KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 ( 1 )
Kawża C‑558/21 P
Global Silicones Council et
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) – Emenda tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tar-restrizzjoni tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq u tal-użu ta’ ċerti sustanzi, taħlitiet u oġġetti perikolużi – Restrizzjoni tal-użu tal-ottametilċiklotetrasilossan (‘D4’) u tad-dekametilċiklopentasilossan (‘D5’) – Sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi – Sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna – Riskji inaċċettabbli – Motivazzjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Ir-Regolament REACH ( 2 ) jippermetti lill-Kummissjoni tillimita l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi meta dawn l-attivitajiet iwasslu għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. |
|
2. |
Jeżistu riskji speċjali, fost l-oħrajn, għal sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (“PBT”) jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna (“vPvB”) għal very persistant u very bioaccumulative) ( 3 ). Tali sustanzi jiġu estratti bil-mod ħafna, jew saħansitra bl-ebda mod, u għalhekk jistgħu jakkumulaw fl-ambjent. L-effetti ta’ dan l-arrikkiment ma humiex prevedibbli fit-tul. Bl-istess mod, fil-prattika, tali arrikkiment huwa diffiċilment riversibbli, peress li l-waqfien tar-rilaxx tas-sustanza ma jwassalx neċessarjament għal tnaqqis fil-konċentrazzjoni tas-sustanza fl-ambjent. Barra minn hekk, is-sustanzi PBT jew vPvB jistgħu jikkontaminaw żoni remoti li għandhom jiġu protetti kontra iktar kontaminazzjoni minn sustanzi perikolużi li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem ( 4 ). |
|
3. |
Permezz tar-Regolament kontenzjuż ( 5 ), il-Kummissjoni tipprojbixxi l-użu tas-sustanzi kontenzjużi, l-ottametilċiklotetrasilossan (“D4”) u d-dekametilċiklopentasilossan (iktar ’il quddiem id-“D5”), fil-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma, minħabba li D4 hija sustanza PBT/vPvB u D5 hija sustanza vPvB. |
|
4. |
Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kontra r-Regolament kontenzjuż, dan l-appell iqajjem b’mod partikolari kwistjonijiet dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tikkonstata hija stess l-eżistenza ta’ riskji inaċċettabbli fir-rigward tas-sustanzi kontenzjużi, kif il-kunċett ta’ riskji inaċċettabbli għandu jiġi applikat u jekk il-projbizzjoni hijiex suffiċjentement motivata. Barra minn hekk, dan jirrigwarda l-klassifikazzjoni tas-sustanzi kontenzjużi bħala PBT/vPvB jew vPvB, iżda nirreferi, b’dan il-mod, għall-konklużjonijiet ippreżentati l-Kawża C‑559/21 P Global Silicones vs ECHA pendenti b’mod parallel. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Ir-Regolament REACH jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tillimita l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi (Titolu VIII). |
|
6. |
L-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH jikkostitwixxi l-bażi legali għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet: “Meta jkun hemm riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li jkun ġej mill-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi, li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat fuq bażi Komunitarja, l-Anness XVII għandu jiġi emendat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 133(4) bl-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda, jew bl-emenda tar-restrizzjonijiet attwali fl-Anness XVII, għall-manifattura, użu jew tqegħid fis-suq ta’ sustanzi waħedhom, fi taħlitiet jew f’oġġetti, skond il-proċedura prevista fl-Artikoli 69 sa 73. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din għandha tieħu kont ta’ l-impatt soċjo-ekonomiku tar-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta’ alternattivi. […]” |
|
7. |
L-Artikolu 69 tar-Regolament REACH jirregola l-ftuħ ta’ proċedura għall-impożizzjoni ta’ restrizzjoni. Il-paragrafu 4 jikkonċerna l-bidu minn Stat Membru: “Jekk Stat Membru jikkonsidra li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza waħidha, fi taħlita jew f’oġġett ikunu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li ma jkunx kontrollat adegwatament u li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat, huwa għandu jinnotifika lill-Aġenzija li huwa jipproponi li jlesti dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tat-Taqsimiet relevanti ta’ l-Anness XV.” |
|
8. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 69 tar-Regolament REACH jipprevedi parteċipazzjoni tal-pubbliku u, skont l-Artikoli 70 sa 72 ta’ dan ir-regolament, għandhom jinkisbu l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika. |
|
9. |
L-Artikolu 73(1) tar-Regolament REACH jirregola l-adozzjoni tar-restrizzjoni: “Jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 68 ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tipprepara abbozz ta’ l-emenda għall-Anness XVII […] Fejn l-abbozz ta’ l-emenda ma jaqbilx mal-proposta oriġinali jew jekk ma jiħux kont ta’ l-opinjonijiet mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tehmeż f’anness spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-differenzi.” |
|
10. |
Skont l-Artikolu 73(2) u l-Artikolu 133 tar-Regolament REACH, id-deċiżjoni finali tittieħed fil-kuntest ta’ proċedura ta’ komitoloġija bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. |
|
11. |
L-Anness I tar-Regolament REACH jirregola r-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika u r-rapporti dwar is-sigurtà kimika. Il-punt 4.0.1. jiddeskrivi t-trattament tas-sustanzi PBT u vPvB: “L-objettiv ta’ l-istima PBT u vPvB għandu jkun id-determinazzjoni jekk is-sustanza tissodisfax il-kriterji mogħtija fl-Anness XIII u jekk iva, il-karatterizzazzjoni ta’ l-emissjonijiet potenzjali tas-sustanza. Ma jistgħux jiġu mwettqa stima tal-periklu skond it-Taqsimiet 1 u 3 ta’ dan l-Anness li jindirizza l-effetti kollha fuq perjodu twil u l-istima ta’ espożizzjoni fuq perjodu twil tal-bnedmin u ta’ l-ambjent konformement mat-Taqsima 5 (Stima ta’ espożizzjoni), stadju 2 (Stima ta’ Espożizzjoni), bi kredibbiltà suffiċjenti għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji PBT u vPvB fl-Anness XIII. Għalhekk, tkun meħtieġa stima PBT u vPvB separata.” |
|
12. |
