European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3644

2.7.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/3644)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Canon Fronsac”

PDO-FR-A0924-AM01 — 10.4.2025

1.   Isem il-prodott

Canon Fronsac

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☐

Prodotti agrikoli

☒

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Conseil des vins de Fronsac [Bord tal-Inbid ta’ Fronsac]

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2024/1143.

L-emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma emendi standard skont id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

L-applikazzjoni għal emenda tad-DOP Canon Fronsac ma tinvolvi l-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu emenda tal-Unjoni, b’mod speċifiku, ma:

(a)

tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija ta’ prodott jew prodotti identifikati mill-indikazzjoni ġeografika;

(b)

tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika;

(c)

tinvolvix aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-applikazzjoni hija għal emenda standard.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ġiet aġġornata abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi 2024 (INSEE, Institut national de la statistique et des études économiques).

Din l-emenda taffettwa t-taqsima “Żona ġeografika definita” tad-dokument uniku.

2.   Żona ta’ viċinanza immedjata

Iż-żona fil-viċinanza immedjata ġiet aġġornata abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali INSEE 2024.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima “Rekwiżiti oħra applikabbli” tad-dokument uniku.

3.   Varjetajiet ta’ dwieli

Cot N (jew Malbec), li inizjalment kienet inkluża fil-lista ta’ varjetajiet sekondarji, saret varjetà ta’ dwieli ewlenija.

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tadatta l-prodotti għat-tibdil fil-klima. Il-varjetà Malbec hija perfettament adattata għaż-żieda fit-temperaturi li seħħet f’Gironde. Din il-varjetà tardiva ssir aħjar fl-aħħar tal-istaġun u tgħin biex tikkontrobilanċja l-varjetà Merlot, li l-qawwa alkoħolika tagħha qed tiżdied minħabba t-tibdil fil-klima.

Is-sessjonijiet ta’ dewqan annwali kkonfermaw li din il-bidla ma tbiddilx b’mod sostanzjali l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika” tad-dokument uniku.

4.   Metodu ta’ tħarriġ

Żdied ir-rekwiżit li d-dwieli mejtin jitneħħew mill-irqajja’ art.

Id-deskrizzjoni taż-żona li tista’ tiġi sottomessa għal tneħħija tal-ħaxix ħażin bi proċess kimiku ġiet emendata. Issa hija espressa bħala 30 cm fuq kull naħa tal-flann tad-dielja.

Żdied rekwiżit biex jiġi kkalkulat l-indiċi tal-frekwenza tat-trattament.

Dawn il-bidliet jindirizzaw l-isfidi soċjetali u ambjentali. Dawn jippermettu li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent stabbiliti mill-operaturi.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-dokument uniku.

5.   Coupage

It-test dwar il-coupage ġie emendat biex titneħħa ripetizzjoni. Din l-emenda għandha l-għan li tiffaċilita l-fehim tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

6.   Standards analitiċi

L-istandards analitiċi għall-inbejjed imballati (kontenut ta’ aċidità volatili u ta’ diossidu tal-kubrit totali) tħassru sabiex jiġu applikati l-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

Din l-emenda taffettwa t-taqsima “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed” tad-dokument uniku.

7.   Maturazzjoni

Il-perjodu ta’ maturazzjoni tnaqqas bi 2,5 xhur, li jdum sal-1 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara l-ħsad.

L-għan ta’ din l-emenda huwa li jiġu prodotti nbejjed b’togħma aktar ta’ frott. Dan se jagħmilha possibbli wkoll li jiġi fornut is-suq matul il-perjodu tas-sajf u li tiġi ddiversifikata l-firxa ta’ nbejjed billi jiġu offruti nbejjed cuvée mmaturati fi btieti għal sena jew aktar, u nbejjed b’togħma ta’ frott immaturati f’tankijiet. B’dan il-mod, l-inbejjed jistgħu jiġu fornuti lil bejjiegħa bl-imnut kbar u jissodisfaw id-domanda turistika dejjem tikber fir-reġjun.

Is-sessjonijiet ta’ dewqan annwali kkonfermaw li din il-bidla għandha impatt minimu fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodotti.

Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

8.   Data tal-introduzzjoni fis-suq għall-bejgħ lill-konsumatur

Wara l-maturazzjoni, l-inbejjed jitqiegħdu fis-suq għall-konsumatur, mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena tal-ħsad.

Din l-emenda ssegwi t-tnaqqis fit-tul tal-perjodu ta’ maturazzjoni u ma għandha l-ebda impatt fuq il-prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

9.   Data għaċ-ċirkolazzjoni bejn l-imħażen awtorizzati

Din ir-regola tneħħiet mill-ispeċifikazzjoni sabiex l-inbejjed ikunu jistgħu jiċċirkolaw bejn l-operaturi kollha u biex jitneħħa kwalunkwe riskju ta’ kompetizzjoni inġusta.

Din l-emenda ma taffettwax id-dokument uniku.

10.   Rabta

Żdiedet sentenza f’konformità mal-emenda għar-regoli dwar il-coupage u ż-żieda tal-Cot N bħala varjetà ta’ dwieli ewlenija.

It-tul tal-perjodu ta’ maturazzjoni ġie emendat ukoll.

Dawn l-emendi jaffettwaw it-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika” tad-dokument uniku.

11.   Miżuri tranżizzjonali

Il-miżuri tranżizzjonali li skadew – li jikkonċernaw il-varjetajiet tad-dwieli u l-metodi ta’ tħarriġ – tħassru.

Din l-emenda għandha l-għan li tagħmel l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aktar faċli biex tinqara.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-dokument uniku.

12.   Referenzi

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de l’origine et de la qualité) ġew aġġornati.

L-arranġamenti għall-ispezzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġew emendati.

Dawn l-emendi ma jaffettwawx id-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/Ismijiet

“Canon Fronsac”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.1.   Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda

—

22 — XARBIET, SPIRTI U ĦALL

2204 — inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009

4.   Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed

L-inbid huwa nbid aħmar bla gass u xott. L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 11 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 13,5 %. Kull lott ta’ nbid mibjugħ (bl-ingrossa jew imballat) għandu kontenut ta’ aċidu maliku ta’ mhux aktar minn 0,30 gramma għal kull litru. Kull lott ta’ nbid mibjugħ (bl-ingrossa jew imballat) għandu kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ mhux aktar minn 3 grammi għal kull litru. Kull lott ta’ nbid mibjugħ (bl-ingrossa) għandu livell ta’ aċidità volatili inqas minn jew indaqs għal 13,26 milliekwivalenti għal kull litru, jew 0,79 g għal kull litru espress f’aċidu aċetiku (0,65 g għal kull litru espress f’H2SO4). Kull lott ta’ nbid mibjugħ (bl-ingrossa) għandu kontenut totali ta’ diossidu tal-kubrit inqas minn 140 mg għal kull litru jew daqsu. L-aċidità totali hija dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-inbid jiġi prodott bl-użu tal-varjetà Merlot N, spiss akkumpanjata mill-varjetajiet Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N, li jipprovdu freskezza u struttura, u b’hekk iżidu l-potenzjal ta’ maturazzjoni u l-kumplessità aromatika tal-inbejjed. Il-varjetà Malbec hija r-raba’ varjetà l-aktar imħawla wara l-Merlot, il-Cabernet Franc u l-Cabernet Sauvignon. Din il-varjetà wkoll tmur tajjeb f’ħamrija kalkarja, bit-tafal u biż-żrar jew taflija bil-ġir. Flimkien mal-Merlot u l-Cabernets, dan jagħti lill-inbid firxa tannika akbar, b’aromi ta’ frott iswed żgħir u likorizja. Dawn il-varjetajiet ta’ għeneb jirriżultaw fi nbid b’kulur aħmar qawwi bi sfumaturi vjola jew lewn ir-rubin u b’riħa qawwija spiss immarkata minn noti aromatiċi ta’ frott aħmar (tut tal-għollieq, ċirasa, ribes iswed). Matul il-maturazzjoni, dawn jistgħu jevolvu fi fwieħa kumplessa, xi drabi b’noti tat-tartuf, drabi oħra b’noti ta’ laħam tal-kaċċa jew pikkanti, skont it-tip ta’ ħamrija. Il-valuri analitiċi l-oħra jikkonformaw, b’mod awtomatiku, mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

—

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) —

—

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum) —

—

Aċidità totali minima —

—

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) —

—

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) —

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

It-tekniki sottrattivi tal-arrikkiment huma permessi sa rata tal-konċentrazzjoni ta’ 15 %. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 13,5 %. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi adottati għall-inbejjed iridu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd.

