KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 ( 1 )
Kawża C‑18/21
Uniqa Versicherungen AG
vs
VU
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il‑Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Oppożizzjoni – Artikolu 16(2) – Terminu ta’ 30 jum sabiex tintbagħat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea – Artikolu 20 – Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali wara l-iskadenza tat-terminu fl-Artikolu 16(2) – Artikolu 26 – Relazzjoni mad-dritt proċedurali nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar miżuri relatati mal-COVID‑19 li tinterrompi t-termini proċedurali kollha f’kawżi ċivili mill‑21 ta’ Marzu 2020 sat‑30 ta’ April 2020”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa fuq talba ta’ Uniqa Versicherungen AG kontra VU, skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea ( 2 ). Hija tfittex l-interpretazzjoni tal-Artikoli 16(2), 20 u 26 ta’ dan ir-regolament. |
|
2. |
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni, li fin-nuqqas tagħha din l-ordni ssir eżekuttiva kontra l-konvenut ( 3 ). Konvenut li ma jippreżentax dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’dan it-terminu ta’ 30 jum jista’, f’numru ta’ każijiet eċċezzjonali, jitlob reviżjoni tal-ordni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, kwistjonijiet proċedurali li ma humiex speċifikament ittrattati f’dan ir-regolament huma rregolati mid-dritt nazzjonali. |
|
3. |
Fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID‑19 fl-ewwel trimestru tal‑2020, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat leġiżlazzjoni li interrompiet it-termini proċedurali kollha fil-proċeduri f’kawżi ċivili mill‑21 ta’ Marzu 2020 sat‑30 ta’ April 2020. Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tas‑27 ta’ Novembru 2020, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2021, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tistaqsi jekk l-Artikoli 20 u 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprekludux tali leġiżlazzjoni nazzjonali. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea – Ir-Regolament Nru 1896/2006
|
4. |
Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1896/2006 tiddeskrivi l-għan tiegħu bħala: “[…] li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea […] fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunx hemm il-ħtieġa li jitressqu proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.” |
|
5. |
Il-premessa 24 tar-regolament tistabbilixxi li: “Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta’ żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b’mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f’dak il-każ. […]” |
|
6. |
Il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament tipprevedi li: “Wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, f’ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’ għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta’ reviżjoni l-merti tat-talba m’għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni.” |
|
7. |
Il-premessa 29 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li dan ir-regolament għandu bħala għan “li jinħalaq mekkaniżmu uniformi, effiċjenti u rapidu għall-irkuprar ta’ talbiet ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha”. |
|
8. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi li: “L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 16, intitolat “Oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu li: “1. Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. 2. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.” |
|
10. |
L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li: “Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti. […]” |
|
11. |
L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Jekk fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b’konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, il-qorti ta’ oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta’ oriġini għandha tivverifika d-data ta’ servizz.” |
|
12. |
L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprevedi: “1. Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:
sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront. 2. Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra. 3. Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ. Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.” |
|
13. |
L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprevedi: “Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.” |
B. Id‑dritt Awstrijak
|
14. |
