2009L0101 — MT — 01.07.2013 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DIRETTIVA 2009/101/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (verżjoni kodifikata) (ĠU L 258, 1.10.2009, p.11) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 156 |
1 |
16.6.2012 |
||
|
L 158 |
365 |
10.6.2013 |
||
Ikkoreġut b'
DIRETTIVA 2009/101/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Settembru 2009
dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti
(verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ( 1 ), u b’mod partikolari t-Titolu VI tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),
Billi:|
(1) |
L-ewwel Direttiva 68/151/KEE tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità ( 4 ) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali ( 5 ). Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata. |
|
(2) |
Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’azzjonijiet jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi persuni. |
|
(3) |
Id-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u informazzjoni oħra dwar il-kumpanija, speċjalment ►C1 il-partikolaritajiet ◄ tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija. |
|
(4) |
Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti u formalitajiet sostantivi stabbiliti bil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jagħżlu biex jippreżentaw id-dokumenti u partikolaritajiet obbligatorji tagħhom permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi. |
|
(5) |
Partijiet interessati għandhom ikunu jistgħu jiksbu mir-reġistru kopja ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi. |
|
(6) |
L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li jżommu l-gazzetta nazzjonali, nominata għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti u partikolaritajiet obbligatorji, f’forma stampata jew f’forma elettronika, jew biex jipprovdu għal żvelar b’mezzi ugwalment effettivi. |
|
(7) |
Aċċess ‘l hinn mill-fruntieri għal informazzjoni fuq kumpaniji għandu jiġi faċilitat billi tiġi permessa, b’żieda ma’ żvelar obbligatorju li jsir f’waħda mil-lingwi li tkun permessa mill-Istat Membru tal-kumpanija, reġistrazzjoni volontarja b’lingwi addizzjonali tad-dokumenti u partikolaritajiet meħtieġa. Partijiet terzi li jaġixxu in bona fede għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq dawk it-traduzzjonijiet. |
|
(8) |
Huwa xieraq li jiġi kjarifikat li l-istqarrija tal-partikolaritajiet obbligatorji stabbiliti f’din id-Direttiva għandha tkun inkluża fl-ittri u formoli tal-ordni kollha, sew jekk ikunu f’forma stampata jew bl-użu kull mezz ieħor. Fl-isfond tal-iżviluppi teknoloġiċi, ikun xieraq ukoll li jkun previst li dawn l-istqarrijiet jitqiegħdu fuq is-sit elettroniku ta’ kull kumpanija. |
|
(9) |
Il-protezzjoni ta’ terzi għandha tiġi żgurata b’disposizzjonijiet li jirrestrinġu sa fejn l-iktar possibbli r-raġunijiet li għalihom obbligazzjonijiet assunti f’isem il-kumpanija ma jkunux validi. |
|
(10) |
Huwa meħtieġ, sabiex tiġi żgurata ċertezza fil-liġi dwar relazzjonijiet bejn il-kumpanija u terzi, u wkoll bejn membri, li jiġu limitati il-każijiet li fihom tista’ tinqala’ n-nullità u l-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, u biex jiġi ffissat limitu ta’ żmien qasir li fih terzi persuni jistgħu jagħmlu oġġezzjoni għal kull dikjarazzjoni bħal dik. |
|
(11) |
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1
AMBITU
Artikolu 1
Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stipulati b’din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tipi ta’ kumpaniji li ġejjin:
— Il-Belġju:
—
|
de naamloze vennootschap, |
la société anonyme, |
|
de commanditaire vennootschap op aandelen |
la société en commandite par actions, |
|
de personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid; |
la société de personnes à responsabilité limitée; |
— Il-Bulgarija:
— акционерно дружество, дружество с ограничена отговорност, командитно дружество с акции;
— Ir-Repubblika Ċeka:
— společnost s ručením omezeným, akciová společnost;
— Id-Danimarka:
— aktieselskab, kommanditaktieselskab, anpartsselskab;
— Il-Ġermanja:
— die Aktiengesellschaft, die Kommanditgesellschaft auf Aktien, die Gesellschaft mit beschränkter Haftung;
— L-Estonja:
— aktsiaselts, osaühing;
— L-Irlanda:
— companies incorporated with limited liability;
— Il-Greċja:
— ανώνυμη εταιρία, εταιρία περιωρισμένης ευθύνης, ετερόρρυθμη κατά μετοχές εταιρία;
— Spanja:
— la sociedad anonima, la sociedad comanditaria por acciones, la sociedad de responsabilidad limitada;
— Franza:
— la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée, la société par actions simplifiée;
— Il-Kroazja:
