SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
13 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) – Artikolu 17(1)(a) – Dazju tas-sisa – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Elettriku użat għall-elettroliżi – Tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku favur impriżi enerġetikament intensivi – Xiri ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku – Spiża reali tal-enerġija mixtrija – Tariffi ta’ distribuzzjoni – Kriterji ta’ eżenzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑266/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ April 2023, fil-proċedura
A. S.A.
vs
Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A. S.A., minn K. Rutkowski, radca prawny, |
|
– |
għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy, minn A. Kowalczyk-Markowska, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. S.A., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Bydgoszczy (id-Direttur tal-Awla tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja) dwar ir-rifjut ta’ rimbors ta’ parti mid-dazji tas-sisa li din il-kumpannija ħallset fuq l-elettriku. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2 sa 5, 9, 11 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva ma tapplikax għal: […]
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva. 2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva “livell ta’ tassazzjoni” huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [għat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT)]) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva: “Dan l-Artikolu għandu japplika għall-skopijiet industrijali u kummerċjali kif imsemmija hawn taħt: […]
[…]”. |
|
7 |
L-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi: “1. Jekk kemm-il darba il-livelli minimi ta’ tassazzjoni preskritti f’din id-Direttiva ikunu rispettati fuq livell ġenerali għal kull negozju, Stati membri jistgħu japplikaw tnaqqis fit-taxxa fuq il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija użati sabiex isaħħnu jew għall-skopijiet skond l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) u fuq l-elettriku fil-każijiet li ġejjin:
2. Minkejja l-Artikolu 4(1), Stati Membri jistgħu japplikaw livell ta’ tassazzjoni sa zero fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku kif definit fl-Artikolu 2, meta jkunu użati għall-negozji konċentrati fuq enerġija kif definit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu”. |
Id‑dritt Pollakk
Il‑Liġi dwar id‑Dazju tas‑Sisa
|
8 |
L-Artikolu 30(7a) tal-ustawa o podatku akcyzowym (il-Liġi dwar id‑Dazju tas‑Sisa), tas‑6 ta’ Diċembru 2008 (Dz. U. 2009, Nru 3, pożizzjoni 11), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “Huwa eżentat mid-dazji tas-sisa l-elettriku użat:
|
|
9 |
L-Artikolu 31d, paragrafi 1, 2 u 11 ta’ din il-liġi jipprevedi: “1. Tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, fil-forma ta’ rimbors ta’ parti mid-dazji tas-sisa mħallsa fuq l-elettriku użat minnha, impriża enerġetikament intensiva li tuża l-elettriku u li tissodisfa flimkien il-kundizzjonijiet li ġejjin:
2. ‘Impriża b’konsum għoli tal-elettriku’ tfisser entità li fiha l-parti tal-ispiża tal-elettriku użata fil-valur tal-produzzjoni mibjugħa matul is-sena fiskali li għaliha ssir it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tkun ogħla minn 3 %. Impriża enerġetikament intensiva li tuża l-elettriku ma tistax tkun iżgħar minn parti organizzata ta’ impriża, jiġifieri sett, distint fuq livell organizzattiv u finanzjarju fi ħdan kumpanija eżistenti, assi tanġibbli u intanġibbli, inklużi l-impenji, li huma ddedikati għat-twettiq ta’ kompiti ekonomiċi speċifiċi, li flimkien jistgħu jikkostitwixxu impriża indipendenti li twettaq dawn il-kompiti b’mod awtonomu. […] 11. L-ammont tad-dazji tas-sisa parzjalment imħallas lura ma jistax jaqbeż l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallsa fuq l-elettriku użat mill-impriża enerġetikament intensiva matul is-sena fiskali li għaliha tkun saret it-talba msemmija fil-paragrafu 5”. |
Il‑Liġi dwar l‑Enerġija
|
10 |
L-Artikolu 47(1) tal-ustawa – Prawo energetyczne (il‑Liġi dwar l‑Enerġija), tal‑10 ta’ April 1997 (Dz. U. 1997, Nru 54, pożizzjoni 348), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “L-impriżi tal-enerġija detenturi ta’ konċessjoni għandhom jistabbilixxu t-tariffi għall-kombustibbli gassużi u għall-enerġija, li huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-President tal-[Urząd Regulacji Energetyki (l-URE) (Awtorità Regolatorja tal-Enerġija)], u jipproponu perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmija tariffi. L-impriżi tal-enerġija konċessjonarji għandhom jissottomettu t-tariffi u l-emendi tagħhom lill-president tal-URE fuq inizjattiva tagħhom stess sa mhux iktar tard minn xahrejn qabel l-iskadenza tat-tariffa preċedenti jew fuq talba tal-president tal-URE”. |