L-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Bundesgesetz betreffend Begleitmaßnahmen zu COVID‑19 in der Justiz (1. COVID‑19‑Justiz-Begleitgesetz – 1. COVID‑19‑JuBG) (il-Liġi Federali dwar Miżuri ta’ Akkumpanjament tal-COVID‑19 fil-Qasam Ġudizzjarju, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19”) ( 4 ), jipprevedu: “Proċeduri f’kawżi ċivili Interruzzjoni tat-termini […] Fil-proċeduri ġudizzjarji, it-termini proċedurali kollha li għalihom l-avveniment li jiskatta t-terminu jkun jinsab fil-perijodu ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali u t-termini proċedurali kollha li jkunu għadhom ma skadewx qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi federali għandhom jiġu interrotti sal-aħħar tat‑30 ta’ April 2020. Huma għandhom jibdew jiddekorru mill-ġdid fil‑1 ta’ Mejju 2020. […]” |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
15. |
Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija), bħala l-qorti tal-ewwel istanza, ħarġet ordni ta’ ħlas Ewropea fuq talba ta’ Uniqa Versicherungen. Din l-ordni ġiet innotifikata lil VU, li huwa resident tal-Ġermanja, fl‑4 ta’ April 2020. Fit‑18 ta’ Mejju 2020 ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni. Il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali), ċaħdet din l-oppożizzjoni minħabba li ma kinitx ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. |
|
16. |
Fl-appell, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) annullat id-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza. Hija ddeċidiet li t-terminu sabiex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 kien ġie interrott skont l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19. Skont din il-liġi, it-termini proċedurali kollha fil-proċeduri f’kawżi ċivili li kienu bdew jiddekorru fit‑22 ta’ Marzu 2020 jew wara din id-data, sat-tmiem tat‑30 ta’ April 2020, huma interrotti u jibdew jiddekorru mill-ġdid fil‑1 ta’ Mejju 2020. |
|
17. |
Uniqa Versicherungen ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna. Hija titlob li jiġi stabbilit mill-ġdid id-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza. |
|
18. |
L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tinnota li hemm opinjonijiet diverġenti fil-letteratura ġuridika Awstrijaka dwar jekk l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 japplikax għat-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jew jekk l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jeskludix l-applikazzjoni tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19. Ċerti kummentaturi huma tal-fehma li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 jirregola l-forza maġġuri jew iċ-ċirkustanzi straordinarji bħall-kriżi tal-COVID‑19. Għaldaqstant huwa inammissibbli li wieħed jirrikorri għad-dritt nazzjonali. Kummentaturi oħra jikkunsidraw li l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 ma huwiex “prekluż” mill-proċedura ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Huma jsostnu li l-kliem tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa limitat għat-tul tat-terminu li fih tista’ tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. Kwalunkwe interruzzjoni possibbli ta’ dan it-terminu ma hijiex irregolata, bir-riżultat li – skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 – japplika d-dritt proċedurali nazzjonali. L-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa limitat għall-kisba ta’ ekwità f’każijiet individwali. Huwa ma jinkludix regola ġenerali adottata fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, bħall-kriżi tal-COVID‑19. |
|
19. |
L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 20 u 26 tar-Regolament [Nru 1896/2006] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interruzzjoni tat-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għal talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilita fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, bħal dik prevista fl-Artikolu 1(1) tal-[Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19], li jipprovdi li t-termini proċedurali kollha fi proċeduri ċivili, li jkunu ġew skattati minn avveniment li seħħ wara l‑21 ta’ Marzu 2020 jew li jkunu għadhom ma skadewx f’din id-data, għandhom jiġu interrotti sat‑30 ta’ April 2020 u jibdew jiddekorru mill-ġdid fl‑1 ta’ Mejju 2020?” |
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
20. |
Uniqa Versicherungen, VU, il-Gvern Elleniku u dak Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
21. |
Uniqa Versicherungen, il-Gvern Franċiż u dak Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Jannar 2022. |
V. Fuq id-domanda preliminari
|
22. |
Permezz tad-domanda tagħha, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk l-Artikoli 20 u 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprekludux l-adozzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija tal-COVID‑19, ta’ miżura nazzjonali li kienet intiża li tinterrompi t-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea li jinsab fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament. |
|
23. |
Qabel ma tiġi analizzata d-domanda preliminari, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1896/2006, b’mod partikolari, dwar l-Artikoli 16, 20 u 26 tiegħu. |
