Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi /* KUMM/2010/0197 finali - NLE 2010/0105 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 5.5.2010 KUMM(2010)197 finali 2010/0105 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI I. Qafas politiku u legali Wara l-kunflitt ta' Awwissu 2008 fil-Ġeorġja, il-Kunsill Ewropew Straordinarju li sar fi Brussell fl-1 ta' Settembru 2008 iddeċieda li "jħaffef il-pass tar-relazzjonijiet mal-Ġeorġja, inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-viża". Fit-27 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni awtorizza formalment lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja. Fi Frar 2009 l-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja dwar l-elementi bażiċi tal-ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża u l-ewwel rawnd ta' negozjati formali seta' jsir fi Brussell fit-2 ta' April 2009. Saru żewġ rawnds formali oħra ta' negozjati. L-aħħar wieħed sar fi Brussell bejn l-24 u l-25 ta’ Awwissu 2009. Wara konsultazzjoni u proċess ta' approvazzjoni miż-żewġ naħat kif ukoll aktar kjarifiki ta' xi ftit punti addizzjonali, it-test maqbul ġie inizjalat fil-25 ta' Novembru 2009 fi Brussell min-Negozjaturi Ewlenin taż-żewġ Partijiet. L-Istati Membri ġew regolarment informati u kkonsultati fl-istadji kollha (informali u formali) tan-negozjati tal-faċilitazzjoni tal-viża. Min-naħa tal-Unjoni, il-bażi legali għall-Ftehim hu l-Artikolu 77(2a), flimkien mal-Artikolu 218 tat-TFUE Il-proposti mehmużin jikkostitwixxu l-istrumenti legali għall-iffirmar tal-Ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viża. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. II. Eżitu tan-negozjati Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati ntlaħqu u li l-abbozz ta’ ftehim tal-iffaċilitar tal-viża hu aċċettabbli għall-Unjoni. Il-kontenut finali tiegħu jista’ jiġi mqassar kif ġej: - bħala prinċipju, għall-applikanti kollha għal viża, ikollha tittieħed deċiżjoni jekk tinħariġx viża jew le fi żmien 10 jiem tal-kalendarju. Meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju, dan il-perjodu jista’ jkun estiż sa 30 jum. F’każijiet urġenti, il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni jista’ jitnaqqas għal tlitt ijiem tax-xogħol jew inqas; - it-tariffa tal-viża biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Ġeorġja għandu jkun ta' €35. Dan il-ħlas ikun applikat għall-applikanti kollha mill-Ġeorġja u jirrigwarda kemm viżi għal dħul ta' darba kif ukoll viżi għal dħul aktar minn darba. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta’ persuni jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tal-viża: il-pensjonanti, qraba mill-viċin, il-membri ta' gvernijiet nazzjonali u reġjonali, il-membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li jkunu qed jipparteċipaw f'attivitajiet tal-gvern, l-istudenti, il-persuni b'diżabilità, il-ġurnalisti, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, it-tfal taħt it-12-il sena, il-każijiet umanitarji u l-persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali, artistiċi u sportivi; - id-dokumenti li għandhom ikunu ppreżentati fir-rigward tal-għan tal-vjaġġ kienu ssimplifikati għal xi kategoriji ta' persuni: qraba fil-qrib, persuni fin-negozju, membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali, studenti, parteċipanti f’avvenimenti xjentifiċi, kulturali u tal-isport, ġurnalisti, persuni li jkunu ser jattendu difniet militari u ċivili, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet, is-sewwieqa li jwettqu s-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġieri, l-imħallfin u persuni li jagħmlu żjarat għal raġunijiet mediċi. Għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, jistgħu jintalbu biss id-dokumenti elenkati fil-ftehim biex jiġi ġġustifikat l-għan tal-vjaġġ. Ma tinħtieġ l-ebda ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni oħra prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri; - Hemm ukoll kriterji ssimplifikati għall-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin: a) għal membri ta' gvernijiet nazzjonali u reġjonali, membri tal-Qorti Kostituzzjonali u ta' dik Suprema, membri permanenti ta' delegazzjonijiet uffiċjali u konjugi u tfal li jżuru ċittadini tal-Ġeorġja li joqogħdu legalmenti fl-Istati Membri: viża valida sa ħames snin (jew inqas, limitata għall-perjodu ta’ validità tal-mandat tagħhom jew l-awtorizzazzjoni għal residenza legali). b) għal parteċipanti fi programmi xjentifiċi, kulturali, programmi uffiċjali ta' skambju u avvenimenti sportivi, ġurnalisti, studenti, nies tan-negozju, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, membri tal-professjonijiet u xufiera, kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ sena (1) għal dħul aktar minn darba u r-raġunijiet għat-talba għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi: jinħarġu viżi validi għal minimu ta' sentejn (2) u massimu ta' ħames (5) snin; - ċittadini tal-Ġeorġja li huma titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi huma eżenti mill-ħtieġa tal-viżi għal żjajjar qosra. - protokoll jindirizza s-sitwazzjon speċifika tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx kompletament l-acquis ta' Schengen u l-għarfien unilaterali tagħhom ta' viżi u ta' permessi ta' reżidenza ta' Schengen li jknu maħruġa lil ċittadini