SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Mejju 2026 ( *1 )
“Rinviju preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Direttiva 2004/25/KE – Offerta pubblika ta’ akkwist – Artikolu 2(1)(a) – Irtirar obbligatorju ta’ detenturi ta’ titoli – Offerta ppreżentata minn persuna li għandha l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta – Preżentazzjoni tal-offerta wara l-akkwist ta’ dan il-kontroll – Assenza ta’ natura volontarja tal-offerta pubblika ta’ akkwist”
Fil-Kawża C‑225/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
KORFIN, s.r.o.,
SEMPIOLA INVEST LIMITED
vs
SLOVNAFT, a.s.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan, D. Gratsias (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KORFIN, s.r.o. u SEMPIOLA INVEST LIMITED, minn P. Sojka, advokát, |
|
– |
għal SLOVNAFT, a.s., minn J. Azud u D. Nemčíková, advokáti, |
|
– |
għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová u A. Lukáčik, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u K. Boskovits, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. Langer u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal, G. Meeßen u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, KORFIN, s. r. o. (iktar ’il quddiem “Korfin”) u SEMPIOLA INVEST LIMITED (iktar ’il quddiem “Sempiola”) u, min-naħa l-oħra, SLOVNAFT, a.s. (iktar ’il quddiem “Slovnaft”) dwar l-evalwazzjoni tal-validità ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Slovnaft, li permezz tagħha l-azzjonijiet kollha miżmuma mill-azzjonisti minoritarji tagħha kellhom jiġu ttrasferiti lill-azzjonista maġġoritarja tagħha, MOL Nyrt. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2, 9 u 24 tad-Direttiva 2004/25 jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tipprevedi miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi, ta’ kodiċijiet ta’ prattika jew ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Istati Membri, li jirrigwardaw offerti pubbliċi ta’ akkwist ta’ titoli ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru, meta t-titoli kollha jew parti minnhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat fi Stat Membru wieħed jew iktar. |
|
5 |
L-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
|
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprevedi: “1. Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu mħarsa:
[…]
2. Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:
|
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25 intitolat “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, jipprevedi fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu: “1. Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza [tal-imsemmija kumpannija]. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4. 2. Fejn il-kontroll ikun inkiseb wara offerta volontarja magħmula skond din id-Direttiva lid-detenturi tas-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 biex tinħareġ offerta m’għandux jibqa’ jgħodd. […] 4. L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli. Jekk, wara li l-offerta tkun saret pubblika u qabel ma l-offerta tingħalaq għall-aċċettazzjoni, dak li qed jagħmel l-offerta jew kwalunkwe persuna li taħdem flimkien miegħu jixtru sigurtajiet bi prezz għola mill-prezz ta’ l-offerta, dak li qed jagħmel l-offerta għandu jgħolli l-offerta tiegħu biex ma tkunx anqas mill-għola prezz imħallas għas-sigurtajiet miksuba b’dan il-mod. […]” |
|
8 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żmien permess għall-aċċettazzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-ħin permess għall-aċċettazzjoni ta’ offerta ma jkunx inqas minn ġimgħatejn u lanqas aktar minn 10 ġimgħat mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ l-offerta. Waqt li jkun ipprovdut li l-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1)(f) ikun rispettat, L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodu ta’ 10 ġimgħat jiġi mtawwal bil-kondizzjoni li min jagħmel l-offerta jagħti avviż ta’ mill-inqas ġimgħatejn ta’ l-intenzjoni tiegħu/tagħha li tingħalaq l-offerta. 2. F’każi speċifiċi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 li jibdlu l-perjodu. Stat Membru jista’ jawtorizza awtorità ta’ superviżjoni biex tikkonċedi deroga mill-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 sabiex il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkollha l-opportunità ssejjaħ laqgħa għall-azzjonisti biex dawn jikkonsidraw l-offerta.” |
|
9 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ l-irtirar”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, wara li ssir offerta għas-sigurtajiet kollha lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, il-paragrafi 2 sa 5 għandhom japplikaw. 2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li min jagħmel l-offerta ikun jista’ jirrikjedi lid-detenturi tal-bqija tas-sigurtajiet biex dawn ibiegħu dawk is-sigurtajiet bi prezz raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jintroduċu dan id-dritt f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