A. Ħarsa ġenerali lejn ir‑Regolament Nru 1896/2006 u l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwaru
|
24. |
L-għan tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa li jissemplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispejjeż fit-tilwimiet transkonfinali li jirrigwardaw krediti pekunjarji mhux ikkontestati permezz tal-istabbiliment ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas ( 5 ). Dan jintroduċi strument uniformi għall-irkupru ta’ djun taħt kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri għal kull kwistjoni proċedurali mhux espressament irregolata minnu. Ir-Regolament Nru 1896/2006 għaldaqstant jiżgura kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni kollha ( 6 ). |
|
25. |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jiftaħ il-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas għat-tilwimiet transkonfinali. Skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, tilwima tkun transkonfinali meta minn tal-inqas waħda mill-partijiet tkun iddomiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-qorti adita ( 7 ). F’din il-kawża, Uniqa Versicherungen adixxiet lill-qrati ċivili Awstrijaki. VU jirrisjedi l-Ġermanja. Għaldaqstant teżisti tilwima transkonfinali fis-sens tar-Regolament Nru 1896/2006. |
|
26. |
Il-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma hijiex kontradittorja. Il-qorti nazzjonali adita b’talba għal tali ordni għandha tiddeċidiha esklużivament b’riferiment għaliha. Il-konvenut ma huwiex informat bl-eżistenza tal-proċedura ( 8 ). Għaldaqstant huwa biss fil-mument tan-notifika tal-ordni li l-konvenut jista’ jsir jaf kemm bl-eżistenza tagħha kif ukoll bil-kontenut tat-talba kontrih. Fid-dawl tan-natura essenzjalment unilaterali tal-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu importanza partikolari ( 9 ). |
|
27. |
Meta ssir in-notifika tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut jiġi informat bil-possibbiltajiet tiegħu ( 10 ) li jew iħallas lir-rikorrent l-ammont indikat fl-ordni jew jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni quddiem il-qorti ta’ oriġini ( 11 ), skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas. Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ma għandhiex għalfejn tinkludi motivi ( 12 ), peress li ma sservix bħala kuntest għal difiża fuq il-mertu iżda sempliċement tippermetti lill-konvenut jikkontesta l-kreditu ( 13 ). L-oppożizzjoni hija l-mekkaniżmu li bih normalment tintemm il-proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas, billi din twassal sabiex it-tilwima tgħaddi b’mod awtomatiku għall-proċedura ċivili ordinarja, sakemm ir-rikorrent ma jitlobx espliċitament li l-proċedura tiġi tterminata ( 14 ). Kif jirrileva l-Gvern Elleniku fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha bħala konsegwenza li ma jkunx hemm iktar kreditu pekunjarju mhux ikkontestat għall-finijiet tar-Regolament Nru 1896/2006. Il-possibbiltà ta’ preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni hija maħsuba sabiex tikkumpensa għall-fatt li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tipprovdix għall-parteċipazzjoni tal-konvenut. L-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà mill-konvenut tippermettilu jikkontesta l-kreditu wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea ( 15 ). |
|
28. |
Meta t-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jkun skada, l-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi rreveduta biss fil-“każijiet eċċezzjonali” ( 16 ) elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ( 17 ). Barra minn hekk, it-talba ta’ konvenut lil qorti għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1896/2006 tintlaqa’ biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Għalhekk, bħalma ddikjara l-Gvern Elleniku fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jista’ jkollha konsegwenzi gravi u irreversibbli għall-konvenuti. |
|
29. |
Skont l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, konvenut huwa intitolat jitlob ir-reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini meta huwa jkun ġie prekluż milli joġġezzjona għall-kreditu minħabba forza maġġuri ( 18 ) jew meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, il-preżenza ta’ ċirkustanzi straordinarji li minħabba fihom il-konvenut kien imxekkel milli jikkontesta l-kreditu fit-terminu previst għal dan il-għan, it-tieni, l-assenza ta’ ħtija min-naħa tal-konvenut u, it-tielet, il-kundizzjoni li dan tal-aħħar jaġixxi fil-pront ( 19 ). Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li tista’ ssir reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea fil-każ ta’ inosservanza tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni meta jkun jidher manifestament li l-ordni ta’ ħlas inħarġet b’mod żbaljat, b’rigward għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament, jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali oħra ( 20 ). |