— dioničko društvo, društvo s ograničenom odgovornošću;
— L-Italja:
— società per azioni, società in accomandita per azioni, società a responsabilità limitata;
— Ċipru:
— δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή με εγγύηση, ιδιωτικές εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή με εγγύηση;
— Il-Latvja:
— akciju sabiedrība, sabiedrība ar ierobežotu atbildību, komanditsabiedrība;
— Il-Litwanja:
— akcinė bendrovė, uždaroji akcinė bendrovė;
— Il-Lussemburgu:
— la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée;
— L-Ungerija:
— részvénytársaság, korlátolt felelősségű társaság;
— Malta:
— kumpanija pubblika/public limited liability company, kumpanija privata/private limited liability company;
— L-Olanda:
— de naamloze vennootschap, de besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;
— L-Awstrija:
— die Aktiengesellschaft, die Gesellschaft mit beschraenkter Haftung;
— Il-Polonja:
— spółka z ograniczoną odpowiedzialnością, spółka komandytowo-akcyjna, spółka akcyjna;
— Il-Portugall:
— a sociedade anonima de responsabilidade limitada, a sociedade em comandita por acções, a sociedade por quotas de responsabilidade limitada;
— Ir-Rumanija:
— societate pe acțiuni, societate cu răspundere limitată, societate în comandită pe acțiuni;
— Is-Slovenja:
— delniška družba, družba z omejeno odgovornostjo, komaditna delniška družba;
— Is-Slovakkja:
— akciová spoločnosť, spoločnosť s ručením obmedzeným’;
— Il-Finlandja:
— yksityinen osakeyhtiö/privat aktiebolag,julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag;
— L-Iżvezja:
— aktiebolag;
— Ir-Renju Unit:
— companies incorporated with limited liability.
KAPITOLU 2
ŻVELAR
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1 tal-inqas tadd-dokumenti u ►C1 l-partikolaritajiet ◄ li ġejjin:
(a) id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;
(b) kull emenda għad-dokumenti msemmija f’punt (a), inkluża kull estensjoni ta’ kemm ilha l-kumpanija;
(c) wara kull emenda tad-dokument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sal-lum;
(d) il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u ►C1 l-partikolaritajiet ◄ tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi u sew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:
(i) huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali; għandu jidher mill-iżvelar sew jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu hekk waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu konġuntement;
(ii) jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.
(e) għall-inqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn d-dokument ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, kemm-il darba kull żieda fil-kapital sottoskritt teħtieġ emenda tal-istatuti;
(f) id-dokumenti tal-accounting għal kull sena finanzjarja, li huma meħtieġa li jkunu ppubblikati skont id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE ( 6 ), 83/349/KEE ( 7 ), 86/635/KEE ( 8 ) u 91/674/KEE ( 9 );
(g) kull trasferiment tas-sede tal-kumpanija;
(h) l-istralċ tal-kumpanija;
(i) kull dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;
(j) il-ħatra ta’ stralċjarji, ►C1 il-partikolaritajiet tagħhom, ◄ u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;
(k) it-terminazzjoni tal-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir-reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kull tħassir bħal dak.
Artikolu 2a
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li bidla fid-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tiddaħħal fir-reġistru kompetenti msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) u tiġi żvelata, skont l-Artikolu 3(3) u (5), normalment fi żmien 21 jum mill-wasla tad-dokumentazzjoni kompluta dwar dawk il-bidliet, inkluż, jekk japplika, il-kontroll tal-legalità, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali għad-dħul fil-fajl.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għad-dokumenti tal-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 2(f).
Artikolu 3
1. F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpaniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji rreġistrati fih.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji jkollhom identifikatur uniku li jippermettilhom jiġu identifikati bla ekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji stabbilita skont l-Artikolu 4a(2) (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”). Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas elementi li jippermettu l-identifikar tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpannija f’dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji ta’ identifikazzjoni.
2. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “b’mezzi elettroniċi” għandha tfisser li l-informazzjoni tintbagħat fil-bidu u jirċevuha fid-destinazzjoni tagħha permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u ħażna ta’ data, u tkun trażmessa totalment, imwassla u jkunu rċevuha b’mod li jkun stabbilit mill-Istati Membri bil-wajer, bir-radju b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettromanjetiċi.
3. Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-fajl.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fajling mill-kumpaniji, kif ukoll minn persuni jew korpi oħra meħtieġa li jagħmlu jew jgħinu biex isiru n-notifiki, tad-dokumenti u partikolaritajiet li għandhom ikunu żvelati skont l-Artikolu 2 ikunu jistgħu jsiru permezz ta’ mezzi elettroniċi. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-kumpaniji kollha, jew ċerti kategoriji, li jippreżentaw dawn id-dokumenti u partikolarijiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, b’mezzi elettroniċi.
Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha msemmija fl-Artikolu 2 li jkunu ppreżentati, permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi, għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiġu annotati fir-reġistru, f’forma elettronika. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li jkunu ppreżentati permezz ta’ stampat jinbidlu bir-reġistru f’forma elettronika.
Id-dokumenti u partikolaritajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 li kienu ppreżentati sal-31 ta’ Diċembru 2006 ma għandhomx ikunu meħtieġa li jinbidlu awtomatikament f’forma elettronika mir-reġistru. L-Istati Membri għandhom b’danakollu jiżguraw li jinbidlu f’forma elettronika mir-reġistru meta jirċievu applikazzjoni biex jiżvelaw b’mezzi elettroniċi li jkunu ntbagħtu skont il-miżuri adottati biex idaħħlu fis-seħħ il-paragrafu 4.
4. Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skont kif jagħżel l-applikant.
Kopji kif hemm riferenza għalihom fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi kif jagħżel l-applikant. Dan għandu japplika fil-każ tad-dokumenti u partikolaritajiet kollha, ippreżentati. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk id-dokumenti u partikolaritajiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, jiġux ippreżentati permezz ta’ stampat jew qabel data li tista’ ma tkunx aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ mezzi elettroniċi jekk perjodu speċifiku jkun skada bejn id-data ta’ meta jkun ġie ppreżentat u d-data tal-applikazzjoni li tkun ippreżentata lir-reġistru. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin.
Il-prezz biex tinkiseb kopja ta’ dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew uħud minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2, sew jekk permezz ta’ stampat u sew jekk permezz ta’ mezzi elettroniċi, m’għandux ikun aktar mill-prezz amministrattiv tagħhom.
Kopji stampati pprovduti għandhom ikunu ċertifikati bħala “veri kopji”, kemm-il darba l-applikant ma jkunx jeħtieġ din iċ-ċertifikazzjoni. Kopji stampati pprovduti m’għandhomx ikunu ċertifikati bħala “ veri kopji”, kemm-il darba l-applikant b’mod espliċitu ma jitlobx din iċ-ċertifikazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni ta’ kopji elettroniċi jiggarantixxu sew l-awtentiċità tal-oriġini tagħhom kif ukoll l-integrità tal-kontenut tagħhom, permezz tal-anqas firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE ( 10 ).
5. L-iżvelar ta’ dokumenti u partikolaritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandu jsir minn pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali nominata għal dak l-iskop minn Stat Membru, jew tat-test kollu jew ta’ parti mit-test, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li jkun ġie depożitat fil-file jew annotat fir-reġistru. Il-gazzetta nazzjonali maħtura għal dak l-iskop tista’ tinżamm f’forma elettronika.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibdlu l-pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali b’mezzi ugwalment effettivi, li jinvolvu tal-anqas l-użu ta’ sistema li biha l-informazzjoni żvelata jista’ jkun hemm aċċess għaliha b’ordni kronoloġiku permezz ta’ bażi elettronika ċentrali.
6. Id-dokumenti u partikolaritajiet jistgħu jingħataw lil ħaddieħor mill-kumpannija lill-partijiet terzi biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 5, kemm-il darba l-kumpannija ma tagħtix prova li l-partijiet terzi kienu jafu biha.
Madankollu, rigward tranżazzjonijiet li jsiru qabel is-16-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u partikolaritajiet għandhom jingħataw lil partijiet terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.
7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kull diskrepanza f’dak li jkun żvelat skont il-paragrafu 5 u dak li jidher fir-reġistru jew fajl.
