|
10.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 259/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1178
tas-27 ta’ Lulju 2020
dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti
(notifikata bid-dokument C(2020) 4988)
(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(6) tiegħu,
Billi:
1. FATTI U PROĊEDURA
|
(1) |
Fis-27 ta’ Jannar 2020, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), bl-intenzjoni tiegħu li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
1.1. Leġiżlazzjoni tal-Unjoni
1.1.1. L-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE
|
(2) |
Fil-paragrafi (4) u (6) tal-Artikolu 114 tat-TFUE huwa stipulat kif ġej: “4. Jekk, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36, jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll dwar ir-raġuni għaliex għandhom jinżammu. (…) 6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 […] tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 […] għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.” |
1.2. Regoli ta’ armonizzazzjoni fil-qasam tal-prodotti fertilizzanti
1.2.1. Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) japplika għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq bħala fertilizzanti bl-isem ta’ “fertilizzanti tal-KE”. Fertilizzant li jappartjeni għal tip ta’ fertilizzanti elenkat fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament jista’ jiġi ddeżinjat bħala “fertilizzant tal-KE” u jiċċaqlaq liberament fis-suq intern. |
|
(4) |
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ tipi ta’ fertilizzanti koperti mir-regoli ta’ armonizzazzjoni. Għal kull tip ta’ fertilizzant, hemm rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw, pereżempju, il-kontenut ta’ nutrijenti, is-solubilità tan-nutrijenti, jew il-metodi ta’ pproċessar. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 japplika l-aktar għall-fertilizzanti inorganiċi. Xi wħud mit-tipi ta’ fertilizzanti koperti għandhom kontenut ta’ fosforu ta’ 5 % ekwivalenti għal pentossidu tal-fosforu (P2O5) jew aktar skont il-massa. |
|
(6) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern, u jiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet ta’ kompożizzjoni, ta’ identifikazzjoni, ta’ tikkettar jew ta’ ppakkjar, u fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’dak ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti tal-KE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 ma jistabbilixxi l-ebda valur ta’ limitu għall-kontaminanti fil-fertilizzanti tal-KE. Għalhekk, bi ftit eċċezzjonijiet ibbażati fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi (3) tat-TFUE, il-fertilizzanti tal-KE b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % P2O5 jiċċaqalqu liberament fis-suq intern irrispettivament mill-kontenut tagħhom ta’ kadmju. |
|
(8) |
Minkejja dan, l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni fil-fertilizzanti minerali diġà kien tħabbar fil-premessa 15 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Skont dan “Il-fertilizzanti jistgħu jiġu kontaminati minn sustanzi li jistgħu potenzjalment joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u dik tal-annimali u għall-ambjent. B’żieda mal-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), il-Kummissjoni bi ħsiebha tittratta l-kwistjoni dwar il-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni f’fertilizzanti minerali u sejra, fejn ikun xieraq, tħejji proposta għal Regolament, li bi ħsiebha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn ikun xieraq, titwettaq reviżjoni simili għal kontaminanti oħra .” |
1.2.2. Ir-Regolament (UE) 2019/1009
|
(9) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli ta’ armonizzazzjoni għal “prodotti fertilizzanti tal-UE”. Huwa jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 b’effett mis-16 ta’ Lulju 2022. |
|
(10) |
Prodotti fertilizzanti tal-UE huma prodotti fertilizzanti li jkollhom il-markatura CE meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq intern. Prodott fertilizzanti tal-UE jrid jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali ta’ prodotti (“PFC”) rilevanti u għall-kategorija jew għall-kategoriji tal-materjali komponenti, u jrid ikun ittikkettat f’konformità mar-rekwiżiti tat-tikkettar stipulati fl-istess Regolament. Hemm seba’ PFCs għal prodotti fertilizzanti tal-UE, u waħda minnhom tkopri l-fertilizzanti. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 ikopri fertilizzanti inorganiċi b’mod aktar ġeneriku mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, soġġett għal xi rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-kwalità u s-sikurezza tagħhom. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 japplika għal fertilizzanti organiċi u organominerali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(12) |
Permezz tal-punti 3(a)(ii) fil-PFC 1(B) u 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, dak ir-Regolament jintroduċi fil-livell tal-Unjoni l-kunċett ta’ “fertilizzanti fosfatiċi” għall-fertilizzanti organominerali jew għall-fertilizzanti inorganiċi ta’ makronutrijenti b’kontenut ta’ fosforu ta’ mill-inqas 5 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa. |
|
(13) |
Ir-Regolament jistabbilixxi, għall-ewwel darba fil-livell tal-Unjoni, valuri ta’ limitu għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti tal-UE. Għall-fertilizzanti fosfatiċi, il-valur ta’ limitu tal-kadmju huwa ta’ 60 mg/kg P2O5. Għal fertilizzanti oħra japplikaw valuri ta’ limitu oħra, u huma espressi mhux bħala mg/kg P2O5, iżda bħala mg/kg ta’ materja niexfa tal-prodott kollu bil-komponenti kollha tiegħu. |
|
(14) |
Il-prinċipju tal-moviment liberu huwa minqux fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, skont liema l-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għal raġunijiet relatati mal-kompożizzjoni, mat-tikkettar jew ma’ aspetti oħra koperti minn dak ir-Regolament, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li jikkonformaw ma’ dak ir-Regolament. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, Stat Membru li, fl-14 ta’ Lulju 2019, jibbenefika minn deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti mogħtija f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE jista’ jkompli japplika l-valuri ta’ limitu nazzjonali għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi sa meta l-valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu daqs jew taħt il-valuri ta’ limitu applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-14 ta’ Lulju 2019 ikunu applikabbli fil-livell tal-Unjoni. |
|
(15) |
Barra minn hekk, sas-16 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha obbligu li tirrieżamina l-valuri ta’ limitu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, bl-għan li tivvaluta l-fattibbiltà li tnaqqas dawn il-valuri ta’ limitu għal livell xieraq aktar baxx. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-fatturi ambjentali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kundizzjonijiet pedoklimatiċi, il-fatturi tas-saħħa, kif ukoll il-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż il-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà tal-provvista. |
1.2.3. Reġim fakultattiv
|
(16) |
Is-suq tal-UE għall-prodotti fertilizzanti huwa biss parzjalment armonizzat. |
|
(17) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għandu l-għan li jiżgura ċ-ċirkolazzjoni libera tal-fertilizzanti tal-KE fis-suq intern. Madankollu, dak ir-Regolament ma jaffettwax l-hekk imsejħa “fertilizzanti nazzjonali” mqiegħda fis-suq tal-Istati Membri f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-produtturi jistgħu jagħżlu li jikkummerċjalizzaw il-fertilizzant bħala “fertilizzant tal-KE” jew bħala “fertilizzant nazzjonali”. |