|
30. |
Peress li l-proċedura ta’ reviżjoni hija disponibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta ( 21 ). Barra minn hekk, kif tistabbilixxi l-premessa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas, prevista fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, ma tagħtix lill-konvenut it-tieni possibbiltà sabiex jopponi l-kreditu ( 22 ). Jekk il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tiċħad it-talba għal reviżjoni mressaq mill-konvenut skont l-Artikolu 20(1)(b) jew l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, l-ordni ta’ ħlas Ewropea tibqa’ fis-seħħ. Jekk, madankollu, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tiddeċiedi li r-reviżjoni hija ġġustifikata, l-ordni ta’ ħlas Ewropea hija nulla u bla effett. |
|
31. |
Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma hijiex intiża li tissostitwixxi l-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 16. Iż-żewġ proċeduri huma ta’ natura kompletament differenti. Konvenut għandu dritt assolut li jopponi ordni ta’ ħlas Ewropea fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. Ebda motivazzjoni ma hija meħtieġa fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. B’kuntrast ma’ dan, huwa possibbli li jsir użu mill-proċedura ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 f’“każijiet eċċezzjonali” limitati ħafna u biss wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 16(2). |
|
32. |
Barra minn hekk, konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti ta’ oriġini permezz ta’ formola standard li tkun ingħatatlu flimkien mal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Għall-kuntrarju, konvenut għandu jitlob reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u r-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprevedi ebda formola standard għal dan l-għan. |
|
33. |
Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, kull kwistjoni proċedurali li ma hijiex speċifikament irregolata minn dan ir-regolament “għandha tiġi regolata bil-liġi nazzjonali”. F’każijiet bħal dawn, l-applikazzjoni tar-Regolament b’analoġija hija eskluża ( 23 ). F’dan ir-rigward, kif stabbilit fil-premessa 9 tiegħu, ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi standards minimi li l-osservanza tagħhom tirrendi inutli kull proċedura intermedja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni qabel ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-Regolament Nru 1896/2006 għalhekk ma jinkludix proċedura eżawrjenti għall-irkupru ta’ krediti mhux ikkontestati permezz ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa konformi mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità ( 24 ). |
B. Analiżi tad-domanda preliminari
|
34. |
Il-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, isostnu li l-għan tal-interruzzjoni ġenerali tat-termini introdotta mill-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 kien li tiżgura malajr iċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali lill-partijiet kollha fi proċedura ġudizzjarja u lir-rappreżentanti tagħhom, fis-sitwazzjoni eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID‑19 li matulha l-ħajja pubblika u l-attività kienu limitati għal minimu. Minħabba l-impatt tal-virus u l-miżuri ta’ kwarantina meħuda sabiex jiġi limitat it-tixrid tiegħu, inkluż l-evitar ta’ kuntatt personali sa fejn possibbli, kien previst li l-persunal tal-qrati, il-konsulenti legali u l-partijiet ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-attività tagħhom bil-mod normali. Għalhekk, il-leġiżlatur Awstrijak interrompa t-termini b’mod ġenerali u mingħajr riferiment għal kawżi individwali. |
|
35. |
Billi kien intiż li jinterrompi t-termini proċedurali kollha fil-kawżi ċivili, inklużi dawk stabbiliti minn strumenti legali tal-Unjoni, l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 kellu portata wiesgħa ħafna. Madankollu, mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-miżura inkwistjoni kienet tapplika għal termini proċedurali li kienu għadhom ma skadewx qabel id-dħul fis-seħħ tagħha u li interrompiet dawn it-termini għal perijodu ta’ madwar ħames ġimgħat. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-miżura inkwistjoni ma tatx ħajja mill-ġdid lil termini li kienu skadew u lanqas ma kellha xi effett retroattiv ieħor. Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak ikkonferma waqt is-seduta li huwa ma adotta ebda miżura oħra sabiex jinterrompi t-termini b’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID‑19. |
|
36. |
L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006 la jipprovdi għall-interruzzjoni u lanqas għall-estensjoni tat-terminu previst fih. Huwa sempliċement jistabbilixxi t-terminu ta’ 30 jum li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tal-ordni lill-konvenut ( 25 ). Meta ppreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, VU ma osservax it-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006. L-ordni ta’ ħlas Ewropea miksuba minn Uniqa Versicherungen hija għalhekk, bħala prinċipju, eżekuttiva skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. |