Il‑Liġi dwar is‑Sorsi tal‑Enerġija Rinnovabbli
|
11 |
Skont l-Artikolu 52(1) tal-ustawa o odnawialnych źródłach energii (il-Liġi dwar is‑Sorsi tal‑Enerġija Rinnovabbli), tal‑20 ta’ Frar 2015 (Dz. U. 2015, pożizzjoni 478), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali: “L-impriża tal-enerġija, il-konsumatur finali, il-klijent industrijali u l-kumpannija tas-senserija ta’ merkanzija jew il-kumpanija tas-senserija msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu obbligati li:
|
Id-Digriet tal-Ministru tal-Enerġija dwar ir-regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni u l-kalkolu tat-tariffi u komputazzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku
|
12 |
L-Artikolu 5(2) u (3) tar-rozporządzenie Ministra Energii w sprawie szczegółowych zasad kształtowania i kalkulacji taryf oraz rozliczeń w obrocie energią elektryczną (id-Digriet tal-Ministru tal-Enerġija dwar ir-regoli ddettaljati dwar id-determinazzjoni u l-kalkolu tat-tariffi u komputazzjonijiet fil-kummerċ tal-elettriku), tad‑29 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2017, pożizzjoni 2500), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej: “[2.] Impriża tal-elettriku li teżerċita attività ekonomika ta’ trażmissjoni tal-elettriku għandha tinkludi fit-tariffa tagħha:
[…] 3. Impriża tal-enerġija li teżerċita attività ekonomika fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandha tinkludi fit-tariffa tagħha: […] 2) it-tariffi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, iktar ’il quddiem it-‘tariffi ta’ distribuzzjoni’; […]”. |
|
13 |
L-Artikolu 14(3) sa (7) ta’ dan id-digriet jipprovdi: “3. It-tariffi ta’ distribuzzjoni għandhom jiġu kkalkolati billi jittieħed kont tal-parti li tirrappreżenta, fit-tariffi:
4. It-tariffi ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (2) tal-paragrafu 3 għandhom jiġu kkalkolati bħala komponent uniku abbażi tal-ispejjeż tax-xiri tas-servizzi tat-trażmissjoni tal-elettriku mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku għall-parti li tikkonċerna l-użu tas-sistema tal-elettriku nazzjonali. 5. It-tariffi ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (3) tal-paragrafu 3, iktar ’il quddiem it-“tariffi ta’ abbonament”, għandhom jiġu kkalkolati bħala element uniku. 6. It-tariffi tal-abbonament huma differenzjati skont it-tul tal-perijodu ta’ fatturazzjoni. 7. It-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni msemmija fil-punt (1) tal-paragrafu 1 u fil-punt (1) tal-paragrafu 3, iktar ’il quddiem it-“tariffi tas-sistema”, għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi pro rata ta’ żewġ elementi:
|
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14 |
A. bbenefikat, matul is-sena 2016, mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq l-elettriku użat għall-elettroliżi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha. |
|
15 |
Peress li qieset li hija kellha tibbenefika wkoll minn eżenzjoni fiskali bħala impriża enerġetikament intensiva għall-bqija tal-enerġija li hija użat f’dan il-kuntest u li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija kellha tinkludi l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni u l-ispejjeż għall-akkwist taċ-ċertifikati ta’ oriġini tal-elettriku, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Pollakka, A. emendat id-dikjarazzjoni tagħha tas-sisa għas-sena 2016 u talbet lin-Naczelnik Urzędu Skarbowego w Toruniu (id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Toruń, il-Polonja) jirrimborsaha l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas, li kien jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, ħlas żejjed. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2018, id-Direttur tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Toruń irrifjuta li jirrimborsaha dan l-ammont. Adit minn A. b’rikors kontra din id-deċiżjoni, id-Direttur tal-Awla tal-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Bydgoszcz ikkonferma l-imsemmija deċiżjoni permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018. |
|
17 |
A. ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018 quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Bydgoszcz, il-Polonja) li ċaħditu, billi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlatur kien eskluda l-possibbiltà li wieħed jibbenefika simultanjament miż-żewġ eżenzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikolu 30(7a) u fil-punt 3 tal-Artikolu 31d(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa. L-eżenzjoni prevista minn din it-tieni dispożizzjoni tkun miftuħa għal impriża enerġetikament intensiva biss jekk din ma tibbenefikax mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 30(7a) ta’ din il-liġi, f’dan il-każ l-eżenzjoni li tirrigwarda l-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi. |