tal-Ġeorġja għall-iskop ta' tranżitu fit-territorju tagħhom skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 582/2008/KE. - Qed tinhemeż Dikjarazzjoni Konġunta mal-Ftehim dwar l-aċċess ta' applikanti għall-viża għal informazzjoni armonizzata dwar proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra u dwar dokumenti ta' prova. - Bi tweġiba għal talbiet speċifiċi mressqa mill-Ġeorġja, qed tinhemeż mal-Ftehim dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar faċilitazzjonijiet għal membri tal-familja mhux koperti mid-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti tal-Ftehim. - Qed tinhemeż Dikjarazzjoni Konġunta mal-Ftehim dwar kooperazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar u dwar skambju regolari ta' informazzjoni dwar is-sigurtà ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi tad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda huma riflessi fil-preambolu u f’żewġ dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża mal-Ftehim. L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen hi bl-istess mod riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim. Minħabba li ż-żewġ Ftehimiet dwar faċilitazzjoni tal-viża u r-rijammissjoni huma marbuta, iż-żewġ Ftehimiet għandhom jiġu ffirmati flimkien. III. Konklużjonijiet Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill - jiddeċiedi li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u jawtorizza lill-Kummissjoni biex taħtar il-persuna/i li huma awtorizzati jiffirmaw f'isem l-Unjoni; 2010/0105 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta' [ ... ] dwar l-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2a), flimkien mal-Artikolu 218 (5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, Billi: 1. Fis-27 ta' Novembru 2008 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni għall-ħruġ tal-viżi. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-25 ta' Novembru 2009. 2. Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat min-negozjatur f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. 3. Skont il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk la huma marbuta biha u lanqas soġġetti għall-applikazzjoni tagħha. 4. Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Kummissjoni hija awtorizzata tiffirma, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, u tinnomina lill-persuni bis-setgħa li jipproċedu għall-iffirmar. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmati huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmula fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] ANNESS ABBOZZ TA’ FTEHIM Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “ l-Unjoni ”; u l-Ġeorġja, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Partijiet; Filwaqt li jixtiequ jiffaċilitaw il-kuntatti bejn in-nies bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta' rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja; Jirrijaffermaw l-intenzjoni li jistabbilixxu sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom bħala għan għat-tul, sakemm jitwettqu l-kundizzjonijiet kollha għal mobbiltà ġestita tajjeb, u li tkun mingħajr perikli; Filwaqt li jqisu li, mill-01 ta' Ġunju 2006, iċ-ċittadini kollha tal-UE huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn il-Ġeorġja għal perjodu ta' żmien li ma jaqbiżx id-90 jum jew meta jaqsmu mit-territorju tal-Ġeorġja; Filwaqt li jagħrfu li jekk il-Ġeorġja ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-UE jew għal xi kategoriji minnhom, l-istess iffaċilitar mogħti b'dan il-ftehim liċ-ċittadini tal-Ġeorġja jkun awtomatikament, fuq bażi ta' reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini tal-UE; Filwaqt li jqisu li dawn ir-rekwiżiti tal-viża jistgħu jiddaħħlu biss għaċ-ċittadini kollha tal-UE jew għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-UE; Filwaqt li jagħrfu li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u r-rijammissjoni; Filwaqt li jikkunsidraw il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta' Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda; Filwaqt li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka; FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 – Għan u ambitu tal-applikazzjoni 1. L-għan ta' dan il-Ftehim hu li jiffaċilita l-ħruġ ta' viżi għal żjara intiża ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja. 2. Jekk il-Ġeorġja daħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha, jew għal xi kategoriji ta' ċittadini tal-Istati Membri kollha, l-istess iffaċilitar mogħti b'dan il-ftehim liċ-ċittadini tal-Ġeorġja jkun awtomatikament, fuq bażi ta' reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini tal-UE milquta; Artikolu 2 – Klawsola Ġenerali 1. Il-faċilitazzjoni tal-viża prevista f’dan il-Ftehim għandha tapplika għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Komunità jew tal-Istati Membri, bil-ftehim preżenti jew bi ftehimiet internazzjonali oħra. 2. Il-liġi nazzjonali tal-Ġeorġja jew tal-Istati Membri jew il-liġi Komunitarja għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħar-rifjut li tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, evidenza ta' mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u r-rifjut tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni. Artikolu 3 - Definizzjonijiet Għall-fini ta’ dan il-Ftehim: a) "Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Irlanda, u r-Renju Unit; b) “Ċittadin tal-Unjoni Ewropea” għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-paragrafu (a); c) "Ċittadin tal-Ġeorġja" għandha tfisser persuna li jkollha ċ-ċittadinanza tal-Ġeorġja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha; d) "Viża" għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bil-ħsieb ta' tranżitu mit-territorju ta' Stati Membri, jew żjara intenzjonata fih, għal mhux aktar minn tliet xhur f'kull perjodu ta' sitt xhur mid-data tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Istati Membri; e) "persuna legalment residenti" għandha tfisser ċittadin tal-Ġeorġja awtorizzat jew intitolat joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali. Artikolu 4- Provi dokumentati dwar l-għan tal-vjaġġ 1. Għall-kategoriji li ġejjin ta' ċittadini tal-Ġeorġja, id-dokumenti li ġejjin huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra: (a) Għal qraba mill-viċin – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet, li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri": - Talba bil-miktub mill-persuna li tospita; (b) Għal membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali fil-Ġeorġja, għandhom jipparteċipaw f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi: - Ittra maħruġa minn awtorità tal-Ġeorġja li tikkonferma li l-applikant huwa membru ta’ din id-delegazzjoni li qed jivvjaġġa lejn it-territorju tal-Istati Membri biex jipparteċipa f’dawn l-avvenimenti msemmija, flimkien ma’ kopja tal-istedina uffiċjali; (c) għal tfal tal-iskola, studenti, persuni gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola: - Talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, kulleġġ jew skola li qed jospitaw, jew karti tal-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li se jattendu għalihom; d) Għal persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi u l-persuni li jkun jeħtieġ li jakkumpanjawhom: - Dokument uffiċjali mingħand l-istituzzjoni medika li jikkonferma n-neċessità ta’ kura medika f’dik l-istituzzjoni, in-neċessità li wieħed ikun akkumpanjat, u prova ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jitħallas it-trattament mediku; e) Għal ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali: - Ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ mill-organizzazzjoni professjonali, li jipprova li l-persuna kkonċernata hija ġurnalist(a) kwalifikat(a) jew persuna li qed takkumpanjah(a) f'kapaċità professjonali u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jgħid li l-għan tal-vjaġġ huwa li j/twettaq xogħol ġurnalistiku, jew li j/tgħin f'xogħol bħal dak; (f) Għal parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali: - Talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita, mill-awtoritajiet kompetenti, mill-Federazzjonijiet sportivi nazzjonali jew mill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-Istati Membri; (g) Għal nies tan-negozju jew rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet ta' negozju: - Talba bil-miktub minn persuna legali jew kumpanija, organizzazzjoni jew uffiċċju jew fergħa ta' tali persuna ġuridika li qed tospita, jew kumpanija jew awtoritajiet statali jew lokali tal-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożja li jsiru fit-territorji tal-Istati Membri, approvata uffiċjalment mill-Kamra tar-Reġistrazzjonijiet tal-Ġeorġja; (h) Għal membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f'wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożja, seminars jew attivitajiet simili oħra li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE: - Talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita li l-persuna tkun qed tipparteċipa fl-attività; (i) Għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw għal raġunijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju: - Talba mill-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta' tali organizzazzjoni mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità tal-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; (j) Għal persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju: - Talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li qed tospita biex jieħdu sehem f’dawk l-attivitajiet; (k) Għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta' trasport ta' passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f'vetturi reġistrati fil-Ġeorġja: - Talba bil-miktub mill-kupanija jew assoċjazzjoni nazzjonali ta' kumpaniji tat-trasport tal-Ġeorġja li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi; (l) Għall-parteċipanti fi programmi uffiċjali tal-iskambju organizzati minn ibliet ġemellati: - Talba bil-miktub mill-Kap Amministrattiv/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew awtoritajiet muniċipali; (m) Għal żjarat f’ċimiterji militari u ċivili: - Dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll ir-relazzjoni familjali jew oħra bejn l-applikant u l-persuna midfuna; 2. It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha jkollha l-elementi li ġejjin: (a) għall-persuna mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tal-passaport, ħin u għan tal-vjaġġ, numru ta’ daħliet u fejn rilevanti l-isem tal-konjugi u tat-tfal li qed jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna; (b) Għall-persuna li tistieden: isem, kunjom u indirizz; (c) Għall-persuna, kumpanija jew organizzazzjoni legali li tistieden: l-isem u l-indirizz sħaħ u - Jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba; - jekk il-persuna li tistieden hi persuna ġuridika jew kumpanija jew uffiċċju jew fergħa ta' xi persuna ġuridika bħal din, jew ta' kumpanija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, jinħtieġ in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni; 3. Għall-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skond il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun tinħtieġ aktar ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni dwar l-għan tal-vjaġġ, kif previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. L-ARTIKOLU 5 – IL-ħRUġ TA’ VIżI TA’ DħUL AKTAR MINN DARBA 1. Missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul ta' aktar minn darba b’perjodu ta’ validità sa massimu ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini: (a) Konjuġi, ulied (inklużi adottati), ta’ taħt il-21 sena jew li huma dipendenti li jżuru liċ-ċittadini tal-Ġeorġja li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri b’perjodu ta’ validità limitat għat-terminu tal-validità tal-awtorizzazzjoni tagħhom għar-residenza legali; (b) Membri ta’ gvernijiet nazzjonali u reġjonali, Qorti Kostituzzjonali u Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’perjodu ta’ validità limitat għall-mandat tagħhom jekk dan ikun inqas minn 5 snin; (c) Membri permanenti ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ġeorġja, għandhom jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernamentali; 2. Missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba bil-perjodu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini, kemm-il darba matul is-sena ta' qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skont il-liġijiet ta' dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta' viża ta' dħul aktar minn darba: (a) Membri ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali, għandhom jipparteċipaw b'mod regolari f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru fit-territorju tal-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi: (b) Rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri għall-għanijiet ta’ taħriġ edukazzjonali, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju; (c) Membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri; (d) Persuni li jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta’ skambju, li jivvjaġġaw b’mod regolari lejn l-Istati Membri; (e) Studenti u persuni gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju; (f) Parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati jew awtoritajiet muniċipali. (g) Persuni li jeħtieġu li jżuru regolarment għal raġunijiet mediċi u l-persuni meħtieġa li jakkumpanjawhom. (h) Ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali; (i) Persuni fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment lejn Stati Membri; (j) Parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali; (k) Xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta' trasport ta' passiġġieri lejn it-territorji tal-Istati Membri f'vetturi reġistrati fil-Ġeorġja; 3. Missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tal-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn (2) u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw il-viżi ta’ dħul aktar minn darba skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi. 4. Il-perjodu totali taż-żjara tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux ikun itwal minn 90 jum ghal kull perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-Istati Membri. Artikolu 6 – Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża 1. It-tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet ta' ċittadini tal-Ġeorġja jammontaw għal €35 Dan l-ammont jista’ jiġi rivedut skond il-proċedura kkontemplata fl-Artikolu 14(4). Jekk il-Ġeorġja ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għal ċittadini kollha tal-UE, il-ħlas tal-viża mitlub mill-Ġeorġja m'għandux jaqbeż il-€.35jew l-ammont miftiehem jekk il-miżata tkun riveduta skont il-proċedura prevista fl-Artikolu. 2. Meta l-Istati Membri jikkooperaw ma' fornitur estern ta' servizz, jista' jintalab ħlas għas-servizz addizzjonali. Il-ħlas għas-servizz għandu jkun proporzjonat mal-ispejjeż li jeħel il-fornitur estern ta' servizz meta jkun qed iwettaq il-kompiti tiegħu u m'għandux jaqbeż it-€30. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandu/għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tiegħu/tagħhom. 