Il-punt 6.5. tal-Anness I tar-Regolament REACH jirregola b’mod partikolari l-ġestjoni tar-riskji marbuta mas-sustanzi PBT/vPvB: “[…] Għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji PBT u vPvB, il-manifattur jew l-importatur għandu juża l-informazzjoni kif miksuba fit-Taqsima 5, Stadju 2 waqt li jimplementa fuq is-sit tiegħu, u jirrakkomanda lil utenti downstream, miżuri ta’ maniġġar tar-riskji li jimminimizzaw l-espożizzjonijiet u l-emissjonijiet għal bnedmin u l-ambjent, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sustanza li tirriżulta mill-manifattura jew użi identifikati.” |
|
13. |
L-Anness XV tar-Regolament REACH fih ir-rekwiżiti għal dossier li jipproponi restrizzjoni. Mal-introduzzjoni, isir riferiment għall-Anness I: “Il-partijiet relevanti ta’ l-Anness I għandhom jiġu użati fil-metodoloġija u l-format ta’ kwalunkwe dossier skond dan l-Anness.” |
|
14. |
Riferiment ieħor għall-Anness I jinsab f’subtaqsima tal-punt 3 tal-Anness XV tar-Regolament REACH: “Informazzjoni dwar perikli u riskji Ir-riskji li għandhom jiġu indirizzati bir-restrizzjoni għandhom jiġu deskritti abbażi ta’ l-istima tal-perikli u tar-riskji skond il-partijiet relevanti ta’ l-Anness I u għandhom ikunu dokumentati fil-format previst fil-Parti B ta’ dak l-Anness għar-Rapport tas-Sigurtà Kimika. Għandha tiġi provduta l-prova ta’ l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji implementati (inklużi dawk identifikati f’reġistrazzjonijiet taħt l-Artikoli 10 sa 14).” |
III. Sfond Fattwali u Proċedurali
|
15. |
Fis‑17 ta’ April 2015, ir-Renju Unit bagħat lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dossier konformi mal-Anness XV tar-Regolament REACH, li fih huwa ppropona li jiġi ristrett l-użu tas-sustanzi kontenzjużi fil-prodotti kożmetiċi li f’kundizzjonijiet normali ta’ użu għandhom jitlaħalħu bl-ilma wara l-applikazzjoni. Dan huwa neċessarju sabiex jiġi evitat li s-sustanzi kontenzjużi jidħlu fl-ilma mormi. |
|
16. |
Fl‑10 ta’ Marzu 2016, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-ECHA ta opinjoni li tindika li D4 tissodisfa l-kriterji għas-sustanzi PBT u vPvB u li D5 tissodisfa l-kriterji għas-sustanzi vPvB. Il-Kumitat ikkonferma r-riskji assoċjati mal-wasla ta’ dawn is-sustanzi fl-ilma. Dan ikkonkluda wkoll, li r-restrizzjoni proposta kienet miżura mmirata u xierqa fil-livell tal-Unjoni Ewropea kollha intiża sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi minn prodotti li jitlaħalħu bl-ilma. |
|
17. |
Fid‑9 ta’ Ġunju 2016, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-ECHR ta l-opinjoni tiegħu u kkunsidra li r-restrizzjoni proposta kienet il-miżura l-iktar xierqa, fid-dawl tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi tagħha, sabiex jitnaqqas ir-rimi tas-sustanzi kontenzjużi fl-ilma mormi. |
|
18. |
Permezz tar-Regolament kontenzjuż tal‑10 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni emendat l-Anness XVII tar-Regolament REACH fis-sens li, wara l‑31 ta’ Jannar 2020, is-sustanzi kontenzjużi ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq fil-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma b’konċentrazzjoni ugwali jew ogħla minn 0.1 % skont il-piż ( 6 ). Fih huwa ppreċiżat li, l-“prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma” jirrigwardaw il-prodotti li, f’kundizzjonijiet normali ta’ użu, jistgħu jitlaħalħu bl-ilma wara l-applikazzjoni. |
|
19. |
Skont il-premessa 8 tar-Regolament kontenzjuż, din ir-restrizzjoni tal-użu taż-żewġ sustanzi hija bbażata fuq il-proprjetajiet perikolużi ta’ D4 bħala sustanza PBT u bħala sustanza PvB kif ukoll D5 bħala sustanza vPvB. Għaldaqstant, il-preżenza tas-sustanzi inkwistjoni f’ċerti prodotti kożmetiċi li, wara l-applikazzjoni, jitlaħalħu bl-ilma, tippreżenta riskju għall-ambjent. |
|
20. |
Il-premessa 9 tippreċiża l-portata tar-restrizzjoni: “[…] Fil-prodotti kosmetiċi li huma maħsuba biex jibqgħu f’kuntatt fit-tul mal-ġilda, max-xagħar jew mal-membrani mukużi, id-D4 u d-D5 jevaporaw maż-żmien wara l-applikazzjoni u kull residwu jiġi eliminat matul it-tlaħliħ normali. Id-dossier tal-Anness XV ma kopriex dawk il-prodotti, minħabba li ma jirrappreżentawx sors maġġuri ta’ riskju għall-ambjent ikkawżat mid-D4 u d-D5, u għaldaqstant ir-riskju li dawn jistgħu jippreżentaw lill-ambjent għadu ma ġiex ivvalutat mill-RAC (iktar ’il quddiem il-“Kumitat għall-Istima tar-Riskji”). Għalhekk, ir-restrizzjoni jenħtieġ li tapplika biss għall-prodotti kosmetiċi li jitlaħalħu li, f’kundizzjoni ta’ użu normali, jitneħħew bl-ilma ftit wara l-applikazzjoni, minħabba li f’dawn iċ-ċirkostanzi d-D4 u d-D5 jiġu emessi fl-ambjent akkwatiku qabel ma jevaporaw.” |
|
21. |
L-ewwel appellant, Global Silicones Council, jirrappreżenta impriżi li jipproduċu u jbigħu prodotti abbażi tas-silikonu madwar id-dinja. L-appellanti l-oħra, Wacker Chemie AG, Momentive Performance Materials GmbH, Shin-Etsu Silicones Europe BV u Elkem Silicones France SAS, huma kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni li jimmanifatturaw, ibigħu u jipprovdu prodotti abbażi ta’ silikonu, b’mod partikolari D4 u D5. |
|
22. |
Huma ppreżentaw rikors kontra r-Regolament kontenzjuż, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet permezz tas-sentenza appellata tat‑30 ta’ Ġunju 2021, Global Silicones Council et vs Il-Kummissjoni (T‑226/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:403). |
|
23. |
Fit‑8 ta’ Settembru 2021, l-appellanti ppreżentaw dan l-appell. Huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
24. |
L-American Chemicals Council (iktar ’il quddiem “ACC”) kienet intervenjenti mal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tagħhom. |
|
25. |
Il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta l-appell u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
26. |
Il-Ġermanja u l-ECHA kienu intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma jsostnu lill-Kummissjoni u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. L-intervenjenti l-oħra insostenn tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ appell. |
|
27. |
Il-partijiet fil-kawża ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat għaż-żamma ta’ seduta orali minħabba li l-proċedura bil-miktub ma kinitx teħtieġ iktar informazzjoni. |
IV. Evalwazzjoni legali
|
28. |
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti u l-ACC iqajmu ħames aggravji. |
|
29. |
Ir-raba’ u l-ħames aggravju jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-proprjetajiet bijoakkumulattivi ta’ D4 u D5. Dawn jikkorrispondu b’mod wiesa’ għall-aggravji mqajma mill-appellanti u minn ACC fil-Kawża C‑559/21 P, Global Silicones Council vs ECHA, u għandhom jiġu miċħuda għall-kunsiderazzjonijiet li esponejt fil-konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża fl‑20 ta’ April 2023. Konsegwentement, mhux ser nindirizza dawn l-aggravji iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet. |