|
18 |
Barra minn hekk, l-eżenzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 31d(1) tal-imsemmija liġi tapplika għall-impriża kollha kkonċernata u għall-enerġija kollha użata minnha, u mhux biss għall-parti tal-enerġija użata għall-elettroliżi. |
|
19 |
Fit-tieni lok, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszcz (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Bydgoszcz) ippreċiżat li l-ispejjeż, bħall-ispejjeż ta’ distribuzzjoni, minbarra l-ispiża tax-xiri tal-elettriku, ma jikkostitwixxux elementi ta’ din l-ispiża ta’ xiri, anki jekk huwa neċessarju li dawn jiġu sostnuti sabiex jinxtara u jintuża l-elettriku. Barra minn hekk, dik il-qorti ppreċiżat b’mod partikolari li, sabiex l-ammonti dovuti bħala spejjeż marbuta max-xiri tal-elettriku jiġu kklassifikati bħala “taxxa”, huwa neċessarju li jeżisti obbligu li jitħallsu dawn l-ammonti u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija ammonti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu. |
|
20 |
A. ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, li tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
22 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li hija adita biha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari huma bbażati fuq evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju li l-piżijiet addizzjonali bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni, li dik il-qorti tirreferi għalihom, ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi” fis-sens tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
24 |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinkludi biss il-prezz tax-xiri tal-enerġija nnifisha, bl-esklużjoni ta’ piżijiet addizzjonali, li ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni obbligatorji ta’ din l-enerġija sostnuti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta tinxtara l-imsemmija enerġija. |
|
25 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, “[x]iri ta’ oġġetti ta’ l-enerġija u elettriku” tfisser “l-ispiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju [fl-impriża]”. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-ispiża tinkludi biss l-elettriku kif ukoll is-sħana u l-prodotti ta’ enerġija li jintużaw sabiex isaħħnu jew għall-finijiet previsti fl-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li t-taxxi kollha, bl-eċċezzjoni tal-VAT li tista’ titnaqqas, huma inklużi fl-ispejjeż reali tal-enerġija. |
|
27 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk it-tariffi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhomx jitqiesu li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija [minn] negozju [impriża]”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
|
28 |
Għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Tüke Busz, C‑391/22, EU:C:2023:892, punt 34). |
|
29 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi rrilevat li dik tirreferi għall-“spiża attwali [reali tal-]enerġija mixtrija jew iġġenerata fin-negozju [fl-impriża]”. Il-kunċett ta’ “spiża attwali [reali]” ma huwiex, barra minn hekk, iddefinit la minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2003/96. |
|
30 |
Issa, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jikkorrispondi għal kull spiża neċessarjament marbuta max-xiri tal-enerġija prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-istess dispożizzjoni, li jesprimu b’mod uniformi l-kunċett ta’ “spiża attwali [reali]”, b’mod partikolari il-verżjonijiet bil-lingwa Pollakka (“rzeczywisty koszt”), Spanjola (“coste real”), Ġermaniża (“tatsächlichen Kosten”), Ingliża (“actual cost”), Taljana (“costo effettivo”) kif ukoll Rumena (“costul real”). F’dan ir-rigward, dawn il-verżjonijiet kollha jirreferu għall-ispejjeż realment sostnuti li huma neċessarji għax-xiri tal-elettriku. |
|
31 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ħlas tat-tariffi ta’ distribuzzjoni lill-fornitur tal-enerġija huwa obbligatorju għax-xiri ta’ din tal-aħħar u li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali preċiżi. |
|
32 |
L-imsemmija interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, sostnuta mill-kuntest li tagħmel parti minnu l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. F’dan ir-rigward, minn naħa, jekk il-leġiżlatur ippreċiża li l-kelma “enerġija” li hija użata “[tinkludi p]rodotti ta’ elettriku, sħana u enerġija biss u li jintużaw sabiex isaħħnu jew skon l-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(2)(b) u (ċ) […]”, ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tillimitax, madankollu, l-portata tat-terminu ta’ “spiża attwali [reali]” għall-uniku prezz tal-enerġija li l-impriża kkonċernata trid tħallas biex tixtriha. |
