|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/2362 |
27.3.2024 |
Notifika tal-bidu ta’ proċediment antisussidji dwar importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (MAE) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2024/2362)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (mobile access equipment - minn hawn ’il quddiem “MAE”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jiġu sussidjati u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.
1. L-ilment
L-ilment tressaq fit-13 ta’ Frar 2024 mill-“Koalizzjoni biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-Settur tat-Tagħmir għall-Aċċess Mobbli tal-UE” (MAE) (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-MAE fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku.
Verżjoni pubblika tal-ilment u analiżi ta’ kemm l-ilment ġie appoġġat mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.
2. Prodott li qiegħed jiġi investigat
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa tagħmir għall-aċċess mobbli ddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni, awtopropulsiv, b’għoli massimu ta’ operat ta’ 6 metri jew aktar, u l-biċċiet tiegħu magħqudin minn qabel jew lesti biex jingħaqdu, esklużi l-komponenti individwali meta jiġu ppreżentati separatament, u eskluż it-tagħmir għall-irfigħ tal-persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u tal-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata (“il-prodott li qed jiġi investigat”).
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).
3. Allegazzjoni ta’ sussidjar
Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), attwalment ikklassifikat, għall-MAE, taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10, ex 8427 20 19, ex 8428 90 90 u, għas-sezzjonijiet assemblati minn qabel jew lesti biex jiġu assemblati tal-MAE, taħt ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (kodiċijiet TARIC: 8427101010, 8427201910, 8428909020, 8431200060 u 8431390010). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-Taqsima 2.
L-ilment fih biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Is-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn fi (i) trasferimenti diretti u potenzjalment diretti ta’ fondi jew obbligazzjonijiet, (ii) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, u (iii) forniment ta’ prodotti jew servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni mhux adegwata. Fost l-oħrajn, l-ilmentatur allega l-eżistenza, pereżempju, ta’ appoġġ għall-introjtu, self preferenzjali, bonds, aċċettazzjonijiet bankarji, assigurazzjoni tal-esportazzjoni u tal-kreditu, kif ukoll għotjiet u eżenzjonijiet jew tnaqqis mit-taxxa. Huma allegaw ukoll li l-gvern ipprovda l-art, l-elettriku u inputs għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. L-ilmentatur jargumenta wkoll li hemm evidenza ta’ appoġġ għall-introjtu.
L-ilmentatur jallega li l-miżuri deskritti huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja jew appoġġ għall-introjtu mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi l-entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lill-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Dawn is-sussidji huma allegatament speċifiċi għal intrapriża jew industrija li l-attività tagħha hija mħeġġa u għalhekk huma speċifiċi u kumpensabbli.
Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza li fih il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha għad-dispożizzjoni tagħha rigward il-pajjiż ikkonċernat u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jista’ jinstab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
4. Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità
L-ilmentatur pprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva u s-sitwazzjoni finanzjarja.
L-ilmentatur stabbilixxa rabta kawżali bejn iż-żieda tad-dannu għall-industrija tal-UE u ż-żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat.
5. Proċedura
Wara li ddeterminat, u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment kien ippreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk l-importazzjonijiet issussidjati kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.
Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.
Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għall-investigazzjoni anti-dumping separata li tinsab għaddejja u li tkopri l-istess prodott (4). Il-produtturi esportaturi, l-industrija tal-Unjoni, u l-partijiet interessati kollha f’dik l-investigazzjoni anti-dumping huma mistiedna jirreġistraw separatament għal din l-investigazzjoni u jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti skont il-modalitajiet u l-iskedi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika mingħajr ma titqies l-informazzjoni possibbilment ippreżentata fil-kuntest tal-investigazzjoni anti-dumping. L-informazzjoni jew il-kummenti ppreżentati fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping ma jistgħux jitqiesu awtomatikament f’din l-investigazzjoni, u l-partijiet huma mistiedna jissottomettu bħala kwistjoni ta’ prinċipju l-informazzjoni kollha li tikkonċerna din l-investigazzjoni separatament fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
5.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, l-investigazzjoni tas-sussidjar u d-dannu se tkopri l-istess perjodu bħal dak eżaminat fl-investigazzjoni separata li għaddejja bħalissa (jiġifieri, il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023) (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u l-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Il-proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar
Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
(a) Kampjunar
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi biex jiġu investigati għal wieħed raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess huwa magħruf ukoll bħala “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AS704_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsima 5.8.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2723
Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.