|
30. |
Min-naħa l-oħra, l-ewwel tliet aggravji invokati f’din il-kawża jirrigwardaw il-konferma, mill-Qorti Ġenerali, tal-opinjoni tal-Kummissjoni li r-rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi kien jinvolvi riskju li jiġġustifika restrizzjoni tal-użu tas-sustanza inkwistjoni fil-kożmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma. |
|
31. |
F’dan ir-rigward, l-appellanti jikkritikaw l-ewwel nett, fuq livell formali, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkonstatatx hija stess li r-restrizzjoni kienet neċessarja sabiex jiġi indirizzat riskju inaċċettabbli, iżda li hija tibbaża ruħha ħafna fuq evalwazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża (ara, iktar ’il quddiem, taħt B). Fil-mertu, huma jikkontestaw id-dettalji tal-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju (ara iktar ’il quddiem taħt C). Sabiex neżamina dawn l-aggravji, ser nesponi qabelxejn il-kriterju ġuridiku li għandu jiġi osservat fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH (ara iktar ’il quddiem taħt A). |
A. Kriterju ġuridiku
|
32. |
Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH, il-Kummissjoni timponi restrizzjonijiet meta l-manifattura, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi jwasslu għal riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. |
|
33. |
Sabiex tevalwa jekk riskju huwiex inaċċettabbli, il-Kummissjoni għandha tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Meta tagħmel dan, tiżgura li r-restrizzjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Miżuri ta’ protezzjoni, bħar-restrizzjoni kontenzjuża, jistgħu jittieħdu jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa (bl-istess mod ( 7 )), għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva; barra minn hekk, il-piżijiet imposti ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija ( 8 ). |
|
34. |
L-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH għandu l-għan speċifiku li jnaqqas jew li jevita r-riskji marbuta mal-manifattura, mal-użu jew mat-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi. Restrizzjoni adottata skont din id-dispożizzjoni għandha, l-ewwel, tkun xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u, it-tieni, tkun neċessarja għal dan il-għan, jiġifieri tikkostitwixxi l-iktar mezz moderat. |
|
35. |
It-tielet, il-piżijiet relatati mar-restrizzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-għan ta’ mitigazzjoni jew prevenzjoni tar-riskju kkonċernat. |
|
36. |
Din ir-relazzjoni ġiet ikkonkretizzata mil-leġiżlatur fl-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH bil-kunċett ta’ “riskju inaċċettabbli”. Sabiex ikun “inaċċettabbli” u jkun jista’ jiġġustifika restrizzjoni, għandu jingħata piż konsiderevoli lir-riskju. Riskji “aċċettabbli” li ma jistgħux jiġu indirizzati b’restrizzjoni huma immaġinabbli wkoll. Madankollu, mill-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 114(3) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 1(1) u mill-premessa 1 tar-Regolament REACH jirriżulta li għandu jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Dan għandu jiġi osservat ukoll fid-deċiżjoni dwar ir-restrizzjonijiet. |
|
37. |
F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni konkreta tal-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà taqa’ fuq il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi. Fil-fatt, ir-riskju aċċettabbli huwa ddeterminat mhux biss abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet xjentifiċi fis-sens strett, iżda wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi soċjali ( 9 ). L-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH jattribwixxi dan il-kompitu lill-Kummissjoni meta tadotta restrizzjoni li hija teżerċita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ komitoloġija bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. |
|
38. |
Peress li l-evalwazzjoni dwar jekk riskju huwiex inaċċettabbli hija kwistjoni xjentifika u teknika kumplessa ħafna li teħtieġ ukoll bilanċjar politiku, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Tali miżuri jistgħu jiġu riveduti biss mill-qrati tal-Unjoni għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ksur evidenti tal-limiti tas-setgħa diskrezzjoni. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika b’dik tal-awtoritajiet li l-leġiżlatur biss ikkonferixxa dan il-kompitu lilhom ( 10 ). |
|
39. |
Madankollu, sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom tali setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija iktar u iktar ta’ importanza. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni. Huwa biss b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti ( 11 ). |
B. It-“teżi ta’ separazzjoni” formali
|
40. |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju, l-appellanti u l-ACC iqajmu oġġezzjonijiet ta’ natura pjuttost formali. |
|
41. |
Fil-fatt, fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx dan u għalfejn hija stess kienet tqis li l-użu kontenzjuż tas-sustanzi kontenzjużi kien jinvolvi riskju mhux aċċettabbli. Għall-kuntrarju, hija llimitat ruħha li tikkonstata, fil-premessa 8 tar-Regolament kontenzjuż, li l-preżenza tas-sustanzi kontenzjużi f’ċerti prodotti kożmetiċi meta dawn jitlaħalħu bl-ilma wara l-applikazzjoni, kienet tippreżenta riskju għall-ambjent. Dan ir-riskju jinsab fil-fatt li D4 hija sustanza PBT u vPvB u li D5 hija sustanza vPvB. |
|
42. |
Għalkemm evalwazzjonijiet u konstatazzjonijiet iktar estiżi jinsabu fl-opinjonijiet ippreżentati matul il-proċedura prekontenzjuża mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-ECHA, dawn ma humiex validi għall-appellanti u għall-ACC. Dan l-argument jista’, fil-qosor, jiġi kkwalifikat bħala “teżi ta’ separazzjoni”. |
|
43. |
Sussegwentement, fl-ewwel lok, ser inwarrab din it-teżi ta’ separazzjoni u fl-aħħar ser neżamina l-motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż. |
1. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura prekontenzjuża
|
44. |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti u l-ACC jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 192 u 217 tas-sentenza appellata, li jammontaw għall-approvazzjoni impliċita tal-Kummissjoni stess tal-evalwazzjonijiet u tal-konstatazzjonijiet ibbażati fuq il-proċedura prekontenzjuża u dan seħħ f’dan il-każ ukoll. |
|
45. |