|
33 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi xi spejjeż marbuta max-xiri tal-enerġija mill-kunċett ta’ “spejjeż attwali [reali]”, huwa eskludihom b’mod espress. Fil-fatt, fit-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 huwa ppreċiżat li huma inklużi fl-“ispejjeż attwali [reali]”“[i]t-taxxi kollha”, “ħlief il-VAT li trid titnaqqas”. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni letterali tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, mogħtija fil-punti 29 sa 32 ta’ din is-sentenza, jiġifieri interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “spejjeż attwali [reali]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija kompatibbli mal-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha, jiġifieri tal-għan ta’ promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispiża reali tal-enerġija mixtrija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinkludi piżijiet addizzjonali, li ma jistgħux jikkostitwixxu “taxxi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħat-tariffi ta’ distribuzzjoni obbligatorji ta’ din l-enerġija sostnuti, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta tinxtara l-imsemmija enerġija. |
Fuq it‑tieni domanda
|
36 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku tiġi rrifjutata lil impriża enerġetikament intensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din l-impriża tibbenefika, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa rriżervata għall-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, anki jekk l-imsemmija impriża turi li, għall-istess enerġija, hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u li l-ammont totali tal-imsemmija eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas għall-istess perijodu. |
|
37 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, din ma tapplikax, fost l-oħrajn, għall-elettriku użat prinċipalment għat-tnaqqis kimiku u għall-elettroliżi kif ukoll fil-proċessi metallurġiċi. Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-elettriku inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
38 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-karburanti, il-kombustibbli u l-elettriku, billi jiġu applikati fuqhom livelli ta’ tassazzjoni li ma jistgħux ikunu inqas mil-livelli minimi previsti minnha (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija), C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 39]. |
|
39 |
Barra minn hekk, mill-premessa 3 u mill-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tal-aħħar ma wettqitx armonizzazzjoni totali tar-rati tas-sisa fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku iżda sempliċement tiffissa livelli minimi ta’ tassazzjoni armonizzati. |
|
40 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, armonizzazzjoni minima ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri iktar stretti, sakemm madankollu dawn ma jkunux ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-riżultat previst mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Muladi (C‑447/15, EU:C:2016:533, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Billi tistipula sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku, id-Direttiva 2003/96 hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, filwaqt li tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Madankollu, din id-direttiva tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu rati ta’ tassazzjoni differenzjati, eżenzjonijiet mit-tassazzjoni jew tnaqqis fiskali tad-dazji tas-sisa. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla ċertu marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fil-qasam tad-dazji tas-sisa. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 26). |
|
43 |
Konformement mal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu japplikaw tnaqqis fiskali fuq il-konsum tal-elettriku favur impriżi enerġetikament intensivi sa fejn il-livelli ta’ tassazzjoni minimi tal-Unjoni Ewropea previsti minn din id-direttiva jiġu osservati ftit jew wisq minn kull impriża (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS – Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 47). |
|
44 |
Il-livell ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku li jaqgħu taħt l-istess direttiva jista’ jasal sa żero, meta dawn il-prodotti u dan l-elettriku jintużaw minn impriżi enerġetikament intensivi (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija), C‑139/20, EU:C:2022:240, punt 42). |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-vantaġġi fiskali favur l-impriżi enerġetikament intensivi, previsti fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, huma fakultattivi għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), (C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 24). |