|
37. |
Prima facie, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jidhirx li jipprevedi miżura bħall-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 li tinterrompi jew tissospendi t-termini b’mod ġenerali. Fil-fatt, kif enfasizzaw il-Gvern Awstrijak u VU fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprevedi ebda interruzzjoni jew sospensjoni tat-termini, ġenerali jew le, minħabba, pereżempju, il-mewt ta’ parti, it-telf tal-locus standi in judicio ta’ parti, jew il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment/ta’ insolvenza. Dan il-gvern u VU għalhekk isostnu li l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tat-termini f’tali kwistjonijiet għandha tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali. |
|
38. |
F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistax, fil-fatt, ikun identiku fl-Istati Membri kollha. Skont il-premessa 28 ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien ( 26 ), japplika għall-kalkolu tat-termini skont ir-Regolament Nru 1896/2006. Konsegwentement, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vaganzi pubbliċi tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti ta’ ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Peress li l-vaganzi pubbliċi fl-Istati Membri ma humiex uniformi, ikun hemm diverġenzi fid-determinazzjoni tad-data preċiża li fiha għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. |
|
39. |
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, li jipprevedi r-reviżjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea fil-każ ta’ ħruġ manifestament żbaljat tal-ordni ta’ ħlas, ma japplikax fil-kuntest tal-kawża prinċipali. L-ewwel, ma hemm ebda suġġeriment fil-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ordni ta’ ħlas Ewropea miksuba minn Uniqa Versicherungen inħarġet b’mod żbaljat. It-tieni, u iktar importanti, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi kriterji li japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi filwaqt li l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 stabbilixxa regola ġenerali li kienet tapplika għat-termini proċedurali kollha fil-kawżi ċivili. |
|
40. |
Fil-fehma tiegħi, in-natura ġenerali tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 twasslu sabiex joħroġ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006. Barra minn hekk, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 27 ). Persuna tista’ tinvoka l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 mingħajr ma jkollha tipprova li hija kienet prekluża milli topponi ordni ta’ ħlas Ewropea minħabba każ ta’ forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji ( 28 ). Din il-konklużjoni ma tinbidilx bl-eżistenza ta’ każijiet individwali fejn, minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, konvenut seta’ fil-fatt jinvoka l-forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji b’riferiment għall-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 meta huwa ma jkunx ippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi żmien xieraq. |
|
41. |
Peress li l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 20(1)(b) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprevedux interruzzjoni ġenerali tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 16(2) tiegħu, tqum il-kwistjoni dwar jekk huma, jew xi dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1896/2006, jipprekludux l-adozzjoni ta’ miżura ġenerali bħall-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19. |
|
42. |
Fil-fehma tiegħi, le. Kif huwa evidenti mill-premessa 9 u mill-Artikolu 26 tiegħu, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma huwiex intiż li jarmonizza b’mod eżawrjenti r-regoli proċedurali li jirregolaw ordni ta’ ħlas Ewropea ( 29 ). Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi regoli minimi sabiex jiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordni adottata fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkun neċessarju li jinfetħu proċeduri intermedji minn qabel fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Jiena għaldaqstant inqis li interruzzjoni ġenerali tat-termini minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 hija kwistjoni proċedurali li ma ġietx ittrattata fir-Regolament Nru 1896/2006. Għalhekk, hija għandha tiġi rregolata mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 26 tiegħu ( 30 ). |
|
43. |
Miżuri proċedurali nazzjonali adottati skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma għandhomx ikunu diskriminatorji u għalhekk inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili nazzjonali jew jippreġudikaw l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament ( 31 ). |
|
44. |
Jidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 la kien direttament u lanqas indirettament diskriminatorju peress li kien japplika għat-termini proċedurali kollha fil-kawżi ċivili irrispettivament mill-bażi ġuridika li fuqha nbdew. Fil-fatt, kif osserva l-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, fid-dawl tal-eżistenza ta’ proċeduri nazzjonali paralleli li għandhom l-istess għan tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, setgħet tirriżulta differenza fit-trattament ipprojbita li kieku d-dritt Awstrijak interrompa t-termini għall-proċeduri nazzjonali filwaqt li ma applikax regoli identiċi għat-termini previsti mir-Regolament Nru 1896/2006. |
|
45. |
Fil-fehma tiegħi, miżura bħall-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 lanqas ma tippreġudika l-għanijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 peress li interruzzjoni ġenerali tat-termini ma żżidx stadju proċedurali ieħor mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Il-mekkaniżmu uniformi stabbilit mir-Regolament Nru 1896/2006 ma jinbidilx. Il-miżura nazzjonali inkwistjoni ma imponietx piż proċedurali addizzjonali fuq ir-rikorrenti. Hija sempliċement żgurat li t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea ġie interrott fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID‑19 għal perijodu limitat. B’dan il-mod, il-leġiżlatur nazzjonali żgura li r-Regolament Nru 1896/2006 ħadem b’mod effettiv billi ppreżerva l-bilanċ xieraq bejn l-interessi proċedurali tar-rikorrenti u tal-konvenuti stabbiliti b’dan il-mod, u b’hekk żgura d-drittijiet tat-tnejn. |
|
46. |
Barra minn hekk, l-għanijiet tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistgħux jintlaħqu billi jiġu mminati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea kif żgurati mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 32 ). Kif diġà ġie indikat, minħabba n-natura differenti taż-żewġ proċeduri, il-proċedura ta’ reviżjoni ma tissostitwixxix il-proċedura ta’ oppożizzjoni ( 33 ). Lanqas ma huwa żgurat l-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura ta’ reviżjoni. B’kuntrast ma’ dan, il-proċedura ta’ oppożizzjoni tiżgura li krediti ma humiex ikkunsidrati li ma humiex ikkontestati u jiġu deċiżi fil-kuntest ta’ proċedura ċivili ordinarja, u għalhekk jiġi ppreżervat id-dritt tal-konvenut għal aċċess effettiv għall-ġustizzja. In-natura unika u imprevedibbli tal-pandemija tal-COVID‑19 affettwat sa ċertu punt lil kulħadd. L-obbligu għall-konvenuti li jinvokaw il-proċedura ta’ reviżjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 kien ikun jimponi piż kbir fuqhom. Finalment, kif indika l-Gvern Awstrijak sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 tiegħu, l-invokazzjoni frekwenti mill-konvenuti tal-proċedura ta’ reviżjoni f’każijiet individwali setgħet twassal għal żieda fin-numru ta’ kawżi ppreżentati quddiem il-qrati, u għalhekk setgħet taffettwa l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja wara l-pandemija tal-COVID‑19. ( 34 ) |
|
47. |
L-iskema maħluqa mir-Regolament Nru 1896/2006 tipprevedi li aċċess għall-proċedura ta’ oppożizzjoni huwa fundamentali sabiex jinkiseb bilanċ ġust u xieraq bejn il-partijiet u jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li d-destinatarji ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea ma jingħatawx possibbiltà effettiva li jopponu tali ordni, u għalhekk li jinstemgħu minn qorti f’sitwazzjonijiet li qamu bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID‑19, seta’ jimmina l-bilanċ delikat li r-Regolament Nru 1896/2006 stabbilixxa bejn ir-rikorrenti u l-konvenuti, u għalhekk jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 35 ). |
|
48. |
Skont l-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-għanijiet u tal-portata tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19, jidher li din il-miżura wkoll fittxet għan leġittimu ta’ interess ġenerali. Il-perijodu ta’ interruzzjoni ( 36 ) ta’ madwar ħames ġimgħat mogħti fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID‑19 fl‑2020 kien qasir fid-dawl tal-gravità tal-kriżi tas-saħħa pubblika u tal-inċertezza ġenerali li kienet prevalenti dak iż-żmien. Id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu ta’ interruzzjoni ġiet stabbilita b’mod ċar u trasparenti. Il-miżura inkwistjoni għalhekk osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ppreżervat iċ-ċertezza legali, u għalhekk iffavorixxiet l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
VI. Konklużjoni
|
49. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej: L-Artikoli 16, 20 u 26 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma jipprekludux l-adozzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija tal-COVID‑19, ta’ miżura nazzjonali li interrompiet it-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea li jinsab fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2006, L 399, p. 1.