Prattiki tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5 000 pjanta għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flanni tad-dwieli ma tistax tkun aktar minn 2 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun mill-anqas 0,80 metru.

Iż-żbir isir mhux aktar tard mill-istadju tal-ftuħ tal-weraq (l-istadju Lorenz 9), permezz tat-tekniki li ġejjin: żbir Guyot sempliċi jew doppju, żbir b’fergħat qosra (qasir) (żbir tal-cordon jew f’forma ta’ mrewħa), jew żbir taz-zkuk (twil) b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta. Taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu z-zkuk jitrikkbu fuq xulxin.

It-tisqija matul il-perjodu ta’ tkabbir tad-dielja tista’ tiġi awtorizzata biss fil-każ ta’ nixfa persistenti u meta din tfixkel l-iżvilupp fiżjoloġiku tajjeb tad-dwieli u l-maturazzjoni tajba tal-għeneb.

5.2.   Rendimenti massimi

65 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika definita

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fil-muniċipalitajiet li ġejjin tad-dipartiment ta’ Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 2024: Fronsac u Saint-Michel-de-Fronsac.

7.   Varjetà jew varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid

Cabernet Franc N

Cabernet Sauvignon N

Carmenère N

Cot N – Malbec

Merlot N

Petit Verdot N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta jew tar-rabtiet

a)

Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta: Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Canon Fronsac, li tinsab fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara Dordogne fejn tiltaqa’ max-Xmara Isle, tinsab fil-Lbiċ taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Fronsac”, fil-muniċipalitajiet ta’ Saint-Michel-de-Fronsac u Fronsac. Din id-denominazzjoni tinsab fil-Grigal tad-dipartiment ta’ Gironde, li huwa mifrud minn Libourne fil-Lvant mill-wied ta’ Isle. Hekk kif imiss mal-Atlantiku, ir-reġjun ta’ Gironde għandu klima marittima moderata b’varjazzjonijiet moderati fit-temperatura, u dan jagħmlu adattat għall-vitikultura. L-għoljiet pjuttost weqfin u l-prossimità taż-żewġ xmajjar, id-Dordogne u l-Isle, jgħinu biex jipproteġu d-dwieli kontra l-ġlata u l-akkumulazzjoni ta’ arja kiesħa. Il-klima marittima hija imprevedibbli, f’xi snin tirriżulta f’perjodi ta’ xita u pressjoni baxxa fil-ħarifa, jew, għall-kuntrarju, fi staġuni tard sħan u xemxin ħafna. Din il-varjabbiltà toħloq “effett tal-vendemmja” notevoli. L-għoljiet pjuttost weqfin u l-prossimità taż-żewġ xmajjar, id-Dordogne u l-Isle, jgħinu biex jipproteġu d-dwieli kontra l-ġlata u l-akkumulazzjoni ta’ arja kiesħa. Il-pajsaġġ huwa kkaratterizzat minn elevazzjonijiet tal-blat li jħarsu fuq id-Dordogne. Dawn jinkludu l-quċċata ta’ 61 metru ta’ Tertre de Canon, li fuqha hemm châteaux impressjonanti b’veduti estensivi fuq il-wied ta’ Dordogne. Il-pajsaġġ huwa tipiku tal-pajsaġġi tal-vitikultura ta’ Libourne, li jinkludu għoljiet żgħar u widien, bil-ġnub tal-għoljiet imdawrin bi sporġenza bis-siġar, li jħarsu fuq id-Dordogne u mgħottija bil-vinji. Il-vinji huma mdawra bi rħula ta’ djar tal-ġebla tal-ġir b’soqfa bil-madum u knejjes mibnijin fis-sekli 11, 12 u 13. L-irqajja’ art maħsuba għall-ħsad tal-għeneb jiffurmaw parti minn żona definita b’mod preċiż li teskludi ż-żoni alluvjali fin-naħa t’isfel tal-wied ta’ Dordogne, li jfisser li d-dwieli jitkabbru biss fuq l-għoljiet. Mill-qiegħ sal-quċċata tal-plateau hemm suċċessjoni ta’ formazzjonijiet Terzjarji: - promontorji tal-“molasse du Fronsadais” fil-wied ta’ Dordogne, ikkaratterizzat minn ramel ta’ ħruxija li tvarja u xi drabi akkumpanjat minn ġebel tar-ramel jew trab tafli ramli; - ġebla tal-ġir “Castillon” li tifforma sporġenza, fil-biċċa l-kbira miksija bis-siġar, li tkopri t-tul tal-plateau ċatta tul id-Dordogne; - “Calcaire à Astéries” [ġebla tal-ġir f’forma ta’ stilla], varjata ħafna fin-natura tagħha, ta’ kumpattezza li tvarja, fossilifera jew fi xkafef imħallta mat-tafal u mar-ramel tal-ġebla tal-ġir u mgħottija b’kolluvju rqiq ta’ trab tafli ramli jew ta’ żrar. Il-vinji ta’ Canon Fronsac jinsabu fuq l-għoljiet molassiċi, fejn ġiet iffurmata ħamrija kannella kalkarja, bil-maġġoranza l-kbira fuq l-għolja ċatta fuq bażi ta’ “Calcaire à Astéries”, fejn ġiet iffurmata ħamrija taflija u kalkarja jew ramlija taflija.

