5.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta’ Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea”

(COM(2018) 892 final — 2018/0432 (COD))

(2019/C 190/05)

Relatur ġenerali: Jane MORRICE

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.1.2019

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 15.1.2019

Bażi legali

Artikolu 178 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Opinjoni adottata fil-plenarja

20.2.2019

Sessjoni plenarja Nru

541

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

102/1/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Irlanda ta’ Fuq, partikolarment fir-rigward tal-programmi PEACE u Interreg, lil hinn mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, mhuwiex biss essenzjali iżda wkoll kruċjali, kif indikat min-natura diffiċli tad-dibattitu dwar il-fruntiera tar-Renju Unit/tal-Irlanda fin-negozjati tal-Brexit.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposta li jitkompla l-programm PEACE tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq u l-kontej konfinali tal-Irlanda wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Filwaqt li japprezza l-prijorità mogħtija mill-UE fl-appoġġ għall-proċess ta’ paċi, il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut sinifikanti tal-programm PEACE fir-rigward taż-żamma tal-paċi fir-reġjun. Dan huwa skont is-sejbiet tal-Parlament Ewropew f’Settembru 2018 (1), li jiddeskrivu l-programm PEACE bħala mudell għall-bqija tad-dinja.

1.3.

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura destabbilizzanti tal-inċertezza politika, ekonomika u soċjali kkawżata mill-Brexit, huwa essenzjali għall-atturi tas-soċjetà ċivili li l-UE żżomm l-impenn tagħha biex tagħmel dak kollu li tista’ ħalli tiżgura li l-Irlanda ta’ Fuq mhux biss tibqa’ ħielsa minn kunflitti, iżda tkompli fi triqitha lejn ir-rikonċiljazzjoni bl-użu tal-approċċ “minn isfel għal fuq”, trademark tal-UE, għall-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

1.4.

Il-Programm Ewropew ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni (PEACE) huwa l-aktar strument ta’ valur u ta’ suċċess fil-bini tal-paċi li qatt ġie mħaddem mill-Unjoni Ewropea f’sitwazzjoni ta’ kunflitt. Imwaqqaf b’reazzjoni għal waqfien mill-ġlied fl-Irlanda ta’ Fuq fl-1995, il-programm PEACE investa ’l fuq minn EUR 2 biljun fi proġetti transkomunitarji, transkonfinali u oħrajn ta’ rikonċiljazzjoni fl-24 sena mill-bidu tiegħu.

1.5.

Kif indikat mill-partijiet kollha lill-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast bħala dak li qed jagħti kontribut sinifikanti għall-proċess tal-paċi, il-Programm PEACE huwa uniku peress li jmur ’il hinn minn kwalunkwe intervent ieħor tal-EU fi ħdan it-territorju tagħha stess. Dan ilaqqa’ flimkien il-partijiet interessati Brittaniċi u Irlandiżi taħt kappa tal-UE bil-għan uniku li jiġi protett il-proċess ta’ paċi u jiġi promoss il-bini tal-paċi fir-reġjun u ’l hinn minnu.

1.6.

L-urġenza tas-sitwazzjoni, maħluqa mill-proċess tal-Brexit u l-ħruġ eventwali tar-Renju Unit, teħtieġ rispons mill-UE għas-salvagwardja tal-proċess ta’ paċi li taqbel mal-ħtiġijiet ġodda tar-reġjun fil-kuntest ta’ wara l-Brexit. Fil-konsolidament tal-appoġġ għat-tkomplija tal-programmi transkonfinali PEACE u Interreg, l-UE qed tagħmel passi importanti fid-direzzjoni t-tajba. Filwaqt li dan huwa impenn li, għal raġunijiet ovvji, jirfed parti vitali tal-appoġġ tal-UE għar-reġjun, hemm aktar x’wieħed jista’ u għandu jagħmel.

1.7.

Il-ħtiġijiet aktar immedjati, kemm matul kif ukoll wara n-negozjati tal-Brexit, se jsiru evidenti hekk kif jiżdiedu t-tensjonijiet fil-komunità u jkun hemm diverġenzi ulterjuri tal-lealtajiet Brittaniċi/Irlandiżi fil-livell tat-triq kif ukoll fuq il-fruntiera. Sinjal ta’ “avvjament” mill-UE jista’ jinkludi impenn biex jiżdied il-finanzjament tal-UE għall-PEACE fiċ-ċiklu li jmiss u għall-post ta’ Ċentru Ewropew għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni f’Belfast, kif propost f’rapporti preċedenti tal-KESE/PE/KE (2). Dan ikun dimostrazzjoni konkreta tal-impenn fit-tul tal-UE għall-proċess ta’ paċi.

2.   Sfond

2.1.

Filwaqt li jirrikonoxxi l-gravità u s-sensittività tas-sitwazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq, l-ewwel programm PEACE fittex li joħloq strument, li jinkludi kollox, li pprova jkisser l-ostakli bejn komunitajiet ostili u mifruda. Imwaqqaf b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati mis-setturi politiċi, amministrattivi u volontarji, il-programm PEACE huwa approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi b’mod attiv lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, inklużi t-tfal, in-nisa, il-vittmi u l-protagonisti tal-kunflitt.