Madankollu, f’każi ta’ diskrepanza, it-test żvelat skont il-paragrafu 5 jista’ ma jingħatax lil partijiet terzi; dawn il-partijiet terzi jistgħu minkejja dan jafdaw fuqha, kemm-il darba l-kumpannija ma ġġibx provi li kellhom informazzjoni tat-testi depositati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru.
Partijiet terzi jistgħu, b’żieda ma’ dan, dejjem jafdaw fuq kull dokument u partikolarità li dwaru l-formalitajiet ta’ żvelar għadhom ma ġewx kompluti, bla ħsara fejn il-fatt li ma jkunx hemm żvelar jikkawża li jkunu bla effett.
Artikolu 3a
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm informazzjoni aġġornata disponibbli li tispjega d-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li taħthom partijiet terzi jkunu jistgħu joqogħdu fuq il-partikolaritajiet u kull tip ta’ dokument imsemmija fl-Artikolu 2, skont l-Artikolu 3(5), (6) u (7).
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-pubblikazzjoni fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika (“il-portal”) skont ir-regoli tal-portal u r-rekwiżiti tekniċi.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni fuq il-portal fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
Artikolu 3b
1. Kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu magħmula wkoll pubblikament disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ikunu disponibbli fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri fil-format ta’ messaġġ standard u aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-istandards minimi għas-sigurtà tat-trażmissjoni tad-data jkunu rrispettati.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizz ta’ tiftix fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni fir-rigward ta’ kumpanniji rreġistrati fl-Istati Membri sabiex permezz tal-portal jagħmlu disponibbli:
(a) id-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2;
(b) it-tikketti spjegattivi, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li jelenkaw dawk il-partikolaritajiet u t-tipi ta’ dawk id-dokumenti.
Artikolu 3c
1. It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 2 permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partikolaritajiet li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:
(a) l-isem u l-forma legali tal-kumpannija;
(b) l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija u l-Istat Membru fejn hu rreġistrat; u
(c) in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija.
Minbarra dawk il-partikolaritajiet, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħmlu disponibbli iktar dokumenti u partikolaritajiet mingħajr ħlas.
Artikolu 3d
1. Ir-reġistru tal-kumpannija għandu, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri jagħmel disponibbli, mingħajr dewmien, l-informazzjoni dwar il-ftuħ u t-tmiem ta’ kwalunkwe proċediment ta’ stralċ jew falliment tal-kumpannija u dwar it-tneħħija tal-kumpannija minn fuq ir-reġistru, jekk dan ikun iġib miegħu konsegwenzi legali fl-Istat Membru tar-reġistru tal-kumpannija.
2. Ir-reġistru tal-fergħa għandu, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, jiżgura mingħajr dewmien li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun mingħajr ħlas għar-reġistri.
Artikolu 4
1. Dokumenti u partikolaritajiet li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 2 għandhom jiġu stipulati u ppreżentati f’waħda mil-lingwi li jistgħu jintużaw skont ir-regoli tal-lingwa applikabbli fl-Istati Membri li fihom il-fajl li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 3(1) jinfetaħ.
2. B’żieda mal-iżvelar obbligatorju msemmija fl-Artikolu 3, Stati Membri għandhom jippermettu li dokumenti u partikolaritajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 jiġu żvelati volontarjament skont l-Artikolu 3 f’kull lingwa uffiċjali tal-Komunità.
L-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet tkun ċertifikata.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess minn partijiet terzi għat-traduzzjonijiet żvelati volontarjament.
3. B’żieda ma’ dan l-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 3, u l-iżvelar volontarju previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri jistgħu jippermettu li d-dokumenti u partikolaritajiet relatati li jkunu żvelati, skont l-Artikolu 3, f’kull lingwa oħra.
L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet ikunu ċertifikati.
4. Fil-każi ta’ diskrepanza bejn id-dokumenti u partikolaritajiet żvelati fil-lingwi uffiċjali tar-reġistru u traduzzjonijiet żvelati volontarjament, din tal-aħħar tista’ ma tkunx fdata minn terzi persuni. Terzi persuni jistgħu minkejja dan joqogħdu fuq it-traduzzjonijiet żvelati volontarjament, kemm-il darba l-kumpannija tagħti provi li partijiet terzi ma kellhomx informazzjoni tal-verżjoni li kienet bla ħsara għall-iżvelar obbligatorju.
