27.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/68


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta' Ottubru 2016

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.7801 — Wabtec/Faiveley Transport)

(notifikat bid-dokument numru C(2016) 6325)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 113/07)

Fl-4 ta' Ottubru 2016 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta' fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet)  (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta' dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni kompluta, billi l-każ jaf ikun f'għamla ta' verżjoni proviżorja, tinsab bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

1.

Westinghouse Air Brake Technologies Corporation (“Wabtec”) hija impriża internazzjonali bbażata fl-Istati Uniti u attiva fl-immanifatturar u fil-provvista ta' tagħmir tal-ferroviji u fil-forniment ta' servizzi fis-settur ferrovjarju. Fil-kontinent Amerikan għandha t-tmun tas-suq f'idejha.

2.

Faiveley Transport SA (“Faiveley”) hija impriża bbażata fi Franza u attiva fl-immanifatturar u fil-forniment ta' servizzi u sistemi integrati għas-settur ferrovjarju. L-attivitajiet tagħha jiffukaw fuq is-suq Ewropew.

3.

Minn hawn 'il quddiem Wabtec tissejjaħ il-“Parti Notifikanti” filwaqt li Wabtec u Faiveley flimkien jissejħu l-“Partijiet”.

II.   IT-TRANŻAZZJONI

4.

It-tranżazzjoni tikkonsisti mill-akkwiżizzjoni min-naħa ta' Wabtec, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, tal-kontroll esklużiv indirett ta' Faiveley fl-intier tagħha permezz ta' xiri ta' ishma (it-“Tranżazzjoni”).

III.   ID-DIMENSJONI TAL-UNJONI

5.

Il-Partijiet għandhom fatturat dinji aggregat ikkombinat ta' aktar minn EUR 2 500 miljun (2) (Wabtec EUR 2 292 miljun; Faiveley EUR 1 048 miljun). Il-fatturat aggregat ikkombinat tal-impriżi kkonċernati huwa ta' aktar minn EUR 100 miljun u l-fatturat aggregat ta' kull waħda mill-impriżi huwa ta' aktar minn EUR 25 miljun fil-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit rispettivament. Kull waħda miż-żewġ impriżi kkonċernati għandha fatturat fl-Unjoni kollha li jisboq EUR 100 miljun (Wabtec EUR […] miljun; Faiveley EUR […] miljun) iżda ma jilħqux aktar minn żewġ terzi tal-fatturati aggregati tagħhom fl-Unjoni kollha fi Stat Membru wieħed li jkun l-istess.

6.

Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni għandha dimensjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

IV.   PROĊEDURA

7.

Fl-4 ta' April 2016, il-Kummissjoni rċeviet in-Notifika fil-każ.

8.

Fit-12 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li biha fetħet il-proċedimenti.

9.

Fis-17 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li estendiet l-iskadenza għall-adozzjoni ta' deċiżjoni finali b'20 jum bi qbil mal-Parti Notifikanti.

10.

Fit-8 ta' Lulju 2016, il-limitu ta' żmien għall-adozzjoni ta' deċiżjoni finali ġiet sospiż f'konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (3) li jimplimenta r-Regolament dwar l-Għaqdiet. Is-sospensjoni ntemmet fit-13 ta' Lulju 2016.

11.

Fil-25 ta' Lulju 2016, il-Parti Notifikanti ppreżentat l-impenji lill-Kummissjoni (“l-Ewwel Impenji”).

12.

Fil-25 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni nediet test tas-suq biex tivvaluta jekk l-Ewwel Impenji kinux adattati biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni.

13.

Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Parti Notifikanti ppreżentat l-impenji riveduti lill-Kummissjoni (“l-Impenji Finali”).

V.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI  (4)

a.   Is-suq tat-tagħmir oriġinali (“OEM”) u s-suq indipendenti ta' wara l-bejgħ (“IAM”)

14.

Fl-industrija ferrovjarja, il-kummerċ ġeneralment iseħħ fuq żewġ livelli: (i) bejgħ lill-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (“OEM” - original equipment manufacturers), inkluż kemm il-fabbrikanti tal-vetturi ferrovjarji kif ukoll il-fabbrikanti tas-sottosistemi, u (ii) bejgħ fis-suq indipendenti ta' wara l-bejgħ (“IAM” - independent aftermarket) lill-operaturi ferrovjarji.

15.