2.2.

Permezz ta’ sensiela ta’ interventi, ġew stabbiliti organizzazzjonijiet ta’ bażi taħt PEACE 1 biex jaħdmu flimkien ma’ “oħrajn” billi jqiegħdu l-kontroll u d-distribuzzjoni tal-maġġoranza vasta tal-finanzjament tal-UE f’idejn il-gruppi u l-kunsilli lokali. Il-programm PEACE inċentiva proġetti li jindirizzaw il-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-fehim kondiviż, it-trawma u l-kwistjonijiet ta’ legat. Is-suċċessi tal-programm PEACE huma bosta, u l-kontribut li għamel biex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-ftehim ta’ paċi tal-1998 ma jistax jiġi sottovalutat. Attwalment, PEACE qed jitħaddem mill-Korp Speċjali għall-Programmi tal-UE (SEUPB), organizzazzjoni transfruntiera tar-Renju Unit/tal-Irlanda mwaqqfa permezz tal-ftehim li permezz tiegħu jopera kull finanzjament tal-paċi u transkonfinali tal-UE.

2.3.

Il-kontinwazzjoni tal-programm PEACE hija vitali sabiex jiġi żgurat li r-reġjun ma jaqax lura f’kunflitt meta jaffaċċja l-isfidi ta’ lealtajiet mifruda li jistgħu jmorru għall-agħar wara l-Brexit, kif indikaw it-tensjonijiet, li kienu evidenti matul in-negozjati. Il-kontinwazzjoni ta’ PEACE issa hija aktar kruċjali milli qatt kienet mill-1998 ’il hawn. L-impenn fin-negozjati tal-Brexit biex jitħares il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/ta’ Belfast u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm “fruntiera fiżika” huwa milqugħ u PEACE jista’ jkollu rwol kruċjali fl-appoġġ ta’ kwalunkwe tranżizzjoni. Il-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża se tibqa’ l-aktar aspett ta’ sfida tal-Brexit ’il hinn min-negozjati attwali, u għalhekk il-programmi transkonfinali PEACE u Interreg u d-djalogu kontinwu bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda huma kemm essenzjali kif ukoll kritiċi.

3.   Rakkomandazzjonijiet ġenerali

3.1.

Għandu jiġi kkunsidrat titjib għat-tiġdid tal-inizjattiva mill-2020, magħruf bħala PEACE Plus. Dawn jistgħu jiġu kategorizzati f’ħames oqsma ewlenin.

3.1.1.

Enfasi akbar fuq il-promozzjoni ta’ soċjetà kondiviża permezz ta’ sforzi transkomunitarji ġenwini. Iż-żieda fl-appoġġ għall-edukazzjoni integrata u l-promozzjoni tal-midja, l-iskambju transkonfinali kulturali u sportiv għandhom ikunu fost l-oqsma ta’ prijorità. Barra minn hekk, kif evidenzjat mill-bosta ħitan ta’ “paċi” li jifirdu s-soċjetajiet segregati, il-ħidma fuq it-titjib immexxi mill-komunità fir-rigward tal-ambjent fiżiku u soċjali għandha tingħata prijorità.

3.1.2.

L-appoġġ għall-proġetti ta’ “identità waħda” għandu jintuża biss biex tinbena l-fiduċja fil-komunitajiet segregati jekk dan iservi bħala tranżizzjoni ġenwina lejn interazzjoni mal-“oħrajn”. Il-problema tal-finanzjament ta’ PEACE, skont kummentatur magħruf, hija “wisq karrotti u qasba qasira żżejjed”.

3.1.3.

L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati ma’ PEACE ma jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu kompletament konxji mir-rwol tal-UE. Qed isiru sforzi mill-SEUPB, iżda għandu jsir aktar xogħol mill-Kummissjoni Ewropea, id-dipartimenti tal-gvern, dawk li jinfluwenzaw u oħrajn sabiex tiġi rikonoxxuta, spjegata u magħrufa l-parti li taqdi l-UE permezz tal-użu tal-“marka” WhiteDove biex jiġu simbolizzati l-proġetti PEACE, iffinanzjati mill-UE.

3.1.4.

Proċessi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni biex jiġi żgurat li l-eżiti jitkejlu wkoll skont in-natura trasformattiva tagħhom u mhux biss fuq il-kapaċità tal-esperti li jimmarkaw il-kaxxi. Xi gruppi ta’ komunitajiet żgħar, li jinsabu l-aktar fil-bżonn ta’ appoġġ, iddeskrivew il-finanzjament tal-UE bħala “li ma jiġġustifikax l-isforz” u pressjoni sostanzjali fuq riżorsi umani prezzjużi li ma jaffordjawx jitilfu.

3.1.5.

