SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kummerċ elettroniku – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2000/31/KE – Qasam ikkordinat – Artikolu 2(h) – Kummerċjalizzazzjoni u bejgħ online ta’ prodotti kożmetiċi – Esklużjoni mill-qasam ikkordinat tal-obbligi ta’ ttikkettjar applikabbli għall-prodotti promossi u mibjugħa minn fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 75/324/KEE – Artikolu 8(2) – Regolament (KE) Nru 1223/2009 – Artikolu 19(5) – Possibbiltà għall-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jimponi l-użu ta’ lingwa tal-għażla tiegħu”

Fil-Kawża C‑88/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Stokkolma bħala Qorti tal-Appell għall-Proprjetà Intellettwali u għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Parfümerie Akzente GmbH

vs

KTF Organisation AB

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Marzu 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Parfümerie Akzente GmbH, minn P. Järvengren Gerner u T. Kronhöffer, advokater,

–

għal KTF Organisation AB, minn S. Brandt, advokat,

–

għall-Gvern Svediż, minn F.-L. Göransson u H. Shev, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u M. Guiresse, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri u F. Severi, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.-J. Loewenthal, U. Małecka, N. Ruiz García u A. Sävje, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(h)(ii) u tal-Artikolu 3(2) u (4) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE tal‑20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-aerosol dispensers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 192), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2016/2037 tal‑21 ta’ Novembru 2016 (ĠU 2016, L 314, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/324”), kif ukoll tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE)Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU 2009, L 342, p. 59 u rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12 u fil-ĠU 2021, L 129, p. 162, u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KTF Organisation AB (iktar ’il quddiem “KTF”) u Parfümerie Akzente GmbH bl-għan, b’mod partikolari, li tipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tikkummerċjalizza fl-Isvezja prodotti kożmetiċi li ma humiex ittikkettjati bil-lingwa Svediża.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2000/31

3

Il-premessi 11, 21 u 24 tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxu:

“(11)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-livell ta’ protezzjoni għal, partikolarment, is-saħħa pubblika u l-interessi tal-konsumatur, kif stabbilit b’atti tal-Komunità; fost oħrajn, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar termini mhux ġusti għall-konsumatur f’kuntratti [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100,] u d-Direttivi 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319,] jagħmlu parti minn element vitali ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’materji kontrattwali; dawk id-Direttivi japplikaw ukoll fil-qofol tagħhom għal servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni; l-istess acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli bis-sħiħ għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, tinkorpora ukoll partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 li tikkonċerna reklamar komparattiv u li jista’ jħawwad [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227, kif emendat bid-Direttiva tal-KE 97/55 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997, L 290, p. 18 u rettifika fil-ĠU 2015, L 317, p. 42)] […] din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju […] għal direttivi dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika; din id-Direttiva tikkumplementa l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni stabbiliti mid-Direttivi msemmija hawn fuq u partikolarment id-Direttiva 97/7/KE.

[…]

(21)

[…] il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il-kunsinna jew it-trasport ta’ oġġetti, inkluża d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi […]

[…]

(24)

Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, independentement mir-regola dwar il-kontroll fis-sorsi ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, huwa leġittimu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

[…]

(h)

‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

i)

Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–

il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–

il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

ii)

Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

–

ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

–

ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

–

ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suq intern”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

[…]”

Id‑Direttiva 75/324

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/324 jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8], kull aerosol dispenser jew, fejn id-dettalji ma jistgħux jitpoġġew fuq l-aerosol dispenser minħabba qisien żgħar (kapaċità massima ta’ 150 ml jew inqas) it-tikketta mwaħħla miegħu għandu jkollha d-dettalji li ġejjin f’karattri li jidhru, jinqraw u ma jitħassrux:

a)

l-isem u l-indirizz jew marka tan-negozju tal-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-aerosol dispenser,

b)

is-simbolu “3” (epsilon maqluba) li tiċċertifika l-konformità mal-kondizzjonijiet tad-Direttiva,

[…]

d)

id-dettalji li għalihom hemm riferenza fil-punt 2.2 tal-Anness,

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw it-tqegħid fis-suq ta’ aerosol dispensers fit-territorju tagħhom għall-użu ta’ l-ilsien jew l-ilsna nazzjonali tagħhom għall-kliem fuq it-tikketta.”