F'konformità mas-sejbiet f'każ preċedenti (5), il-Kummissjoni kkonkludiet li billi l-IAM fil-biċċa l-kbira jsegwi u jirrifletti l-qagħda fis-suq OEM, ta' min jivvaluta s-swieq għas-sistemi u għas-sottosistemi ferrovjarji fil-livell OEM. Madankollu, għall-komponenti li jeħtieġu sostituzzjoni regolari matul iċ-ċiklu ta' ħajja ta' ferrovija (pereżempju materjali tal-frizzjoni u diski tal-brejk), il-Kummissjoni vvalutat il-livell IAM b'mod separat.

b.   Sistemi ta' brejkijiet bil-frizzjoni pnewmatiċi u s-sottosistemi tagħhom

16.

Hemm għadd ta' soluzzjonijiet tekniċi differenti għat-tnaqqis tal-veloċità jew għat-twaqqif ta' ferrovija, bħal brejkijiet bil-frizzjoni, brejkijiet manjetiċi u brejkijiet dinamiċi. Huma biss il-brejkijiet bil-frizzjoni li huma ta' rilevanza għall-valutazzjoni tat-Tranżazzjoni.

17.

F'konformità mas-sejbiet f'każ preċedenti (6), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-manifattura u l-provvista ta' sistemi kompluti ta' brejkijiet bil-frizzjoni għall-vetturi ferrovjarji tikkostitwixxi suq apparti (vis-à-vis tipi oħra ta' brejkijiet) u tista' ssir distinzjoni bejn sistemi pnewmatiċi u idrawliċi.

18.

Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li s-suq għas-sistemi kompluti ta' brejkijiet bil-frizzjoni x'aktar li jagħmel distinzjoni, minn tal-anqas, bejn sistemi kkontrollati elettronikament (“elettropnewmatiċi”) u sistemi mhux elettronikament ikkontrollati, u li ma jistax ikun eskluż li tista' ssir distinzjoni ulterjuri skont it-tip ta' vetturi ferrovjarji inkwistjoni (pereż. b'veloċità għolja, reġjonali, ta' taħt l-art, eċċ.). Madankollu, il-Kummissjoni ma ħarġitx b'konklużjoni dwar din il-kwistjoni billi l-eżitu tal-valutazzjoni f'termini ta' kompetizzjoni baqa' l-istess f'kull alternattiva.

19.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu swieq separati għas-sottosistemi tas-sistemi tal-brejkijiet bil-frizzjoni pnewmatiċi: (i) brejkijiet tal-bogie, (ii) kontrolli tal-brejkijiet u (iii) unitajiet li jfornu l-arja. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li, għall-kontrolli tal-brejkijiet, japplikaw ukoll kunsiderazzjonijiet simili bejn il-kontrolli tal-brejkijiet elettroniċi u dawk mhux elettroniċi fir-rigward tas-sistemi kompluti ta' brejkijiet bil-frizzjoni. Il-brejkijiet tal-bogie, il-brejkijiet diska (7) u l-brejkijiet fuq ir-rota (8) bl-istess mod jikkostitwixxu swieq separati. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħarġitx b'konklużjoni dwar id-definizzjonijiet preċiżi tas-swieq tal-prodotti billi l-eżitu tal-valutazzjoni f'termini ta' kompetizzjoni baqa' l-istess f'kull alternattiva.

c.   Pantografi u strixxi ta' kuntatt

20.

Pantografu huwa t-tagħmir użat għat-trasferiment tal-kurrent elettriku mil-linji 'l fuq mill-art (katenarji) għal vettura ferrovjarja (9). Fil-parti superjuri tal-biċċa ta' fuq tal-pantografu, titqiegħed strixxa ta' kuntatt għall-kuntatt innifsu mal-katenarja.

21.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq rilevanti għandu jkun jew il-manifattura u l-provvista tal-pantografi għal kull tip ta' vettura ferrovjarja, jew inkella s-suq għandu jkun issegmentat skont it-tip ta' vettura ferrovjarja inkwistjoni. L-investigazzjoni tas-suq uriet indikazzjonijiet li, b'mod partikolari, il-pantografi għall-ferroviji b'veloċità għolja jistgħu jikkostitwixxu suq distint (vis-à-vis pereżempju, il-pantografi għall-EMUs prinċipali u reġjonali). Madankollu, il-Kummissjoni ma ħarġitx b'konklużjoni dwar din il-kwistjoni billi l-eżitu tal-valutazzjoni f'termini ta' kompetizzjoni baqa' l-istess f'kull alternattiva.

22.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti suq distint għall-istrixxi ta' kuntatt.

d.   Materjali tal-frizzjoni

23.

Sistemi ta' brejkijiet bil-frizzjoni jwasslu biex ferrovija tnaqqas il-veloċità jew tieqaf billi jikkonvertu l-enerġija kinetika fi sħana. Il-materjali tal-frizzjoni huma partijiet essenzjali ta' tali sistema ta' brejkijiet li, meta jingħafsu ma' diska tal-brejk jew ma' wiċċ tat-tajer tar-rota, jipprovdu l-frizzjoni meħtieġa għall-konverżjoni tal-forma ta' enerġija.

