European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2599

20.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2599

tad-19 ta’ Novembru 2026

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 1/2026 tal-Kunsill ta’ Sħubija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021, wara li kien ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021.

(2)

Skont l-Artikolu 519(b) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit skont il-Ftehim jista’ jadotta deċiżjonijiet biex joħroġ interpretazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tal-Ftehim.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 331(1) tal-Ftehim, it-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim (“it-Titolu VIII”) kellu jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2026.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026 li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija (3) estendiet l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, bejn l-1 ta’ April 2027 u l-31 ta’ Diċembru 2027, kif ukoll fi kwalunkwe mument fi kwalunkwe sena sussegwenti, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li t-Titolu VIII se japplika sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

(7)

Permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta 1/2025 (4) tagħhom fil-Kunsill ta’ Sħubija, l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) esprimew il-fehim politiku kondiviż tagħhom li l-objettivi tat-Titolu VIII jenħtieġ li jiġu segwiti fuq bażi kontinwa permezz tal-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

(8)

Sitwazzjoni fejn il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII ladarba t-Titolu VIII ma jkunx baqa’ japplika biss, tista’ twassal għal interruzzjoni fl-applikazzjoni tat-Titolu VIII u b’hekk għal inċertezza fir-rigward tal-qafas legali applikabbli għall-kummerċ u għall-investiment bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fl-oqsma tal-enerġija u tal-materja prima.

(9)

Għalhekk, biex jiġu previsti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, jixraq li tiġi adottata deċiżjoni li tinterpreta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim bl-effett li deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2028 tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ April 2027, dment li ssir effettiva mill-1 ta’ April 2027 biss.

(10)

Fil-laqgħa tiegħu li jmiss jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, il-Kunsill ta’ Sħubija se jadotta deċiżjoni li tinterpreta u timplimenta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim biex jippermetti li l-objettivi tat-Titolu VIII jiġu segwiti fuq bażi kontinwa permezz tal-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

(11)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija rigward l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 331(2) ta’ dak il-Ftehim, hija stabbilita fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra tad-19 ta’ Ġunju 2025 li tagħti l-interpretazzjoni tal-Artikolu 331(2) u li testendi l-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (ĠU L, 2025/1230, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1230/oj).

(4)  Id-Dikjarazzjoni Konġunta 1/2025 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa l-waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra tad-19 ta’ Ġunju 2025 (ĠU L, 2025/1232, 20.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2025/1232/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU 1/2026 TAL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ […] 2026

li tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 331(2) u li testendi l-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 519(b) u Artikolu 331(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 331(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, it-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII ta’ dak il-Ftehim (“it-Titolu VIII”) kellu jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2026.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u l-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 2/2025 tal-Kunsill ta’ Sħubija estendiet l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2027.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 331(2) tal-Ftehim, bejn l-1 ta’ April 2027 u l-31 ta’ Diċembru 2027, kif ukoll fi kwalunkwe mument fi kwalunkwe sena sussegwenti, il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

(5)

Sitwazzjoni fejn il-Kunsill ta’ Sħubija jista’ jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII ladarba t-Titolu VIII ma jkunx baqa’ japplika biss tista’ twassal għal interruzzjoni fl-applikazzjoni tat-Titolu VIII u b’hekk għal inċertezza fir-rigward tal-qafas legali applikabbli għall-kummerċ u għall-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-enerġija u tal-materja prima.

(6)

Għalhekk, biex jiġu pprovduti ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, jixraq li tiġi adottata deċiżjoni li tinterpreta l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim bl-effett li deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Sħubija dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2028 tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ April 2027, dment li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ April 2027 biss.

(7)

L-objettivi tat-Titolu VIII huma li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fis-setturi tal-enerġija u tal-materja prima, u li jappoġġaw is-sigurtà tal-provvista u tas-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma.

(8)

Biex jintlaħqu l-objettivi tat-Titolu VIII huwa xieraq, kemm għall-Unjoni Ewropea u kemm għar-Renju Unit, li jkomplu bil-kooperazzjoni ta’ bejniethom dwar l-enerġija permezz tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

(9)

Permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta 1/2025 tagħhom fil-Kunsill ta’ Sħubija, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit esprimew il-fehim politiku kondiviż tagħhom li jenħtieġ li wieħed ifittex li jikseb l-objettivi tat-Titolu VIII fuq bażi kontinwa permezz tal-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

(10)

Il-partijiet ikkonċernati fl-enerġija jenħtieġ li jkollhom qafas legali stabbli u prevedibbli biex ikomplu b’din il-kooperazzjoni li tiffaċilita n-negozju u tiżgura l-istabbiltà tas-suq.

(11)

Għalhekk, jixraq li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tat-Titolu VIII sal-31 ta’ Marzu 2028,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jiġi interpretat bl-effett li deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, sal-31 ta’ Marzu 2028 tista’ tiġi adottata qabel l-1 ta’ April 2027, dment li tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ April 2027 biss.

Artikolu 2

L-applikazzjoni tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tiġi estiża sal-31 ta’ Marzu 2028.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

L-Artikolu 2 għandu jsir effettiv fl-1 ta’ April 2027.

Magħmul fi Brussell u Londra, […] 2026.

Għall-Kunsill ta’ Sħubija

Il-Kopresidenti


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2599/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)