Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Kroazja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Kroazja tal-2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Kroazja ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019, is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Kroazja lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa tal-2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi marbuta ma’ livelli għolja ta’ dejn pubbliku, privat u estern f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx.
(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-ktajjen ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjti tagħhom u n-negozji tal-kumpaniji. Wasslet għal xokk ekonomiku mill-akbar li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.
(4)Diversi Stati Membri ħabbru stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, limitata fiż-żmien u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.
(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qasmet il-ħsieb tagħha mal-Kunsill li, minħabba tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu li l-Kummissjoni u l-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika neċessarji fil-qafas tal-Patt.
(6)Tenħtieġ azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol bil-ħsieb li jkun hemm rilanċ tal-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.
(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li joffri s-suq uniku li jadatta għal sitwazzjoniijiet differenti ħafna mis-soltu. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, iridu jitneħħew miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu l-funzjonament normali tas-suq uniku hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari titjib fl-istrateġiji tax-xiri, diversifikazzjoni fil-ktajjen tal-provvista u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet akbar ta’ tħejjija għall-kriżijiet.
(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti li jippermettu lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex ikunu jistgħu jittrattaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Biex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Kroazja hija mħeġġa tuża bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.
(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija aktarx se jkunu pjuttost kbar u ma jitqassmux b’mod uniformi fit-territorji Kroati minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Ir-reġjuni kostali u l-gżejjer li jiddependu ħafna mit-turiżmu se jkunu affettwati b’mod partikolari. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni attwali titlob rispons ta’ poltika mfassal apposta.
(10)Fit-30 ta’ April 2020, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(11)Bħalissa l-Kroazja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.
(12)Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 6,8 % tal-PDG fl-2020 u jitjieb għal defiċit ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2021. Wara li fl-2019 il-PDG naqas għal 73,2 %, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jiżdied għal 86,7 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn ħafna inċertezza minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Kroazja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u lis-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programmi ta’ Konverġenza tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji jammontaw għal 2,8 % tal-PDG. Iż-żewġ miżuri ewlenin huma s-sussidju mħallas lin-negozji biex iżommu l-impjegati u l-eżenzjonijiet mit-taxxa mogħtija lin-negozji l-aktar milquta. Barra minn hekk, il-Kroazja adottat miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-likwidità għan-negozji, li l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 jistma għal 1,3 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu d-differimenti tat-taxxa għat-taxxi korporattivi u fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali. Kumplessivament, il-miżuri li ħadet il-Kroazja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwiti minn iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jintlaħqu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se jikkontribwixxu biex is-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fit-terminu medju.
(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Kroazja huwa mbassar li jkun -7,1 % tal-PDG fl-2020 u -2,2 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għandu jilħaq 88,6 % tal-PDG fl-2020 u jimmodera ruħu għal 83,4 % fl-2021.
(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat mill-Kroazja tat-3 % tal-limitu tad-defiċit tal-PDG fl-2020. Kumplessivament, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) 1467/1997 ma ġiex issodisfat.
(16)B’reazzjoni għall-pandemija, il-Kroazja malajr ħadet miżuri estensivi biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u trażżan il-firxa tal-virus. Il-pandemija (u l-miżuri ta’ konteniment assoċjati) wasslu għal tfixkil serju fl-attività tan-negozju, u kellha effetti negattivi fuq is-suq tax-xogħol. Il-PDG reali huwa stmat li jonqos b’9,1 % fl-2020 u jirkupra b’7,5 % fl-2021, filwaqt li r-rata tal-qgħad hija mbassra li tiżdied għal 10,2 % fl-2020 u titjieb għal 7,4 % fl-2021, skont it-tbassir tal-Kummissjoni. Is-settur tat-turiżmu, li jirrappreżenta sehem sinifikanti ħafna tal-ekonomija Kroata, se jintlaqat bil-kbir. Fl-istess ħin, il-Kroazja kellha tindirizza wkoll l-effetti ta’ terremot qawwi f’Zagreb fit-22 ta’ Marzu 2020. Biex jittaffa l-impatt negattiv fuq l-ekonomija, il-Kroazja wettqet sensiela ta’ miżuri ambizzjużi, fosthom miżuri ta’ appoġġ għall-pagi, eżenzjonijiet u differimenti ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, appoġġ għall-SMEs, garanziji addizzjonali għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni u moratorji fuq il-pagamenti ta’ self, u miżuri speċifiċi għat-turiżmu u setturi oħra affettwati ħafna.