24.

Il-materjali tal-frizzjoni għall-applikazzjonijiet ferrovjarji jeżistu primarjament f'żewġ kompożizzjonijiet differenti: organiċi u sinterizzati (10). Jiġu wkoll f'żewġ forom prinċipali: pedds tal-brejk għall-brejkijiet diska (li jingħafsu ma' diska tal-brejk) u ngħula tal-brejk/blokok għall-brejkijiet fuq ir-rota (li jingħafsu direttament ma' wiċċ tat-tajer ta' rota).

25.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu swieq separati tal-prodotti għal (i) il-pedds organiċi; (ii) il-pedds sinterizzati; (iii) il-blokok organiċi; u (iv) l-blokok sinterizzati. Kull wieħed minn dawn is-swieq għandu jkun issegmentat ukoll skont jekk il-bejgħ ikunx OEM jew IAM. Il-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar jekk suq għall-pedds sinterizzati għandux ikun issegmentat ulterjorment bejn pedds riġidi u pedds flessibbli kif ukoll bejn pucks u pedds.

e.   Diski tal-brejk

26.

Id-diski tal-brejk huma komponenti ta' brejk mekkaniku ta' bogie. Il-pedds tal-brejk jingħafsu mad-diski tal-brejk, u jikkawżaw it-trasformazzjoni tal-enerġija kinetika fi sħana sabiex titnaqqas il-veloċità tal-ferrovija jew titwaqqaf.

27.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li d-diski tal-brejk jikkostitwixxu suq distint. Is-suq għandu jkun issegmentat ukoll skont jekk il-bejgħ ikunx OEM jew IAM.

VI.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

28.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-swieq ġeografiċi rilevanti għall-prodotti kollha kkonċernati mit-Tranżazzjoni jinsabu fiż-ŻEE kollha.

VII.   VALUTAZZONI

a.   Xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva

29.

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni xxekkel b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għal

(i)

pedds tal-brejk sinterizzati IAM

(ii)

blokok tal-brejk sinterizzati IAM

30.

Il-kompetizzjoni effettiva f'dawk is-swieq tkun imxekkla b'mod sinifikanti mit-Tranżazzjoni għar-raġunijiet segwenti.

31.

L-ewwel nett, il-kwoti tas-suq ikkombinati tal-Partijiet ikunu għoljin: [60-70] % fir-rigward tal-pedds sinterizzati, b'inkriment ta' [10-20] punti perċentwali, u [90-100] % fir-rigward tal-blokok, b'inkriment ta' [0-5] punti perċentwali. Il-kompetituri li jifdal ikunu ftit li xejn – fil-prattika Federal Mogul u Knorr-Bremse biss – u dawn ikunu pjuttost iżgħar. Barra minn hekk, il-bejgħ ta' Knorr-Bremse jsir parzjalment mill-bejgħ ta' materjali sinterizzati minn Wabtec għal Knorr-Bremse.

32.

It-tieni, il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib. Ta' sikwit ikunu l-fornituri approvati għall-istess flotot ta' vetturi ferrovjarji u jikkompetu b'ruħhom u ġisimhom għal proġetti kbar. Pereżempju, dan l-aħħar il-Partijiet ippreżentaw kontra xulxin bosta rawnds ta' prezzijiet dejjem aktar imraħħsa waqt proċess ta' tfigħ tal-offerti organizzat mill-operatur ferrovjarju Franċiż SNCF għall-forniment ta' pedds tal-brejk sinterizzati għall-flotta tat-TGV tiegħu.

33.

It-tielet, il-fornituri ta' materjali organiċi tal-frizzjoni ma jikkostrinġux b'mod sinifikanti lill-fornituri tal-materjali sinterizzati. Huwa rari u teknikament inkrepattiv li wieħed jaqleb minn materjal sinterizzat tal-frizzjoni għal materjal organiku tal-frizzjoni.

34.

Ir-raba', l-ostakli għad-dħul huma kbar. L-iżvilupp ta' materjali sinterizzati tal-frizzjoni jirrikjedi investiment sinifikanti u, billi l-prodotti huma komponenti tas-sikurezza ewlenin ta' ferrovija, huma soġġetti għal rekwiżiti regolatorji stretti. Ma jidhirx li se jkun hemm każ ta' dħul ta' kompetituri ġodda wara t-Tranżazzjoni.

35.

Il-ħames, diversi parteċipanti fis-suq, inklużi l-operaturi ferrovjarji, il-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji, il-kompetituri tal-materjal tal-frizzjoni u kompetitur tas-sistemi tal-brejkijiet, esprimew it-tħassib tagħhom. Dawn allegaw li t-Tranżazzjoni twassal għal livell imnaqqas ta' kompetizzjoni u għal prezzijiet ogħla f'dawn is-swieq.

b.   L-ebda xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva

Sistemi kompluti ta' brejkijiet bil-frizzjoni

36.