8

L-Anness tad-Direttiva 75/324 jipprevedi, fil-punt 2.2 tiegħu, intitolat “Tikkettar”:

“Mingħajr preġudizzju għar-Regolament [Nru 1272/2008], kull aerosol dispenser għandu juri b’mod viżibbli l-immarkar li ġej b’mod leġibbli u li ma jitħassarx:

[…]

d)

fejn l-aerosol dispenser huwa prodott tal-konsumatur, id-dikjarazzjoni ta’ prekawzjoni P102 prevista fil-Parti 1, Tabella 6.1 tal-Anness IV tar-Regolament [Nru 1272/2008];

e)

kwalunkwe prekawzjoni operattiva addizzjonali li twissi lill-konsumaturi dwar il-perikli speċifiċi tal-prodott; jekk l-aerosol dispenser ikun akkumpanjat minn istruzzjonijiet għall-użu separati, dawn tal-aħħar għandhom jirriflettu wkoll dawn il-prekawzjonijiet operattivi.”

Ir‑Regolament Nru 1223/2009

9

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1223/2009 intitolat “Sikurezza”, jipprevedi:

“Prodott kożmetiku li jsir disponibbli fis-suq għandu jkun sikur għal saħħet il-bniedem meta użat f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew raġonevolment prevedibbli, waqt li jiġu kkunsidrati, b’mod partikulari, dawn li ġejjin:

a)

preżentazzjoni […];

b)

it-tikketta;

c)

struzzjonijiet għall-użu u r-rimi tiegħu;

[…]

Il-provvediment ta’ avvertenzi ma għandux jeżenta persuna definita skont l-Artikoli 2 u 4 milli tkun konformi mal-ħtiġijiet l-oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

10

L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tikketti”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu, prodotti kożmetiċi jitqiegħdu fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ tal-prodotti kożmetiċi jkunu juru t-tagħrif li ġej f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sewwa:

[…]

c)

id-data sakemm il-prodott kożmetiku, maħżun f’kundizzjonijiet xierqa, jkompli jaqdi l-funzjoni inizjali tiegħu u, b’mod partikolari, jibqa’ konformi mal-Artikolu 3 (‘id-data tad-durabilità minima’).

[…]

d)

il-prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, u għallinqas dawk elenkati fl-Annessi III sa VI u kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kożmetiċi għal użu professjonali;

[…]

f)

il-funzjoni tal-prodott kożmetiku, sakemm din ma tkunx ċara mill-preżentazzjoni tiegħu;

[…]

5.   Il-lingwa tal-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c), (d) u (f) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi (2), (3) u (4) għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari.

[…]”

Id‑dritt Svediż

11

Il-Lagen (2002:562) om elektronisk handel och andra informationssamhällets tjänster (il-Liġi (2002:562) dwar il-Kummerċ Elettroniku u s-Servizzi l-Oħra tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku”), li tittrasponi d-Direttiva 2000/31, tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha:

“Fornitur li l-Istat ta’ stabbiliment tiegħu huwa Stat taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] għajr l-Isvezja għandu d-dritt li jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni lil riċevituri fl-Isvezja minkejja r-regoli Svediżi fil-qasam ikkoordinat.

Madankollu, qorti jew awtorità oħra tista’, skont il-liġi, tieħu miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu għal servizz bħal dan jekk dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni

1. tal-ordni u s-sigurtà pubblika,

2. tas-saħħa pubblika jew

3. tal-konsumatur.

Tali miżura għandha tkopri servizz partikolari li jippreġudika jew jirriskja li:

jagħmel ħsara serja lil wieħed minn dawn l-interessi protetti. Il-miżura għandha tkun proporzjonat għall-interess li għandu jiġi protett.”