Skont riżoluzzjoni tal-2018 adottata mill-Parlament Ewropew (3), PEACE għandu jkun il-mudell tal-UE promoss għall-kisba ta’ paċi dejjiema f’partijiet oħrajn tal-Ewropa u madwar id-dinja. Dan jaqbel ma’ Opinjoni tal-KESE li tipproponi inizjattiva mmexxija mill-UE għall-bini tal-paċi globali, fuq il-mudell ta’ PEACE, u li joħloq perkors Ewropew ta’ paċi mill-Irlanda ta’ Fuq sa Nikosija. Magħruf bħala WhiteDoveWay, dan isegwi l-perkors tal-pellegrin Irlandiż Columbanus, li jestendi tul it-Triq tal-Front tal-Punent, jgħaddi mill-Balkani, biex jgħaqqad iż-żewġ gżejjer mifrudin fuq iż-żewġ naħat tal-Ewropa. (4)

3.2.

Filwaqt li d-direzzjoni ewlenija għat-titjib ta’ ċerti aspetti ta’ PEACE tista’ tiġi minn “Brussell”, il-PEACE Plus 2020 il-ġdid jipprovdi opportunità għall-involviment mill-ġdid mas-soċjetà ċivili biex jittejbu l-għanijiet u l-valuri tal-UE fl-Irlanda ta’ Fuq. Dan m’għandux iżid il-burokrazija, iżda jservi biex jibni l-fiduċja u l-fehim tar-rwol tal-UE b’appoġġ għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

3.3.

Proċess ta’ konsultazzjoni, simili għal dak stabbilit mill-eks-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jacques Delors, għal PEACE 1 fl-1994, għandu jsir bħala mezz mhux biss biex tiżdied is-“sjieda” tal-komunità għall-bini tal-paċi iżda wkoll biex jippermetti tagħlim kondiviż. Ir-replikar tat-task force stabbilita mis-Sur Delors qabel ħalla l-kariga jista’ jitmexxa mill-President Juncker, b’ħidma mat-tliet MEPs tal-Irlanda ta’ Fuq u s-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, b’ħidma flimkien mat-task force attwali tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-SEUPB u l-kapijiet tal-Uffiċċji tal-Kummissjoni Ewropea f’Belfast, Dublin u Londra.

4.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi ewlenin għaċ-ċiklu ta’ finanzjament PEACE wara l-2020

—

Għandha tingħata aktar importanza lill-proġetti li jiffukaw fuq l-integrazzjoni, kemm ta’ impenji ta’ “identità waħda” kif ukoll dawk transkomunitarji. Il-programmi kollaborattivi huma ppreferuti.

—

It-tul ta’ ħajja tal-programm PEACE għandu jiġi estiż. It-trasformazzjoni tal-kunflitt se tieħu ż-żmien u teħtieġ impenn aktar fit-tul miċ-ċikli ta’ finanzjament attwali.

—

Għandha titqies ir-rakkomandazzjoni li l-proġetti futuri ta’ PEACE ffinanzjati mill-UE jġorru s-simbolu White Dove mal-bandiera tal-UE u l-kliem “iffinanzjat mill-programm PEACE tal-UE”.

—

Il-korpi ta’ monitoraġġ tal-programm PEACE għandhom ikomplu jinkludu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, iżda mhux biss l-aktar atturi konvenjenti jew li ilhom stabbiliti. Hemm ħtieġa għal sforz akbar biex l-atturi fi ħdan il-komunitajiet jiġu megħjuna jikbru.

—

Għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ħolqien ta’ kumitati lokali taħt il-kappa ta’ PEACE biex jikkollaboraw mal-kunsilli, l-Assemblea u entitajiet oħrajn li jieħdu d-deċiżjonijiet.

—

Il-promozzjoni tal-kunċett ta’ “WhiteDoveWay”, il-bini ta’ netwerks għal dawk li jaħdmu għall-paċi fl-Ewropa kollha, l-użu ta’ “rakkont ta’ stejjer” biex tiżdied il-kuxjenza dwar il-kunflitti u biex iċ-ċittadini jiġu involuti b’mod attiv fil-perkors tal-paċi.

—

L-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn oriġinali għal Ċentru Ewropew għall-Paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, b’rabtiet ma’ ċentru f’Nikosija bħala ċentri għat-trasferiment tal-bini tal-paċi reali prattiku dinji fi ħdan l-Ewropa u madwar id-dinja, l-iżgurar tal-għarfien miksub b’diffikulatjiet matul il-proċess ta’ paċi kollu fl-Irlanda ta’ Fuq u f’postijiet oħrajn ikompli jservi ta’ benefiċċju f’soċjetajiet f’kunflitt u li għaddew minn kunflitt.

Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk: “Mhux se nissugraw il-paċi jew inpoġġu data ta’ skadenza fuq ir-rikonċiljazzjoni ... tuna garanzija kredibbli għall-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, u r-Renju Unit joħroġ mill-UE bħala ħabib ta’ fiduċja.”

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE SC/029 - Il-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, adottata fit-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU C 100, 30.4.2009, p. 100).

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar L-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar The White Dove Way – Proposta għal strateġija mmexxija mill-UE għall-bini tal-paċi globali – għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.