3. Il-miżati għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta' persuni: (a) Pensjonanti; (b) Tfal taħt l-età ta’ 12-il sena; (c) Membri ta' gvernijiet nazzjonali u reġjonali, Qorti Kostituzzjonali u Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti; (d) Persuni b’diżabilità u l-persuni li jakkumpanjawhom, jekk meħtieġ; (e) Qraba mill-viċin – konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet, li jkunu qed iżuru ċittadini tal-Ġeorġja legalment residenti fit-territorju tal-Istati Membri; (f) Membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Ġeorġja, għandhom jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti organizzati fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE minn organizzazzjonijiet intergovernamentali; (g) Tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inklużi programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola; (h) Ġurnalisti u persuni akkreditati li jkunu qed jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali; (i) Parteċipanti f’avvenimenti internazzjonali tal-isport u l-persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali; (j) Rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jagħmlu vjaġġi għall-iskopijiet ta’ taħriġ edukazzjonali, seminars, konferenzi, inklużi fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju: (k) persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju; (l) Persuni li jippreżentaw dokumenti li jippruvaw il-ħtieġa li jivvjaġġaw għal raġunijiet umanitarji, inkluż biex jirċievu trattament mediku urġenti, u l-persuna li takkumpanjahom, jew biex jattendu funeral ta’ qarib, jew biex iżuru qarib li għandu mard serju Artikolu 7 – It-Tul tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża 1. Missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tal-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża. 2. Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum kalendarju f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju tal-applikazzjoni. 3. Il-perjodu biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal viża jista’ jitnaqqas għal jumejn (2) jew inqas f’każijiet urġenti. Artikolu 8 – Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew mistruqa Ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Ġeorġja li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkun nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tal-Ġeorġja jew tal-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta' dokumenti ta' identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri jew tal-Ġeorġja mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra. L-Artikolu 9 – L-estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi eċċezzjonali Il-perijodu ta' validità u/jew it-tul tas-soġġorn ta' viża maħruġa ta' ċittadin tal-Ġeorġja għandhom jiġu estiżi fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tqis li d-detentur tal-viża jkun ipprovda prova ta' force majeure jew raġunijiet umanitarji li ma ħallewhx jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' validità jew tad-durata tas-soġġorn awtorizzat mill-viża. Din l-estensjoni għandha tingħata mingħajr ħlas. Artikolu 10 – Passaporti diplomatiċi Ċittadini tal-Ġeorġja li huma titulari ta' passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu fit-territorji tal-Istati Membri, joħorġu minnhom jew jivvjaġġaw minn ġo fihom mingħajr viżi. Persuni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f'kull perjodu ta’ 180 jum. Artikolu 11 – Validità territorjali tal-viżi Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u soġġetti għar-regoli tal-UE dwar viżi b'validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Ġeorġja għandhom ikunu intitolati sabiex jivvjaġġaw fit-territorju tal-Istati Membri fuq bażi ugwali maċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 12 – Kumitat Konġunt għat-tmexxija tal-Ftehim 1. Il-Partijiet għandhom iwaqqfu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Ġeorġja. L-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri. 2. Il-Kumitat għandu, b’mod partikolari, ikollu l-funzjonijiet li ġejjin: (a) Jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ; (b) Jissuġġerixxi emendi jew żidiet għall-Ftehim attwali; (c) Jirriżolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f'dan il-Ftehim. 3. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kulmeta jkun meħtieġ, fuq talba minn waħda mill-Partijiet u għall-inqas darba f’sena. 4. Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. Artikolu 13 – Ir-rabta ta' dan il-ftehim ma' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membru u l-Ġeorġja Sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew arranġamenti konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Ġeorġja, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti. ARTIKOLU 14 – KLAWSOLI FINALI 1. Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara t-tieni xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tinnotifika lill-oħra li l-proċeduri msemmija hawn taħt ikunu tlestew. 2. Permezz ta’ deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim preżenti għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar rijammissjoni jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. Dan il-Ftehim hu konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. 4. Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop. 5. Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew kollu kemm hu għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha minnufih tgħarraf lill-Parti l-oħra malli r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom japplikaw. 6. Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. Dan il-Ftehim għandu jieqaf jiffunzjona 90 jum wara d-data ta’ tali notifika. Magħmul f'XXX f'XXX, f'żewġ kopji bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonu, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż, u l-Ġeorġjan, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod. Għall-Unjoni Ewropea Għall-Ġeorġja IL-PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JIMPLIMENTAWX GĦAL KOLLOX L-ACQUIS TA’ SCHENGEN Dawk l-Istati Membri li huma marbuta mill-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux il-viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill f’dan is-sens, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom hija limitata għat-territorju tagħhom stess. Skont id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 582/2008/KE, ittieħdu miżuri armonizzati sabiex jiġi ssimplifikat it-tranżitu ta' detenturi ta' viżi ta' Schengen u ta' permessi ta' reżidenza ta' Schengen madwar it-terrutorju tal-Istati Membri li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 10 DWAR IL-PASSAPPORTI DIPLOMATIĊI L-Unjoni Ewropea tista’ tinvoka sospensjoni parzjali tal-ftehim u partikolarment tal-Artikolu 10, skond il-proċedura mwaqqfa bl-Artikolu 14 (5), jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tkun abbużata mill-Parti l-oħra jew twassal għal theddida għas-sigurtà pubblika. Fil-każ ta' sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10, iż-żewġ Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat Konġunt imwaqqaf bil-Ftehim bil-ħsieb li jsolvi problemi li jwasslu għal sospensjoni. Bħala prijorità, iż-żewġ Partijiet jiddikjaraw l-impenn tagħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għal passaporti diplomatiċi, partikolarment billi jintegraw identifikanti bijometriċi. Għan-naħa tal-UE, dan ikun żgurat b’konformità mal-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) 2252/2004. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARMONIZZAZZJONI TA' INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻA GĦAL ŻJARA QASIRA U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJAJJAR QOSRA Filwaqt li jagħrfu l-importanza tat-trasparenza għall-applikanti għall-viża, il-Partijiet fil-Ftehim preżenti jqisu li għandhom jittieħdu miżuri xierqa: - Jiġbru tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi, il-viżi u dwar il-validità tal-viżi maħruġa. - L-Unjoni Ewropea ser tniedi lista ta’ rekwiżiti minimi sabiex tiżgura li l-applikanti mill-Ġeorġja jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u jkunu obbligati jissottomettu, bħala prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ. It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jinfirex ħafna (fuq it-tabelli ta' tagħrif ta' konsulati, f'fuljetti, fuq siti tal-Internet eċċ.). DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LID-DANIMARKA Il-Partijiet jinnutaw li dan il-Ftehim ma jgħoddx għall-proċeduri tal-ħruġ ta’ viżi minn missjonijiet diplomatiċi u servizzi konsulari tar-Renju tad-Danimarka. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tal-Ġeorġja jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f'termini simili għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU UNIT U L-IRLANDA Il-Partijiet jinnotaw li dan il-Ftehim preżenti mhux applikabbli fit-territorju tar-Renju Unit u fl-Irlanda. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Ġeorġja jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-ISLANDA, IN-NORVEĠJA, L-ISVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN Il-Partijiet jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein u l-Ġeorġja jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għal żjajjar qosra f’termini simili bħall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja. DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-FAĊILITAZZJONIJIET GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA L-Unjoni Ewropea tinnota s-suġġeriment tal-Ġeorġja li tagħti definizzjoni usa’ tal-kunċett tal-membri tal-familja li għandhom jibbenefikaw minn faċilitazzjoni ta’ viża kif ukoll dwar l-importanza li tagħti l-Ġeorġja lis-semplifikazzjoni tal-moviment ta’ din il-kategorija ta’ persuni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità ta’ għadd estiż ta’ persuni li għandhom konnessjonijiet famlijarji (b’mod partikolari l-aħwa u wliedhom) ma’ ċittadini tal-Ġeorġja li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea tistieden lill-uffiċċji konsulari tal-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet eżistenti fl-"acquis" biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ viżi lil din il-kategorija ta’ persuni, inkluż b’mod partikolari, is-semplifikazzjoni tal-evidenza dokumentarja mitluba mill-applikanti, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-ipproċessar u fejn xieraq il-ħruġ ta’ viżi ta’ dħul aktar minn darba. DIKJARAZZJONI TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IS-SOSPENSJONI TAL-FTEHIM DWAR IL-FAĊILITAZZJONI TAL-VIŻA Fil-każ li l-Ġeorġja, bi ksur tal-Artikolu 1 paragrafu 2 tal-Ftehim, terġa' ddaħħal l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar, jew għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' Stat Membru tal-UE wieħed jew aktar, l-Unjoni Ewropea tissospendi l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR KOOPERAZZJONI FEJN JIDĦLU DOKUMENTI TAL-IVVJAĠĠAR Il-Partijiet jaqblu li l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 12, meta jkun qed jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta' sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rispettivi fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet jaqblu li jinformaw, b'mod regolari, lil xulxin dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar il-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar. ***