Skont l-appellanti u l-ACC, ir-riżultati tal-proċedura prekontenzjuża huma strettament distinti mill-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq meta timponi restrizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH jawtorizza biss lill-Kummissjoni timponi restrizzjoni u dan huwa l-intervent l-iktar strett li dan ir-regolament jipprevedi. Barra minn hekk, hija biss din id-dispożizzjoni li tuża l-kunċett ta’ riskju inaċċettabbli, filwaqt li ma tinsabx fid-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura prekontenzjuża. |
|
46. |
Dan l-argument, madankollu, ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jikkorrispondu għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament REACH. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni ddettaljata tal-motivi jekk l-abbozz ta’ restrizzjoni tagħha jitbiegħed mill-proposta inizjali (tal-Istat Membru jew tal-ECHA) jew ma tiħux inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-ECHA. Minn dan jirriżulta a contrario li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprovdi motivazzjoni ddettaljata meta r-restrizzjoni tkun konformi mal-proposta inizjali u mal-opinjonijiet. Il-Qorti Ġenerali ġustament tirreferi għal din id-dispożizzjoni fil-punt 213 tas-sentenza appellata. |
|
47. |
F’kull każ, fil-prattika, is-separazzjoni stretta bejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u l-proċedura prekontenzjuża ma tidhirx realistika. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont proċedura ta’ komitoloġija bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri. Fl-istess ħin, skont l-Artikolu 85 tar-Regolament REACH, l-Istati Membri huma assoċjati mill-qrib mal-kompożizzjoni u max-xogħol tal-kumitati li jiddeċiedu matul il-proċedura prekontenzjuża. |
|
48. |
Kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punti 188 et seq tas-sentenza appellata, l-osservazzjonijiet magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża huma intiżi sabiex juru (jew jikkonfutaw) riskju mhux aċċettabbli. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet applikabbli rispettivi sempliċement jiddeskrivu dan ir-riskju fi kliem ieħor. |
|
49. |
Għalhekk, il-bidu tal-proċedura minn Stat Membru skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament REACH huwa diġà suġġett għall-kundizzjoni li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tas-sustanza jwasslu, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, għal riskju li ma jkunx ikkontrollat adegwatament u li jkun jeħtieġ li jiġi indirizzat. Sakemm dan ikun il-każ, ir-riskju huwa inaċċettabbli. Ladarba jkun ikkontrollat adegwatament, huwa aċċettabbli wkoll. |
|
50. |
Ċertament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 199 tas-sentenza appellata, li riskju inaċċettabbli ma huwiex identiku għal riskju li ma huwiex adegwatament ikkontrollat u li għandu jiġi indirizzat. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, hawnhekk ma hemmx kontradizzjoni mal-punti 192 u 217, li fihom il-Qorti tal-Ġenerali tammetti li l-Kummissjoni, meta tevalwa jekk riskju huwiex inaċċettabbli, tadotta l-konstatazzjonijiet magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, fil-kuntest tal-punti 198 u 199, l-imsemmija konstatazzjoni hija intiża, qabel kollox, sabiex tindika, fil-punt 199, li l-evalwazzjoni tar-riskju hija iktar fil-fond matul il-proċedura, b’mod partikolari mill-kumitati tal-ECHA, fatt li l-Ġermanja tikkorrobora b’riferimenti għall-ġenesi tal-leġiżlazzjoni. |
|
51. |
Dan jidher ukoll minn qari iktar attent tal-proċedura prekontenzjuża. |
|
52. |
Fid-dossier li għandu l-ewwel jiġi ppreparat, l-Istat Membru għandu, skont il-punt 3 tat-Taqsima II tal-Anness XV tar-Regolament REACH, juri l-insuffiċjenza tal-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji eżistenti u jiġġustifika r-restrizzjoni proposta, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Għandu jiġġustifika wkoll li r-restrizzjoni tkun xierqa biex jitnaqqsu r-riskji għal livell aċċettabbli fi żmien raġonevoli u b’mod proporzjonat għar-riskju. Dan neċessarjament ifisser li d-dossier għandu jkun ibbażat fuq riskju mill-inqas inaċċettabbli sal-lum. |
|
53. |
Wara li l-Istat Membru jkun inkluda dawn l-elementi kollha, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji (Artikolu 70 tar-Regolament REACH) u għall-Analiżi Soċjoekonomika jikkummentaw (Artikolu 71) dwar il-proposta u l-ġustifikazzjoni tagħha filwaqt li titqies il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jevalwaw b’mod sħiħ, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa, ir-riskju u, min-naħa l-oħra, l-effetti soċjoekonomiċi tar-restrizzjonijiet proposti. |
|
54. |
Fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’hekk sempliċement tindika li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkonstata hija stess b’mod espliċitu l-eżistenza ta’ riskju inaċċettabbli meta hija tadotta r-restrizzjoni billi taċċetta l-evalwazzjonijiet tal-proċedura prekontenzjuża li diġà juru dan ir-riskju. Il-Kummissjoni kkonfermat espressament, matul il-proċedura kontenzjuża, li dan l-approċċ huwa l-bażi tar-Regolament kontenzjuż. |
|
55. |
Barra minn hekk, minħabba din ir-rabta bejn il-proċedura prekontenzjuża u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud l-argument li l-evalwazzjoni ta’ riskju inaċċettabbli ma tistax tkun ibbażata fuq l-Anness I tar-Regolament REACH. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat ukoll fuq l-allegata separazzjoni bejn il-proċedura prekontenzjuża u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. L-applikabbiltà tal-Anness I matul il-proċedura prekontenzjuża ma hijiex ikkontestata. |
|
56. |
It-teżi ta’ separazzjoni difiża mill-appellanti u mill-ACC fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha għalhekk tiġi miċħuda. Għall-kuntrarju, ir-riżultati tal-proċedura prekontenzjuża għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm fil-kuntest tal-eżami tan-natura kompleta tal-motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż kif ukoll f’dak tal-evalwazzjoni ta’ din il-motivazzjoni meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tadottahom. |
2. It-tieni aggravju – motivazzjoni insuffiċjenti tar-Regolament kontenzjuż
|
57. |
Abbażi tat-teżi tas-separazzjoni, l-appellanti u l-ACC joġġezzjonaw permezz tat-tieni aggravju li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat, fil-punt 337 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tar-Regolament kontenzjuż bħala suffiċjenti. |
|
58. |
