52009PC0046

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tisabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem il-Komunità fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 /* KUMM/2009/0046 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.2.2009

KUMM(2009) 46 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tisabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem il-Komunità fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali tal-1995 huwa magħmul minn żewġ partijiet: il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

Il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 (FAC) ġiet konkluża mill-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE. Dik il-Konvenzjoni tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2009, wara li din id-data ġiet estiża b’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari fit-98 sessjoni tiegħu tas-6 ta' Ġunju 2008.

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (GTC) ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2009 b’deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali (IGC) fil-25 sessjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2007. Fil-laqgħa tal-IGC ta’ Ġunju 2009 għandha tittieħed deċiżjoni dwar estensjoni oħra ta’ sentejn għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

Il-Kummissjoni taġixxi skont l-awtorizzazzjoni mogħtija lilha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003, biex tinnegozja f’isem il-Komunità Ewropea r-reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999.

Fl-interess kemm tal-Komunità kif ukoll tal-Istati Membri, jeħtieġ li jsiru xi tibdiliet essenzjali fl-FAC attwali. Jeżisti qbil ġenerali li dawn it-tibdiliet għandhom jiġu diskussi fost il-membri l-oħra tal-FAC, proċess li f’Novembru 2008 ġie mibdi b’mod informali fl-ambitu tal-qafas tal-FAC. Sa issa, in-negozjati mill-ġdid u b’mod formali tal-FAC ġew sospiżi bil-ħsieb li jitqiesu r-riżultati tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doħa tad-WTO li għadha għaddejja. Minkejja li l-għan hu li r-riżultati tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doħa tad-WTO jiġu inklużi, peress li laħaq għadda ħafna żmien mill-aħħar darba li l-FAC ġie nnegozjat mill-ġdid kif ukoll minħabba l-impossibbiltà li titbassar data għall-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati, il-Kummissjoni, f'isem il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, insistiet flimkien mal-membri l-oħra tal-FAC, fil-laqgħa tal-FAC li saret f'Londra fid-9 ta’ Diċembru 2008, fuq il-ħtieġa tat-tnedija tal-proċess ta’ negozjar mill-ġdid tal-FAC mill-aktar fis possibbli.

Meta jitqies li d-deċiżjoni dwar id-data għall-bidu ta’ negozjati mill-ġdid għandha tittieħed finalment permezz ta’ ftehim komuni bejn il-Membri kollha tal-FAC, jidher li se jkun inevitabbli li tingħata estensjoni ta’ mhux aktar minn sena għall-FAC. Jekk ma jsirx hekk, fl-aħħar ta’ Ġunju 2009 l-FAC attwali għandha tiskadi u dan se jkollu konsegwenzi negattivi.

Għalhekk, estensjoni ta’ sena għandha twassal messaġġ pożittiv rigward in-negozjati mill-ġdid tal-FAC, u tippermetti biżżejjed żmien biex iseħħ il-proċess attwali ta’ negozjati mill-ġdid tal-FAC.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KEId-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/906/KEId-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/317/KE

- Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

Din id-deċiżjoni hija konformi mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995, li tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2009. Fil-laqgħa tal-IGC ta’ Ġunju 2009 għandha tittieħed deċiżjoni dwar estensjoni oħra ta’ sentejn għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Fl-ambitu tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Għajnuna Alimentari, li ltaqa’ fit-12 ta’ Novembru 2008, l-Istati Membri esprimew qbil li tittieħed pożizzjoni Komunitarja fir-rigward tal-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 għal perjodu ta’ sena, jiġifieri sat-30 ta' Ġunju 2010, li dwarha kellha tittieħed deċiżjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Konvenzjoni għall-Għajnuna Alimentari 1999 li se ssir f'Londra fil-5 ta' Ġunju 2009.

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ kompetenza esterna.

- Valutazzjoni tal-Impatt

Mhux applikabbli.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 181 flimkien mal-Artikolu 300(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-KE.

- Sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza maqsuma tal-Komunità.

- Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

- Għażla tal-istrument

Strumenti proposti: Deċiżjoni tal-Kunsill

Mezzi oħra ma jkunux tajbin minħabba r-raġuni li ġejja: dan hu l-uniku mod li bih tista’ tiġi adottata l-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea li għandha tiġi espressa fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari.

4. IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJI

Il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tista’ tiġi estiża biss jekk għall-istess perjodu tkun teżisti l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995. Il-kontribuzzjoni għall-baġit amministrattiv tal-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali tkopri l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 ukoll. Din il-kontribuzzjoni hi inkluża fil-baġit taħt il-partita 05 06 01 tal-baġit Komunitarju (Ftehimiet Agrikoli Internazzjonali). In-nefqa għal din il-proposta hija stmata għal EUR 0.450 miljun u għandha tiġi aġġornata u kkunsidrata meta ssir l-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995. Dikjarazzjoni Finanzjarja hija mehmuża mad-Deċiżjoni għall-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

L-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 tfisser li l-impenji annwali biex il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha jipprovdu l-għajnuna alimentari skont l-Artikolu III(e) tal-Konvenzjoni ser ikunu estiżi b’sena biss. B’konsistenza mal-ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, il-Kummissjoni ħadet ir-responsabbiltà għal parti mill-impenji minimi li ttieħdu mill-KE u l-Istati Membri tagħha fil-konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari. Notifika FAC unika tiġi kkonsolidata flimkien mal-Istati Membri tal-UE u ma tindikax operazzjonijiet separati. Il-FAC (Artikolu VI) tipprevedi għall-carry over u għall-carry forward, iżda dan għadu qatt ma ġie invokat,

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tivvota f'isem il-Komunità Ewropea, f'konformità mal-Artikolu XXV(b) tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999, favur estenzjoni oħra ta’ din il-Konvenzjoni, għal perjodu ta’ sena, jiġifieri sat-30 ta' Ġunju 2010, sakemm il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 tibqa’ fis-seħħ sa dik id-data inkluża kif stipulat fl-Artikolu XXV(a) tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tisabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem il-Komunità fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari fir-rigward tal-estenzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 181 flimkien mal-Artikolu 300(2), it-tieni paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 (minn hawn 'il quddiem: il-"Konvenzjoni") kienet konkluża mill-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/421/KE[1] u estiża bid-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari f'Ġunju 2003, Ġunju 2005, Ġunju 2007 u Ġunju 2008, li bis-saħħa tagħhom kellha tibqa' fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2009.

(2) L-estensjoni ulterjuri ta' sena għall-Konvenzjoni hi fl-interess kemm tal-Komunità kif ukoll tal-Istati Membri tagħha. Skont l-Artikolu XXV(b) tal-Konvenzjoni, dik l-estensjoni hija subordinata għall-fatt li tibqa' fis-seħħ, għat-tul tal-istess perjodu, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995. Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2009, filwaqt li mistennija tingħata estensjoni oħra. Il-Kummissjoni, li tirrapreżenta lill-Komunità fil-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari, għandha għalhekk tiġi awtoriżżata b'Deċiżjoni tal-Kunsill li tivvota favur din l-estensjoni.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Waħdieni

Il-pożizzjoni tal-Komunità Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari għandha tkun vot favur l-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999 għal perjodu ta’ sena, sakemm il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 tibqa’ fis-seħħ matul l-istess perjodu, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2010. Fil-laqgħa tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali (IGC) ta’ Ġunju 2009 għandha tittieħed deċiżjoni dwar estensjoni oħra għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tesprimi din il-pożizzjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Għajnuna Alimentari.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ID-DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

Qasam ta’ Politika: Agrikoltura u Żvilupp Rurali Attività: Aspetti internazzjonali tal-qasam ta' politika dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali |

TITOLU TAL-AZZJONI: ESTENSJONI TAL-KONVENZJONI DWAR L-GħAJNUNA ALIMENTARI TAL-1999 (Il-kontribuzzjoni komunitarja lill-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali) |

1. LINJA TA' BAĠIT + INTESTATURA

Intestatura 4 – L-UE bħala sieħba globali05 06 01: Ftehimiet agrikoli internazzjonali