(17)It-tifqigħa tal-COVID-19 hija test tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa tal-Kroazja. Għalkemm l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa ġeneralment tajjeb fil-Kroazja, il-ħtiġijiet mediċi li ma ġewx issodisfati minħabba d-distanza huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Distribuzzjoni ġeografika aktar ibbilanċjata tal-ħaddiema tas-saħħa u l-faċilitajiet tas-saħħa tippermetti aċċess aktar faċli għas-servizzi tas-saħħa. Id-diviżjoni tar-responsabbiltà għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fil-Kroazja bejn il-Gvern ċentrali u l-awtoritajiet tal-kontej tħalli lok għal titjib. Il-Gvern ċentrali jrid ikopri d-djun tal-isptarijiet li huma sjieda tal-kontej iżda għandu mezzi limitati biex jinfluwenza kif jiġu ġestiti. Huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Gvern ċentrali u l-kontej biex jiġi żgurat il-forniment tal-prodotti mediċi kritiċi u biex ikunu jistgħu jittieħdu passi biex tiġi limitata l-firxa tal-COVID-19. L-użu ta’ għodod tas-saħħa elettronika jippermetti li jkun hemm kuntatt dirett bejn il-ħaddiema tas-saħħa u li jonqsu l-pazjenti, u jonqos ukoll ir-riskju tal-infezzjonijiet. L-użu tal-preskrizzjonijiet elettroniċi huwa mifrux, iżda proporzjon baxx ħafna tar-riferimenti u tar-rekords tas-saħħa huma diġitali.
(18)Minħabba tnaqqis fl-attività ekonomika, l-impjegaturi qed isibu diffikultà biex iħallsu l-pagi, u dan huwa mistenni li jirriżulta f’żieda fil-livelli tal-qgħad u tal-faqar, u saħansitra jinħassu aktar l-inugwaljanzi territorjali. Tradizzjonalment, il-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol kienet baxxa ħafna, iżda fiċ-ċirkustanzi attwali dawn il-programmi qed isiru aktar prominenti. Sabiex jingħata sostenn lill-impjegaturi u jiġi minimizzat l-għadd ta’ sensji, jenħtieġ li jittejbu dawn il-miżuri, kif ukoll skemi oħra ta’ sostenn marbuta biż-żmien, b’mod partikolari l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet aqsar. Fit-terminu qasir, dawn jippreservaw l-impjiegi, iżda anki fit-terminu medju, hemm lok biex tittejjeb l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol matul il-fażi ta’ rkupru. Jenħtieġ li s-servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Kroazja jżid l-isforzi tiegħu biex jappoġġa l-forza tax-xogħol fl-iżvilupp tal-ħtiġijiet xierqa (pereżempju l-ħiliet diġitali), jiżviluppa l-istrateġiji ta’ sensibilizzazzjoni lejn il-popolazzjoni inattiva u jiġġieled kontra x-xogħol mhux iddikjarat. Il-benefiċċju tal-qgħad ma jipprovdix xibka ta’ sikurezza għall-ħaddiema mogħtija s-sensja, billi kemm il-kopertura kif ukoll l-adegwatezza huma baxxi. Il-kapaċità tat-tnaqqis tal-faqar tal-benefiċċju tal-introjtu minimu wkoll ġiet evalwata bħala dgħajfa, f’kuntest tar-rati għoljin tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi territorjali u l-fatturi ta’ riskju relatati mal-età, mal-ġeneru u mad-diżabbiltà.
(19)L-affidabbiltà tal-konnettività tal-internet toħloq tħassib. L-unitajiet domestiċi fil-Kroazja ma għandhomx aċċess għal internet b’veloċità għolja fid-dar. Madwar 70 % tal-unitajiet domestiċi għandhom użu tal-broadband fiss, u 6 % biss għandhom mill-inqas użu tal-broadband fiss ta’ 100Mbps. Speċjalment fiż-żoni rurali, dan jista’ jipprevjeni t-telexogħol u t-tagħlim mill-bogħod, b’mod partikolari fost il-gruppi vulnerabbli, bħal studenti minn familji żvantaġġati jew dawk b’diżabbiltà. Hemm riskju li dawn il-gruppi jiġu esklużi bil-bidla għal għarrieda għal soċjetà aktar diġitalizzata. Jenħtieġ li jittejbu l-arranġamenti ta’ ħidma alternattiva li jużaw it-teknoloġija diġitali, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, billi s-sehem tal-ħaddiema li jużaw it-telexogħol (minn 6 sa 7 %) huwa nofs il-medja tal-UE.