b)

Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta: Taħt l-okkupazzjoni Rumana ta’ Gaul matul il-Pax Romana, ir-Rumani kienu l-ewwel li stabbilew ir-reputazzjoni emerġenti tar-reġjun ta’ Fronsac, li l-istorja tiegħu hija marbuta mill-qrib mal-ħolqien tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Canon Fronsac. Ir-Rumani qiesu bħala dwieli tajbin biss dawk id-dwieli li kienu rranġati fi flanni fuq l-għoljiet. Fis-seklu 17, il-wasla tal-Kardinal Richelieu wittiet it-triq għar-reputazzjoni li l-inbejjed ta’ Fronsac kienu se jgawdu f’soċjetà għolja aristokratika. Meta akkwista l-artijiet ta’ Fronsac fl-1633, huwa tahom lit-tfal ta’ oħtu ż-żgħira. Fis-seklu 18, Louis-François Armand du Plessis, magħruf bħala “Fronsac” u l-proneputi tal-Kardinal Richelieu u l-Marixxall Duka ta’ Richelieu, wirtu d-Dukat ta’ Fronsac. Il-Marixxall, magħruf għad-drawwiet libertini tiegħu u ħabib ta’ Casanova, għamel aktar għar-reputazzjoni tal-inbejjed ta’ Fronsac minn kwalunkwe statista ieħor. Matul il-festini romantiċi li kien jorganizza fir-residenza tiegħu – palazz għad-divertiment ta’ stil Taljan – kien jippromwovi l-użu ta’ dawn l-inbejjed fil-qorti ta’ Versailles. B’riżultat ta’ dan, l-inbejjed Fronsac u Canon Fronsac saru fost l-iktar fil-moda f’Pariġi, u kien jingħad li kienu t-“tisane [infużjoni erbali] preferita ta’ Richelieu”. Madankollu, il-mument determinanti għall-kwalità tal-vinji ta’ Canon Fronsac wasal fi tmiem is-seklu 18, meta n-negozjanti minn Libourne (Fontemoing, Boyer u Lafon) xtraw proprjetajiet li l-inbejjed tagħhom mbagħad kisbu reputazzjoni akbar u prezzijiet ogħla. Dawn l-individwi rrivoluzzjonaw il-vitikultura billi ħawlu varjetajiet magħżula bir-reqqa minflok dwieli antiki, u billi bdew jimmaturaw l-inbejjed. Għalhekk, skont il-Professur Henri Enjalbert, Canon Fronsac sar “il-benniena storika tal-inbejjed il-kbar Libournais” (Enjalbert, H. – Les Grands Vins de Saint-Emilion, Pomerol et Fronsac [L-inbejjed il-kbar ta’ Saint-Emilion, Pomerol u Fronsac] – 1983). Id-denominazzjoni Canon Fronsac, li l-isem tagħha ġie ssimplifikat fl-1964, inizjalment ġiet rikonoxxuta permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Lulju 1939 bl-isem Côtes de Canon Fronsac. Għal diversi għexieren ta’ snin, iż-żona agrikola ta’ din id-denominazzjoni ġiet iddedikata kompletament għall-kultivazzjoni tad-dwieli. Bħal fil-każ tal-inbejjed kollha ta’ Libourne, il-produzzjoni baqgħet f’idejn il-familji, b’madwar 50 żona ta’ vitikultura b’erja tas-superfiċje medja ta’ 6 ettari. Fl-2010, il-vinji tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Canon Fronsac kienu jkopru 270 ettaru, bi produzzjoni annwali medja ta’ 11 000 ettolitru.