Madankollu, il-motivazzjoni ta’ att legali tirriżulta mhux biss mill-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ( 12 ). F’dan il-każ, il-pożizzjonijiet meħuda mill-proċedura prekontenzjuża, li l-Kummissjoni tadotta, jikkontribwixxu b’mod partikolari għall-motivazzjoni. Billi dawn kienu magħrufa mill-appellanti; huma setgħu wkoll jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward matul il-proċedura prekontenzjuża. Għaldaqstant, lanqas dan l-aggravju ma jista’ jiġi milqugħ. |
|
59. |
Ċertament, huwa mixtieq li l-motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż tirriżulta, kompletament jew tal-inqas b’mod sostanzjali, mill-premessi. Dan jippermetti lill-Kummissjoni mhux biss tiffaċilita r-reviżjoni tar-Regolament, iżda wkoll tevita r-riskju ta’ nuqqas ta’ ftehim. Madankollu, huwa possibbli li l-motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż tiġi rrikostitwita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża. |
|
60. |
Ir-Regolament kontenzjuż ma jillimitax globalment il-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq tas-sustanzi kontenzjużi. Għall-kuntrarju, dan jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ dawn is-sustanzi fi prodotti kożmetiċi li, f’kundizzjonijiet normali ta’ użu, jitlaħalħu bl-ilma wara l-applikazzjoni. |
|
61. |
Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 9 li l-għan dirett ta’ din ir-restrizzjoni huwa li jitnaqqas ir-rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi fl-ambjent akwatiku. Dan huwa s-sors ewlieni tar-riskji ambjentali assoċjati ma’ dawn is-sustanzi. L-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji twassal għall-istess konklużjoni ( 13 ). |
|
62. |
Fl-opinjoni tagħhom, il-Kumitati għall-Istima tar-Riskji u għall-Analiżi Soċjoekonomika jeżaminaw l-adegwatezza tal-projbizzjoni tal-użu inkwistjoni sabiex jintlaħaq dan l-għan u jindikaw li miżuri oħra huma inqas effettivi. |
|
63. |
Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-għan tal-projbizzjoni u l-piżijiet li jirriżultaw minnha, huwa minnu li d-dikjarazzjonijiet magħmula matul il-proċedura prekontenzjuża dwar l-importanza tar-riskji ambjentali huma kontradittorji. Madankollu, dawn il-kontradizzjonijiet ma għandhomx effett fuq il-kontenut tar-Regolament kontenzjuż. |
|
64. |
Il-punt tat-tluq huwa l-konstatazzjoni li l-effetti tas-sustanzi PBT/vPvB fl-ambjent u, fl-aħħar mill-aħħar ukoll fuq il-bnedmin, ma humiex prevedibbli, peress li dawn is-sustanzi jistgħu dejjem jakkumulaw ( 14 ). |
|
65. |
Għaldaqstant, minn naħa, fid-dossier tiegħu li jesponi l-motivi tal-proposta ta’ restrizzjoni, ir-Renju Unit ra riferiment għal “riskju inaċċettabbli” ( 15 ) f’kull rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi, iżda, min-naħa l-oħra, ikkunsidra li r-rilaxx fl-ajru ma kienx jagħmel ħsara, għaliex kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sustanzi kienu baqgħu hemm sakemm ġew issostitwiti ( 16 ). |
|
66. |
Bl-istess mod, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji jeżiġi, bħala prinċipju, li jiġi mminimizzat kull rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi ( 17 ) u anki jipprekludi li r-rilaxx fl-arja jitqies li ma jagħmilx ħsara. Għall-kuntrarju, studju reċenti jinkludi elementi li jindikaw li rilaxx fl-arja jinvolvi wkoll riskju ta’ ħażna fl-ilma jew fil-ħamrija ( 18 ). |
|
67. |
Minkejja l-affermazzjonijiet iktar wiesgħa tagħhom dwar ir-riskji ppreżentati mis-sustanzi kontenzjużi, kemm ir-Renju Unit kif ukoll il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji pproponew biss il-projbizzjoni stabbilita mir-Regolament kontenzjuż, li hija intiża biss sabiex jiġi evitat ir-rilaxx fl-ambjent akwatiku. Il-Kumitat enfasizza biss li, matul l-eżami mill-ġdid futur tar-restrizzjoni, għandu jiġi eżaminat ulterjorment ir-riskju ta’ rilaxx fl-arja ( 19 ). |
|
68. |
Minn dan isegwi li l-proposta ta’ projbizzjoni mir-Renju Unit u l-approvazzjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji jistgħu jiġu spjegati biss mill-fatt li, fil-każ ta’ rilaxx fl-ambjent akwatiku, huwa prevedibbli li s-sustanzi kontenzjużi ma jiġux dekomposti kompletament, iżda li jakkumulaw, tal-inqas parzjalment, fl-ambjent. |
|
69. |
Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika eżaminaw ir-relazzjoni bejn il-vantaġġi u l-piżijiet li jirriżultaw mir-restrizzjoni proposta. Dan il-kumitat lanqas ma kkondivida l-evalwazzjonijiet kollha tar-Renju Unit, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni monetarja tal-vantaġġi tar-restrizzjoni, iżda madankollu kkonkluda, bħal dan l-ex Stat Membru, li l-vantaġġi jegħlbu b’mod ċar l-iżvantaġġi. |
|
70. |
Sa fejn, permezz tar-Regolament kontenjzuż, il-Kummissjoni segwiet il-proposta tar-Renju Unit, ikkonfermata mill-Kumitati, għandu jiġi kkunsidrat li hija ddeduċiet, b’mod partikolari, mill-paragun tal-vantaġġi u tal-iżvantaġġi tal-projbizzjoni, li r-riskju li hija kellha taffaċċja huwa inaċċettabbli. Barra minn hekk, jiena nifhem il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata. |
3. Konklużjoni intermedjarja
|
71. |
L-oġġezzjonijiet formali li jikkonċernaw it-trattament mill-Qorti Ġenerali tal-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament kontenzjuż għalhekk ma humiex fondati. |
C. Oġġezzjonijiet fuq il-mertu kontra r-Regolament kontenzjuż
|
72. |
It-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tielet aggravju jirrigwardaw oġġezzjonijiet dwar il-mertu kontra r-Regolament kontenzjuż. Dawn jirrigwardaw, essenzjalment, l-ewwel stadju tal-eżami ta’ proporzjonalità li l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH jeħtieġ, jiġifieri l-evalwazzjoni tar-riskju. Madankollu, dawn huma bbażati fuq rekwiżiti legali eċċessivi kif ukoll fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u tar-Regolament kontenzjuż. |
1. It-tieni parti tal-ewwel aggravju – Limitu tar-riskju inaċċettabbli
|
73. |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli aċċettat b’mod żbaljat, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, jew l-osservazzjonijiet ifformulati matul il-proċedura prekontenzjuża, ma ddefinixxewx limitu kritiku ta’ probabbiltà ta’ effetti negattivi mhux aċċettabbli għas-soċjetà. Fi kliem ieħor: il-Kummissjoni naqset milli tiffissa l-limitu bejn riskju aċċettabbli u riskju inaċċettabbli. |
|
74. |
Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħmel konstatazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
75. |