|
(18) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 iżomm ir-reġim fakultattiv mingħajr bidliet. B’hekk, jiżgura l-moviment liberu fis-suq intern tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u jkompli jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti nazzjonali. L-għażla tibqa’ tal-manifattur. |
|
(19) |
Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 u r-Regolament (UE) 2019/1009, l-Istati Membri ma jridux jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti konformi tal-KE u, rispettivament, ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE, għal raġunijiet relatati mal-kontenut ta’ kadmju. |
|
(20) |
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu kwalunkwe valur ta’ limitu meqjus xieraq għall-kontaminanti fi prodotti fertilizzanti nazzjonali, li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009. Kull Stat Membru huwa mħasseb, aktar jew anqas minn oħrajn, mit-theddida li toħloq l-akkumulazzjoni tal-kadmju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-għelejjel. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà introduċew regoli li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju fi prodotti fertilizzanti nazzjonali bl-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kadmju fl-ambjent u, b’hekk, l-esponiment tal-bniedem għall-kadmju. Din id-Deċiżjoni ma tirreferix għal dan it-tip ta’ regoli. |
|
(21) |
Għalhekk, ir-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni jeżistu flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għall-prodotti fertilizzanti. |
1.3. Dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(22) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka (“id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati”) huma minquxa fl-Ordni Nru 223 tal-5 ta’ April 1989 dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti li fihom il-fosforu (minn hawn ’il quddiem l-“Ordni”), skont liema l-valur ta’ limitu attwali beda japplika mill-1998. |
|
(23) |
L-Ordni tirregola l-bejgħ għall-użu fid-Danimarka. Tistabbilixxi valur ta’ limitu għall-kadmju f’fertilizzanti artifiċjali, idderivati minn fosfat minerali, b’kontenut totali ta’ fosforu (P) ta’ 1 % jew aktar skont il-piż. Kontenut ta’ fosforu (P) ta’ 1 % skont il-piż huwa ekwivalenti għal 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa. Il-valur ta’ limitu għall-kadmju f’dawk il-fertilizzanti huwa ta’ 110 mg Cd/kg fosforu (P), li huwa ekwivalenti għal 48 mg Cd/kg P2O5. Għall-fertilizzanti għajr fertilizzanti artifiċjali dderivati minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar, l-Ordni ma għandha l-ebda limitu għall-kadmju. |
|
(24) |
Ir-Renju tad-Danimarka kien qed japplika l-valur ta’ limitu stabbilit fl-Ordni kemm għall-fertilizzanti nazzjonali kif ukoll għall-fertilizzanti armonizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. L-Ordni, li ilha tapplika fid-Danimarka mill-1989, ma ġietx innotifikata mir-Renju tad-Danimarka lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 114 tat-TFUE jew il-predeċessuri ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat (4) fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Madankollu, f’din in-notifika fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009, ir-Renju tad-Danimarka indika li huwa nnotifika l-abbozz tal-Ordni lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Jannar 1988 skont id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE (5) u li huwa żied il-valur ta’ limitu nazzjonali previst qabel ma l-Ordni ġiet adottata sabiex dan iqis l-oġġezzjonijiet imqajma minn tliet Stati Membri oħra wara dik in-notifika. |
|
(25) |
Permezz tan-notifika, ir-Renju tad-Danimarka talab l-approvazzjoni tal-Kummissjoni sabiex japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għall-fertilizzanti artifiċjali dderivati minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar b’deroga mil-limiti tal-kadmju stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009. Fi kliem ieħor, ir-Renju tad-Danimarka għandu l-ħsieb li japplika l-limitu nazzjonali tal-kadmju kemm għall-fertilizzanti fosfatiċi kif ukoll għal ċerti fertilizzanti oħra rregolati skont dak ir-Regolament. Din in-notifika ma fihiex talba sabiex tiġi approvata xi deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
1.4. Proċedura
|
(26) |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2020, irreġistrata fid-29 ta’ Jannar 2020, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kontenut ta’ kadmju f’fertilizzanti artifiċjali dderivati minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar, b’deroga mir-Regolament (UE) 2019/1009. Skont l-Artikolu 114(4) moqri flimkien mal-Artikolu 36 tat-TFUE, il-ġustifikazzjoni mressqa mir-Renju tad-Danimarka hija bbażata fuq raġunijiet ta’ ħtiġijiet kbar relatati mal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-esponiment għall-kadmju fl-ambjent. |
|
(27) |
Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet in-notifika u informat lir-Renju tad-Danimarka li l-perjodu ta’ sitt xhur għall-eżaminazzjoni tagħha skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE jintemm fit-30 ta’ Lulju 2020. |
|
(28) |
B’appoġġ għan-notifika tiegħu abbażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, ir-Renju tad-Danimarka ressaq informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2020. Dik l-informazzjoni tipprovdi xi kjarifiki fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li r-Renju tad-Danimarka qed ifittex li jżomm, kif ukoll data dettaljata dwar is-suq tal-fertilizzanti fid-Danimarka. |
|
(29) |
Fl-informazzjoni addizzjonali, ir-Renju tad-Danimarka ċċara fost l-oħrajn li t-tħassib primarju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jfittxu li jindirizzaw, u li huwa l-fokus primarju tal-valutazzjoni xjentifika fin-notifika Daniża, huwa l-fertilizzanti minerali inorganiċi b’kontenut għoli ta’ fosforu, peress li l-ogħla tagħbija ta’ kadmju mill-fertilizzanti hija assoċjata ma’ dawk il-fertilizzanti, u li tħassib simili japplika għall-fertilizzanti organominerali b’kontenut għoli ta’ fosforu minerali inorganiku. Ir-Renju tad-Danimarka indika wkoll li huwa jkun lest li jeżamina alternattivi għall-informazzjoni jew li jemenda l-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kategoriji tal-funzjoni tal-prodott u tal-valuri ta’ limitu tar-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(30) |
Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) sabiex tinforma lill-partijiet interessati dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tar-Renju tad-Danimarka, kif ukoll dwar ir-raġunijiet mogħtija b’appoġġ tan-notifika. Ma wasal l-ebda kumment wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. |
|
(31) |
Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2020, il-Kummissjoni għarrfet ukoll lill-Istati Membri l-oħra dwar in-notifika u tathom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwarha fi żmien 30 jum. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-Belġju, ir-Repubblika Slovakka, l-Ungerija u Malta qabel l-iskadenza stabbilita. It-tliet Stati Membri msemmija l-ewwel semmew li ma kellhom l-ebda kumment fir-rigward tan-notifika. Malta nnotat li ma għandha l-ebda oġġezzjoni għaż-żamma mir-Renju tad-Danimarka tal-valuri ta’ limitu nazzjonali tiegħu għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti. |
2. VALUTAZZJONI
|
(32) |
Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tinnota li jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”), li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114(4)-(6) tat-TFUE hija maħsuba sabiex tiżgura li l-ebda Stat Membru ma jkun jista’ japplika regoli nazzjonali li jidderogaw mir-regoli armonizzati mingħajr ma jikseb konferma mill-Kummissjoni. Stat Membru mhuwiex awtorizzat li japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali b’mod unilaterali mingħajr ma jkun innotifika dawn id-dispożizzjonijiet u mingħajr ma jkun kiseb deċiżjoni mill-Kummissjoni li tikkonfermahom. (7) |