(20)In-nuqqas ta’ ħaddiema kontinwament affettwa xi setturi tal-ekonomija, l-aktar minħabba li hemm diskrepanza fil-ħiliet. Il-promozzjoni tal-akkwist ta’ ħiliet adegwati, inkluż ħiliet diġitali, matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u aktar tard permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, tista’ żżid il-produttività u tindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet. Il-kwalità u l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ trid titjieb fil-livelli kollha, u r-riforma kurrikulari trid tkompli. L-introduzzjoni tal-edukazzjoni diġitali diġà wriet il-valur tagħha f’din il-kriżi; jenħtieġ li l-infrastruttura u l-materjal għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali u tal-ħiliet diġitali tal-għalliema, tal-istudenti u tal-adulti jkunu żvilppati aktar.
(21)Jenħtieġ li l-Kroazja tappoġġa l-fluss kontinwu ta’ kreditu u ta’ finanzjament ieħor, inkluż il-finanzjament mhux bankarju, għall-mutwatarji vijabbli li huma affettwati b’mod negattiv mill-kriżi. Il-Kroazja adottat għadd ta’ skemi ta’ stimolu u ta’ appoġġ għall-impriżi żgħar u medji (SMEs). Jenħtieġ li l-isforzi jkomplu jipprovdu appoġġ rapidu u kontinwu ta’ likwidità lin-negozji permezz ta’ self u garanziji, b’mod partikolari garanziji tal-Gvern, b’enfasi fuq l-SMEs, biex jegħlbu l-kriżi u titwitta t-triq lejn l-irkupru. In-negozji fil-Kroazja jiddependu ħafna fuq il-finanzjament bankarju u l-fluss tal-flus biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom. Jenħtieġ li s-sistema bankarja tiġi appoġġata b’garanziji sabiex tinfetaħ għal finanzjamenti ġodda għall-SMEs u ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Il-likwidità tan-negozji tjiebet ukoll bis-saħħa tal-eżenzjonijiet u l-possibbiltà ta’ pagamenti differiti tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali.
(22)Kien hemm sforz imġedded biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u r-restrizzjonijiet regolatorji. Madankollu, l-operazzjoni tan-negozji b’mod ġenerali għadha qed tinżamm lura bil-piż regolatorju u amministrattiv li għadu għoli, pereżempju fir-rigward tal-permessi, ir-rekwiżiti tar-rappurtar u l-proċeduri tat-taxxa. L-identifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi u finanzjarji qed timxi ’l quddiem permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u permezz ta’ sit web apposta, u qed jiġu introdotti miżuri biex jitnaqqsu l-obbligi li fihom l-aktar piż. L-iżgurar ta’ aċċess bla xkiel għall-professjonijiet u l-eżerċizzju tagħhom, permezz ta’ simplifikazzjoni tal-oqfsa regolatorji tagħhom u proċeduri amministrattivi relatati, ukoll huwa ta’ importanza kruċjali, speċjalment għall-SMEs u għall-mikroimpriżi, inklużi l-prattikanti waħidhom. Sar rieżami tal-imposti parafiskali u f’Mejju 2020 il-Gvern adotta l-ewwel pjan ta’ azzjoni.
(23)Biex jiġi mbuttat l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati fil-bidu tal-perjodu tagħhom, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Jenħtieġ li l-Kroazja tippromwovi l-investiment fis-setturi li jtejbu t-tkabbir u tikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Infrastruttura diġitali moderna u b’saħħitha hija kruċjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika u tan-negozji. Fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali, l-investimenti f’networks b’kapaċità għolja ħafna, inkluż il-5G, huwa prerekwiżit. Jenħtieġ li l-investiment jappoġġa l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni u tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Kroazja li huma deskritti fil-Pjan Nazzjonali tal-Kroazja għall-Enerġija u l-Klima. Hemm lok u opportunità partikolari biex il-Kroazja tinvesti fi trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, effiċjenza enerġetika, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura ambjentali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-immaniġġar tal-ilma u tal-iskart, il-Kroazja għadha lura ħafna mill-medja tal-UE u l-investiment huwa meħtieġ biex isostni l-iżvilupp ekonomiku tal-Kroazja. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Kroazja tittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lill-Kroazja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.