12

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat, id-dritt Svediż japplika għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornituri li r-Renju tal-Isvezja huwa l-Istat ta’ stabbiliment tagħhom, anki jekk dawn is-servizzi huma intiżi, totalment jew parzjalment, għal riċevituri stabbiliti fi Stat ieħor taż-ŻEE.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Parfümerie Akzente hija kumpannija Ġermaniża li, permezz tas-sit tal-Internet tagħha parfumdreams.se, tippromwovi u tbigħ prodotti għall-kura tax-xagħar u prodotti kożmetiċi oħra fis-suq Svediż u għal klijentela Svediża.

14

Min-naħa tagħha, KTF hija assoċjazzjoni professjonali ta’ impriżi li jimportaw, jimmanifatturaw jew jikkummerċjalizzaw prodotti kożmetiċi u iġjeniċi li lilhom tagħti varjetà wiesgħa ta’ servizzi. Fix-xahar ta’ Frar 2020, hija ressqet azzjoni kontra Parfümerie Akzente quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ, l-Isvezja) sabiex tipprojbixxi lil din tal-aħħar, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, prattiki żleali li jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-użu ta’ ċerti allegazzjonijiet promozzjonali speċifiċi fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi u ta’ kura tax-xagħar, it-tieni nett, fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kożmetiċi li jinsabu f’ġeneraturi aerosols li ma humiex ittikkettjati bil-lingwa Svediża, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Svediża li tittrasponi d-Direttiva 75/324, u, it-tielet nett, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti kożmetiċi, b’mod partikolari dawk li jippermettu t-tneħħija tal-kulur u taż-żebgħa tax-xagħar, li lanqas ma huma ttikkettjati bil-lingwa Svediża, bi ksur b’mod partikolari tal-Artikolu 19(1)(d) u tal-Anness III tar-Regolament Nru 1223/2009.

15

Parfümerie Akzente, li tirrikonoxxi li wettqet il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti li ma għandhomx ittikkettjar bil-lingwa Svediża, tqis li d-Direttiva 2000/31 tipprekludi li fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jkun suġġett għal regoli iktar stretti minn dawk tal-Istat ta’ stabbiliment.

16

Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2021, il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u tal-Kummerċ) iddeċidiet li l-prattiki promozzjonali kkontestati kienu jikkostitwixxu prattika żleali u, konsegwentement, skont ir-regoli Svediżi li jirregolaw il-prattiki kummerċjali, ipprojbixxiet lil Parfümerie Akzente milli tirrikorri għaliha.

17

F’dan ir-rigward, din il-qorti rrilevat li Parfümerie Akzente ma kinitx indikat ir-raġunijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni Svediża fil-qasam ta’ prassi kummerċjali kienet tkun iktar restrittiva mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22 u korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), jew mid-dritt sostantiv Ġermaniż.

18

Parfümerie Akzente appellat minn din is-sentenza quddiem is-Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell għall-Proprjetà Intellettwali u għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Fl-ewwel lok, din il-qorti tfakkar b’mod partikolari li mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li din ma tippermettix lil Stat Membru jirrestrinġi, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 53 sa 68), jidher li jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur ta’ tali servizzi ma jkunx, sakemm dan ma jkunx espressament permess mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fl-Istat Membru ta’ stabbiliment ta’ dan il-fornitur.

20

Fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi stabbiliti barra mill-Isvezja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku, li jittrasponi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, jidher li jiddevja minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar. B’hekk, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 ta’ din il-liġi ma jsemmix, minn naħa, li r-regoli Svediżi li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat ma jistgħux jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, li r-regoli Svediżi jistgħu jiġu applikati sakemm ma jkunux iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur.

21

Ċertament, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku kellu jiġi interpretat fis-sens li operatur barrani jista’ liberament jipproponi għall-bejgħ is-servizzi tiegħu fl-Isvezja, mingħajr ma r-regoli Svediżi jipprekludu dan, tali implimentazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 tkun konformi mas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).

22

Tali interpretazzjoni tista’ madankollu taffettwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29, peress li tidher li timplika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli Svediżi li jittrasponu din l-aħħar direttiva lill-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor li minnu huwa jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, il-kompetituri ta’ tali fornitur jew l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li jqisu lilhom innifishom leżi minn ċerti prassi kummerċjali online jidhru li jkunu mġiegħla jduru lejn il-qrati u awtoritajiet oħra tal-Istat ta’ stabbiliment tal-istess fornitur sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom f’lingwa oħra li ma hijiex tagħhom u billi japplikaw il-liġi sostantiva ta’ Stat Membru ieħor. Tali perspettiva tidher li taffettwa l-għan li jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, imfittex mid-Direttiva 2005/29.

