|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2517 |
19.12.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2517
tas-17 ta’ Diċembru 2025
dwar l-inklużjoni ta’ Stati Membri addizzjonali tal-UE fis-Sħubija għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju
(notifikata bid-dokument C(2025) 8684)
(It-testi bil-Bulgaru, bil-Franċiż, bil-Litwan u bl-Olandiz biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u, (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (1),
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1205 tad-19 ta’ Ġunju 2025 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura għall-inklużjoni ta’ Stati Membri addizzjonali fis-sħubija għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2021/696, kwalunkwe Stat Membru jista’ jipparteċipa fis-sħubija għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST, Space Surveillance and Tracking) dment li jissodisfa l-kriterji stabbiliti f’dak l-Artikolu. |
|
(2) |
Ir-regoli u l-proċeduri dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-subkomponent tal-SST, l-istabbiliment tas-sħubija tal-SST u l-iżvilupp ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inizjali huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1245 (3). Ħmistax-il Stat Membru nstabu konformi mal-kriterji għall-parteċipazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/696 kif ukoll mal-kundizzjonijiet individwali u kollettivi stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245. Dawk l-Istati Membri ħatru entitajiet nazzjonali kostitwenti li, kollettivament, jikkostitwixxu s-sħubija tal-SST. |
|
(3) |
Kien hemm Stati Membri oħra li esprimew interess li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST. Għalhekk, fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni talbet lill-kumitat tal-Programm fil-konfigurazzjoni tal-Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju (SSA, Space Situational Awareness) biex jgħarraf dwar l-interess tagħhom li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST sad-9 ta’ Diċembru 2024. Bosta minn dawk l-Istati Membri ddikjaraw l-interess tagħhom li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST. |
|
(4) |
Sabiex Stati Membri oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1205 li tiddeskrivi l-proċedura għall-inklużjoni ta’ Stati Membri addizzjonali fis-sħubija tal-SST. |
|
(5) |
Erba’ Stati Membri, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Lussemburgu, ippreżentaw applikazzjonijiet biex jissieħbu fis-sħubija tal-SST. Il-Kummissjoni vvalutat dawn l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1205 u qisithom konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2021/696 kif speċifikat mill-kundizzjonijiet individwali stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245. Is-sħubija tal-SST uriet, bħala parti minn studju tal-arkitettura, li s-sensuri u l-kapaċitajiet proposti mill-Istati Membri applikanti jġibu valur miżjud għas-sħubija tal-SST. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1205, il-Kummissjoni trid tinnotifika lill-Istati Membri applikanti, u lill-entitajiet nazzjonali kostitwenti maħtura mill-Istati Membri parteċipanti, bl-eżitu tal-valutazzjoni tal-konformità, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Belġju, il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Lussemburgu lill-Kummissjoni biex jissieħbu fis-Sħubija tal-SST juru konformità mad-dispożizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1205.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Litwanja u lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Andrius KUBILIUS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj.
(2) ĠU L, 2025/1205, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1205/oj.
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1245 tal-15 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi regoli u proċeduri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-subkomponent SST, l-istabbiliment tas-Sħubija tal-SST u l-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inizjali (ĠU L 190, 19.7.2022, p. 166, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1245/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2517/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)