Artikolu 4a
1. Hija b’dan stabbilita pjattaforma ċentrali Ewropea (“il-pjattaforma”).
2. Is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tkun magħmula minn:
— ir-reġistri tal-Istati Membri,
— il-pjattaforma,
— il-portal li jkun iservi bħala punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-interoperabbiltà tar-reġistri tagħhom fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri permezz tal-pjattaforma.
4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu punti ta’ aċċess fakultattivi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn dwar l-istabbiliment tagħhom u dwar kwalunkwe tibdil sinifikanti fl-operat tagħhom.
5. L-aċċess għall-informazzjoni mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandha tkun żgurata permezz tal-portal u permezz tal-punti ta’ aċċess fakultattivi stabbiliti mill-Istati Membri.
6. L-istabbiliment tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m’għandux jaffettwa l-ftehimiet bilaterali eżistenti konklużi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kumpanniji.
Artikolu 4b
1. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tiżviluppa u/jew topera l-pjattaforma jew bil-mezzi tagħha stess jew permezz ta’ parti terza.
Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiżviluppa u/jew topera pjattaforma permezz ta’ parti terza, l-għażla tal-parti terza u l-infurzar min-naħa tal-Kummissjoni tal-ftehim konkluż mal-parti terza għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 11 ).
2. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tiżviluppa l-pjattaforma permezz ta’ parti terza, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-proċedura ta’ akkwist pubbliku u d-durata tal-ftehim li għandu jiġi konkluż ma’ dik il-parti terza.
3. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li topera l-pjattaforma permezz ta’ parti terza, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli dettaljati dwar il-ġestjoni operattiva tal-pjattaforma.
Il-ġestjoni operattiva tal-pjattaforma għandha tinkludi, b’mod partikolari:
— is-sorveljanza tal-funzjonament tal-pjattaforma,
— is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data mqassma u skambjata bl-użu tal-pjattaforma,
— il-koordinazzjoni tar-relazzjonijiet bejn ir-reġistri tal-Istati Membri u l-partijiet terzi.
Is-sorveljanza tal-funzjonament tal-pjattaforma għandha ssir mill-Kummissjoni.
4. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4e(2).
Artikolu 4c
Permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta dan li ġej:
(a) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-fini tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;
(b) l-ispeċifikazzjoni teknika tal-protokolli ta’ komunikazzjoni;
(c) il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informatika għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;
(d) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpannija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 3d ta’ din id-Direttiva u fl-Artikolu 5a tal-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-ħtiġijiet tal-iżvelar rigward il-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn ċerti tipi ta’ kumpanniji rregolati bil-liġi ta’ Stat ieħor ( 12 );
(e) il-lista dettaljata ta’ data li għandha tiġi trażmessa għall-fini ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, kif imsemmija fl-Artikolu 3d ta’ din id-Direttiva, fl-Artikolu 5a tad-Direttiva 89/666/KEE, u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata ( 13 );
(f) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-istruttura tal-format ta’ messaġġ standard għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, il-pjattaforma u l-portal;
(g) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi s-sett ta’ data meħtieġ sabiex il-pjattaforma tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha kif ukoll il-metodu ta’ ħżin, użu u protezzjoni ta’ dik id-data;
(h) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-istruttura u l-użu tal-identifikatur uniku għall-komunikazzjoni bejn ir-reġistri;
(i) l-ispeċifikazzjoni li tiddefinixxi l-metodi tekniċi ta’ operazzjoni tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-ispeċifikazzjoni li tiddefinixxi s-servizzi tat-teknoloġija tal-informatika pprovduti mill-pjattaforma li tiżgura li l-messaġġi jitwasslu fil-verżjoni lingwistika rilevanti;
(j) il-kriterji armonizzati għas-servizz ta’ tiftix ipprovdut mill-portal;
(k) il-modalitajiet tal-ħlas, b’kont meħud tal-faċilitajiet ta’ ħlas disponibbli bħal ħlasijiet online;
(l) id-dettalji tat-tikketti spjegattivi li jelenkaw il-partikolaritajiet u t-tipi ta’ dokumenti msemmija fl-Artikolu 2;
(m) il-kondizzjonijiet tekniċi tad-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti bis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri;
(n) il-proċedura u r-rekwiżiti tekniċi għall-konnessjoni tal-punti ta’ aċċess fakultattivi mal-pjattaforma.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmi fl-Artikolu 4e(2).
Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni sas-7 ta’ Lulju 2015.
Artikolu 4d
1. L-istabbiliment u l-iżvilupp futur tal-pjattaforma u l-aġġustamenti għall-portal li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. Il-manutenzjoni u l-funzjonament tal-pjattaforma għandhom ikunu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u jistgħu jkunu kofinanzjati mit-tariffi imposti fuq l-utenti individwali għall-aċċess għas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. Ma hemm xejn f’dan il-paragrafu li jaffettwa t-tariffi fil-livell nazzjonali.
3. Permezz ta’ atti delegati, u b’konformità mal-Artikolu 13a, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli dwar jekk il-pjattaforma tiġix kofinanzjata permezz tal-impożizzjoni ta’ tariffi, u f’dak il-każ, l-ammont tat-tariffi imposti fuq l-utenti individwali skont il-paragrafu 2.
4. Kwalunkwe tariffa imposta skont il-paragrafu 2 għandha tkun mingħajr ħsara għat-tariffi, jekk ikun hemm xi tariffi, imposta mill-Istati Membri għall-kisba ta’ dokumenti u partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3c(1).
5. Kwalunkwe tariffa imposta b’konformità mal-paragrafu 2 m’għandhiex tiġi imposta għall-kisba ta’ partikolaritajiet imsemmija fil-punti (a),( b) u ( c) tal-Artikolu 3c(2).
6. Kull Stat Membru għandu jassumi l-ispejjeż relatati kemm mal-aġġustament tar-reġistri domestiċi tiegħu, kif ukoll dawk relatati mal-manutenzjoni u l-funzjonament tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva.
Artikolu 4e
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni ( 14 ).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-ittri u l-formoli tal-ordnijiet, jekk ikunu f’forma stampata jew jużaw kull mezz ieħor, għandhom jiddikjaraw il-partikolaritajiet li ġejjin:
(a) l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat ir-reġistru li fih il-fajl imsemmi fl-Artikolu 3 jinżamm, flimkien man-numru tal-kumpannija f’dak ir-reġistru;
(b) il-forma legali tal-kumpannija, il-lokalità tal-uffiċċju reġistrat tagħha u, fejn hu xieraq, il-fatt li l-kumpannija qiegħda fil-proċess ta’ stralċ.
Fejn, f’dawn id-dokumenti, issir riferenza tal-kapital tal-kumpannija, ir-riferenza għandha tkun għal kapital sottoskritt u mħallas.
L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li s-siti elettroniċi tal-kumpannija jkun fihom tal-anqas il-partikolaritajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu u, jekk applikabbli, ir-riferenza għall-kapital sottoskritt u mħallas.
Artikolu 6
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi liema persuni għandhom iwettqu l-formalitajiet tal-iżvelar.
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa tal-anqas fil-każ ta’:
(a) nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-accounting kif meħtieġ fl-Artikolu 2(f);
(b) ommissjoni minn dokumenti kummerċjali jew minn kull sit elettroniku ta’ kumpannija tal-partikolaritajiet previsti fl-Artikolu 5.
Artikolu 7a
Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ( 15 ).
KAPITOLU 3
VALIDITÀ TA’ OBBLIGAZZJONIJIET ASSUNTI MILL-KUMPANIJA
Artikolu 8
Jekk, qabel kumpanija li qed tiġi ffurmata akkwistat personalità legali, twettqet azzjoni f’isimha u l-kumpanija ma tassumix l-obbligi li joħorġu minn dik l-azzjoni, il-persuni li aġixxew għandhom, mingħajr limitu, ikunu responsabbli għalihom flimkien u separatament, kemm-il darba mhux miftiehem xort’oħra.
Artikolu 9
It-tkomplija tal-formalitajiet tal-iżvelar ►C1 tal-partikolaritajiet ◄ dwar il-persuni li, bħala organu tal-kumpanija, huma awtorizzati biex jirrappreżentawha għandha tikkostitwixxi ostakolu għal kull irregolarità fil-ħatra tagħhom li wieħed għandu joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi kemm-il darba l-kumpanija tipprova li dawk it-terzi kellhom konoxxenza tagħha.