Bla preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima (b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju pponderat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).
(b) Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun
Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont individwali ta’ sussidjar kumpensabbli tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont ta’ sussidjar kumpensabbli individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh debitament mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2723
Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw jistgħux jingħataw ammont ta’ sussidjar kumpensabbli individwali f’konformità mal-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku.
Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun li jitolbu ammont individwali ta’ sussidju kumpensabbli, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix ammont individwali ta’ sussidju kumpensabbli tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, inkluż dawk inkluż fil-kampjun, li għandhom jiġu investigati, tant ikun kbir, li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.
5.3.2. L-importaturi mhux relatati suġġetti għall-investigazzjoni (7)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lil xi assoċjazzjonijiet ta’ importaturi magħrufa.
Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawk il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2723
5.4. Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Id-determinazzjoni tad-dannu tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet b’mod proviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha tal-Unjoni bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu inklużi fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2723
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta’ dannu kkawżat minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-file li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2723. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.
Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2, u 5.4 hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-file li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Il-partijiet mitluba jsegwu l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollhom aċċess (8).
5.7. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizz ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:
|
— |
Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-iżvelar proviżorju jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni. |
|
— |
Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex jiġu pprovduti kummenti dwar din id-divulgazzjoni. |
L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.8. Struzzjonijiet għal sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li tkun soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (9). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni waqt din l-investigazzjoni huma mistednin jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu dettaljati biżżejjed biex is-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata kunfidenzjalment tkun tista’ tinftiehem b’mod raġonevoli.
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
|
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza: |
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
|
Id-Direttorat G |
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi
Posta elettronika għal kwistjonijiet relatati mas-sussidji: TRADE-AS-704-MAE-SUBSIDY@ec.europa.eu
Posta elettronika għal kwistjonijiet relatati mal-korrimenti: TRADE-AS-704-MAEINJ@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni għandha, kull meta jkun possibbli, tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
F’konformità mal-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien 4 xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.
F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza l-partijiet interessati jiġu infurmati bil-miktub li mhux se jiġu imposti dazji, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.
Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Meta applikabbli, id-divulgazzjonijiet finali addizzjonali jispeċifikaw l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:
|
— |
Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
|
— |
Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex tirribatti l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. |
|
— |
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. |
8. Possibbiltà għall-kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:
|
— |
Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar is-sejbiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
|
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum mill-iskadenza għal kummenti marbutin ma’ din id-divulgazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li kull estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tiġi rikjesta biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata meta tingħata raġuni tajba.
Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat ijiem.
Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja minnufih lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kwalunkwe talba oħra li tista’ tqum waqt il-proċediment dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inkluż is-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx it-tmexxija tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għal talbiet għall-interventi, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis debitament l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.
Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en
12. Ipproċessar ta’ data personali
Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar proċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.
(3) Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(4) Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (MAE) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C/2023/783, 13 ta’ Novembru 2023).
(5) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott investigat.
(6) Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, ma għandhomx jitqiesu l-ammonti żero u de minimis kollha tas-sussidji kumpensabbli u l-ammonti tas-sussidji kumpensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
(7) Din it-Taqsima tkopri biss l-importaturi mhux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(8) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew bit-telefown +32 22979797.
(9) Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
|
☐ |
Verżjoni sensittiva |
|
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati |
|
(immarka l-kaxxa xierqa) |
|
PROĊEDIMENT ANTISUSSIDJI LI JIKKONĊERNA L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ TAGĦMIR TA’ AĊĊESS MOBBLI (“MAE”) LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-notifika ta’ bidu.
Jenħtieġ li kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika tal-bidu.
1. DETTALJI TAL-KUNTATT U TAL-IDENTITÀ
Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
|
Isem il-kumpanija |
|
|
Indirizz |
|
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
|
Indirizz tal-Email: |
|
|
Telefown |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’unitajiet tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, kif definit fin-notifika tal-bidu.
|
|
Unitajiet |
Valur f’euro (EUR) |
|
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qiegħed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat (joriġina minn fejn joriġina) |
|
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott li qiegħed jiġi investigat |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
|
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Tip ta’ relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2362/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)