L-attivitajiet tal-Partijiet fis-sistemi kompluti ta' brejkijiet bil-frizzjoni jissovraponu ruħhom biss jekk ikun ivvalutat is-segment potenzjali ta' vaguni tal-merkanzija/sistemi ta' frizzjoni (mhux elettro)pnewmatiċi. Madankollu, il-kwota tas-suq ikkombinata tibqa' taħt l-20 % u b'hekk ma jingħatax lok għal swieq milquta.

37.

Fir-rigward tal-vaguni għall-passiġġieri, id-domanda fiż-ŻEE tikkonsisti minn sistemi tal-brejkijiet elettropnewmatiċi li saru l-istandard de facto fil-proġetti l-ġodda kollha tal-vetturi ferrovjarji għall-passiġġieri. L-attivitajiet tal-Partijiet ma jissovraponux ruħhom fir-rigward ta' tali sistemi tal-brejkijiet fiż-ŻEE billi Wabtec ma għandhiex dak it-tip ta' kontroll tal-brejkijiet elettroniċi meħtieġ fiż-ŻEE u b'hekk ma tistax toffrihom (11).

38.

Il-Kummissjoni, wara l-investigazzjoni tagħha fil-fażi I, kellha xorta waħda xi tħassib li Wabtec setgħet kienet parteċipant potenzjali fis-suq għas-sistemi kompluti tal-brejkijiet bil-frizzjoni (elettro)pnewmatiċi li tiegħu Knorr-Bremse hija attwalment u biċ-ċar il-mexxej (b'minn tal-anqas [70-80] % tas-suq) u Faiveley hija l-unika kompetitriċi. Wabtec kienet qed tiżviluppa żewġ sistemi tal-kontroll tal-brejkijiet elettroniċi, […] u […], u kien hemm evidenza li Wabtec kien beħsiebha tnedihom fiż-ŻEE. Madankollu, wara l-investigazzjoni tal-fażi II, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħassib tagħha ma kienx issostanzjat mija fil-mija u li ma setax ikun stabbilit xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva skont l-istandard legali neċessarju. Dan prinċipalment minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

39.

L-ewwel nett, il-prodott […] ta' Wabtec ikun teknikament u kummerċjalment mhux adattat għaż-ŻEE. Il-prodott kien ġie żviluppat bħala proġett immexxi mill-Istati Uniti mingħajr ma tqiesu r-rekwiżiti tekniċi tas-suq taż-ŻEE, u kien ukoll wisq […] meta mqabbel mal-prodotti tal-kompetituri. Id-dokumenti interni ta' Wabtec indikaw ulterjorment li Wabtec internament ma kinitx temmen fil-prodott.

40.

It-tieni, filwaqt li […] wisq probabbli li jkun fuq l-istess livell tekniku u kummerċjali tal-prodotti li bħalissa qed jinbiegħu mill-kompetituri fiż-ŻEE, dan jinsab fl-istadji bikrija tal-iżvilupp u se jkun jeħtieġ sforz ulterjuri sinifikanti fid-disinn sabiex jitlesta.

41.

It-tielet, kuntrarjament għas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-fażi I, l-innovazzjoni teknika fis-suq hija dinamika u mhux biss inkrimentali. Matul l-investigazzjoni tal-fażi II, Faiveley żvelat lill-Kummissjoni li se tniedi prodott ġdid tal-kontroll tal-brejkijiet fl-2016. Il-prodott huwa teknikament u kummerċjalment ferm aktar avvanzat mill-prodotti attwali ta' Faiveley. Il-Kummissjoni kkonkludiet li żvilupp bħal dan jagħmilha saħansitra aktar diffiċli li Wabtec tidħol fis-suq għaliex ikollha bżonn mhux biss li tilħaq il-livell attwali fis-suq iżda wkoll li tasal sal-livell tal-iżviluppi l-ġodda tal-kompetituri li diġà jeżistu. Kien jidher li x'aktar li, pereżempju […] kien se jkun antikwat u kien se jirrikjedi ddisinjar ġdid sinifikanti, u b'hekk id-dħul tiegħu kien se jkun anqas ċert u f'kull każ aktar tard milli mistenni.

42.

Ir-raba', il-fornituri tas-sottosistemi jeżerċitaw pressjoni kompetittiva. Filwaqt li dawn il-fornituri ma jistgħux joffru sistemi kompluti tal-brejkijiet bil-frizzjoni, bosta manifatturi tal-vetturi ferrovjarji għandhom il-kapaċità li jintegraw is-sottosistemi f'sistemi kompluti tal-brejkijiet bil-frizzjoni u fl-imgħoddi din użawha bħala għodda fin-negozjati.