Artikolu 10
1. Atti magħmula mill-organi tal-kumpanija għandhom jorbtuha anki jekk dawk l-atti mhumiex fl-għanijiet tal-kumpanija, kemm-il darba dawk l-atti ma jeċċedux is-setgħat li l-liġi tagħti jew tħalli li jingħataw lil dawk l-organi.
Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija m’għandhiex tkun vinkolata meta dawk l-atti huma barra l-għanijiet tal-kumpanija, jekk hija tipprova li l-parti terza kienet taf li l-att kien barra dawk l-għanijiet jew li ma setgħatx in vista taċ-ċirkustanzi ma kienx jaf bihom; l-iżvelar tal-istatuti m’għandux ikun fih innifsu prova suffiċjenti ta’ dawn.
2. Il-limiti fuq is-setgħat tal-organi tal-kumpanija li joħorġu mill-istatuti jew minn deċiżjoni tal-organi kompetenti, ma jistax wieħed joqgħod fuqhom fil-konfront ta’ terzi, anki jekk huma ġew żvelati.
3. Jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi li awtorità biex tirrappreżenta kumpanija tista’, b’deroga mir-regoli legali li jirregolaw is-suġġett, tiġi mogħtija mill-istatuti lil persuna waħda jew diversi persuni li jaġixxu flimkien, dik il-liġi tista’ tipprovdi li dispożizzjoni bħal dik fl-istatuti jista’ wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi bil-kondizzjoni li din tirrelata għas-setgħa ġenerali ta’ rappreżentazzjoni; il-kwistjoni jekk dik id-dispożizzjoni jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi għandha tiġi regolata bl-Artikolu 3.
KAPITOLU 4
NULLITÀ TAL-KUMPANIJA
Artikolu 11
Fl-Istati Membri kollha li l-liġijiet tagħhom ma jipprovdux għal kontroll preventiv, amministrattiv jew ġudizzjarju, fiż-żmien tal-formazzjoni ta’ kumpanija, id-dokument ta’ kostituzzjoni, l-istatuti tal-kumpanija u kull emenda għal dawk id-dokumenti għandhom jiġu mfassla u ċċertifikati fil-forma legali xierqa.
Artikolu 12
Il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jipprovdu għan-nullità ta’ kumpaniji biss fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
(a) in-nullità għandha tiġi ordnata b’deċiżjoni tal-qorti tal-ġustizzja;
(b) in-nullità tista’ tiġi ordnata biss fil-każijiet msemmijin fil-punti (i) sa (vi):
(i) li ebda dokument kostituzzjonali ma ġie esegwit jew li r-regoli ta’ kontroll preventiv jew il-formalitajiet legali rikjesti ma ġewx imħarsa;
(ii) li l-għanijiet tal-kumpanija mhumiex skont il-liġi jew huma kontra l-ordni pubbliku;
(iii) li d-dokument kostituzzjonali jew l-istatuti ma jiddikjarawx l-isem tal-kumpanija, l-ammont tas-sottoskrizzjonijet individwali ta’ kapital, l-ammont totali tal-kapital sottoskritt jew l-għanijiet tal-kumpanija;
(iv) nuqqas ta’ konformita’ mad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-ammont minimu ta’ kapital li għandu jitħallas;
(v) l-inkapaċità tas-soċji fundaturi kollha;
(vi) li, kontra l-liġi nazzjonali li tirregola l-kumpanija, in-numru ta’ soċji fundaturi huwa inqas minn tnejn.
Barra mir-raġunijiet ta’ nullità msemmijin qabel, kumpanija ma għandhiex tkun suġġetta għal xi kawża ta’ nuqqas ta’ eżistenza, nullità assoluta, nullità relattiva jew dikjarazzjoni ta’ nullità.
Artikolu 13
1. Il-kwistjoni jekk deċiżjoni ta’ nullità dikjarata minn qorti tal-ġustizzja jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi għandha tiġi regolata mill-Artikolu 3. Meta l-liġi nazzjonali tagħti s-setgħa lil parti terza li tikkontesta d-deċiżjoni, hija tista’ tagħmel dan fi żmien sitt xhur min-notifika pubblika tad-deċiżjoni li tingħata mill-qorti.
2. Nullità għandha tfisser l-istralċ tal-kumpanija, kif ukoll jista’ jfisser xoljiment.
3. Nullità ma tistax fiha nnifisha tolqot il-validità ta’ xi obbligu li bih tkun intrabtet kumpanija jew li oħrajn jkunu ntrabtu magħha, bla ħsara għall-konsegwenzi tal-istralċjar tal-kumpanija.
