17.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/70


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUTM MALI/2/2014

tat-13 ta' Mejju 2014

dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi ta' Stati terzi għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali)

(2014/285/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2013/34/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti minn Stati terzi.

(2)

Wara rakkomandazzjoni dwar kontributi mill-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Montenegro mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE u l-parir mill-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea, il-kontributi mill-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Montenegro għandhom jiġu aċċettati.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontributi mill-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Montenegro għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta' Mali (EUTM Mali) huma aċċettati u huma meqjusa bħala sinifikanti.

2.   Il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Montenegro huma eżenti minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit ta' EUTM Mali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2014.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)   ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19.