Brussell, 8.7.2024

COM(2024) 516 final

2024/0175(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja


2024/0175 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovakkja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mis-Slovakkja,

Billi:

1.Skont l-Artikolu 126 TFUE, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi.

2.Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi governattivi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli u inklużiv b’saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa li jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir sostenibbli u impjiegi.

3.Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE) skont l-Artikolu 126 TFUE, kif kjarifikata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ( 1 ) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) jipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Protokoll Nru 12 dwar il-PDE, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE jistabbilixxi aktar dispożizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ( 2 ) jistipula regoli u definizzjonijiet iddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-UE, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024, jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97. Ir-riforma żammet ir-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit ġeneralment l-istess, filwaqt li għall-Istati Membri bi proporzjon tad-dejn tal-gvern ogħla minn 60 % tal-PDG, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-dejn se tiffoka fuq devjazzjonijiet mill-perkors tan-nefqa netta li se jiġi stabbilit mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 abbażi tal-pjanijiet strutturali fiskali fuq terminu medju li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri. Din id-deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna biss l-eċċess tal-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fir-rigward tal-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG.

4.Skont l-Artikolu 126(5) TFUE, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun jeżisti, jew li jista’ jkun hemm, defiċit eċċessiv fi Stat Membru, hija għandha tindirizza opinjoni lill-Istat Membru kkonċernat u tgħarraf lill-Kunsill skont dan. Wara li qieset ir-rapport tagħha adottat skont l-Artikolu 126(3) TFUE u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju adottat skont l-Artikolu 126(4) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżisti defiċit eċċessiv fis-Slovakkja. Fit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għaldaqstant indirizzat tali opinjoni lis-Slovakkja u infurmat lill-Kunsill kif xieraq. ( 3 )

5.L-Artikolu 126(6) TFUE jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jesprimi qabel ma jieħu deċiżjoni, wara evalwazzjoni ġenerali, dwar jekk ikunx jeżisti defiċit eċċessiv. Fil-każ tas-Slovakkja, il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin.

6.Skont id-data vvalidata mill-Eurostat fit-22 ta’ April 2024 ( 4 ), id-defiċit tal-gvern ġenerali fis-Slovakkja laħaq 4.9 % tal-PDG fl-2023, u d-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 56.0 % tal-PDG. Ir-rapport tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(3) TFUE kkunsidra li l-eċċess tad-defiċit fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2023 mhux eċċezzjonali, peress li la jirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu u lanqas minn tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku fis-sens tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2023 il-PDG reali tas-Slovakkja kiber b’1.6 % tal-PDG, wara tkabbir tal-PDG ta’ 1.9 % fl-2022. L-eċċess fuq il-valur ta’ referenza tat-Trattat ukoll mhux temporanju, fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, li tipprojetta li d-defiċit tal-gvern ġenerali jibqa’ ’l fuq minn 3 % tal-PDG fl-2024 u fl-2025. Kollox ma’ kollox, id-defiċit fl-2023 kien ’il fuq u mhux qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. L-eċċess mhux meqjus bħala eċċezzjonali kif definit mit-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u mhux temporanju. Għalhekk, il-kriterju tad-defiċit kif definit mit-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1467/97 prima facie mhuwiex issodisfat.

7.Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2024, id-defiċit tal-gvern ġenerali tas-Slovakkja huwa ppjanat li jilħaq 5.9 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa kkonfermat mit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni ( 5 ), li jindika wkoll defiċit ta’ 5.9 % tal-PDG, ’il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG. Iż-żieda fid-defiċit imqabbla mal-2023 tirrifletti prinċipalment kontinwazzjoni tal-miżuri eżistenti ta’ appoġġ għall-prezz tal-enerġija u miżuri ġodda li jżidu n-nefqa bħal żieda permanenti fit-13-il pagament tal-pensjoni, żieda fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa, il-ħolqien ta’ Ministeru ġdid għat-Turiżmu u l-Isport, emenda għall-Att dwar l-Edukazzjoni li tintroduċi dritt legali għall-ammissjoni f’kindergarten għal tfal li għandhom aktar minn 3 snin u t-titjib tad-drittijiet tat-tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali, u l-introduzzjoni ta’ kuntratti bbażati fuq il-prestazzjoni fl-universitajiet pubbliċi.

8.F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni analizzat ukoll il-fatturi rilevanti kollha fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Kif stabbilit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, kull meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern apparagun tal-PDG ma jaqbiżx il-valur ta’ referenza, se jitqiesu l-fatturi rilevanti fil-passi li jwasslu għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. B’mod ġenerali, il-fatturi rilevanti eżaminati fir-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE huma vvalutati bħala aggravanti. Il-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi rilevanti ma timmodifikax il-konklużjoni li l-kriterju tad-defiċit tat-Trattat ma ġiex issodisfat.

9.Fid-dawl tal-iskadenza tal-20 ta’ Settembru 2024 għall-preżentazzjoni tal-pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kunsill jieħu nota li l-pass li jmiss fil-proċedura, jiġifieri r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, se jsir flimkien mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013. Dan l-approċċ jippermetti li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-rekwiżiti baġitarji skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament stabbilit fil-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju. L-iffaċilitar ta’ tali konsistenza filwaqt li tiġi evitata lakuna fis-sorveljanza skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jirrikjedi sottomissjoni f’waqtha tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju tal-Istati Membri. Din l-iskeda ta’ żmien hija eċċezzjonali u marbuta mat-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid, u għalhekk ma toħloqx preċedent. Il-Kunsill jieħu nota wkoll li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni f’waqtha tal-pjan ta’ terminu medju, ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) se tikkunsidra t-trajettorja referenzjali trażmessa mill-Kummissjoni lill-Istat Membru ddeterminata skont ir-Regolament (UE) 2024/1263.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti defiċit eċċessiv fis-Slovakkja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ()    ĠU L 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 .
(2) ()    ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.
(3) ()    Id-dokumenti kollha relatati mal-PDE għas-Slovakkja jinsabu fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/closed-excessive-deficit-procedures/slovakia_en .
(4) ()    L-indikaturi tal-Euro tal-Eurostat ippubblikati fit-22 ta’ April 2024. Ara: https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-euro-indicators/w/2-22042024-AP .
(5) ()    Tbassir Ekonomiku Ewropew - Rebbiegħa 2024, European Economy-Institutional Paper, Nru 286, 15 ta’ Mejju 2024.