4. Il-liġijiet ta’ kull Stat Membru jistgħu jiddisponu għall-konsegwenzi ta’ nullità fejn jidħlu membri tal-kumpanija.
5. Id-detenturi ta’ azzjonijiet ta’ kapital għandhom jibqgħu obbligati jħallsu l-kapital miftiehem li jkun sottoskritt minnhom iżda li jkun għadu ma ġiex imħallas, safejn obbligi li jsiru ma’ kredituri hekk jeħtieġu.
KAPITOLU 4A
ATTI DELEGATI
Artikolu 13a
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 4d(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4d(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 4d(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU 5
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 14
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 15
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012, rapport, flimkien ma’ proposta, jekk ikun xieraq, għall-emenda tad-dispożizzjonijiet tal-punt (f) tal-Artrikolu 2 u l-Artikoli 3, 4, 5 u 7 fl-isfond tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet u l-iskopijiet tagħhm u bl-iżviluppi teknoloġiċi osservati dak il-ħin.
Artikolu 16
Id-Direttiva 68/151/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness I, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 17
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 18
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmija fl-Artikolu 16)
|
Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8) |
|
|
Anness I, punt III.H tal-Att ta’ Adeżjoni 1972 (ĠU L 73, 27.3.1972, p. 89) |
|
|
Anness I, Punt III.C tal-Att ta’ Adeżjoni 1979 (ĠU L 291, 19.11.1979, p. 89) |
|
|
Anness I, punt II.D tal-Att ta’ Adeżjoni 1985 (ĠU L 302, 15.11.1985, p. 157) |
|
|
Anness I, punt XI.A tal-Att ta’ Adeżjoni 1994 (ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194) |
|
|
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/58/KE (ĠU L 221 tal-4.9.2003, p. 13) |
|
|
Anness II, punt II.4.A tal-Att ta’ Adeżjoni 2003 (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338) |
|
|
Direttiva 2006/99/KE tal-Kunsill (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137) |
Punt A.1 tal-Anness biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmija fl-Artikolu 16)
|
Directive |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
|
68/151/KEE |
fil-11 ta’ Settembru 1969. |
|
2003/58/KE |
fit-30 ta’ Diċembru 2006. |
|
2006/99/KE |
fl-1 ta’ Jannar 2007. |
ANNESS II
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
|
Direttiva 68/151/KEE |
Din id-Direttiva |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3(1) |
|
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(3) |
|
Artikolu 3(3) |
Artikolu 3(4) |
|
Artikolu 3(4) |
Artikolu 3(5) |
|
Artikolu 3(5) |
Artikolu 3(6) |
|
Artikolu 3(6), l-ewwel u t-tieni subparagrafu |
Artikolu 3(7), l-ewwel u t-tieni subparagrafu |
|
Artikolu 3(7) |
Artikolu 3(7), it-tielet subparagrafu |
|
Artikolu 3(8) |
Artikolu 3(2) |
|
Artikolu 3a |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 10 |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 11 |
|
Artikolu 11, kliem introduttiv |
Artikolu 12, kliem introduttiv |
|
Artikolu 11, punt 1 |
Artikolu 12, punt (a) |
|
Artikolu 11, punt 2, kliem introduttiv |
Artikolu 12, punt (b), kliem introduttiv |
|
Artikolu 11, punt 2, punti (a) sa (f) |
Artikolu 12, punt (b), punti (i) sa (vi) |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 13 |
|
Artikolu 13, l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu |
— |
|
Artikolu 13 ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 14 |
|
Artikolu 14 |
Artikolu 18 |
|
— |
Artikolu 15 |
|
— |
Artikolu 16 |
|
— |
Artikolu 17 |
|
— |
Anness I |
|
— |
Anness II |
( 1 ) ĠU 2, 15.1.1962, p. 36/62.
( 2 ) ĠU C 204, 9.8.2008, p. 25.
( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.
( 4 ) ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.
( 5 ) Ara l-Anness I, Parti A.
( 6 ) Ir-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11).
( 7 ) Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju tal-1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1).
( 8 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).
( 9 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).
( 10 ) Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).
( 11 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
( 12 ) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.
( 13 ) ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.
( 14 ) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
( 15 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.