(24)L-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika fil-Kroazja tinsab taħt il-medja tal-UE. Il-kapaċità baxxa tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proġetti tfixkel l-effettività u l-veloċità, kif deher matul il-kriżi fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, li għall-Kroazja jippreżentaw opportunità kbira biex itaffu l-konsegwenzi tal-kriżi u jappoġġaw l-irkupru tal-ekonomija. L-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-ippjanar strateġiku, flimkien mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp li tħabbret, mhijiex miexja ’l quddiem. Barra minn hekk, hemm frammentazzjoni territorjali kbira tal-amministrazzjoni pubblika u żbilanċ bejn ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi fil-livell lokali. Dan jikkontribwixxi għal kwalità mhux uniformi tas-servizzi pubbliċi pprovduti fil-pajjiż u tgħolli l-ispejjeż amministrattivi.
(25)L-għadd sostanzjali ta’ kawżi pendenti u proċeduri twal fil-qrati ċivili u kummerċjali għadhom jaffettwaw l-ambjent tan-negozju u r-riżoluzzjoni effettiva tal-insolvenzi, filwaqt li l-isfidi għall-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja kriminali jfixklu l-ġlieda kontra r-reati ekonomiċi u finanzjarji. Sar progress fir-riżoluzzjoni tal-aktar kawżi antiki pendenti fil-qorti u fl-użu tal-komunikazzjoni elettronika fil-qrati, iżda għad hemm lok għal titjib.
(26)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu trattati l-isfidi strutturali fuq perjodu medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu ssorveljati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Jenħtieġ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.
(27)Is-settur finanzjarju tal-Kroazja huwa kapitalizzat sew u qiegħed jagħmel profitt, filwaqt li l-kwalità tal-assi fis-settur bankarju tjieb matul dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-istituzzjonijiet finanzjarji aktarx se jħabbtu wiċċhom ma’ xi stress minħabba l-esponimenti tagħhom għal setturi li huma l-aktar vulnerabbli għat-tifqigħa tal-COVID-19. Ġew introdotti miżuri biex itaffu l-impatt negattiv tal-miżuri ta’ konteniment fuq in-negozji. Huwa kruċjali li dawn il-miżuri jkunu temporanji, strettament marbuta mat-tifqigħa u adegwati biex jgħinu lin-negozji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji jirritornaw għall-vijabbiltà. Dan l-approċċċ se jappoġġa lin-negozji mingħajr ma jimmina l-progress li għamlet il-Kroazja biex ittejjeb l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tagħha.
(28)L-isforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-qafas li jipprevjeni u jissanzjona l-korruzzjoni huma kruċjali biex jiġi żgurat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 u biex tinkiseb allokazzjoni u distribuzzjoni tal-fondi u tar-riżorsi effiċjenti, responsabbli u trasparenti. Minkejja l-implimentazzjoni parzjali ta’ diversi Pjanijiet ta’ Azzjoni, il-kwistjonijiet ta’ korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess għadhom mifruxa għan-negozji. Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jissaħħaħ il-qafas li jipprevjeni u jissanzjona l-korruzzjoni biex jiġi żgurat l-użu trasparenti u effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Jenħtieġu għodod aktar effettivi li jipprevjenu u jissanzjonaw il-korruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Il-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza għall-uffiċjali lokali u l-persuni maħtura għall-kumpaniji pubbliċi lokali għadha preżenti, l-istess bħall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni dwar il-Kunflitti ta’ Interess tista’ twettaq ir-rwol essenzjali tagħha ta’ prevenzjoni. L-inizjattivi biex tiżdied it-trasparenza, bħall-pubblikazzjoni tal-assi tal-imħallfin u tal-prosekuturi, huma mistennija li jibdew fl-2020.
(29)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Kroazja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.
(30)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Ivvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kroazja fis-snin preċedenti. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(31)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(32)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet iqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4).
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:
1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Tippromwovi distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-ħaddiema u l-faċilitajiet tas-saħħa, kooperazzjoni aktar mil-qrib bejn il-livelli kollha tal-amministrazzjoni u l-investimenti fis-saħħa elettronika.
2.Issaħħaħ il-miżuri tas-suq tax-xogħol u l-istituzzjonijiet u ttejjeb l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad u l-iskemi ta’ introjtu minimu. Iżżid l-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Tippromwovi l-akkwist ta’ ħiliet.
3.Iżżomm miżuri li jipprovdu likwidità lill-impriżi żgħar u medji u lill-ħaddiema għal rashom. Tkompli tnaqqas l-imposti parafiskali u r-restrizzjonijiet fir-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti u s-servizzi. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura ambjentali, trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija u l-broadband b’veloċità għolja.
4.Issaħħaħ il-kapaċità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika biex tfassal u timplimenta proġetti pubbliċi u politiki fil-livelli ċentrali u lokali. Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President