43.

Il-ħames, filwaqt li xi parteċipanti fis-suq urew xi tħassib fir-rigward tas-sistemi kompluti tal-brejkijiet bil-frizzjoni, oħrajn kienu minflok tal-fehma li t-Tranżazzjoni tista' tkun pożittiva billi tippermetti lil Faiveley li tikkompeti b'qawwa akbar kontra Knorr-Bremse, il-mexxej biċ-ċar tas-suq.

Sottosistemi tal-brejkijiet bil-frizzjoni

44.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni mhux se twassal għal tħassib dwar il-kompetizzjoni li jirrigwarda s-sottosistemi tal-brejkijiet bil-frizzjoni.

45.

Fir-rigward tal-brejkijiet mekkaniċi ta' bogie, l-attivitajiet tal-Partijiet jissovraponu ruħhom fil-provvista tal-brejkijiet diska fejn flimkien jaslu għal kwota tas-suq ikkombinata ta' madwar [30-40] %. Madankollu, il-kompetituri prinċipali l-oħra, Knorr-Bremse u Dako, jibqgħu b'saħħithom. Il-maġġorparti tal-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji kkunsidraw ukoll li anki wara t-Tranżazzjoni se jkollhom alternattivi adegwati.

46.

Fir-rigward tal-kontrolli tal-brejkijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk għas-sistemi kompluti tal-brejkijiet bil-frizzjoni (elettro)pnewmatiċi.

47.

Fir-rigward tas-sistemi tal-forniment tal-arja, l-attivitajiet tal-Partijiet mhumiex sovraposti fiż-ŻEE billi Wabtec attwalment ma toffrix sistemi bħal dawn. Apparti minn hekk, il-Kummissjoni ma sabet ebda evidenza li Wabtec tista' tkun xi parteċipant potenzjali fis-suq.

Pantografi u strixxi ta' kuntatt

48.

Fir-rigward tal-pantografi, il-kwoti tas-suq ikkombinati tal-Partijiet jammontaw għal [30-40] % jekk wieħed iqis it-tipi kollha ta' vetturi ferrovjarji flimkien. Għal xi sottosegmenti potenzjali, il-kwota tas-suq tkun ogħla, pereżempju [40-50] % fir-rigward tal-ferroviji b'veloċità għolja u [60-70] % fir-rigward tal-lokomotivi. Madankollu, għar-raġunijiet prinċipali li ġejjin, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni ma tagħtix lok għal tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-pantografi.

49.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwoti tas-suq waħedhom ma jiddeskrivux mija fil-mija l-pożizzjonijiet tal-parteċipanti fis-suq. Dan minħabba, pereżempju n-numru baxx ta' offerti fis-sena (b'mod partikolari l-ferroviji b'veloċità għolja) u l-volatilità li tirriżulta fil-kwoti tas-suq. Barra minn hekk, il-volum ta' bejgħ u b'hekk il-kwoti tas-suq jiddependu mhux fuq il-manifattur tal-pantografi iżda fuq is-suċċess tal-pjattaforma ferrovjarja (ferroviji standardizzati mibjugħa f'serje, tipika pereżempju għal-lokomotivi) li l-pantografi jkunu installati fuqha.

50.

It-tieni, ma jidhirx li l-Partijiet huma kompetituri mill-qrib ħafna u fil-maġġorparti tal-offerti ma jiltaqgħux. Jidher li fil-pantografi għandhom ċertu saħħa għal tipi differenti ta' vetturi ferrovjarji; Faiveley tiffoka fuq il-ferroviji b'veloċità għolja filwaqt li Wabtec hija aktar b'saħħitha, pereżempju, fil-linji prinċipali.

51.

It-tielet, se jibqa' jkun hemm numru ta' kompetituri (bħal Schunk, Contact, Richard, EC Engineering u Sécheron). Anki l-kompetituri iżgħar jidher li huma motivati u kapaċi li jiżviluppaw il-prodotti tagħhom ulterjorment u b'hekk iżidu l-preżenza tagħhom fis-segmenti potenzjali differenti kollha.

52.

Ir-raba', jidher li l-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji għandhom rwol sinifikanti fil-pantografi: Fl-imgħoddi kkollaboraw mal-fornituri tal-pantografi biex jiżviluppaw pantografi għal ferroviji ġodda, u bosta minnhom indikaw li jistgħu jibdew il-produzzjoni interna jew jagħmluha ta' sponsor għall-fornituri tal-pantografi jekk ikun hemm bżonn. B'mod ġenerali, il-manifatturi tal-vetturi ferrovjarji jidher li għandhom kapaċità tal-akkwist.