23

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-premessa 21 tagħha, jirriżulta li l-qasam ikkordinat ma jkoprix ir-rekwiżiti tal-Istati Membri relatati mal-oġġetti, bħalma huma r-regoli dwar is-sigurtà, l-ittikkettjar, il-kunsinna u t-trasport tagħhom. Għaldaqstant, ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom merkanzija mibjugħa fuq l-internet tista’ tiġi kkunsinnata fit-territorju ta’ Stat Membru jidhru li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

24

Madankollu, la d-Direttiva 2000/31 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhru li jippreċiżaw ir-regoli li għandhom jiġu applikati meta l-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ online jikkonċernaw prodotti allegatament ittikkettjati b’mod mhux konformi mar-rekwiżiti relatati ma’ dawn il-prodotti bħala tali fl-Istat Membru tal-konsumatur li jixtrihom. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qasam ikkordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, jinkludix rekwiżiti dwar il-promozzjoni u l-bejgħ online ta’ prodott li allegatament ma huwiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali.

25

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, għalkemm ir-rekwiżiti imposti għall-kunsinna u għall-prodott bħala tali għandhom jiġu esklużi mill-qasam ikkordinat, konformement mal-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, kif interpretat fis-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C‑108/09, EU:C:2010:725), is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punti 54 sa 59) tissuġġerixxi, min-naħa l-oħra, li element indissoċjabbli u anċillari tas-servizz ta’ bejgħ online jista’ jaqa’ fil-qasam ikkordinat, anki jekk dan l-element, ikkunsidrat waħdu, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

26

Barra minn hekk, fil-każ ta’ bejgħ online ddestinat esklużivament għal konsumaturi ta’ Stat Membru ieħor li fih il-fornitur ma huwiex stabbilit, jekk il-qasam ikkoordinat kellu jkopri r-rekwiżiti applikabbli għall-kummerċjalizzazzjoni u għall-bejgħ online, iżda mhux dawk relatati mal-kunsinna jew mal-prodott bħala tali, id-diversi stadji tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jidhru li jistgħu japplikaw regoli ta’ Stati Membri differenti. L-għan tad-Direttiva 2000/31 li jikkonsisti fit-tneħħija tal-inċertezza legali u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-moviment liberu f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-bejgħ li jsir online, jidher li jkun għalhekk miksur.

27

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni, bħall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 u l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009, jidhru li jipprevedu kundizzjonijiet li prodott għandu jissodisfa sabiex jitqiegħed fis-suq jew jiġi pprovdut lill-utenti finali fl-Istat Membru.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti f’Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell għall-Proprjetà Intellettwali u għall-Affarijiet Ekonomiċi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2000/31] għandu, fid-dawl tar-regoli l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u tal-effett utli tiegħu, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha r-regoli nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva [2005/29], ma għandhomx jiġu applikati meta l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, minn fejn huwa jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u meta ma jkunux issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ deroga li tirriżulta mir-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31?

2)

Il-qasam ikkoordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni fis-sit internet tal-bejjiegħ u l-bejgħ online ta’ prodott li huwa allegatament ittikkettat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru tal-konsumatur li jixtrih?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ir-rekwiżiti imposti għall-kunsinna u għal prodott bħala tali huma madankollu, skont l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, esklużi mill-qasam ikkordinat fis-sitwazzjoni fejn il-kunsinna tal-prodott bħala tali tikkostitwixxi parti neċessarja tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ online, jew inkella għandu jitqies li l-kunsinna tal-prodott bħala tali hija element anċillari u inseparabbli mill-kummerċjalizzazzjoni u mill-bejgħ online?

