|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2024/776 |
29.2.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/776
tas-26 ta’ Frar 2024
li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1197 (2) awtorizzat lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dik l-awtorizzazzjoni skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2023. |
|
(2) |
Permezz tal-ittra datata 30 ta’ Ġunju 2023, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam, u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jaqgħu taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva. L-awtoritajiet Pollakki pprovdu aktar informazzjoni u kjarifiki b’appoġġ għat-talba fit-8 ta’ Settembru 2023, u fil-5 u fit-13 ta’ Ottubru 2023. Huma talbu l-awtorizzazzjoni għal perjodu ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
|
(3) |
Skont l-awtoritajiet Pollakki, l-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa mnaqqsa għandha l-għan li ttaffi l-impatt negattiv li kien ikun ikkawżat minħabba żieda fil-livelli ta’ tassazzjoni minħabba rata tal-kambju għolja bejn il-euro u ż-złoty, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/96/KE. Dak it-tnaqqis jikkorrispondi għall-ammont li jirriżulta mid-differenza fir-rata tal-kambju wara l-aġġustament annwali mwettaq f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(4) |
L-awtorizzazzjoni mitluba mhix probabbli li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tfixkil tal-funzjonament xieraq tas-suq intern. Minħabba d-durata qasira tagħha u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni ġeopolitika, l-awtorizzazzjoni mitluba hija xierqa u proporzjonata. L-awtorizzazzjoni ssib bilanċ bejn l-objettivi ta’ politika speċifiċi msemmija fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-politika ambjentali tal-Unjoni, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi. It-tnaqqis fit-taxxa jikkumpensa parzjalment iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija u ma huwiex kumulattiv ma’ xi tip ieħor ta’ tnaqqis fit-taxxa. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tkompli tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, kif mitlub. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dik id-dispożizzjoni għandu jkollha żmien limitat. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi stabbilit li, fil-każ li l-Kunsill, li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha din l-awtorizzazzjoni ma tkunx kompattibbli, jenħtieġ li din l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali mmodifikati ssir applikabbli. |
|
(7) |
Sabiex jiġi żgurat indirizzar bla xkiel tal-effetti negattivi għall-konsumaturi tal-prezzijiet għoljin tal-prodotti tal-enerġija, fil-mument li fih l-impatt kien l-akbar minħabba inflazzjoni għolja u żieda fil-prezzijiet, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Polonja tkun tista’ tapplika t-tnaqqis fit-taxxa, kif mitlub, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2023. |
|
(8) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Polonja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, taħt il-livelli minimi rilevanti ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/96/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023.
Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, li jkun qiegħed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompattibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
D. CLARINVAL
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1197 tad-19 ta’ Ġunju 2023 li tawtorizza lill-Polonja tapplika rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq iż-żejt kombustibbli, il-gass naturali, il-faħam u l-kokk, użati bħala fjuwils għat-tisħin, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 158, 21.6.2023, p. 71).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/776/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)