53.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-istrixxi ta' kuntatt li jwasslux għal sovrapożizzjoni orizzontali billi Faiveley ma tipproduċihomx. Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li t-Tranżazzjoni mhux se twassal għal tħassib vertikali. Dan huwa prinċipalment minħabba l-fatt li (i) il-kwota tas-suq ta' Wabtec fir-rigward tal-istrixxi ta' kuntatt għadha baxxa b'anqas minn [10-20] %, li tindika nuqqas ta' kapaċità ta' esklużjoni tal-inputs mis-suq, u (ii) il-Partijiet diġà jġibu [50-60] % tad-domanda tagħhom għall-istrixxi ta' kuntatt minn Wabtec. Għadd ta' fornituri sinifikanti jibqgħu fis-suq, inkluż Schunk kif ukoll għadd ta' fornituri indipendenti li ma jipproduċux il-pantografi huma stess (bħal Morgan u Mersen).

Konnessjonijiet vertikali maħluqa mill-materjali tal-frizzjoni

54.

It-Tranżazzjoni tagħti lok għal konnessjonijiet vertikali bejn (i) il-provvista upstream tal-materjali tal-frizzjoni (OEM) u (ii) il-provvista downstream tas-sistema tal-brejkijiet (kif ukoll tal-brejkijiet tal-bogie). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawk il-konnessjonijiet vertikali ma jwasslux għal xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva.

55.

Rigward l-esklużjoni tal-inputs mis-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità fuża la jkollha l-kapaċità u lanqas l-inċentiv li teskludi mis-suq, u li l-esklużjoni tal-inputs mis-suq wisq probabbli li ma jkollhiex effett detrimentali sinifikanti fuq il-kompetizzjoni downstream.

56.

B'mod partikolari, l-entità fuża ma jkollhiex il-kapaċità li teskludi mis-suq lill-kompetituri downstream tagħha billi Knorr Bremse, il-kompetitriċi prinċipali – u l-uniku tali kompetitur ikkonċernat mill-esklużjoni mis-suq – għandha kapaċità tal-produzzjoni tal-materjal tal-frizzjoni (permezz tal-impriża konġunta tagħha ICER) u tista' żżid il-produzzjoni. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li Knorr-Bremse daħlet fi ftehim ma' Wabtec li skontu […], filwaqt li ppermetta li Knorr-Bremse tingħata ż-żmien biex tiżviluppa l-produzzjoni tagħha.

57.

Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li l-entità fuża ma jkollhiex l-inċentiv li tinvolvi ruħha f'esklużjoni tal-inputs mis-suq għaliex wisq probabbli li mhux se tkun tista' żżid biżżejjed il-bejgħ downstream tagħha biex tagħmel tajjeb għall-profitti upstream li tkun tilfet.

58.

Fl-aħħar nett, l-Impenji Finali — maħsuba biex ineħħu kull tħassib dwar il-kompetizzjoni orizzontali fir-rigward tal-materjali sinterizzati tal-frizzjoni — jipprevedu wkoll sors alternattiv potenzjali ta' provvista għall-kompetituri downstream.

59.

Fir-rigward tal-esklużjoni tal-klijenti mis-suq li prinċipalment tkun tirrigwarda biss il-materjali organiċi tal-frizzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-entità fuża la jkollha l-kapaċità u lanqas l-inċentiv li teskludi mis-suq, u li l-esklużjoni tal-klijenti mis-suq wisq probabbli li ma jkollhiex effett detrimentali sinifikanti fuq il-kompetizzjoni downstream.

60.

B'mod partikolari, l-entità fuża ma jkollhiex il-kapaċità ta' involviment f'esklużjoni tal-klijenti mis-suq billi l-Partijiet mhumiex l-aktar klijenti importanti tal-fornituri tal-materjal tal-frizzjoni OEM (l-aktar klijent importanti b'mod kumplessiv huwa Knorr-Bremse b'bejn wieħed u ieħor [70-80] % tas-suq downstream). Barra minn hekk, sa 95 % tal-materjali tal-frizzjoni jinbiegħu fl-IAM u mhux fl-OEM. Billi l-bejgħ IAM jidher li ma jiddependix kompletament fuq il-bejgħ OEM, il-fornituri tal-entità fuża, bħal Federal Mogul, jistgħu jibqgħu jbigħu lill-IAM li jirrappreżenta maġġoranza kbira ferm tas-suq totali. Il-forniment minn żewġ sorsi jsir aktar ta' spiss għall-materjali organiċi, u huwa aktar faċli li jsir milli għall-materjali sinterizzati. Għaldaqstant, il-klijenti jistgħu jikkontrobattu kull strateġija ta' esklużjoni mis-suq permezz ta' forniment minn żewġ sorsi.