|
46 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jillimitaw il-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali favur impriżi enerġetikament intensivi għal dawk ta’ settur industrijali wieħed jew iktar (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS– Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 49). |
|
47 |
Fil-fatt, skont il-premessi 9 u 11 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki adattati għall-kuntesti nazzjonali u tindika li l-iskemi introdotti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija direttiva jaqgħu taħt il-kompetenzi ta’ kull wieħed mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS– Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 50). |
|
48 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi dedott li, għalkemm Stat Membru jista’, fl-eżerċizzju tal-marġni mogħti lilu mid-Direttiva 2003/96, jeżenta l-elettriku użat mill-impriżi enerġetikament intensivi, minn ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma jirriżulta li huwa obbligat jagħmel dan. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li, fil-kuntest tad-definizzjoni tal-politika tagħhom f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu japplikaw kriterji iktar restrittivi, bħad-definizzjonijiet tad-dħul mill-bejgħ, tal-proċess u tas-settur industrijali. |
|
50 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din id-dispożizzjoni tiċċita ċerti kriterji li għalihom jistgħu jirreferu l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis fiskali fir-rigward tal-impriżi enerġetikament intensivi, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-lista ta’ dawn il-kriterji ma hijiex intiża li tkun esklużiva. |
|
51 |
Għalhekk, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 31d(1) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa, ir-Repubblika tal-Polonja għażlet li timplimenta tnaqqis tad-dazji tas-sisa għall-impriżi enerġetikament intensivi li jeżerċitaw ċerti attivitajiet ekonomiċi indikati fil-kodiċijiet tal-klassifikazzjoni Pollakka tal-attivitajiet. |
|
52 |
Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li, fil-każ fejn kumpannija tagħmel użu mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq l-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 30(7a) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa, hija ma għandhiex id-dritt li tibbenefika simultanjament mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa favur impriżi enerġetikament intensivi, prevista fl-Artikolu 31d(1) ta’ din il-liġi. |
|
53 |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 48 u 50 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma tistax tiġi interpretata bħala li teskludi d-definizzjoni ta’ kriterju bħal dak imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza għall-implimentazzjoni ta’ tnaqqis fiskali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li dan il-kriterju u l-applikazzjoni tiegħu ma jkunux diskriminatorji. |
|
54 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali li huma għandhom bis-saħħa, fost l-oħrajn, tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/96, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jirrigwarda kemm il-miżuri li permezz tagħhom tintuża din is-setgħa diskrezzjonali kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv), C‑100/20, EU:C:2021:716, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Ebda element li jista’ jistabbilixxi n-natura diskriminatorja tal-kriterju previst mil-leġiżlazzjoni Pollakka ma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan il-kriterju huwiex applikat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq ix-xiri ta’ elettriku tiġi rrifjutata lil impriża enerġetikament intensiva, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din l-impriża tibbenefika, għal dan l-elettriku, minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa rriżervata għall-elettriku użat fil-proċessi elettrolitiċi, anki jekk l-imsemmija impriża turi li, għall-istess enerġija, hija ma tibbenefikax simultanjament minn dawn iż-żewġ eżenzjonijiet u li l-ammont totali tal-imsemmija eżenzjonijiet ma jaqbiżx l-ammont tad-dazji tas-sisa mħallas għall-istess perijodu, sakemm il-kriterju ddefinit mill-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward ikun mfassal u applikat skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
Fuq l‑ispejjeż
|
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.