|
(33) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 japplika biss għal derogi mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 mogħtija qabel l-14 ta’ Lulju 2019 fuq il-bażi tan-notifiki li saru skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni tqis li n-notifika tal-abbozz imsemmija hawn fuq li saret mir-Renju tad-Danimarka skont id-Direttiva 83/189/KEE fid-19 ta’ Jannar 1988 mhijiex paragunabbli ma’ proċedura skont l-Artikolu 114(4) sa (6) tat-TFUE, minħabba li l-iskop ta’ dik il-proċedura huwa li tevita l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u mhux li timmira għal deroga mid-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti mill-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. F’dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li r-Renju tad-Danimarka ma nnotifikax l-Ordni skont l-Artikolu 114 tat-TFUE qabel l-14 ta’ Lulju 2019 u li l-Kummissjoni ma approvathiex. |
|
(35) |
Konsegwentement, ir-Renju tad-Danimarka ma jibbenefikax minn deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003. Għalhekk lanqas ma jista’ jibbenefika mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009. |
2.1. Ammissibbiltà
|
(36) |
Skont l-Artikolu 114(4) u (6) tat-TFUE, wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jista’ jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali aktar stretti tiegħu minħabba n-neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE, jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol, dment li jinnotifika dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni u dment li l-Kummissjoni tapprova dawk il-miżuri. |
|
(37) |
Sabiex taċċerta l-ammissibbiltà tan-notifika, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kkonċernati humiex miżura preeżistenti li tidderoga mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta mill-Unjoni, u jekk humiex aktar stretti. |
|
(38) |
L-Ordni ilha tapplika fid-Danimarka mill-1989. Għalhekk, diġà kienet teżisti fis-sustanza meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2019/1009. |
2.1.1. Dwar l-eżistenza minn qabel tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati
|
(39) |
Hemm żewġ fatturi li jeħtieġ li jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, introdotti fl-1989 u li ilhom japplikaw fil-forma attwali tagħhom mill-1998, kinux preeżistenti għall-finijiet tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(40) |
L-ewwel nett, ir-Regolament (UE) 2019/1009 se jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2003/2003, li min-naħa tiegħu issostitwixxa d-Direttiva li kienet applikabbli b’mod ġenerali għall-fertilizzanti meta ġew introdotti d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 76/116/KEE (8). |
|
(41) |
Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħux jitqiesu li huma fis-seħħ u notifikabbli lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009, filwaqt li titqies l-armonizzazzjoni stabbilita bid-Direttiva 76/116/KEE u bir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(42) |
Minn naħa waħda, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 jestendi d-derogi preċedenti mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, u b’hekk jippermetti li l-miżuri nazzjonali eżistenti japplikaw b’mod legali, abbażi tan-notifiki skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, għall-fertilizzanti koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni previst mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 sabiex japplikaw ukoll għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li se jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ armonizzazzjoni estiż ġdid għall-ewwel darba bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan jikkonferma li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa kontinwazzjoni tal-armonizzazzjoni li tirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(43) |
Min-naħa l-oħra, il-Premessa 11 tar-Regolament (UE) 2019/1009 tikkonferma li l-leġiżlatur, bil-parafrażi tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, qies li jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi kkunsidrat għall-fini tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE: “Diversi Stati Membri għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-kontenut ta’ kadmju f’fertilizzanti fosfatiċi għal raġunijiet relatati mal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Jekk Stat Membru jqis li jkun meħtieġ li jżomm dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-adozzjoni ta’ valuri ta’ limitu armonizzati skont dan ir-Regolament, u sakemm dawk il-valuri ta’ limitu armonizzati jkunu daqs jew taħt il-valuri ta’ limitu nazzjonali diġà fis-seħħ, jenħtieġ li huwa jinnotifikahom lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 114(5) tat-TFUE, jekk Stat Membru jqis neċessarju li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda, bħal dispożizzjonijiet li jillimitaw il-kontenut tal-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, abbażi ta’ provi xjentifiċi ġodda li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li huwa jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bir-raġunijiet għall-introduzzjoni tagħhom. […]” |
|
(44) |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mid-differenza fir-reġim regolatorju u fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (UE) 2019/1009 meta mqabbel mad-Direttiva 76/116/KEE u mar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, kif ukoll mill-fatt li r-Regolament (UE) 2019/1009 jimponi valur ta’ limitu armonizzat għall-kadmju għall-ewwel darba. |
|
(45) |
Jista’ jiġi nnotat ukoll li, f’kawżi fil-passat, fejn miżura ġdida ta’ armonizzazzjoni kienet ġiet sostitwita b’waħda eżistenti, il-Qorti rreferiet biss għall-miżura ta’ armonizzazzjoni adottata ġdida bħala dik li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-valutazzjonijiet skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE. (9) |
|
(46) |
Bħala konklużjoni, peress li r-Regolament (UE) 2019/1009 huwa l-miżura ta’ armonizzazzjoni li jenħtieġ li tiġi kkunsidrata għall-fini tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha taċċerta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kinux diġà jeżistu qabel dak ir-Regolament, f’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE. |
|
(47) |
It-tieni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati qatt ma ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 114 tat-TFUE jew id-dispożizzjonijiet predeċessuri tiegħu, la bħala deroga mid-Direttiva 76/116/KEE, u lanqas bħala deroga mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003. |
|
(48) |
Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk dawn xorta waħda jistgħux jitqiesu bħala li kienu jeżistu qabel ir-Regolament (UE) 2019/1009 għall-fini tal-Artikolu 114(4) tat-TFUE, minflok bħala dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda li jenħtieġ li jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 114(5) tat-TFUE. Sabiex tiġi ddeterminata din il-kwistjoni, huwa importanti li wieħed iħares lejn il-fini tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE. |
|
(49) |