61.

Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li l-entità fuża ma jkollhiex l-inċentiv li tinvolvi ruħha f'esklużjoni tal-klijenti mis-suq għaliex wisq probabbli li ma tkunx tista' tibbenefika b'mod sinifikanti minn aġir bħal dan fis-swieq upstream (minħabba l-pożizzjoni b'saħħitha ta' Federal Mogul u l-preżenza ta' fornituri oħra ta' materjal organiku tal-frizzjoni) jew downstream (minħabba, fost l-oħrajn, il-pożizzjoni b'saħħitha ta' Knorr-Bremse).

Diski tal-brejk

62.

L-attivitajiet tal-Partijiet jissovraponu ruħhom fil-forniment tad-diski tal-brejk fl-IAM fiż-ŻEE. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sovrapożizzjoni ma twassalx għal xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva.

63.

B'mod partikolari, il-kwota tas-suq ikkombinata tibqa' modesta ([30-40] %) u għadd ta' kompetituri alternattiva, bħal Ibre u Kovis, se jibqgħu fis-suq. Il-maġġorparti tal-operaturi ferrovjarji indikaw ukoll li wara t-Tranżazzjoni kienu se jibqgħu jkollhom fornituri alternattivi adegwati.

VIII.   IMPENJI

a.   Deskrizzjoni tal-Impenji Finali

64.

Il-Parti Notifikanti ppreżentat Impenji Finali fis-16 ta' Awwissu 2016, sabiex tindirizza t-tħassib, imsemmi hawn fuq, dwar il-kompetizzjoni fis-swieq għall-pedds u blokok/ngħula sinterizzati tal-frizzjoni fiż-ŻEE. L-Impenji Finali kienu jinkludu modifiki sabiex jitqiesu r-riżultati tal-eżami tas-suq li wettqet il-Kummissjoni fuq l-Ewwel Impenji.

65.

Fl-Impenji Finali, il-Parti Notifikanti pproponiet li Faiveley Transport Gennevilliers (“FTG”), in-negozju kollu tal-materjali tal-frizzjoni ta' Faiveley jiġi ċedut lil akkwirent xieraq (“Negozju f'Ċessjoni”). FTG huwa n-negozju preċedenti ta' Carbon Lorraine akkwistat minn Faiveley fl-2008.

66.

In-Negozju f'Ċessjoni se jinkludi l-assi tanġibbli u intanġibbli kollha ta' FTG u l-persunal kollu tiegħu. Ir-relazzjonijiet ta' bejgħ li attwalment huma ġestiti permezz ta' sussidjarji oħra ta' Faiveley se jkunu trasferiti lil FTG, u l-entità fuża, għall-perjodu interim, se tirreferi t-talbiet tal-klijenti għall-materjali tal-frizzjoni li attwalment huma prodotti minn FTG, lin-Negozju f'Ċessjoni. L-entità fuża se tissottokuntratta wkoll lin-Negozju f'Ċessjoni parti mill-volum għall-forniment ta' pedds tal-brejk tat-TGV li Wabtec tforni lill-SNCF wara li reċentement aġġudikat offerta kontra Faiveley (soġġetta għall-qbil tal-SNCF).

67.

Il-Parti Notifikanti timpenja ruħha wkoll li tiżgura li: (i) l-akkwirent, jekk ikun jixtieq hekk, ikun jista' jakkwista d-dejn intragrupp ta' FTG għal prezz massimu stabbilit; (ii) il-ftehim ta' bejgħ u xiri se jinkludi skema ta' inċentivi biex l-akkwirent ikollu inċentivi li jinvesti fin-Negozju f'Ċessjoni; u (iii) l-akkwirent se jkollu l-kapaċità li jbigħ b'mod internazzjonali lill-klijenti tal-industrija ferrovjarja.

b.   Valutazzjoni tal-Impenji Finali

68.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Impenji Finali huma adegwati u adattati biex jitneħħa t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-impenji se jneħħu s-sovrpożizzjonijiet kollha bejn il-Partijiet fil-forniment ta' pedds u blokok/ngħula tal-brejk sinterizzati.

69.

L-Impenji Finali jinkludi miżuri adegwati sabiex jitqies ir-rispons riċevut fl-eżami tas-suq fuq l-Ewwel Impenji. B'mod partikolari, huma inklużi miżuri sabiex (i) tittejjeb l-istruttura tal-kapital tan-Negozju f'Ċessjoni billi d-dejn intragrupp kollu li bħalissa għandu FTG vis-à-vis Faiveley ikun trasferit b'termini vantaġġużi lill-akkwirent, (ii) l-akkwirent ikun inċentivizzat kif suppost biex jinvesti fin-Negozju f'Ċessjoni, u (iii) ikun meħtieġ li n-Negozju f'Ċessjoni jkun akkwistat minn xi ħadd li jkollu aċċess adegwat għall-klijenti ferrovjarji internazzjonali.