4)

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni u tat-tielet domanda, x’importanza għandu, jekk ikun il-każ, il-fatt li r-rekwiżiti relatati mal-prodott bħala tali jirriżultaw minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw u jikkompletaw regoli tal-Unjoni speċifiċi għal settur, fosthom l-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva 75/324] u l-Artikolu 19(5) tar-Regolament [Nru 1223/2009], u li jipprovdu li r-rekwiżiti relatati mal-prodott għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan ikun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi pprovdut lill-utenti finali fl-Istat Membru?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni sar‑raba’ domanda

29

Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati qabel kollox u b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat” jinkludi r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ittikkettjar ta’ prodotti promossi u mibjugħa fuq is-sit internet ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li huma imposti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi mmirati minn dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online, minħabba li dawn ir-rekwiżiti, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ regoli settorjali tal-Unjoni li għalihom huwa suġġett it-tqegħid fis-suq jew il-provvista lill-utenti finali ta’ dawn il-prodotti, jikkostitwixxu element aċċessorju u inseparabbli mill-kummerċjalizzazzjoni u mill-bejgħ online tal-istess prodotti.

30

Kif jirriżulta mill-premessa 24 tagħha, id-Direttiva 2000/31 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kontroll fis-sors tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Minn dan isegwi, minn naħa, li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, “[k]ull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat”. Min-naħa l-oħra, skont dan l-Artikolu 3(2), “[l]-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz[i] minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor”. Madankollu, l-Artikolu 3(4) jippermetti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, li “jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni”.

31

Skont l-Artikolu 2(h), initio, tal-imsemmija direttiva l-“qasam ikkordinat” jindika “ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom”.

32

It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31 jippreċiża li l-“qasam ikkordinat” jinkludi b’mod partikolari r-rekwiżiti relatati mal-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħal dawk li jirrigwardaw il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz, inkluż fil-qasam tar-reklamar. Għall-kuntrarju, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(h)(ii) ta’ din id-direttiva, jiġu esklużi minn dan il-qasam ir-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittikkettjar, bħal b’mod partikolari l-ippakkjar, il-forma jew il-kompożizzjoni ta’ oġġett, jikkostitwixxi rekwiżit applikabbli għall-oġġetti bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 15, kif ukoll tas‑6 ta’ Lulju 1995, Mars,C‑470/93, EU:C:1995:224, punt 12). Bl-istess mod, il-premessa 21 tad-Direttiva 2000/31, li fid-dawl tagħha l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(h)(ii) tagħha għandu jiġi interpretat, tikklassifika l-obbligi ta’ ttikkettjar fost ir-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti. Għaldaqstant, l-obbligi fir-rigward tal-ittikkettjar jiġu esklużi mill-kamp tal-qasam ikkoordinat.

34

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, A (Reklamar u bejgħ ta’ prodotti mediċinali online) (C‑649/18, EU:C:2020:764, punt 59), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li reklamar imwettaq kemm permezz ta’ mezzi elettroniċi kif ukoll permezz ta’ mezzi fiżiċi “[kien] [j]ikkostitwixxi element anċillari u inseparabbli tas-servizz ta’ bejgħ online u [j]aqa’, għal din ir-raġuni, fl-intier [tiegħu], taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens [ta’ din id-]Direttiva”.

35

Fil-fatt, kuntrarjament għall-każ eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 55 sa 59 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, kif iċċarat mill-premessa 21 ta’ din tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried espressament, kif ġie enfasizzat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jeskludi mill-qasam ikkoordinat ir-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali, li taħtu jaqgħu l-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar.

36

Għaldaqstant, sakemm ma tiġix ippreġudikata r-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, l-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar applikabbli għall-prodotti promossi u mibjugħa online ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jaqa’, minn naħa, taħt id-Direttiva 2000/31, fir-rigward b’mod partikolari tar-rekwiżiti relatati mar-reklamar online, u, min-naħa l-oħra, taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonkretizzaw l-obbligi fil-qasam tal-ittikkettjar tal-prodotti li huwa jipproponi għall-bejgħ fuq is-sit internet tiegħu.

38

Din l-interpretazzjoni tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi, peress li kull Stat Membru kkonċernat huwa f’pożizzjoni li jiżgura direttament l-osservanza fit-territorju tiegħu tar-regoli li jirregolaw l-ittikkettjar tal-prodotti.