Din id-distinzjoni ġiet indirizzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti. Fil-kawża C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-Qorti kkonkludiet, fir-rigward tal-Artikolu 95 tat-TKE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 114 tat-TFUE: “Id-differenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 95 hija li, fl-ewwel waħda, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ġew qabel il-miżura ta’ armonizzazzjoni. Għalhekk, huma magħrufa mil-leġiżlatura tal-Komunità, iżda l-leġiżlatura ma tistax jew ma turix xewqa li tkun iggwidata minnhom għall-fini ta’ armonizzazzjoni. Għaldaqstant, huwa meqjus aċċettabbli li l-Istat Membru jitlob li r-regoli tiegħu stess jibqgħu fis-seħħ. Għal dak l-għan, it-Trattat tal-KE jeħtieġ li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn iridu jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 30 KE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Għall-kuntrarju, fit-tieni sitwazzjoni, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida għandha probabbiltà akbar li tipperikola l-armonizzazzjoni. L-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux, skont id-definizzjoni, iqisu t-test nazzjonali meta kienu qed ifasslu l-miżura ta’ armonizzazzjoni. F’dak il-każ, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 30 KE ma jiġux ikkunsidrati, u r-raġunijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol biss jiġu aċċettati, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jipprovdi evidenza xjentifika ġdida u li l-ħtieġa li jintroduċi dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda tirriżulta minn problema speċifika għall-Istat Membru kkonċernat li tirriżulta wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ armonizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (10) |
|
(50) |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, jenħtieġ li jitqies li l-għan tad-distinzjoni bejn l-Artikolu 114(4) u (5) tat-TFUE huwa li jiġu imposti rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni ogħla f’każijiet fejn l-armonizzazzjoni x’aktarx li tkun ipperikolata peress li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx magħrufa mil-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura armonizzata u, għalhekk, ma ġietx ikkunsidrata meta tfasslet il-miżura ta’ armonizzazzjoni. |
|
(51) |
Kif diġà ġie stabbilit, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ilhom fis-seħħ fl-istat attwali tagħhom mill-1998. Għalhekk, dawn kienu fis-seħħ fiż-żmien tat-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009 u, għaldaqstant, ġew qabel dak ir-Regolament ukoll. |
|
(52) |
Barra minn hekk, mill-Valutazzjoni tal-Impatt li Takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti bil-markatura CE (11), huwa evidenti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati kienu magħrufa mil-leġiżlatura tal-Unjoni matul it-tfassil tar-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(53) |
Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huma miżura preeżistenti li tidderoga mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta. |
2.1.2. Dwar l-istrettezza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1009
|
(54) |
Rigward il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex ukoll aktar strinġenti mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta, il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm ir-Renju tad-Danimarka biħsiebu japplika l-limitu nazzjonali tal-kadmju kemm għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmi fil-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u fil-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 kif ukoll għal ċerti fertilizzanti oħra rregolati skont dak ir-Regolament, it-tħassib ewlieni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jfittxu li jindirizzaw huwa dwar il-kategorija preċedenti ta’ fertilizzanti, li huma fertilizzanti inorganiċi u organominerali b’kontenut għoli ta’ fosforu. |
|
(55) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li huwa biss għall-fertilizzanti fosfatiċi li l-valur ta’ limitu tal-kadmju Daniż u l-valur ta’ limitu stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 huma espressi abbażi tal-istess denominatur, jiġifieri kg P2O5 minflok kg ta’ materja niexfa tal-prodott kollu bil-komponenti kollha tiegħu. |
|
(56) |
Fi kliem ieħor, huwa biss għall-fertilizzanti fosfatiċi li huwa possibbli li jitqabbel il-livell ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent fuq il-bażi tal-limitu tal-kadmju Daniż ma’ dak tal-limitu armonizzat tal-kadmju mingħajr ma tkun magħrufa l-kompożizzjoni eżatta ta’ kull prodott. Barra minn hekk, il-fertilizzanti fosfatiċi huma bil-bosta l-prodotti l-aktar rilevanti fil-mira tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. Għalhekk, sabiex jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex aktar stretti u protettivi mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta, il-Kummissjoni tista’ biss tqabbel iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward tal-fertilizzanti fosfatiċi. |
|
(57) |
Il-limitu tal-kadmju għall-fertilizzanti fosfatiċi stabbilit mill-punt 3(a)(ii) PFC 1(B) u mill-punt 2(a)(ii) PFC 1(C)(I) tal-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa ta’ 60 mg/kg P2O5. Min-naħa l-oħra, il-limitu tal-kadmju stabbilit mid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwa ta’ 48 mg/kg P2O5. |
|
(58) |
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huma aktar stretti u aktar protettivi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/1009, tal-anqas sa fejn japplikaw għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija f’dak ir-Regolament. |
|
(59) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li n-notifika sottomessa mir-Renju tad-Danimarka hija ammissibbli skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE, tal-anqas sa fejn tikkonċerna l-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
2.2. Valutazzjoni tal-merti
|
(60) |
F’konformità mal-Artikolu 114(4) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dak l-Artikolu li jagħtu s-setgħa lil Stat Membru jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. |
|
(61) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex iġġustifikati mill-ħtiġijiet ewlenin imsemmija fl-Artikolu 36 tat-TFUE jew b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol u li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv leġittimu mixtieq. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, hija għandha tivverifika, skont l-Artikolu 114(6) tat-TFUE, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew humiex restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jew le, u jekk jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern jew le. |
|
(62) |
Fid-dawl taż-żmien stabbilit mill-Artikolu 114(6) tat-TFUE, il-Kummissjoni, meta teżamina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 114(4) tat-TFUE humiex iġġustifikati, trid tieħu bħala bażi l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-Istat Membru li jinnotifika. L-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-Istat Membru notifikatur li jixtieq iżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu. |
|
(63) |
Madankollu, meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif li fid-dawl tiegħu l-miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, li minnha jidderogaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jaf ikun hemm bżonn tiġi riveduta, hi tista’ tqis dan it-tagħrif fil-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. |
2.2.1. Il-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka
|
(64) |
Il-valur ta’ limitu tad-Danimarka għall-kadmju fil-fertilizzanti artifiċjali dderivati minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar huwa mmotivat mill-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mill-esponiment għall-kadmju fl-ambjent. |
|
(65) |