Fil-każ msemmi f’(a), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu aktar għoli li, iżda, ma jistax ikun aktar għoli minn 95 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot u 95 % tad-drittijiet tal-vot. […] 4. Jekk min jagħmel l-offerta ikun jixtieq jagħmel użu mid-dritt ta’ l-irtirar hu/hi għandhom jagħmlu dan fi żmien tliet xhur minn meta jintemm iż-żmien allokat għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta msemmija fl-Artikolu 7. 5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun hemm garanzija ta’ prezz raġonevoli. Il-prezz għandu jkun l-istess forma bħal konsiderazzjoni offruta fl-offerta jew għandu jkun f’forma ta’ flus kontanti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-flus kontanti ikunu mill-inqas offruti bħala alternattiva. Wara li ssir offerta volontarja, fiż-żewġ każi msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b), il-konsiderazzjoni offruta fl-offerta għandha titqies bħala raġonevoli fejn, permezz ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-offerta, dak li jagħmel l-offerta ikun akkwista sigurtajiet li jirrapreżentaw mhux inqas minn 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot inkluż fl-offerta. Wara li ssir offerta obbligatorja, il-konsiderazzjoni offruta fl-offerta għandha titqies bħala raġonevoli.” |
|
10 |
L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għall-bejgħ”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw. 2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li detentur tal-bqija tas-sigurtajiet ikun jista’ jitlob lil min qed jagħmel l-offerta biex jixtri s-sigurtajiet minn għandu bi press raġonevoli skond l-istess ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 15(2). 3. L-Artikolu 15(3) sa (5) għandu japplika mutatis mutandis.” |
Id‑dritt Slovakk
Il-Liġi dwar it-Titoli
|
11 |
L-Artikolu 114(1) taż-zákon č. 566/2001 Z. z. o cenných papieroch a investičných službách a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 566/2001 dwar it-Titoli u s-Servizzi ta’ Investiment u li Temenda u Tikkompleta Ċerti Liġijiet) tad‑9 ta’ Novembru 2001 (Zbierka zákonov no 222/2001), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali(iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Titoli”), hija fformulata kif ġej: “[…] [S]akemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-liġi, offerta pubblika ta’ akkwist tfisser l-offerta pubblika ta’ konklużjoni ta’ kuntratt skont leġiżlazzjoni speċjali, li għandha bħala għan l-akkwist tal-azzjonijiet kollha tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jew ta’ parti minnhom, jew l-iskambju ta’ dawn l-azzjonijiet jew ta’ parti minnhom għal titoli oħra, magħmula lill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija jew b’eżekuzzjoni tal-obbligu previst minn din il-liġi, jew b’mod volontarju, u li ssegwi l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jew għandha bħala għan l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta […]” |
|
12 |
L-Artikolu 118i ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. L-offerent li jkun għamel offerta ta’ akkwist […] għandu d-dritt jitlob li jiġu ttrasferiti lilu l-azzjonijiet tal-azzjonisti kollha li jifdal tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta bi skambju għal korrispettiv ġust (iktar ’il quddiem id-‘dritt ta’ rtirar obbligatorju’) jekk huwa jkollu azzjonijiet li l-valur nominali totali tagħhom jirrappreżenta mill-inqas 95 % tal-kapital tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta li magħha huma assoċjati d-drittijiet tal-vot u, barra minn hekk, li jirrappreżenta mill-inqas 95 % tad-drittijiet tal-vot fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta; l-offerent għandu dritt ta’ rtirar obbligatorju bl-istess kundizzjonijiet ukoll fir-rigward tas-suċċessuri legali tal-azzjonisti l-oħra tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. L-offerent jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rtirar obbligatorju mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza tat-terminu ta’ validità tal-offerta pubblika ta’ akkwist imsemmija fl-ewwel sentenza, u fin-nuqqas ta’ dan dan id-dritt jiskadi. […] 5. L-offerent għandu jkollu d-dritt jitlob li l-bord tad-diretturi tal-kumpanija li qiegħda tirċievi l-offerta jlaqqa’ laqgħa ġenerali għall-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar it-trasferiment tal-azzjonijiet tal-azzjonisti l-oħra kollha lill-offerent. […] Il-bord tad-diretturi tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta għandu jlaqqa’ l-laqgħa ġenerali fi żmien 30 jum minn meta jirċievi t-talba tal-offerent. […] 15. […] [R]ikors ġudizzjarju li huwa intiż sabiex tiġi kkonstatata, minħabba li jikser leġiżlazzjoni, il-kuntratt ta’ kumpannija, l-istatuti