( 3 ) Ara l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1896/2006.
( 4 ) Ippubblikata fil‑21 ta’ Marzu 2020, fil-verżjoni tal‑4. COVID‑19-Gesetz (BGBl. I 24/2020) fis-seħħ fil-mument li l-ordni ta’ ħlas Ewropea ġiet innotifikata lil VU fl‑4 ta’ April 2020.
( 5 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-premessi 9 u 29 tiegħu. Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bondora (C‑453/18, EU:C:2019:1118, punt 36). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn qari flimkien tal-premessi 8 u 10 tar-Regolament Nru 1896/2006 kif ukoll tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jistabbilixxi proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas li tikkostitwixxi strument komplementari u fakultattiv għar-rikorrent, mingħajr ma r-regolament imsemmi ma jissostitwixxi jew jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti ta’ rkupru ta’ krediti mhux ikkontestati stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 53).
( 6 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:794, punt 30); tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten (C‑144/12, EU:C:2013:393, punt 28); u tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund (C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 53).
( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bondora (C‑453/18, EU:C:2019:1118, punt 35).
( 8 ) L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 jinkludi rekwiżiti eżawrjenti dwar il-kontenut u l-forma ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka (C‑215/11, EU:C:2012:79, punti 25 sa 32). Qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ madankollu titlob mingħand il-kreditur informazzjoni addizzjonali dwar il-klawżoli tal-kuntratt invokati insostenn tal-kreditu inkwistjoni sabiex twettaq stħarriġ ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli. Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Bondora (C‑453/18, EU:C:2019:1118, punt 54). Permezz ta’ dan, in-natura eżawrjenti tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 tista’ ma tippermettix lil kredituri jevitaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), jew l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
( 9 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punti 44 u 45). Cymre Nourissat iddeskriva l-proċedura bħala “impitoyable”, ma taħfirx. Ara Nourissat, C., “Nouveau refus de la Cour de justice de caractériser des circonstances exceptionnelles en matière de réexamen”, Procédures, 2016, Nru 1, p. 29.
( 10 ) Ara l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1896/2006. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli minimi dwar in-notifika tal-ordni ta’ ħlas Ewropea li jinsabu fir-Regolament Nru 1896/2006, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bilanċ bejn l-għanijiet ta’ rapidità u ta’ effikaċità mfittxija minn dan ir-regolament, minn naħa, u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, min-naħa l-oħra, jiġi ppreġudikat. Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 37). F’tali ċirkustanzi, l-ordni ma tistax tiġi eżegwita, il-proċedura ta’ oppożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma tapplikax u t-terminu li matulu l-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ma jibdiex jiddekorri. Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punti 41 sa 43 u 48). Ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 53). Minn dan isegwi li l-proċedura ta’ reviżjoni fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 hija wkoll inapplikabbli. Sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punti 43 u 44), u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 54).
( 11 ) Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1896/2006, il-“qorti ta’ oriġini” hija l-qorti li toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.
( 12 ) Ara l-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1896/2006. Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 40).
( 13 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten (C‑144/12, EU:C:2013:393, punt 40).