2. ĊIFRI GLOBALI

2.1. Allokazzjoni totali għall-azzjoni: L-ammont stmat għal estensjoni ta’ sena huwa EUR 450 000.

2.2. Perjodu tal-applikazzjoni: Mill-1.7.2009 sat-30.6.2010 (baġit 2010)

2.3. Kompatibbiltà mal-programmazzjoni finanzjarja u mal-perspettiva finanzjarja

X Il-proposta hi kompatibbli mal-programmazzjoni finanzjarja eżistenti

2.5. Impatt finanzjarju fuq id-dħul

X Il-proposta m'għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji (tinvolvi aspetti tekniċi dwar l-implimentazzjoni ta' miżura).

3. KARATTERISTIĊI TAL-BAĠIT

Tip ta’ Nefqa | Ġdid | Kontribuzzjoni EFTA | Kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi applikanti | Intestatura fil-Perspettiva Finanzjarja |

Obbligatorju | Diff. | LE | LE | LE | 4 L-UE bħala sieħba globali |

4. BAŻI ĠURIDIKA

L-Artikolu 181 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 300(2)Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 96/88/KE tas-27.1.1996 (ĠU L 21 tas-27.1.1996), 2001/C 195/01 (ĠU C 195 tal-11.7.2001) u 2000/421/KE (ĠU L 163 tal-4.7.2000).

5. DESKRIZZJONI U ĠUSTIFIKAZZJONIJIET

5.1. Il-ħtieġa ta’ intervent Komunitarju

Minħabba l-importanza ekonomika tagħha, b’mod speċjali fis-settur agrikolu, il-KE trid tkun irrappreżentata fi ftehimiet agrikoli internazzjonali, li huma mezz importanti kif jiġu segwiti żviluppi globali u kif jiġu mħarsa l-interessi tal-Komunità rigward il-prodotti kkonċernati.

Bis-saħħa tal-pagament tal-kontribuzzjonijiet ta’ sħubija fl-UE, ikun possibbli li jintlaħqu l-miri tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali (IGC). L-IGC, li huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ftehimiet marbuta mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 u l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari tal-1999, jippromwovi l-għanijiet tal-Ftehimiet, inklużi l-kooperazzjoni internazzjonali, l-iskambju ta’ tagħrif statistiku, il-previżjoni tat-tendenzi tas-suq, fost l-oħrajn, u għall-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, il-garanzija li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu żgurati l-ammont minimu ta’ għajnuna alimentari mill-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk fl-interess tal-KE li tkun parti minn dawn il-Ftehimiet.

Il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija huma ddeterminati fuq bażi annwali u hemm l-obbligu li jitħallsu sakemm il-KE tibqa’ membru tal-Ftehimiet.

Joħroġ ċar li, li kieku l-KE weħidha kellha tieħu l-istess azzjonijiet li tieħu l-IGC, l-ispiża totali ta’ dawn l-azzjonijiet tkun ferm ogħla mis-somma ta’ kontribuzzjonijiet tas-sħubija.

5.2. Azzjonijiet previsti u arranġamenti għal intervent baġitarju

Il-KE tħallas id-drittijiet tas-sħubija fuq bażi annwali lill-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali.

Id-drittijiet għandhom jitħallsu sakemm il-KE tibqa’ firmatarja tal-Ftehimiet.

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-IGC u jieħdu vantaġġ assolut mill-benefiċċji tas-sħubija.

6. IMPATT FINANZJARJU

6.1. Impatt finanzjarju totali

Impenji (sa tliet ċifri deċimali): Il-proposta mistennija li tkun tiswa EUR 0.450 miljun.