39

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2000/31, moqri fid-dawl tal-premessa 11 tagħha, din id-direttiva hija bla ħsara għal-livell ta’ protezzjoni eżistenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-interessi tal-konsumaturi, stabbilit mill-istrumenti tal-Unjoni, li għandhom jiġu applikati, fl-intier tagħhom, għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

40

Peress li r-rekwiżiti applikabbli għall-oġġetti bħala tali, b’mod partikolari dawk relatati mal-ittikkettjar tagħhom, jiġu esklużi mill-qasam ikkordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, huma għandhom jiġu mfittxija, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fid-Direttiva 75/324 u fir-Regolament Nru 1223/2009.

41

Issa, dawn iż-żewġ atti tad-dritt sekondarju jippermettu lill-Istati Membri jimponu, fit-territorju tagħhom, l-osservanza ta’ lingwa partikolari. Skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, “[l]-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw it-tqegħid fis-suq ta’ aerosol dispensers fit-territorju tagħhom għall-użu ta’ l-ilsien jew l-ilsna nazzjonali tagħhom għall-kliem fuq it-tikketta”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009 jipprevedi li l-lingwa li biha hija mfassla b’mod partikolari l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1)(c), (d) u (f) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri d-data minima tad-durabbiltà, il-prekawzjonijiet partikolari tal-użu u l-funzjoni tal-prodott kożmetiku, “għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istati Membri fejn il-prodott ikun sar disponibbli għall-utent aħħari”.

42

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ma tistax tiġi żgurata b’mod sħiħ jekk il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jieħdu konjizzjoni sħiħa u jifhmu b’mod partikolari r-riferiment għall-funzjoni tal-prodott kożmetiku kkonċernat u għall-prekawzjonijiet partikolari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu tiegħu. L-informazzjoni li l-produtturi jew id-distributuri tal-prodotti kożmetiċi koperti minn dan ir-regolament għandhom l-obbligu li jinkludu fuq il-kontenitur u fuq l-imballaġġ tal-prodott, ħlief meta din tista’ tiġi trażmessa b’mod effettiv permezz tal-użu ta’ pittogrammi jew ta’ sinjali oħra għajr kliem, hija nieqsa minn utilità prattika jekk ma tkunx ifformulata f’lingwa li tinftiehem mill-persuni li għalihom hija intiża (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, A.M. (Ittikkettjar tal-prodotti kożmetiċi),C‑667/19, EU:C:2020:1039, punt 47).

43

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 75/324 jeżiġi li l-Istati Membri li jużaw il-possibbiltà inkluża f’din id-dispożizzjoni jipprevedu li t-tikketta kollha ta’ aerosol dispenser għandha tinkiteb bil-lingwa jew bil-lingwi nazzjonali rilevanti. Kuntrarjament, għall-prodotti kosmetiċi, hija biss l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(5) tar-Regolament Nru 1223/2009 li għandha tkun aċċessibbli bil-lingwa ddeterminata mill-Istat Membru li fih il-prodott kożmetiku jsir disponibbli għall-utent aħħari.

44

Madankollu, il-fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jista’, jekk ikun jixtieq, jiżgura wkoll it-traduzzjoni, bil-lingwa tal-konsumatur, ta’ informazzjoni li t-traduzzjoni tagħha ma tkunx obbligatorja skont din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 1999, Colim,C‑33/97, EU:C:1999:274, punt 42).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “qasam ikkordinat” ma jinkludix ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ittikkettjar ta’ prodotti promossi u mibjugħa fuq is-sit internet ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li huma imposti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi mmirati minn dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online.

Fuq l‑ewwel domanda

46

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni sar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, peress li din hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlazzjonijiet Svediżi dwar l-ittikkettjar ta’ aerosol dispensers u tal-prodotti kożmetiċi jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”)

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “qasam ikkordinat” ma jinkludix ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ittikkettjar ta’ prodotti promossi u mibjugħa fuq is-sit internet ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li huma imposti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-konsumaturi mmirati minn dawn il-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni online.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.