Fin-notifika sottomessa lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li ilu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-1989. Il-valur ta’ limitu li bħalissa huwa fis-seħħ ilu japplika mill-1998. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ġew introdotti bl-għan li jnaqqsu l-kontaminazzjoni tal-art agrikola, li ġiet identifikata fir-rapport nazzjonali mwettaq mill-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tal-Università Teknika tad-Danimarka (“DTU Fødevareinstituttet”) dwar “Il-kontaminazzjoni bil-kadmju – rapport dwar l-użu, l-okkorrenza u l-effetti avversi tal-kadmju fid-Danimarka” tal-1980. Minħabba l-konklużjoni li l-kadmju kien kontinwament qiegħed jakkumula fil-ħamrija agrikola Daniża, ir-rapport irrakkomanda tnaqqis fil-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti, peress li tnaqqis bħal dan jista’ jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kontaminazzjoni tal-art agrikola. |
|
(66) |
B’referenza għall-fatt li l-esponiment għall-kadmju fil-ħamriji agrikoli u d-dħul tiegħu fihom huma ġeneralment aktar baxxi fid-Danimarka mill-medja tal-Unjoni, ir-Renju tad-Danimarka huwa tal-fehma li l-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat li l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati rnexxew. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent anki fil-futur, ir-Renju tad-Danimarka jafferma l-ħtieġa li jinżamm livell imnaqqas ta’ esponiment fit-territorju tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2019/1009. Barra minn hekk, fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka analizza l-effetti mistennija tal-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009. Dan il-valur ta’ limitu qajjem tħassib importanti fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Ir-Renju tad-Danimarka jiddikjara li l-applikazzjoni tal-valuri ta’ limitu tar-Regolament (UE) 2019/1009 tkun twassal għal livell imnaqqas ta’ ħarsien fid-Danimarka. |
|
(67) |
B’appoġġ għal dan, ir-Renju tad-Danimarka jibbaża l-valutazzjoni tiegħu fuq l-antiċipazzjoni li l-applikazzjoni tal-valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 tkun tirriżulta f’żieda fid-dħul tal-kadmju fl-artijiet agrikoli Daniżi mal-fertilizzanti, minħabba l-probabbiltà li jitqiegħdu fertilizzanti b’kontenut ogħla ta’ kadmju fis-suq fid-Danimarka. |
|
(68) |
B’mod partikolari, ir-Renju tad-Danimarka jippreżenta ġustifikazzjoni relatata mar-riskji għas-saħħa tal-bniedem assoċjati mal-esponiment għall-kadmju permezz tal-ikel. Ir-Renju tad-Danimarka jirreferi għall-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut ta’ kadmju fl-ikel prodott fid-Danimarka biex b’hekk jiġu protetti xi sezzjonijiet aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, b’mod partikolari t-tfal u l-veġetarjani, li qed jikkonsmaw il-kadmju fl-ikel tagħhom f’livelli li jisbqu l-valuri ta’ limitu bbażati fuq is-saħħa. |
|
(69) |
B’appoġġ għal dik id-dikjarazzjoni, ir-Renju tad-Danimarka jirreferi għal għadd ta’ studji xjentifiċi. B’mod partikolari, jirreferi għall-istudju (12) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) rigward id-doża tollerabbli fil-ġimgħa (TWI) u jqabblu ma’ studju mwettaq mill-Università Teknika tad-Danimarka, bil-konklużjoni li jenħtieġ li jitnaqqas l-esponiment għall-kadmju mill-ikel. Barra minn hekk, l-istudju mwettaq mill-Università Teknika tad-Danimarka jiżvela li t-tfal huma grupp ta’ esponiment għoli, b’esponiment medju tat-tfal żgħar li jaqbeż it-TWI. Il-veġetarjani wkoll huma meqjusa li għandhom konsum konsiderevolment ogħla ta’ kadmju mill-popolazzjoni medja. L-akbar esponiment għall-kadmju mill-ikel jiġi mill-konsum taċ-ċereali u tal-ħxejjex. Il-kwantitajiet ikkonsmati minn dawn il-gruppi jwasslu għal esponiment għoli. |
|
(70) |
Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka għandu grad għoli ta’ awtosuffiċjenza fil-produzzjoni tal-ikel tiegħu f’dawk li huma ċereali, patata u karrotti, fost affarijiet oħra. Għalhekk, l-esponiment tal-popolazzjoni Daniża għall-kadmju huwa marbut mill-qrib mal-ammont ta’ kadmju miżjud fl-art agrikola Daniża. |
|
(71) |
Ta’ min jinnota li l-kundizzjonijiet tal-ħamrija fid-Danimarka jvarjaw minn ħamrija ramlija fil-partijiet tal-Punent tal-pajjiż, għal ħamrija taflija fil-Lvant. Bħala riżultat tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija, l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji tvarja minn livelli ogħla fil-ħamrija taflija f’Zealand, f’Fyn u fl-estremi tal-Lvant ta’ Jutland, filwaqt li Jutland tal-Punent għandha ħamrija aktar ramlija u livelli ġeneralment aktar baxxi ta’ kadmju. Barra minn hekk, l-informazzjoni demografika sottomessa mir-Renju tad-Danimarka turi li minħabba differenzi relatati ma’ fatturi ta’ effiċjenza agrikola li jirriżultaw min-natura tal-ħamrija, l-agrikoltura li tikkultiva l-uċuħ tar-raba’ tal-pjanti hija ffokata f’żoni fejn il-ħamrija taflija fiha livelli ogħla ta’ kadmju. |
|
(72) |
Fattur ieħor li jvarja mil-Lvant għall-Punent tad-Danimarka huwa l-ammont ta’ trobbija tal-bhejjem u, għalhekk, id-disponibbiltà tad-demel bħala alternattiva għall-fertilizzant artifiċjali. It-trobbija tal-bhejjem hija ġeneralment ikkonċentrata f’Jutland, filwaqt li l-kultivazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ mingħajr annimali tal-irziezet hija lokalizzata f’Zealand. Konsegwentement, id-differenzi ġeografiċi fil-kundizzjonijiet tal-ħamrija u fil-produzzjoni tal-bhejjem fid-Danimarka jfissru li l-użu ta’ fertilizzanti artifiċjali huwa relattivament akbar fil-Lvant tad-Danimarka, fejn il-farms li jikkultivaw uċuħ tar-raba’ tal-pjanti mingħajr ma jrabbu annimali tal-irziezet huma aktar mifruxa u l-ħamrija taflija fiha livelli ta’ sfond ta’ kadmju ogħla. Ir-Renju tad-Danimarka jinnota li 91 % tal-fertilizzanti artifiċjali fl-Ewropa fl-2014 kienu stmati li jaqgħu fil-limitu ta’ 60 mg Cd/kg P2O5, filwaqt li 68 % kienu stmati li jaqgħu fil-limitu ta’ 40 mg Cd/kg P2O5. Għalhekk, proporzjon kbir tal-fertilizzanti fis-suq Ewropew diġà jilħaq il-limitu Daniż. Matul l-aħħar żewġ deċennji, il-livell medju ta’ kadmju fil-fertilizzanti artifiċjali kien ta’ 10-20 mg Cd/kg P2O5 fid-Danimarka, filwaqt li fis-suq Ewropew huwa stmat li kien ta’ 32-36 mg Cd/kg P2O5. |
|
(73) |
Barra minn hekk, is-sehem Daniż mis-suq Ewropew tal-fertilizzanti artifiċjali huwa ta’ bejn 2-3 %. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li ma esperjenza l-ebda problema fil-provvista ta’ fertilizzanti li jikkonformaw mal-valur ta’ limitu għall-kadmju attwalment fis-seħħ, mill-1998 minn meta daħal fis-seħħ. |
|
(74) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huma wkoll ta’ applikazzjoni ġenerali, u japplikaw kemm għad-ditti Daniżi kif ukoll għal ditti oħra li jbigħu fertilizzanti għall-użu fid-Danimarka. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi nnotat li d-Danimarka m’għandha l-ebda depożitu naturali ta’ blat tal-fosfat, u b’hekk il-blat tal-fosfat ma jiġix estratt fid-Danimarka. |
|
(75) |
Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka pprovda statistika li turi żieda gradwali fil-kwantità tal-fertilizzanti importati minn Stati Membri oħra fil-perjodu 1988-2018. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li skont din id-data ekonomika, il-limitu tal-kadmju stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ma waqqafx iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Istati Membri l-oħra. Għall-kuntrarju, id-data turi progress distint fil-kummerċ bejn l-Istati Membri differenti. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati lanqas ma huma ostakolu għall-kapaċità ta’ esportazzjoni tal-fertilizzanti artifiċjali lejn Stati Membri oħra. |
2.2.2. Evalwazzjoni tal-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka
2.2.2.1.