6.2. Kalkolu

In-nefqa involuta fl-applikazzjoni taż-żewġ Konvenzjonijiet hija koperta bil-kontribuzzjonijiet annwali mill-membri kollha tal-Konvenzjoni taċ-Ċereali. Il-kontribuzzjoni ta’ kull membru għal kull sena finanzjarja hija ffissata proporzjonalment bejn l-għadd ta’ voti attribwiti lil dak il-membru u l-għadd totali ta’ voti li għandhom il-membri. L-għadd ta’ voti attribwiti lil kull membru huwa aġġustat fuq il-bażi tal-kompożizzjoni tal-IGC meta jiġi adottat il-baġit għas-sena finanzjarja kkonċernata. Hemm total ta’ 2 000 vot fil-Konvenzjoni, li minnhom l-Unjoni Ewropea għandha 399 għas-sena finanzjarja 2007/8. L-istess figura hija pproġettata għall-2009/2010. L-ispiża stmata għal kull vot għall-perjodu tal-estenzjoni hi ta’ €1 128 (399 vot x €1 128 għal kull vot = €450 000). Dan l-ammont huwa indikattiv u jista’ jiġi aġġornat fil-proposta li jmiss għal estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995.

7. IMPATT FUQ IN-NEFQA MARBUTA MAL-PERSUNAL U L-AMMINISTRAZZJONI

7.1. Impatt fuq ir-riżorsi umani

It-tipi ta’ karigi | Persunal li għandu jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni bl-użu tar-riżorsi eżistenti u/jew addizzjonali | Total | Deskrizzjoni tal-kompiti derivanti mill-azzjoni |

Għadd ta’ karigi permanenti | Għadd ta' karigi temporanji |

Uffiċjali permanenti jew persunal temporanju | A B C | 0.2 0.1 – | – – – | 0.2 0.1 – | Tħejjija għall-attendenza fil-laqgħat tal-IGC u s-segwitu tagħhom |

Riżorsi umani oħrajn | – | – | – |

Total | 0.3 | – | 0.3 |

7.2. Impatt finanzjarju globali tar-riżorsi umani

Tipi ta' riżorsi umani | Ammont EUR | Metodu ta' kalkolu* |

Uffiċjali Persunal temporanju | 36 600 | 0.3 x 122 000 |

Riżorsi umani oħrajn |

Total | 36 600 |

* Il-ħtiġijiet għal riżorsi umani u amministrattivi se jiġu koperti bl-allokazzjoni mogħtija lid-DĠ ta’ tmexxija fil-qafas tal-proċedura ta’ allokazzjoni annwali. L-ammonti jirrappreżentaw in-nefqa totali għal tnax-il xahar. |

8. SEGWITU U EVALWAZZJONI

8.1. Arranġamenti għas-segwitu (sistemi ta’ kontroll)

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Kumitati Amministrattivi u l-Kunsill tal-IGC; dawn huma l-entitajiet responsabbli biex jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet baġitarji.

Ir-rapport dwar dawn il-laqgħat u dwar id-deċiżjonijiet meħuda fihom jiġi ppubblikat u jkun disponibbli liberament għall-membri.

8.2. Dettalji dwar l-evalwazzjonijiet ippjanati u l-frekwenza tagħhom

Minħabba n-natura speċifika tal-intervent propost (l-estensjoni tal-kontribuzzjoni Komunitarja lill-baġit amministrattiv tal-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali) u tas-somma relattivament żgħira involuta, ma jidhirx li evalwazzjoni esterna hija ġġustifikata. Ir-relevanza u l-utilità tat-tkomplija tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-baġit amministrattiv ta’ dan il-Ftehim se jiġu evalwati perjodikament fuq livell intern permezz ta’ involviment attiv tal-Kummissjoni fil-kumitati ta’ ġestjoni u fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali.

9. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI

L-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-kontribuzzjonijiet tal-KE għandhom jiġu vverifikati f’konformità mar-regoli previsti bil-Ftehim tal-IGC.

Il-modalitajiet speċifiċi ta’ verifika u ta’ kontroll huma stabbiliti fl-ambitu tal-bażi ġuridika ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali.

Il-kontijiet ta’ din l-organizzazzjoni huma ċċertifikati minn awditur estern indipendenti. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tintbagħat lill-entità kompetenti tal-IGC għall-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni sussegwenti tagħha.

[1] ĠU L 163, 4.7.2000, p. 37.