jew il-moralità, in-nullità ta’ riżoluzzjoni ta’ laqgħa ġenerali li permezz tagħha ġie deċiż it-trasferiment ta’ azzjonijiet ta’ din il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata min-naħa tal-azzjonisti minoritarji l-oħra lill-offerent, azzjonist maġġoritarju, abbażi tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar obbligatorju, jista’ jiġi ppreżentat minn kull azzjonist, membru tal-bord tad-diretturi jew membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, jew minn kull persuna li għandha interess li jistħoqqilha li tkun legalment protetta; madankollu, id-dritt li titressaq tali azzjoni ġudizzjarja jintemm jekk il-persuna awtorizzata li tressaq tali azzjoni ma tagħmilx dan fi żmien tliet xhur mill-jum li fih hija kellha tkun taf, jew setgħet issir taf, bir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali dwar it-trasferiment tal-azzjonijiet […], u mhux iktar tard minn sena mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali dwar it-trasferiment tal-azzjonijiet […]. L-Artikolu 131(1) tal-Obchodný zákonník (il-Kodiċi tal-Kummerċ) japplika għal dan ir-rikors, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-paragrafu. […]” |
Il-Kodiċi tal-Kummerċ
|
13 |
Skont l-Artikolu 131(1) taż-zákon č. 513/1991 Zb. Obchodný zákonník (il-Liġi Nru 513/1991 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kummerċ) tal‑5 ta’ Novembru 1991 (Zbierka zákonov no 98/1991), kull soċju, amministratur, stralċjarju, amministratur ġudizzjarju, stralċjarju ta’ ftehim ġudizzjarji jew membru tal-bord ta’ sorveljanza jista’ jippreżenta quddiem qorti rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali jekk din tmur kontra l-liġi, il-kuntratt ta’ kumpannija jew l-istatuti. Ex membru jew amministratur għandu wkoll l-istess dritt meta r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tikkonċernah. Madankollu, dan id-dritt jintemm jekk il-persuna awtorizzata li teżerċitah ma tagħmilx dan fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali jew, jekk il-laqgħa ġenerali ma tkunx ġiet debitament imsejħa, mill-jum li fih hija setgħet issir taf bir-riżoluzzjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Permezz ta’ riżoluzzjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2019, il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ Slovnaft approvat it-trasferiment, favur MOL – li, f’dik id-data, kienet l-azzjonista maġġoritarja ta’ Slovnaft u kellha sehem ta’ 98.56 % fil-kapital ta’ din tal-aħħar – tal-azzjonijiet kollha miżmuma mill-azzjonisti minoritarji l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rtirar obbligatorju tad-detenturi ta’ titoli prevista fl-Artikolu 118 tal-Liġi dwar it-Titoli. |
|
15 |
Korfin u Sempiola, azzjonisti minoritarji ta’ Slovnaft, ippreżentaw rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ din ir-riżoluzzjoni, billi sostnew, b’mod partikolari, li MOL ma setax ikollha dritt ta’ rtirar obbligatorju, peress li hija ma kinitx indirizzat lid-detenturi kollha ta’ titoli ta’ Slovnaft “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. |
|
16 |
Korfin u Sempiola ma kkontestawx il-fatt li l-imsemmija riżoluzzjoni kienet ippreċeduta minn offerta ppreżentata minn MOL għall-akkwist tal-azzjonijiet ta’ Slovnaft, li kienet valida mill‑10 ta’ Mejju sat‑18 ta’ Lulju 2019. Madankollu, huma sostnew li din l-offerta ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi kklassifikata bħala “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva. Minn naħa, MOL akkwistat sehem ta’ kontroll fi Slovnaft ħafna qabel il-preżentazzjoni ta’ din l-offerta, b’tali mod li din ma tistax titqies bħala offerta obbligatorja, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva. Min-naħa l-oħra, din l-offerta lanqas ma tista’ tikkostitwixxi offerta volontarja, peress li ma kellhiex l-għan li tikseb il-kontroll ta’ Slovnaft, li kien diġà eżerċitat minn MOL qabel il-preżentazzjoni tal-offerta tagħha. |
|
17 |
Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2021, l-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II, is-Slovakkja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Korfin u Sempiola. Dik il-qorti qieset li l-verżjoni bil-lingwa Slovakka tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 għandha natura impreċiża sa fejn minnha jirriżulta li l-offerta pubblika ta’ akkwist hija ddefinita bħala offerta pubblika obbligatorja jew volontarja – bl-esklużjoni ta’ offerta li toriġina mill-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta stess – indirizzata lid-detenturi tat-titoli ta’ kumpannija sabiex jakkwistaw dawn it-titoli kollha jew parti minnhom, u li minnha jirriżulta, jew li għandha bħala għan, l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta skont id-dritt nazzjonali. Madankollu, mill-verżjonijiet bil-lingwa Ċeka u dik Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li offerta volontarja tista’ tiġi ppreżentata anki wara l-akkwist, mill-offerent, tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. |
