas, iżda hija, għall-kuntrarju, ta’ natura li tippermetti, bi ksur tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, it-tiġdid ta’ tali kuntratti sabiex jiġu koperti bżonnijiet li, fil-fatt, ma humiex ta’ natura provviżorja, iżda permanenti u fit-tul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 108 u 109).

44

B’mod partikolari, il-fatt li, skont l-Artikolu 554(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, il-persunal ATA għandu, sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti u, bl-istess mod, għal impjieg permanenti, jissodisfa l-kundizzjoni li jkollu “mill-inqas sentejn servizz […] f’funzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk li għalihom huma organizzati l-kompetizzjonijiet” għandu tendenza, fih innifsu u indipendentement min-natura aleatorja u imprevedibbli tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet, li jżid ir-riskju ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat sa fejn, matul dan il-perijodu minimu ta’ sentejn, tali kuntratti jistgħu jiġġeddu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ggarantit li l-ħtieġa li twassal għal tali tiġdid tkun ta’ natura provviżorja u mhux permanenti u fit-tul.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bżonn li jimtlew b’mod temporanju impjiegi permanenti sakemm jitlestew il-proċeduri ta’ kompetizzjoni organizzati għar-reklutaġġ ta’ persunal permanenti, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999, ma jistax, f’dan il-każ, jitqies li jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” li tiġġustifika t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

46

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ħtieġa ta’ flessibbiltà speċifika għat-tagħlim pubbliku, li tinvoka r-Repubblika Taljana, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali bżonn, b’mod partikolari sa fejn huwa marbut mal-ħtieġa ta’ adegwatezza bejn in-numru ta’ ħaddiema li jokkupaw pożizzjonijiet fi ħdan it-tagħlim pubbliku u n-numru ta’ studenti, jista’, bħala prinċipju, huwa wkoll, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punti 94 u 95).

47

Madankollu, għalkemm, f’dan il-każ, huwa konċepibbli li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124/1999 jaqgħu fil-kuntest ta’ tali ħtieġa ta’ flessibbiltà fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal ATA, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-possibbiltà li jimtlew pożizzjonijiet temporanjament liberi, minbarra dawk li huma vakanti, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 11 ta’ dan l-artikolu, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza u li jirrigwardaw pożizzjonijiet vakanti u liberi intiżi għall-persunal ATA, min-naħa l-oħra, ma jinkludu ebda element li jista’ jindika li huma intiżi effettivament li jissodisfaw tali bżonn ta’ flessibbiltà, u lanqas, inqas u inqas, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ dan il-persunal.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ssegwi l-għan invokat mir-Repubblika Taljana, jiġifieri li tippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa ta’ flessibbiltà speċifika għat-tagħlim pubbliku, is-sitwazzjoni legali tal-persunal ATA li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni, kif ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni li għandhom jikkaratterizzaw miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

49

Fil-fatt, tali għan ma jistax jirrendi din il-leġiżlazzjoni konformi mal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li ma jippermettix li tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw l-attività inkwistjoni u, għaldaqstant, li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑238/14, EU:C:2015:128, punt 50).

50

Dan japplika iktar u iktar fil-każ ineżami, sa fejn il-pożizzjonijiet vakanti u liberi li għalihom japplika l-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi Nru 124/1999 huma intiżi li jiġu okkupati minn persunal permanenti u, għalhekk, għandhom natura a priori mhux temporanja, iżda permanenti.

51

Minn dan isegwi li l-bżonn ta’ flessibbiltà speċifika għat-tagħlim pubbliku, kif invokat mir-Repubblika Taljana, ma jistax jintlaqa’, f’dan il-każ, sabiex jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprevedi, b’mod konformi mal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, “raġuni oġġettiva” li tiġġustifika t-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-persunal ATA impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi.

52

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza eventwali, fid-dritt Taljan, ta’ “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li din l-espressjoni hija intiża li tkopri kull miżura tad-dritt nazzjonali li, bħall-miżuri stabbiliti minn din il-klawżola, ikollha l-għan li tipprevjeni b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Kummissjoni tindirizza l-eventwalità li r-Repubblika Taljana tista’ tipprova tislet argument mill-adozzjoni ta’ tali miżuri legali ekwivalenti, minħabba li hija organizzat, f’dawn l-aħħar snin, sensiela ta’ kompetizzjonijiet li jippermettu li numru ta’ ħaddiema li jappartjenu lill-persunal ATA jinħatru bħala uffiċjali permanenti, xejn ma jindika li dan l-Istat Membru effettivament kellu l-intenzjoni li jinvoka l-organizzazzjoni ta’ dawn il-kompetizzjonijiet bħala “miżura legali ekwivalenti”.

54

Madankollu, u fi kwalunkwe każ, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni, fit-termini meħtieġa, ta’ proċeduri ta’ selezzjoni intiżi li jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn ħaddiema għal żmien determinat hija ta’ natura li tevita li l-istatus prekarju ta’ dawn il-ħaddiema jippersisti, billi jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet li huma jokkupaw jimtlew malajr b’mod definittiv. Għalhekk, tali miżura tista’ tkun ta’ natura li tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat u tikkostitwixxi għalhekk “miżura legali ekwivalenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punti 93 sa 95).

55

Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Taljana, jidher, f’dan il-każ, li l-kompetizzjonijiet organizzati fil-passat reċenti sabiex ħaddiema li jaqgħu taħt il-persunal ATA jinħatru bħala uffiċjali permanenti ma ġewx organizzati f’termini preċiżi stabbiliti għal dan l-għan, iżda, għall-kuntrarju, b’mod okkażjonali u imprevedibbli, bħal dawk imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li ma jistgħux jitqiesu, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, bħala li jikkostitwixxu “miżura legali ekwivalenti” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 98).

56

Fir-raba’ u l-aħħar lok, sa fejn ir-Repubblika Taljana tqis li hemm lok li tiġi sospiża l-proċedura fl-istennija tal-adozzjoni ta’ ċerti emendi leġiżlattivi li qegħdin jiġu ppreparati li jinkludu mekkaniżmi ġodda ta’ progress u ta’ reklutaġġ tal-persunal ATA u li jistgħu, fil-fehma tagħha, itemmu kull nuqqas eventwali ta’ twettiq ta’ obbligu għal dak li jirrigwarda l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, tali argument ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, f’dan il-każ, fid‑19 ta’ Ġunju 2023.

57

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedi ebda waħda mill-miżuri previsti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, u lanqas ma tinkludi miżuri legali ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, ir-rikors imressaq mill-Kummissjoni huwa fondat.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-persunal ATA ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

Fuq l-ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li ġie kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat għall-persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju ta’ sostituzzjoni impjegat fl-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliċi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.