( 14 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 38). Ara, f’dan is-sens, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1896/2006. Fil-punt 39 tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics and Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li “l-krediti li jwasslu għal ordni għal ħlas Ewropea jiġu kkontestati permezz tal-oppożizzjoni, il-proċedura speċjali rregolata mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tibqax tapplikax, ladarba, skont l-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dan għandu biss l-għan li ‘jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus’”.
( 15 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 29).
( 17 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 44).
( 18 ) Sakemm il-konvenut jaġixxi fil-pront.
( 19 ) Digriet tal‑21 ta’ Marzu 2013, Novontech‑Zala (C‑324/12, EU:C:2013:205, punt 24).
( 20 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 30).
( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 31).
( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 48). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, konvenut ma setax jitlob reviżjoni ta’ ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini dovuta għal klawżola ġurisdizzjonali f’kuntratt. Peress li l-konvenut kellu jkun jaf b’din il-klawżola, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa kellu l-opportunità li tqajjem din il-kwistjoni fil-proċedura ta’ oppożizzjoni. Sussegwentement huwa ma setax isostni li l-ordni ta’ ħlas kienet inħarġet b’mod żbaljat f’ċirkustanzi eċċezzjonali.
( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 45).
( 24 ) Ara wkoll, il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1896/2006.
( 25 ) Ara, b’kuntrast, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 118), li jipprevedi li qorti tista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, testendi ċerti termini previsti minnu, jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet. Ara wkoll, l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2014, L 189, p. 59) u l-premessa 37 ta’ dan ir-regolament. Dawn jiffaċilitaw il-possibbiltà ta’ deroga mit-termini inklużi fih meta ma jkunx possibbli għall-qorti jew għall-awtorità inkwistjoni li tosservahom u meta din id-deroga tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali. Fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet) (C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li vaganzi ġudizzjari ma humiex “ċirkostanzi eċċezzjonali” għall-finijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 655/2014. Ara wkoll l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 861/2007, li jipprevedi li jekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għal qorti li tosserva ċerti termini previsti minnu, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet mill-iktar fis possibbli. Dawn id-dispożizzjonijiet, li espressament jagħtu setgħat lill-qrati sabiex jestendu t-termini fuq bażi ad hoc f’każijiet eċċezzjonali, huma assenti mir-Regolament Nru 1896/2006.
( 26 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51.
( 27 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fid-dawl tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St Georgen (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 45) ma huwiex possibbli li jiġi applikat b’analoġija l-Artikolu 20(1)(b) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 għal sitwazzjonijiet li jqumu minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 b’mod astratt u ġenerali.
( 28 ) Bħal mard jew miżuri ta’ kwarantina.
( 29 ) Ara, b’analoġija, l-Artikoli 19 u 21(1) tar-Regolament Nru 861/2007 u l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 655/2014.
( 30 ) Uniqa Versicherungen sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinterrompi t-terminu ta’ 30 jum minħabba forza maġġuri jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, huwa kien jipprevedi tali possibbiltà. Dan l-argument jinjora l-Artikolu 26, li jipprevedi espressament li l-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma humiex koperti mir-Regolament Nru 1896/2006 huma rregolati mid-dritt tal-Istati Membri.
( 31 ) Filwaqt li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi speċifikament l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, huwa stabbilit sew li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar kwistjonijiet proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 41).
( 33 ) Ara l-punti 26 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Minħabba, pereżempju, kawżi pendenti li nġemgħu bħala riżultat dirett ta’ miżuri imposti għall-ġlieda kontra l-pandemija.
( 35 ) Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, applikazzjoni riġida tat-termini fid-dawl taċ-ċirkustanzi straordinarji tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara, b’analoġija, il-Qorti EDB, l‑1 ta’ April 2010, Georgiy Nikolayevich Mikhaylov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2010:0401JUD000454304, punt 57).
( 36 ) L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nazzjonali dwar il-COVID‑19 ma biddilx, fil-fehma tiegħi, it-terminu ta’ 30 jum previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, iżda sempliċement interrompieh għal żmien determinat.