|
(76) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għandhom l-għan li jiksbu livell ogħla ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn dak previst fir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-esponiment għall-kadmju, u b’hekk ikomplu jevitaw l-akkumulazzjoni ta’ kadmju fil-ħamrija. Il-mezz sabiex jintlaħaq dan l-objettiv huwa li jinżammu valuri ta’ limitu massimi baxxi ta’ kadmju fil-fertilizzanti koperti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. |
|
(77) |
Fir-rigward tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-kadmju huwa element mhux essenzjali u tossiku għall-bniedem, u ma għandu l-ebda użu għall-pjanti jew għall-annimali. B’mod partikolari, l-ossidu tal-kadmju ġie kklassifikat bħala sustanza karċinoġenika, kategorija 2, skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
|
(78) |
Il-preżenza tal-kadmju fil-pjanti u l-konsum tal-kadmju mill-oġġetti tal-ikel jistgħu eventwalment iwasslu għal effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem fit-tul. Barra minn hekk, ladarba jiġi assorbit mill-ġisem tal-bniedem, il-kadmju jinżamm b’mod effiċjenti u jakkumula fil-ġisem tul il-ħajja kollha. (14) |
|
(79) |
Il-pubbliku ġenerali huwa espost għall-kadmju minn diversi sorsi, inklużi t-tipjip u l-konsum tal-ikel. Għall-popolazzjoni li ma tpejjipx, l-ikel jirrappreżenta l-aktar sors importanti ta’ konsum tal-kadmju. Il-kadmju huwa primarjament tossiku għall-kliewi, iżda jista’ jikkawża wkoll demineralizzazzjoni tal-għadam u kien assoċjat statistikament ma’ żieda fir-riskju ta’ kanċer fil-pulmun, fl-endometriju, fil-bużżieqa tal-awrina u fis-sider. (15) |
|
(80) |
Il-kadmju jista’ jagħmel ħsara lill-kliewi, u jikkawża produzzjoni żejda ta’ proteini fl-awrina. Id-durata u l-livell ta’ esponiment għall-kadmju jiddeterminaw is-severità tal-effett. Il-ħsara fl-iskeletru hija effett kritiku ieħor tal-esponiment kroniku għall-kadmju f’livelli kemxejn ogħla minn dawk li fihom il-proteina fl-awrina tkun indikatur bikri. Il-kadmju, li prinċipalment jinħażen fil-fwied u fil-kliewi, jiġi eliminat bil-mod, u jista’ jibqa’ fil-ġisem tal-bniedem għal għexieren sħaħ ta’ snin. |
|
(81) |
Barra minn hekk, ir-riskji għas-saħħa ma jistgħux jiġu esklużi għal persuni adulti li jpejpu u għal nies b’nuqqas ta’ ħadid f’ġisimhom u/jew li jgħixu qrib sorsi industrijali. (16) |
|
(82) |
Barra minn hekk, minbarra l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem, ir-Renju tad-Danimarka għandu l-għan li jikseb livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent. Ir-Renju tad-Danimarka jsostni wkoll li aktar akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamrija jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-bijodiversità tal-ħamrija u, għalhekk, fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija (eż. id-dekompożizzjoni tal-materja organika) u fuq il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art permezz ta’ lixxivjazzjoni fil-ħamriji. Kemm it-tossiċità kif ukoll il-bijodisponibbiltà tal-kadmju huma influwenzati mill-karatteristiċi tal-ħamrija. |
|
(83) |
Id-differenzi ġeografiċi fil-kundizzjonijiet tal-ħamrija u fil-produzzjoni tal-bhejjem fid-Danimarka jirriżultaw f’użu relattivament akbar ta’ fertilizzanti artifiċjali fil-Lvant tad-Danimarka, fejn il-farms li jikkultivaw uċuħ tar-raba’ tal-pjanti mingħajr ma jrabbu annimali tal-irziezet huma aktar mifruxa u l-ħamrija taflija fiha livelli ta’ sfond ta’ kadmju ogħla. |
|
(84) |
It-tħassib dwar ir-riskji maħluqa mill-kadmju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent diġà ssemma mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Jannar 1988 (17). Il-Kunsill enfasizza l-importanza li titnaqqas l-introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamriji mis-sorsi kollha inkluż mis-sorsi diffużi (eż. id-depożizzjoni atmosferika, il-fertilizzanti fosfatiċi, il-ħama tad-dranaġġ, eċċ.) permezz ta’, fost l-oħrajn, “miżuri xierqa ta’ kontroll għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi bbażati fuq teknoloġija adattata li ma tinvolvix kostijiet eċċessivi u li jqisu l-kundizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni differenti tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
(85) |
Fl-2002, il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent ikkonkluda li limitu ta’ 40 mg/kg P2O5 jew aktar iwassal għal akkumulazzjoni tal-kadmju fil-biċċa l-kbira tal-ħamriji tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, limitu ta’ 20 mg/kg P2O5 jew anqas ma kienx mistenni li jirriżulta f’akkumulazzjoni fit-tul fil-ħamrija fuq perjodu ta’ 100 sena jekk ma jitqisux sorsi oħra ta’ kadmju. |
|
(86) |
Fil-premessa (15) tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003, diġà kien tħabbar l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-kwistjoni tal-kontenut ta’ kadmju mingħajr intenzjoni fil-fertilizzanti minerali. |
|
(87) |
Fil-proposta tagħha għar-Regolament (UE) 2019/1009 (18), fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli meta vvalutat l-impatti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-metall tal-kadmju u l-ossidu tal-kadmju b’mod ġenerali jistgħu joħolqu riskji serji għas-saħħa u għall-ambjent. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 fil-fertilizzanti fosfatiċi u li gradwalment dan il-valur ta’ limitu jitnaqqas għal 20 mg/kg P2O5 fi żmien 12-il sena wara l-bidu tal-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid. |
|
(88) |
Hemm qbil ġenerali wkoll li l-kadmju fil-fertilizzanti huwa bil-bosta l-aktar sors importanti ta’ introduzzjoni tal-kadmju fil-ħamrija u fil-katina alimentari. (19) |
|
(89) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi valur ta’ limitu ta’ 60 mg/kg P2O5 applikabbli mis-16 ta’ Lulju 2022. Il-maġġoranza vasta tal-fertilizzanti disponibbli fis-suq Ewropew diġà jikkonformaw ma’ dan il-valur ta’ limitu. Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ dan il-limitu hija pass fid-direzzjoni t-tajba, fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli, x’aktarx li mhux se tnaqqas b’mod sinifikanti l-akkumulazzjoni tal-kadmju fil-ħamriji fit-tul. |
|
(90) |
Filwaqt li jagħraf il-ħtieġa ta’ valuri ta’ limitu armonizzati aktar ambizzjużi għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi fil-futur, ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex tivvaluta dawn il-limiti mill-ġdid bl-għan li tnaqqashom, jekk dan ikun fattibbli. |
|
(91) |
Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, irid jitqies li l-valur ta’ limitu massimu stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwa ġġustifikat mill-ħtiġijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. |
2.2.2.2.
(a) In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni arbitrarja
|
(92) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jeħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika li ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati ma tkunx mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, sabiex ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, sitwazzjonijiet simili ma jistgħux jiġu ttrattati b’modi differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni oġġettiva. |
|
(93) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati japplikaw kemm għall-prodotti domestiċi kif ukoll għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra. Billi ma hemmx evidenza tal-kuntrarju, jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali mhumiex mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja. |
(b) In-nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ tal-fertilizzanti fosfatiċi
|
(94) |
Għall-valutazzjoni tal-kundizzjoni li tappartjeni għan-nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ, il-Kummissjoni l-ewwel se tivvaluta d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati sa fejn dawn japplikaw għal dawk il-fertilizzanti li għalihom il-Kummissjoni tkun qieset li n-notifika hija ammissibbli, jiġifieri għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(95) |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu kundizzjonijiet aktar stretti għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni normalment jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ. Dan għaliex, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, uħud mill-prodotti li jitqiegħdu fis-suq legalment fil-bqija tal-Unjoni mhumiex mistennija jitqiegħdu fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat. Il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 114(6) tat-TFUE huma maħsuba sabiex jipprevjenu r-restrizzjonijiet abbażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafi (4) u (5) ta’ dak l-Artikolu milli jiġu applikati għal raġunijiet mhux xierqa, u milli jikkostitwixxu fil-fatt miżuri ekonomiċi li jxekklu l-importazzjoni ta’ prodotti minn Stati Membri oħra, jiġifieri, bħala mezz biex iħarsu b’mod indirett il-produzzjoni nazzjonali. (20) |
|
(96) |
Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jimponu wkoll valuri ta’ limitu aktar stretti fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi għall-operaturi ekonomiċi bbażati fi Stati Membri oħra fil-qasam, li fil-bqija tiegħu huwa armonizzat, huma jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, huwa rikonoxxut li l-Artikolu 114(6) tat-TFUE jrid jinqara skont it-tifsira li l-miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sproporzjonat għas-suq intern biss jistgħu ma jiġux approvati. (21) |