70.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrimarkat li n-Negozju f'Ċessjoni kien kompetitur vijabbli fis-suq tal-materjali sinterizzati tal-frizzjoni qabel ma seħħet l-integrazzjoni vertikali tiegħu ma' Faiveley. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-Negozju f'Ċessjoni jista' jkun negozju awtonomu mingħajr ma jiġi integrat vertikalment, u wara t-Tranżazzjoni se jkompli jeżerċita l-istess livell ta' pressjoni kompetittiva fuq is-suq tal-materjali sinterizzati tal-frizzjoni.

71.

B'hekk, il-Kummissjoni, fl-abbozz ta' deċiżjoni tagħha, waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni, kif immodifikata mill-Impenji Finali ppreżentati mill-Parti Notifikanti, ma kinitx se twassal għal xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fir-rigward tal-produzzjoni u l-forniment ta' pedds u blokok/ngħula tal-brejk sinterizzati.

IX.   KONKLUŻJONI U PROPOSTA

72.

L-abbozz jikkonkludi li, soġġett għall-konformità sħiħa mal-Impenji Finali, il-konċentrazzjoni proposta mhijiex se tkun ta' xkiel sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f'parti sostanzjali minnu. Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE, f'konformità mal-Artikolu 2(2) u mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u mal-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Il-valur tal-bejgħ ikkalkulat f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Apparti s-swieq deskritti f'din it-taqsima, l-attivitajiet tal-Partijiet jissovraponu ruħhom f'dak li jirrigwarda (i) l-bibien tal-ferroviji, (ii) l-arloġġi tal-enerġija u (iii) ir-reġistraturi tal-avvenimenti. Madankollu, il-kwoti tas-suq ikkombinati tal-Partijiet fil-bibien tal-ferroviji u l-arloġġi tal-enerġija fiż-ŻEE se jibqgħu anqas minn 20 % u għalhekk mhux se jwasslu għal swieq milquta. Fir-rigward tar-reġistraturi tal-avvenimenti, il-kwota tas-suq ikkombinata tal-Partijiet se tilħaq, skont alternattiva ta' delineazzjoni tas-suq, [20-30] % iżda l-inkriment tal-kwota tas-suq se tibqa' ta' [0-5] punti perċentwali biss. Għaldaqstant, dawk is-swieq mhumiex diskussi aktar f'din in-nota.

(5)  M.7538 – Knorr-Bremse/Vossloh, il-paragrafu 36.

(6)  M.7538 – Knorr-Bremse/Vossloh, il-paragrafu 48. Fl-aħħar mill-aħħar ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar il-kwistjoni.

(7)  Brejk diska huwa magħmul minn diska tal-brejk u unità tal-kaliper tal-brejk, li tipikament ikun fiha ċilindru tal-brejk, l-irbit tal-brejk u aġġustatur tal-irbit. Brejk diska joħloq l-azzjoni tal-brejk billi jagħfas materjal tal-frizzjoni (imsejjaħ “pedd tal-brejk”) mad-diska tal-brejk li tkun armata fuq fus tal-bogie jew fuq rota.

(8)  Brejk fuq ir-rota tipikament jikkonsisti minn ċilindru tal-brejk, irbit tal-brejk, aġġustatur tal-irbit u ħowlder tan-nagħla tal-brejk. Brejk fuq ir-rota joħloq l-azzjoni tal-brejk billi jagħfas materjal tal-frizzjoni (imsejjaħ “in-nagħla tal-brejk” jew “il-blokka tal-brejk”) direttament mal-wiċċ tat-tajer tar-rota.

(9)  F'xi applikazzjonijiet, bħal ġeneralment fil-ferroviji ta' taħt l-art, jistgħu jintużaw soluzzjonijiet tekniċi differenti bħal ngħula kolletturi tat-tielet binarju. It-Tranżazzjoni tikkonċerna biss il-pantografi 'l fuq mill-art.

(10)  Qabel kien jintuża ħafna wkoll il-ħadid fondut iżda issa qed jinbidel b'materjali sinterizzati u organiċi minħabba, pereżempju r-regolamenti dwar l-istorbju.

(11)  Wabtec toffri kontrolli tal-brejkijiet elettroniċi lil hinn miż-ŻEE, pereżempju fl-Istati Uniti. Madankollu, ir-rekwiżiti regolatorji u l-istennijiet tal-klijenti huma ferm differenti u aktar stretti fiż-ŻEE.