|
18 |
Is-sentenza tal-Okresný súd Bratislava II (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava II) ġiet ikkonfermata fl-appell permezz ta’ sentenza mogħtija fl‑1 ta’ Marzu 2023 mill-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja), li kontriha Korfin u Sempiola ppreżentaw appell quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tesponi li, insostenn tal-appell tagħhom, Korfin u Sempiola jsostnu li minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-Direttiva 2004/25 jirriżulta li offerta obbligatorja għandha sseħħ wara l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, filwaqt li offerta volontarja tista’ tiġi ppreżentata fi kwalunkwe mument, iżda biss bl-għan li jinkiseb sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. |
|
19 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-punt 1(a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/25] għandu jiġi interpretat fis-sens li offerta pubblika ta’ akkwist volontarju tista’ ssir biss jekk ikollha bħala għan l-akkwist ta’ sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li tkun qiegħda tirċievi l-offerta, u għalhekk li offerta pubblika ta’ akkwist volontarju ma tistax tiġi ppreżentata minn entità li diġà jkollha sehem ta’ kontroll fil-kumpannija li tkun qiegħda tirċievi l-offerta?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
20 |
Slovnaft issostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2004/25 tipprovdi biss armonizzazzjoni minima, b’tali mod li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li offerta pubblika ta’ akkwist volontarju tista’ wkoll tiġi ppreżentata minn azzjonist li diġà għandu l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Mill-Artikolu 114(1) tal-Liġi dwar it-Titoli jirriżulta li offerta volontarja tista’ ssir minn tali azzjonist. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
22 |
F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-validità ta’ riżoluzzjoni li tapprova, wara offerta ppreżentata mill-azzjonist maġġoritarju ta’ kumpannija għall-akkwist tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar, it-trasferiment, favur dan l-azzjonist, tal-azzjonijiet kollha miżmuma mill-azzjonisti minoritarji l-oħra, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rtirar obbligatorju. Id-Direttiva 2004/25, imsemmija fid-domanda preliminari, tinkludi l-Artikolu 15 li jirrigwarda, preċiżament, l-irtirar obbligatorju. |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 2004/25 ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda li saritilha tista’ tkun neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura konformi ma’ din id-direttiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk, jiġifieri l-Artikolu 114(1) u l-Artikolu 118i tal-Liġi dwar it-Titoli, li abbażi tagħhom ġiet adottata r-riżoluzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, jekk ikun il-każ, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni konformi mal-imsemmija direttiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
24 |
Barra minn hekk, l-argument ta’ Slovnaft, li jgħid li, essenzjalment, id-Direttiva 2004/25 ma tipprekludix li l-Istati Membri jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà ta’ rtirar obbligatorju mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, jaqa’ taħt l-eżami tal-mertu tad-domanda preliminari u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha. |
|
25 |
Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
|
26 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 għandux jiġi interpretat fis-sens li offerta indirizzata lid-detenturi tat-titoli ta’ kumpannija sabiex jakkwistaw dawn it-titoli kollha jew parti minnhom tikkostitwixxi offerta volontarja li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din tiġi ppreżentata minn offerent li diġà għandu l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. |
|
27 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha, kif ukoll l-għanijiet u l-iskop li l-att li minnu tagħmel parti jfittex li jilħaq (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Pome, C‑398/24, EU:C:2025:843, punt 23). |
|
28 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “offerta pubblika ta’ akkwist” jew ta’ “offerta” bħala offerta pubblika, bl-esklużjoni ta’ offerta maħruġa mill-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta hija stess, indirizzata lid-detenturi tat-titoli ta’ kumpannija sabiex jakkwistaw dawn it-titoli kollha jew parti minnhom, kemm jekk din tkun obbligatorja jew volontarja, “liema offerta ssir wara jew ikollha bħala l-għan tagħha x-xiri tal-kontroll tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta skond il-liġi nazzjonali”. |
|
29 |
Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-offerti pubbliċi ta’ akkwist, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jistgħu jiġu distinti skont żewġ kategoriji ta’ kriterji. Minn naħa, offerta tista’ tkun obbligatorja jew volontarja. Min-naħa l-oħra, hija tista’ jew issir wara l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, jew inkella jkollha bħala għan l-akkwist ta’ tali kontroll. |
|
30 |
Minn din il-formulazzjoni ma jirriżultax b’mod ċar kif il-kriterji li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ kategoriji jistgħu jkunu relatati. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk kull wieħed mill-kriterji tal-ewwel kategorija jistax jiġi kkombinat biss ma’ wieħed mill-kriterji tat-tieni kategorija jew mal-kriterji kollha tat-tieni kategorija. |
|
31 |
Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju kif ukoll Slovnaft u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub li huma ppreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Slovakka hija differenti minn dik użata f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din tiddefinixxi l-offerta pubblika ta’ akkwist, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħala offerta “li minnha jirriżulta, jew li għandha bħala għan, l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta skont id-dritt nazzjonali”, li jidher li jeskludi minn din id-definizzjoni offerta li sseħħ wara l-akkwist ta’ dan il-kontroll. |
|
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 tuża, sabiex tindika offerta li sseħħ wara l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, il-verb “sich […] anschließt”, li jissuġġerixxi ċerta prossimità temporali bejn l-akkwist tal-kontroll u l-preżentazzjoni tal-offerta. Għalhekk, din il-formulazzjoni tidher li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, offerta li tirrigwarda l-akkwist tat-titoli kollha jew ta’ parti minnhom tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, ippreżentata mill-offerent f’mument ftit jew wisq imbiegħed mill-akkwist tal-kontroll ta’ din il-kumpannija. |
|
33 |
Fir-rigward tad-diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, kif imsemmija fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax waħdedha sservi bħala bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Għalhekk, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2025, Celní jednatelství Zelinka, C‑330/24, EU:C:2025:296, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Għaldaqstant, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 29 sa 32 ta’ din is-sentenza, ma huwiex possibbli li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju abbażi biss tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan imfittex minn din id-direttiva. |
|
35 |
Għalhekk, f’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, għandu, minn naħa, jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5 tal-istess direttiva. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li persuna fiżika jew ġuridika li żżomm, wara akkwist magħmul minnha nnifisha jew minn persuni li jaġixxu flimkien magħha, titoli ta’ kumpannija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25, li, flimkien mal-ishma kollha f’dawn it-titoli li din il-persuna diġà għandha u ma’ dawk tal-persuni li jaġixxu flimkien magħha, jagħtuha direttament jew indirettament perċentwali ta’ drittijiet tal-vot f’din il-kumpannija li tagħtiha l-kontroll tagħha, tkun obbligata tibgħat, fl-iqsar żmien possibbli, lid-detenturi kollha tat-titoli tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta, offerta pubblika ta’ akkwist fir-rigward tal-ishma kollha tagħhom bil-prezz raġonevoli ddefinit fil-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 5. |
|
36 |
L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi għalhekk offerta pubblika ta’ akkwist obbligatorja li sseħħ wara l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. Din hija l-unika offerta obbligatorja prevista mill-imsemmija direttiva, peress li ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma timponi tali obbligu. Minn dan isegwi li offerta pubblika ta’ akkwist obbligatorja, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-istess direttiva, isseħħ wara l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta u ma jistax ikollha bħala għan l-akkwist tal-kontroll ta’ din il-kumpannija. |
|
37 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/25 jipprevedi li l-obbligu li titnieda offerta previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 ma jibqax applikabbli meta l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta jkun ġie akkwistat wara offerta volontarja ppreżentata konformement ma’ din id-direttiva lid-detenturi kollha ta’ titoli għall-ishma kollha tagħhom. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-offerta pubblika ta’ akkwist volontarja li hija tipprevedi hija offerta li għandha bħala għan l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta u li fil-fatt wasslet għall-akkwist ta’ dan il-kontroll. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, li l-paragrafu 4 tiegħu jipprevedi li jekk l-offerent jixtieq jeżerċita d-dritt tiegħu, stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, li jeżiġi mid-detenturi kollha tal-bqija tat-titoli li huma jbigħu dawn it-titoli għal prezz ġust, huwa għandu jeżerċitah f’terminu ta’ tliet xhur wara t-tmiem tal-perijodu ta’ aċċettazzjoni tal-offerta, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. |