Il-vinji jipproduċu nbejjed ħomor bla gass bl-użu tal-varjetà Merlot N, li hija adattata sew għall-għoljiet tat-tafal u tal-ġebla tal-ġir, fejn timmatura sew. Din il-varjetà spiss tiġi kkombinata mal-varjetajiet Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N, li jipprovdu freskezza u struttura, li jżidu l-potenzjal ta’ maturazzjoni u l-kumplessità aromatika ta’ dawn l-inbejjed. Il-varjetà Malbec hija r-raba’ varjetà l-aktar imħawla wara l-Merlot, il-Cabernet Franc u l-Cabernet Sauvignon. Din il-varjetà wkoll tmur tajjeb f’ħamrija kalkarja, bit-tafal u biż-żrar jew taflija bil-ġir. Flimkien mal-Merlot u l-Cabernets, dan jagħti lill-inbid firxa tannika akbar, b’aromi ta’ frott iswed żgħir u likorizja. Dawn il-varjetajiet tal-għeneb jirriżultaw fi nbejjed b’kulur aħmar intens bi sfumaturi vjola jew lewn ir-rubin u aroma qawwija spiss immarkata minn noti aromatiċi ta’ frott aħmar (tut tal-għollieq, ċirasa, ribes iswed). Matul il-maturazzjoni, dawn jistgħu jevolvu fi fwieħa kumplessa, xi drabi b’noti tat-tartuf, drabi oħra b’noti ta’ laħam tal-kaċċa jew pikkanti, skont it-tip ta’ ħamrija. Il-varjetajiet antiki Bordeaux ta’ Carmenère N u Petit Verdot N (kull waħda sa massimu ta’ 10 %) jistgħu jissupplimentaw il-varjetajiet tad-dwieli msemmija hawn fuq. Minn kmieni ħafna, iż-żona ta’ Canon, ikkaratterizzata mill-inklinazzjonijiet tagħha, l-għoljiet żgħar, il-widien tal-blat, l-idrografija (il-preżenza tal-ilma ta’ taħt l-art), ix-xaqlibiet tal-għoljiet xemxin, il-klima u l-portijiet faċilment aċċessibbli, kienet tispikka bħala żona tal-għażla għall-vitikultura. Din ġiet definita għall-ewwel darba permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 1928 u fl-appell permezz ta’ sentenza tal-Qorti ta’ Bordeaux tal-11 ta’ Lulju 1932, li tat lis-sidien tal-art f’dan il-post tal-għażla d-dritt li jżidu d-denominazzjoni “Canon” mal-isem Côtes de Fronsac. Din is-sentenza tiddefinixxi ż-żona permezz tal-konfini esterni tagħha f’parti mill-muniċipalità ta’ Saint-Michel-de-Fronsac u parti mill-muniċipalità ta’ Fronsac. Iż-żona tal-irqajja’ art maħsuba għall-produzzjoni tal-inbid bid-denominazzjoni Canon Fronsac tinkludi l-irqajja’ art li jinsabu jew fuq plateaux ċatti kalkarji, li l-permeabbiltà tagħhom tippermetti skular faċli, jew fuq ix-xaqlibiet molassiċi, li jiffaċilitaw il-fluss tal-ilma. Barra minn hekk, l-irqajja’ art li jinsabu fuq depożiti alluvjali moderni (magħrufa bħala palus) fuq ix-xmara huma esklużi, kif imsemmi fis-sentenza tal-Qorti ta’ Bordeaux tal-1932. Dawn l-irqajja’ art definiti jiżguraw l-aħjar żvilupp tal-varjetajiet tad-dwieli lokali, b’mod partikolari l-Merlot N. Dawn il-varjetajiet intgħażlu maż-żmien għall-kwalitajiet ta’ żamma u maturazzjoni