Peress li r-riskji tas-sustanzi kontenzjużi huma bbażati fuq il-proprjetajiet PBT/vPvB tagħhom, mill-punt 4.0.1 tal-Anness I tar-Regolament REACH jirriżulta li ebda riskju aċċettabbli ma għandu jiġi ddefinit, kif tesponi l-Qorti Ġenerali fil-punti 190, 191 u 202 tas-sentenza appellata. |
|
76. |
Il-punt 4.0.1 tal-Anness I tar-Regolament REACH jispeċifika li l-identifikazzjoni tal-effetti ta’ ħsara fuq il-bniedem u fuq l-ambjent u l-istima tal-espożizzjoni fit-tul għas-sustanzi PBT/vPvB ma jistgħux jitwettqu b’affidabbiltà suffiċjenti. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sigurtà kimika u tar-rapport dwar is-sigurtà kimika, huwa għalhekk biss fir-rigward tal-kriterji tal-Anness XIII li l-kwistjoni dwar jekk humiex sustanzi PBT/vPvB hija eżaminata u r-rilaxx ta’ dawn is-sustanzi għandu sussegwentement jiġi deskritt. |
|
77. |
Il-motiv ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li tali sustanzi jistgħu jakkumulaw. Għaldaqstant, lanqas ma huwa possibbli li d-determinazzjoni ta’ riskju aċċettabbli għas-sustanzi PBT/vPvB tiġi bbażata fuq ċerti valuri limitu ta’ rilaxx. |
|
78. |
Sa fejn l-appellanti jopponu dan il-metodu ta’ organizzazzjoni xjentifika sabiex jiġu ddeterminati kwantitattivament ir-riskji marbuta mas-sustanzi PBT/vPvP, dan il-metodu jista’ jkun xjentifikament aċċettabbli. Madankollu, dan ma għandu l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament REACH. Dawn jirriflettu l-fatt li r-riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ dawn is-sustanzi jipprojbixxi d-determinazzjoni ta’ kwantità li tista’ tiġi rrilaxxata mingħajr perikolu. |
|
79. |
L-appellanti u l-ACC jibbażaw ukoll l-obbligu li jiddefinixxu riskju aċċettabbli fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Pfizer, li skontha miżuri kawtelatorji jippreżupponu li jiġi ddeterminat il-livell ta’ protezzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xieraq għas-soċjetà. Konformement ma’ dan il-livell ta’ protezzjoni, dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk jiddeterminaw il-livell ta’ riskju li jidhrilhom li ma għadux aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, f’każ ta’ qbiż, jeħtieġ miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika li tibqa’. F’dan ir-rigward, il-livell ta’ riskju huwa l-limitu kritiku tal-probabbiltà ta’ effetti negattivi u tas-severità ta’ dawn l-effetti potenzjali ( 20 ). |
|
80. |
Madankollu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Toolex, li dak iż-żmien kienet iċċitata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Pfizer, diġà wriet li ma huwiex meħtieġ preċiżament f’kull każ li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-limitu bejn ir-riskji aċċettabbli u inaċċettabbli. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet li, fid-dawl tad-diffikultajiet sabiex jiġi ddeterminat il-limitu kritiku ta’ perikolu serju, projbizzjoni fil-prinċipju tal-użu tas-sustanza inkwistjoni kienet iġġustifikata ( 21 ). |
|
81. |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirriżulta biss li miżuri kawtelatorji jeħtieġu, l-ewwel, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi u, it-tieni nett, evalwazzjoni globali ta’ dan ir-riskju abbażi tad-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli u tar-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali ( 22 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġx li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-limitu tar-riskju li għadu aċċettabbli. |
|
82. |
Dan huwa loġiku, peress li dan il-limitu spiss jagħmel parti mill-inċertezza xjentifika li l-miżuri kawtelatorji jridu jiffaċċjaw. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm diversi sustanzi li jippreżentaw riskji identiċi iżda li jkollhom benefiċċji ta’ piż differenti. F’każijiet bħal dawn, jista’ jitqies li l-istess riskju huwa aċċettabbli għal sustanza vantaġġuża ħafna, meta dan ma jkunx għal sustanza inqas vantaġġuża. |
|
83. |
Għaldaqstant, anki minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddelimita bi preċiżjoni sa fejn ir-riskju ta’ rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi seta’ jkun aċċettabbli. |
|
84. |
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija wkoll infondata. |
2. It-tielet aggravju – Emissjonijiet sabiex jiġi indikat ir-riskju
|
85. |
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti u l-ACC jikkontestaw, b’mod partikolari, il-punt 196 tas-sentenza appellata. Dan huwa l-fatt li r-Renju Unit, fid-dossier tiegħu stabbilit skont l-Anness XV, u l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji kkonkludew li r-riskji assoċjati mas-sustanzi kontenzjużi ma setgħux jiġu kkwantifikati b’mod affidabbli, iżda li l-emissjonijiet tagħhom setgħu jitqiesu bħala indikattivi ta’ riskju. Il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jpoġġi f’dubju r-Regolament kontenzjuż. |
|
86. |
Min-naħa l-oħra, l-appellanti u l-ACC iqisu li l-Artikolu 68(1) tar-Regolament REACH, moqri flimkien mal-Annessi XV u I ta’ dan ir-regolament, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat bħala riskju inaċċettabbli kwalunkwe rilaxx ta’ sustanzi PBT/vPvB. Ikun kuntrarju għall-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali li tibbaża miżuri kawtelatorji fuq l-esklużjoni ta’ kull riskju (“riskju żero”) ( 23 ). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskji, ma huwiex biżżejjed li jiġi identifikat riskju, iżda l-awtoritajiet politikament responsabbli għandhom, fit-tieni lok, jiddeterminaw liema huwa l-livell ta’ protezzjoni li għandu jintlaħaq, jiġifieri liema riskju għadu aċċettabbli. |
a) Il-livell ta’ protezzjoni
|
87. |
Fir-rigward tal-argument dwar l-iffissar tal-livell ta’ protezzjoni, għandu jsir riferiment għall-eżami tat-tieni parti tal-ewwel aggravju li għadu kif ġie espost. Skont din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju f’kull każ li jiġi stabbilit il-limitu bejn ir-riskji aċċettabbli u inaċċettabbli. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra riskju partikolari bħala inaċċettabbli mingħajr ma tiddetermina sa fejn ir-rilaxx tas-sustanza inkwistjoni jikkostitwixxi riskju aċċettabbli. |
b) Ir-rilaxx bħala indikazzjoni ta’ riskju
|
88. |
Madankollu, huwa minnu li l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji u d-dossier ippreżentat mir-Renju Unit skont l-Anness XV tar-Regolament REACH jagħtu l-impressjoni, f’eżami superfiċjali, li r-restrizzjoni hija esklużivament ibbażata fuq il-ħtieġa li jiġi evitat ir-rilaxx tas-sustanzi PBT/vPvB. |
|
89. |
