27.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 182/2014

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li jemenda l-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi kriterji ta’ eliġibilità speċifiċi għall-għoti ta’ preferenzi tariffarji skont l-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SPĠ+) lil pajjiż rikjedenti. Għal dan l-għan, il-pajjiż għandu jitqies bħala vulnerabbli. Huwa għandu jkun irratifika l-konvenzjonijiet kollha elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament SPĠ u l-konklużjonijiet disponibbli l-aktar riċenti tal-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti ma jidentifikawx nuqqas serju biex jimplimentaw b’mod effettiv kull waħda minn dawn il-konvenzjonijiet. Fir-rigward ta’ kwalunkwe konvenzjoni, il-pajjiż ma kellux jifformula riżerva pprojbita minn din il-konvenzjoni jew li, għall-finijiet esklussivi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, titqies inkompatibbli mal-għan u l-fini ta’ din il-konvenzjoni. Għandu jaċċetta mingħajr riżerva l-obbligi ta’ rapportar imposti minn kull konvenzjoni u jagħti l-impenji vinkolanti msemmijin fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

(2)

Pajjiż benefiċjarju tal-SPĠ li jixtieq jibbenefika mill-SPĠ+ għandu jissottometti talba flimkien ma’ informazzjoni komprensiva li tikkonċerna r-ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti, ir-riżervi tiegħu u l-oġġezzjonijiet għal dawn ir-riżervi magħmula minn partijiet oħra għall-konvenzjoni, u l-impenji obbligatorji tiegħu.

(3)

Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE biex tistabbilixxi u temenda l-Anness III biex jingħata l-SPĠ+ lil pajjiż rikjedenti billi jiżdied mal-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-SPĠ+.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet talba mir-Repubblika ta’ El Salvador, ir-Repubblika tal-Gwatemala u r-Repubblika tal-Panama.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, u stabbiliet li dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità. Għalhekk għandhom jingħataw l-SPĠ+ mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 978/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-Kummissjoni se tħalli taħt rieżami l-istatus ta’ ratifika tal-konvenzjonijiet rilevanti u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom mal-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti, skont l-Artikolu 13,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-pajjiżi li ġejjin u l-kodiċi alfabetiċi korrispondenti huma mdaħħla taħt kolonni B u A, rispettivament, tal-Anness III għar-Regolament (UE) Nru 978/2012:

“El Salvador

SV

Il-Gwatemala

GT

Il-Panama

PA”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.