|
39 |
Dan it-terminu jkun mċaħħad minn kull effett utli jekk jiġi aċċettat li l-persuna li għandha l-kontroll ta’ kumpannija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/25 tista’, fi kwalunkwe mument wara l-akkwist ta’ dan il-kontroll, tippreżenta offerta volontarja, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, sabiex takkwista l-bqija tat-titoli ta’ din il-kumpannija. Fil-fatt, jekk din il-persuna tastjeni milli teżerċita d-dritt tagħha li tirrikorri għall-irtirar obbligatorju tad-detenturi ta’ titoli fit-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva, ikun biżżejjed għaliha li tippreżenta offerta volontarja ġdida sabiex jibda jiddekorri terminu ġdid għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. |
|
40 |
Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza jimmilitaw, għalhekk, favur interpretazzjoni fis-sens li offerta volontarja, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, għandha tinftiehem bħala offerta li għandha bħala skop l-akkwist tal-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta u ma tistax, konsegwentement, tikkostitwixxi offerta ppreżentata wara l-akkwist ta’ dan il-kontroll. |
|
41 |
Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex minn din id-direttiva. |
|
42 |
Fil-fatt, kif sostnew il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-premessi 2 u 9 tagħha jirriżulta li l-istess direttiva hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-azzjonisti tal-kumpanniji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha meta dawn il-kumpanniji jkunu s-suġġett ta’ akkwist ta’ kontroll jew ta’ offerta pubblika li għandha bħala għan l-akkwist tal-kontroll tagħhom. |
|
43 |
B’kuntrast ma’ dan, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ bidla fil-kontroll, il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji ma taqax taħt l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/25. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jikklassifika, fil-punt (a) tiegħu, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmija direttiva bħala rekwiżiti “minimi” u, fil-punt (b) tiegħu, jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu kundizzjonijiet addizzjonali kif ukoll dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mill-istess direttiva sabiex jirregolaw l-offerti. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, il-premessa 24 tad-Direttiva 2004/25 tindika li, f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ rtirar obbligatorju tad-detenturi tat-titoli l-oħra ta’ kumpannija u ta’ xiri obbligatorju ta’ dawn it-titoli, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti, rispettivament, fl-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom f’dan ir-rigward. |
|
46 |
L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, li l-azzjonist li diġà għandu l-kontroll ta’ kumpannija jista’ jippreżenta offerta għall-akkwist tal-azzjonijiet l-oħra tagħha u, sussegwentement, jimponi fuq l-azzjonisti l-oħra l-obbligu li jċedu l-azzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ rtirar obbligatorju tad-detenturi ta’ titoli. |
|
47 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk applikabbli għall-kawża prinċipali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-preżentazzjoni ta’ tali offerta minn tali azzjonist u l-adozzjoni, sussegwentement, ta’ deċiżjoni ta’ rtirar obbligatorju tad-detenturi ta’ dawn it-titoli favur dan l-azzjonist. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li offerta indirizzata lid-detenturi tat-titoli ta’ kumpannija sabiex jakkwistaw dawn it-titoli kollha jew parti minnhom ma tikkostitwixxix offerta volontarja li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din tiġi ppreżentata minn offerent li diġà għandu l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. |
Fuq l-ispejjeż
|
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, |
|
għandu jiġu interpretat fis-sens li: |
|
offerta indirizzata lid-detenturi tat-titoli ta’ kumpannija sabiex jakkwistaw dawn it-titoli kollha jew parti minnhom ma tikkostitwixxix offerta volontarja li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “offerta pubblika ta’ akkwist”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din tiġi ppreżentata minn offerent li diġà għandu l-kontroll tal-kumpannija li qiegħda tirċievi l-offerta. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.