Madankollu, ir-Regolament REACH ma jeżiġix li jiġi prekluż kull rilaxx ta’ tali sustanzi. B’mod partikolari, il-punt 6.5. tal-Anness I jipprevedi li l-manifatturi u l-importaturi tas-sustanzi PBT/vPvB għandhom jieħdu miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji li għandhom l-għan biss li jimminimizzaw ir-rilaxx, iżda li ma għandhomx jipprevenuh. |
|
90. |
Barra minn hekk, huwa konċepibbli li l-vantaġġi ta’ ċerti użi ta’ sustanzi PBT/vPvP ikunu tant importanti li jegħlbu b’mod ċar ir-riskji ta’ rilaxx u li restrizzjoni għalhekk ma tkunx iġġustifikata. Dan huwa partikolarment mistenni jekk is-sustanzi riskjużi ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti b’sustanzi inqas riskjużi f’każ ta’ użu sinjifikattiv. |
|
91. |
Madankollu, l-argument tal-appellanti fuq dan il-punt jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata u tar-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, il-kontenut normattiv tar-Regolament kontenzjuż u r-rikostituzzjoni tal-motivazzjoni tiegħu esposta iktar ’il fuq juru li dan ma huwiex ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kull rilaxx ta’ sustanzi PBT/vPvP jeħtieġ restrizzjoni. Għall-kuntrarju, ir-restrizzjoni hija mmotivata mill-fatt li l-għan tar-restrizzjoni huwa li jiġi prekluż ir-rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi fl-ambjent akwatiku minħabba l-użu tagħhom f’kożmetiċi li jitlaħalħu bl-ilma. Huwa dan il-fatt ukoll li l-Qorti Ġenerali bbażat fil-punti 194 u 195 tas-sentenza appellata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti u mill-ACC. |
c) “Riskju żero”
|
92. |
Konsegwentement, l-argument tal-appellanti u tal-ACC li l-Kummissjoni tixtieq teskludi kull riskju jew teżiġi l-prova tal-assenza ta’ riskju huwa wkoll ineffettiv. Għall-kuntrarju, ir-Regolament kontenzjuż jindirizza l-eżistenza ta’ riskju speċifiku, jiġifieri dak tar-rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi fl-ambjent akwatiku. |
|
93. |
Barra minn hekk, ir-riferiment għall-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali dwar ir-riskju żero huwa bbażat ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata. Skont il-Qorti Ġenerali, miżura preventiva jew, għall-kuntrarju, l-irtirar jew il-flessibbiltà tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għall-prova tal-assenza ta’ kull riskju. Tali prova ġeneralment ma tistax tingħata minn perspettiva xjentifika, peress li fil-prattika ma hemm l-ebda “riskju żero” ( 24 ). |
|
94. |
Madankollu, kuntrarjament għall-fehma tal-appellanti u tal-ACC, dan ma jfissirx li l-esklużjoni totali ta’ riskju partikolari hija illegali. Dan huwa pjuttost li riskju ma jistax jiġġustifika miżuri preventivi għas-sempliċi raġuni li ma ġiex kompletament eskluż xjentifikament. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tenfasizza regolarment li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-evalwazzjoni tar-riskji ma tistax tkun immotivata minn kunsiderazzjonijiet purament ipotetiċi ( 25 ). Dawn jikkostitwixxu sempliċi suppożizzjonijiet li xjentifikament ikunu għadhom ma ġewx ivverifikati ( 26 ). B’kuntrast ma’ dan, tħassib fuq bażi xjentifika jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-prinċipju anki jekk l-inċertezza xjentifika tippersisti ( 27 ). |
|
95. |
Madankollu, ir-riskju ta’ akkumulazzjoni tas-sustanzi PBT/vPvB ma huwiex ipotetiku, iżda xjentifikament rikonoxxut. |
|
96. |
Minn dan isegwi li anki t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud. |
3. Konklużjoni intermedjarja
|
97. |
Għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet ifformulati fil-mertu mill-appellanti u minn ACC lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. |
D. Punti finali – In-natura inaċċettabbli tar-riskju
|
98. |
L-oġġezzjonijiet eżaminati sa issa huma bbażati fuq il-konvinzjoni tal-appellanti u tal-ACC li l-Qorti Ġenerali aċċettat b’mod żbaljat, b’mod partikolari fil-punti 204 u 205 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, abbażi tal-proċedura prekontenzjuża, ikkonkludiet li l-użu ta’ kożmetiċi li jistgħu jitlaħalħu bl-ilma għandhom riskju inaċċettabbli ta’ rilaxx tas-sustanzi kontenzjużi fl-ambjent akwatiku. |
|
99. |
Madankollu, din il-konvinzjoni hija dovuta għall-fatt li l-appellanti u l-ACC jieħdu inkunsiderazzjoni biss ċerti punti tal-motivazzjoni tar-Regolament kontenzjuż, filwaqt li jinjoraw il-kuntest globali. |
|
100. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ġdid li r-Regolament kontenzjuż jikkonċerna biss riskju speċifiku marbut mal-użu tas-sustanzi kontenzjużi, jiġifieri dak tar-rilaxx fl-ambjent akwatiku. |
|
101. |
Min-naħa l-oħra, l-użi li ma humiex marbuta ma’ rilaxx ma kinux is-suġġett tal-proċedura. L-użu fil-prodotti kożmetiċi li ma humiex intiżi li jitlaħalħu bl-ilma fi żmien qasir, minkejja li ġie diskuss, ma huwiex kopert mir-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, fl-istat attwali tal-għarfien, dan l-użu jwassal essenzjalment għal rilaxx fl-arja u sa ċertu punt rilaxx fl-ambjent akwatiku. |
|
102. |
Kif jista’ jiġi dedott mill-premessa 9 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni qieset li fir-rilaxx fl-ilma akwatiku dan kien “is-sors ewlieni tar-riskji ambjentali” u għalhekk impliċitament qieset dawn ir-riskji bħala inaċċettabbli. Ir-raġuni għal din l-evalwazzjoni hija li s-sustanzi kontenzjużi jistgħu jakkumulaw fl-ambjent meta jiġu rrilaxxati fl-ambjent akwatiku, li hija r-raġuni għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala bijoakkumulattivi ħafna. |
|
103. |
Din il-klassifikazzjoni bħala bijoakkumulattiva ħafna hija kkontestata mill-appellanti u minn ACC fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames aggravju. Għar-raġunijiet li ser nesponi fil-konklużjonijiet tiegħi tal‑20 ta’ April 2023 fil-Kawża C‑559/21 P, Global Silicones Council vs ECHA, nikkunsidra li dawn l-aggravji huma infondati. |
|
104. |
Madankollu, mill-perspettiva, il-kwistjoni hija dwar jekk l-evalwazzjoni li r-riskju ta’ akkumulazzjoni fl-ambjent huwa inaċċettabbli hijiex ibbażata fuq żball manifest. Peress li l-appellanti ma jressqux oġġezzjonijiet konkreti f’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkru biss żewġ punti. |
|
105. |
L-ewwel, fl-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jistħarrġu biss fuq żbalji manifesti ( 28 ). |
|
106. |
U t-tieni, il-proporzjonalità tal-miżura kienet is-suġġett ta’ analiżi fil-fond matul il-proċedura prekontenzjuża. B’mod partikolari, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika kkonstata li l-vantaġġi tal-projbizzjoni jegħlbu ħafna l-iżvantaġġi tagħha ( 29 ), mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-appellanti jew minn ACC. |