|
(97) |
Fin-nuqqas ta’ evidenza li tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu miżura maħsuba sabiex tħares il-produzzjoni nazzjonali, jista’ jiġi konkluż li dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, jibqa’ f’idejn il-Kummissjoni li tikkunsidra jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jippreżentawx ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern. |
(c) Nuqqas ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern għall-fertilizzanti fosfatiċi
|
(98) |
Għall-valutazzjoni tal-kundizzjoni li tappartjeni għan-nuqqas ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni l-ewwel trid tivvaluta d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati sa fejn dawn japplikaw għal dawk il-fertilizzanti li għalihom il-Kummissjoni tkun qieset li n-notifika hija ammissibbli, jiġifieri l-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(99) |
L-Artikolu 114(6) tat-TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika jekk iż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jikkostitwux ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern. Il-kundizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li hija tipprekludi l-approvazzjoni ta’ xi miżura nazzjonali li probabbli taffettwa l-funzjonament tas-suq intern. Fil-fatt, kull miżura nazzjonali b’deroga minn miżura ta’ armonizzazzjoni mmirata lejn l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern fis-sustanza tikkostitwixxi miżura li probabbli taffettwa s-suq intern. Għaldaqstant, sabiex jinżamm il-karattru utli tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 114 tat-TFUE, fil-kuntest tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE l-kunċett ta’ ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern irid jinftiehem bħala effett sproporzjonat b’rabta mal-objettiv mixtieq. (22) |
|
(100) |
Meta jkun qed jiġi vvalutat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex adegwati u neċessarji sabiex jiksbu l-objettiv li jixtiequ jiksbu, iridu jitqiesu diversi fatturi. Il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-livelli ta’ ħarsien li jirriżultaw mill-valur ta’ limitu għall-kadmju stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jiksbux l-objettiv tagħhom, li huwa li jħarsu s-saħħa tal-bniedem, minn naħa waħda, u l-ambjent, min-naħa l-oħra. |
|
(101) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-valur ta’ limitu għall-kadmju fid-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati huwa aktar baxx mill-valur ta’ limitu għall-kadmju għall-fertilizzanti fosfatiċi stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009. Għaldaqstant, il-miżuri nazzjonali notifikati jipprovdu livell aħjar ta’ ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-miżura ta’ armonizzazzjoni. |
|
(102) |
Fir-rigward tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għall-fertilizzanti fosfatiċi, il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin: |
|
(103) |
L-ewwel nett, ir-Renju tad-Danimarka ma esperjenza l-ebda problema fil-provvista ta’ fertilizzanti li jikkonformaw mal-valur ta’ limitu għall-kadmju attwalment fis-seħħ, li jfisser li dak il-limitu ma joħloqx ostakoli kbar għall-moviment liberu fis-suq intern. |
|
(104) |
It-tieni, ir-Renju tad-Danimarka jirreferi għall-ħtieġa li jitnaqqas il-kontenut ta’ kadmju fl-ikel prodott fid-Danimarka u b’hekk jiġu protetti xi sezzjonijiet tal-popolazzjoni, b’mod partikolari t-tfal u l-veġetarjani, li qed jikkonsmaw il-kadmju fl-ikel tagħhom f’livelli li jisbqu l-valuri ta’ limitu bbażati fuq is-saħħa. L-istudju tal-EFSA msemmi mir-Renju tad-Danimarka (23) jiżvela li t-tfal huma grupp ta’ esponiment għoli bl-esponiment medju tat-tfal żgħar li jaqbeż it-TWI. Il-veġetarjani wkoll huma vvalutati li għandhom konsum konsiderevolment ogħla ta’ kadmju mill-popolazzjoni medja. (24) |
|
(105) |
Barra minn hekk, il-fatt li l-esponiment għall-kadmju fil-ħamriji agrikoli u d-dħul tiegħu fihom huma ġeneralment aktar baxxi fid-Danimarka mill-medja tal-Unjoni huwa indikazzjoni li l-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tal-ħamrija u tal-popolazzjoni Daniża rnexxew. |
|
(106) |
Rigward il-fertilizzanti fosfatiċi, minħabba l-benefiċċji għas-saħħa u ambjentali invokati mir-Renju tad-Danimarka b’rabta mat-tnaqqis tal-esponiment għall-kadmju fil-ħamrija, u l-fatt li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, il-kummerċ ftit li xejn jidher affettwat, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħu jinżammu minħabba raġunijiet marbuta mal-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent fid-dawl tal-fatt li dawn mhumiex sproporzjonati u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE. |
(d) In-nuqqas ta’ restrizzjoni moħbija tal-kummerċ u ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern għall-fertilizzanti minbarra l-fertilizzanti fosfatiċi
|
(107) |
Minbarra l-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jkopru wkoll fertilizzanti artifiċjali oħra dderivati minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3-5 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar. |
|
(108) |
Għall-fini tal-valutazzjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jikkostitwux restrizzjoni moħbija tal-kummerċ jew ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern għal dawk il-fertilizzanti skont it-tifsira tal-Artikolu 114(6), u għalhekk jekk għandhomx effett sproporzjonat fir-rigward tal-objettiv segwit, il-Kummissjoni tinnota li r-Renju tad-Danimarka kkonferma li t-tħassib primarju huwa relatat mal-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009, u li l-fokus primarju tal-valutazzjoni xjentifika fin-notifika Daniża kien fuq ċerta kategorija ta’ fertilizzanti fosfatiċi, jiġifieri fertilizzanti minerali inorganiċi b’kontenut għoli ta’ fosforu. |
|
(109) |
Fir-rigward tal-objettiv mixtieq tal-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent, il-Kummissjoni tinnota, kif indikat fil-premessi 55 u 56 aktar ’il fuq, li għall-fertilizzanti fosfatiċi biss huwa possibbli li titqabbel in-natura protettiva tal-limitu Daniż tal-kadmju ma’ dik tal-limitu armonizzat tal-kadmju mingħajr ma tkun magħrufa l-kompożizzjoni eżatta ta’ kull prodott, peress li huwa biss għall-fertilizzanti fosfatiċi li l-valur ta’ limitu Daniż u l-valur ta’ limitu stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1009 huma espressi abbażi tal-istess denominatur. Fi kliem ieħor, għall-fertilizzanti għajr il-fertilizzanti fosfatiċi, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati humiex aktar strinġenti mir-regola ta’ armonizzazzjoni li għadha kemm ġiet introdotta. Għalhekk ma jistax jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jipprovdux livell aħjar ta’ ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent mill-miżura ta’ armonizzazzjoni. |
|
(110) |
Rigward l-impatt tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati dwar il-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni tinnota li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għall-fertilizzanti bil-markatura CE minbarra l-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009 tkun toħloq diffikultajiet amministrattivi serji għall-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jqiegħdu l-fertilizzanti fis-suq fid-Danimarka. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, il-manifatturi jkollhom jikkategorizzaw il-fertilizzanti tagħhom mhux biss skont ir-Regolament (UE) 2019/1009 iżda wkoll skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati. Barra minn hekk, jekk fertilizzant b’markatura CE jikkostitwixxi fertilizzant artifiċjali dderivat minn fosfat minerali b’kontenut totali ta’ fosforu ta’ 2,3 % ekwivalenti għal P2O5 skont il-massa jew aktar skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, iżda ma jikkostitwix fertilizzant fosfatiku skont ir-Regolament (UE) 2019/1009, il-manifatturi jkollhom jagħmlu żewġ kalkoli tal-kontenut ta’ kadmju, wieħed b’kg P2O5 bħala denominatur għall-fini tal-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, u wieħed b’kg ta’ materja niexfa bħala denominatur għall-fini tal-konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(111) |
Meta wieħed iqis l-ostakolu amministrattiv sinifikanti li toħloq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati għall-fertilizzanti għajr għall-fertilizzanti fosfatiċi, flimkien mal-fatt li huwa impossibbli li jiġi stabbilit jekk dawn jipprovdux livell ogħla ta’ ħarsien mir-Regolament (UE) 2019/1009 u li t-tniġġis mill-kadmju minnhom mhuwiex ta’ tħassib partikolari għar-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, jekk jiġu applikati għal fertilizzanti bħal dawn, ikollhom effett sproporzjonat fuq il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-objettiv segwit. |
|
(112) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tad-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati tikkostitwixxi ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 114(6) tat-TFUE sa fejn dawn japplikaw għal fertilizzanti għajr għall-fertilizzanti fosfatiċi. Għalhekk, u mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar jekk in-notifika hijiex ammissibbli f’dik il-parti, id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jenħtieġ li jiġu rrifjutati sa fejn japplikaw għal fertilizzanti għajr għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
2.2.2.3.