tagħhom. Sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-ħamrija, li huma fattur fundamentali, ma jista’ jsir l-ebda tibdil sostanzjali fil-forma jew fil-profili tal-pajsaġġ jew fis-sekwenza pedoloġika naturali tal-irqajja’ art maħsuba għall-produzzjoni tal-inbejjed taħt id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Canon Fronsac. Dawn l-irqajja’ art definiti jiżguraw l-aħjar żvilupp tal-varjetajiet tad-dwieli lokali magħżula maż-żmien. Sa mill-ewwel dehra tad-dwieli fuq l-għoljiet ta’ Canon, in-nies bil-mod bdew jadattaw il-kultivazzjoni għat-terroir u l-klima partikolari. Sa mis-sekli 17 u 18, intużaw échalas [arbli ta’ appoġġ], segwiti minn irbit mal-kannizzati, u l-metodu ta’ żbir ġie adattat biex jiżgura ħsad tal-għeneb imqassam tajjeb u wiċċ tal-werqa kbir biżżejjed għall-fotosinteżi u maturità ottimali. Id-densità tat-tħawwil kienet diġà qed titqies f’dak iż-żmien biex jiġi evitat li jkun hemm wisq pjanti għal kull vinja. Fl-istess ħin, l-għarfien espert dwar il-maturazzjoni tal-inbid kiber gradwalment b’riżultat tax-xewqa kostanti li tittejjeb min-naħa tal-vitikulturi li, bis-saħħa tat-terroir eċċezzjonali, jipproduċu nbejjed li jistgħu jiġu mmaturati għal żmien twil ħafna. L-inbejjed jiġu mmaturati għal diversi xhur, li huwa meħtieġ biex jiġu stabbilizzati u biex tinkiseb il-kombinazzjoni ta’ tannini u antoċjanini li tagħtihom ir-robustezza kbira tagħhom u tiżgura l-aħjar żvilupp qabel ma jiġu introdotti fis-suq. Dan ir-reġjun, li huwa parti mill-pajsaġġ ta’ Libourne, sar magħruf sew żewġ sekli ilu, kif muri mix-xogħol ta’ Cocks u Féret “Les vins de Bordeaux” [L-inbejjed ta’ Bordeaux] (1868), li jiddikjara li “... Ix-xaqlibiet sbieħ ta’ Canon jipproduċu nbid b’palat robust, sod, sħun u jfuħ b’finezza, eleganza u fama universali”. Illum il-ġurnata, id-denominazzjoni Canon Fronsac iżżomm ir-reputazzjoni storika tagħha fost l-inbejjed il-kbar ta’ Bordeaux bis-saħħa ta’ definizzjoni stretta tal-irqajja’ tal-art u l-prattiki derivati minn tradizzjonijiet antiki u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ Vin de Bordeaux jew Grand Vin de Bordeaux. L-isem tal-unità ġeografika usa’ jrid ikun stampat b’ittri li ma jkunux akbar, la fl-għoli u lanqas fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed, hija magħmula mit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-dipartiment Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 2024: Galgon, Lugon-et-l’Ile-du-Carnay, La Rivière, Saillans, Saint-Aignan, Saint-Germain-de-la-Rivière u Villegouge.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-b0eb7c82-3441-4923-952b-3e6b78a45ded


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3644/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)