|
107. |
Għalhekk ma hemm l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, jekk l-appell jiġi interpretat bħala li jinkludi l-kritika possibbli msemmija f’din it-taqsima, l-appell għandu wkoll jiġi miċħud. |
V. Spejjeż
|
108. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
109. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli dwar il-Proċedura, li japplika għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
110. |
Peress li l-appellanti tilfu permezz tal-aggravji tagħhom u peress li l-Kummissjoni talbet li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, hemm lok li l-appellanti jiġu mitluba jħallsu l-ispejjeż. |
|
111. |
Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jiġi deċiż li l-Ġermanja u l-ECHA, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom ( 30 ). |
|
112. |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, iżda jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Peress li ACC ipparteċipat fil-proċedura u peress li tilfet fit-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha ( 31 ). |
VI. Konklużjoni
|
113. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2007, L 136, p. 3, fil-ĠU 2008, L 141, p. 22 u fil-ĠU 2009, L 36, p. 814); il-verżjoni rilevanti hija dik tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1510, tat‑30 ta’ Awwissu 2017 (ĠU 2017, Vol 224, p. 110).
( 3 ) Premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 253/2011, tal‑15 ta’ Marzu 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fir-rigward tal-Anness XIII (ĠU 2011, L 69, p. 7).
( 4 ) ECHA, Guidance on Information Requirements and Chemical Safety Assessment, PBT Assessment (Chapter R.11) (28/06/2017), p. 11.
( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/35 tal-10 ta’ Jannar 2018 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-ottametilċiklotetrasilossan (“D4”) u tad-dekametilċiklopentasilossan (“D5”) (ĠU 2018, L 6, p. 45).
( 6 ) Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/831 tat‑22 ta’ Mejju 2019 li jemenda l-Annessi II, III u V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2019, L 137, p. 29), ġie totalment ipprojbit l-użu ta’ D4 fil-kożmetiċi.
( 7 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et (C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 49), tas‑26 ta’ Settembru 2018, Van Gennip et (C‑137/17, EU:C:2018:771, punt 64), u tas‑26 ta’ April 2022, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Uploadfilter) (C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 83).
( 8 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86), u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 41).
( 9 ) Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 155).
( 10 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe) (C‑425/08, EU:C:2009:635, punt 47), u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine (C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60), kif ukoll b’mod partikolari dwar ir-Regolament REACH id-Digrieti tas‑27 ta’ Marzu 2014, Polyelectrolyte Producers Group vs Il-Kummissjoni (C‑199/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:205, punt 26), tat‑22 ta’ Mejju 2014, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA (C‑287/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:599, punt 19), u tal‑4 ta’ Settembru 2014, Rütgers Germany et vs ECHA (C‑290/13 P, mhux ippublikat, EU:C:2014:2174, punt 25).
( 11 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), u tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 56).
( 12 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 1984, Interfacultair Instituut Electronenmicroscopie der Rijksuniversiteit te Groningen (185/83, EU:C:1984:331, punt 39), tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 109), 109), u tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB (C‑202/21 P, EU:C:2022:734, punt 193).
( 13 ) Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal‑10 ta’ Marzu 2016 (ECHA/RAC/RES-O-0000001412–86–97/D, p. 6).
( 14 ) Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal‑10 ta’ Marzu 2016 (ECHA/RAC/RES-O-0000001412–86–97/D, p. 19).
( 15 ) Anness XV Restriction report ta’ Ġunju 2015 (p. 16 et seq.).
( 16 ) Anness XV Restriction report ta’ Ġunju 2015 (p. 20).
( 17 ) Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal‑10 ta’ Marzu 2016 (ECHA/RAC/RES-O-0000001412–86–97/D, p. 6).
( 18 ) Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal‑10 ta’ Marzu 2016 (ECHA/RAC/RES-O-0000001412–86–97/D, p. 9 u 10).
( 19 ) Opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal‑10 ta’ Marzu 2016 (ECHA/RAC/RES-O-0000001412–86–97/D, p. 26).
( 20 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill (T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 151).
( 21 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2000, Toolex (C‑473/98, EU:C:2000:379, punt 45).
( 22 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92), u tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et (C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 46).
( 23 ) L-appellanti jinvokaw b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill (T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 145 u 152), u tas‑17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni (T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 116).
( 24 ) B’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni (T‑429/13 u T‑451/13, EU:T:2018:280, punt 116).
( 25 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 106), tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 91), u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 60). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill (T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 145).
( 26 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 106), tat‑8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punt 77), u tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et (C‑111/16, EU:C:2017:676, punt 51).
( 27 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punti 78 u 79).
( 28 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 38.
( 29 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 69.
( 30 ) Fir-rigward tal-Ġermanja, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, PlasticsEurope vs ECHA (C‑119/21 P, EU:C:2023:180, punt 155) u dwar l-ECHA s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, VECCO et vs Il-Kummissjoni (C‑651/15 P, EU:C:2017:543, punt 50).
( 31 ) Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punti 182 u 183).