|
(113) |
Sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati, u l-ostakolu potenzjali għall-funzjonament tas-suq intern, ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa mir-Renju tad-Danimarka, id-deroga nazzjonali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien. Id-deroga ma tibqax meħtieġa jekk, fil-futur, il-valur ta’ limitu armonizzat jiġi stabbilit fil-livell tal-valur ta’ limitu Daniż jew taħtu. |
|
(114) |
Il-valur ta’ limitu armonizzat jista’ jiġi stabbilit biss fil-livell tal-valur ta’ limitu Daniż jew taħtu permezz ta’ deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni, eż. fil-kuntest tar-rieżami msemmi fl-Artikolu 49(b) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu li għalih tingħata d-deroga ma jkunx limitat għal ċerta data, iżda jkun allinjat ma’ tali deċiżjoni futura mill-koleġiżlaturi. |
|
(115) |
Dan ikun konformi mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009, li jistipula li d-derogi mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 f’konformità mal-Artikolu 114(4) tat-TFUE fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju jistgħu jkomplu japplikaw sakemm fil-livell tal-Unjoni jkunu applikabbli valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jkunu l-istess bħal jew taħt dawk nazzjonali. |
|
(116) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sakemm fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Daniż. |
3. KONKLUŻJONIJIET
|
(117) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jenħtieġ li jiġi konkluż li t-talba mir-Renju tad-Danimarka għaż-żamma tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga mir-Regolament (UE) 2019/1009 kif ippreżentata fis-27 ta’ Jannar 2020 hija ammissibbli sa fejn tkopri l-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(118) |
Barra minn hekk, sa fejn japplikaw għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009, il-Kummissjoni ssib li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati:
|
|
(119) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati jistgħu jiġu approvati sa fejn japplikaw għal fertilizzanti bħal dawn. |
|
(120) |
Madankollu, sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati japplikaw għal fertilizzanti għajr għall-fertilizzanti fosfatiċi kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2019/1009, il-Kummissjoni ssib li dawn ikollhom effett sproporzjonat fuq il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-objettiv mixtieq. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura trid tiġi miċħuda sa fejn tapplika għal fertilizzanti bħal dawn, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jidderogaw mir-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq Daniż ta’ fertilizzanti b’kontenut ta’ kadmju li jaqbeż it-48 mg/kg, P2O5, huma approvati sa fejn japplikaw għall-fertilizzanti fosfatiċi msemmija fil-punti 3(a)(ii) fil-PFC 1(B) u 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, sa meta fil-livell tal-Unjoni jkun applikabbli valur ta’ limitu armonizzat rivedut li jkun daqs jew taħt il-valur ta’ limitu Daniż.
Artikolu 2
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka huma miċħuda sa fejn japplikaw għal fertilizzanti għajr il-fertilizzanti fosfatiċi msemmija fil-punti 3(a)(ii) fil-PFC 1(B) u 2(a)(ii) fil-PFC 1(C)(I) fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Thierry BRETON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).
(3) Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006: 2006/347/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE rigward il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, il-para. 41 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19), 2006/348/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE rigward il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, il-para. 40 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 25), u 2006/349/KE dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE rigward il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 31).
(4) B’mod partikolari l-Artikolu 95 (li qabel kien 100a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni konsolidata tal-2002) (ĠU C 325, 24.12.2002, p. 33).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tippreskrivi proċedura għall-għoti ta’ tagħrif fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi (ĠU L 109, 26.4.1983, p. 8).
(6) ĠU C 124, 17.4.2020, p. 19.
(7) Il-Kawża C-41/93, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-punti 23-30.
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/116/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ fertilizzanti (ĠU L 24, 30.1.1976, p. 21).
(9) Ara C-360/14 P Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
(10) C-3/00 Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, il-punt 58. Ikkonfermata ulterjorment, eż., f’T-234/04 Ir-Renju tan-Netherlands vs Il-Kummissjoni, il-punt 58, fil-Kawżi Magħquda T 366/03 T-235/04 Land Oberösterreich u l-Awstrija vs Il-Kummissjoni, il-punt 62 u f’C-512/99 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, il-punt 41.
(11) Ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni li kienet speċifikament iddedikata għal-limitu tal-kadmju, SWD(2016) 64 final, PARTI 2/2; https://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/10102/2016/EN/SWD-2016-64-F1-EN-MAIN-PART-2.PDF; ara b’mod partikolari l-paġni 5, 6, 25, 28, 29 u 32, u l-Anness I.
(12) Scientific Opinion of the Panel on Contaminants in the Food Chain on a request from the European Commission on cadmium in food. The EFSA Journal (2009) 980, p. 1.
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(14) Ara r-rapport xjentifiku tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel “Cadmium dietary exposure in the European population” (L-esponiment għall-kadmju mill-ikel fil-popolazzjoni Ewropea) tal-2012, ippubblikat fuq https://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/scientific_output/files/main_documents/2551.pdf, EFSA Journal 2012;10(1).
(15) EFSA Journal 2012;10(1).
(16) Ir-rapport tal-UE ta’ valutazzjoni tar-riskju dwar il-kadmju u l-ossidu tal-kadmju, kif ikkwotat f’SWD(2016) 64 final, p. 11.
(18) COM/2016/0157 final - 2016/084 (COD).
(19) Ara l-istudju “ Revisiting and updating the effect of phosphate fertilizers to cadmium accumulation in European agricultural soils ” minn Erik Smolders u Laetitia Six, ikkummissjonat minn Fertilizers Europe fl-2013, ippubblikat fuq http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/environmental_risks/docs/scher_o_168_rd_en.pdf
(20) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-para. 54, (ĠU L 118, 14.5.2018, p. 7), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-para. 40, (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 25), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-para. 41, (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 19), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-para. 41 (ĠU L 129, 17.5.2006, p. 31).
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-para. 55, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-para. 42, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-para. 43, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-para. 43.
(22) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2018 li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mid-Danimarka dwar iż-żieda tan-nitrit ma’ ċerti prodotti tal-laħam, C/2018/2721, il-para. 55, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Finlandja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/348/KE, il-para. 42, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tal-Iżvezja skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/347/KE, il-para. 43, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika tal-Awstrija skont l-Artikolu 95(4) tat-Trattat tal-KE dwar il-kontenut massimu ammissibbli ta’ kadmju fil-fertilizzanti, 2006/349/KE, il-para. 43.
(23) Scientific Opinion of the Panel on Contaminants in the Food Chain on a request from the European Commission on cadmium in food. The EFSA Journal (2009) 980, p. 1.
(24) Scientific Opinion of the Panel on Contaminants in the Food Chain on a request from the European Commission on cadmium in food. The EFSA Journal (2009) 980, p. 1.