2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/172

tal-1 ta' Frar 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta' parametri għat-trasformazzjoni ta' prodotti sekondarji mill-annimali f'bijogass jew kompost, il-kundizzjonijiet għall-importazzjoni ta' ikel għall-annimali domestiċi u għall-esportazzjoni ta' demel ipproċessat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1)(c), l-Artikolu 27(g), l-Artikolu 41(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2) jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, inklużi l-parametri għat-trasformazzjoni ta' prodotti sekondarji mill-annimali f'bijogass jew kompost, kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' ikel għall-annimali domestiċi li jkun ġie impurtat u regoli għall-esportazzjoni ta' materjal tal-Kategorija 2.

(2)

L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi l-istandards għat-trasformazzjoni ta' prodotti sekondarji mill-annimali f'bijogass u kompost. Skont il-punt 3(b) tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tal-Anness V, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f'ċerti kundizzjonijiet, jawtorizaw rekwiżiti speċifiċi minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitolu III.

(3)

Madankollu, f'każijiet bħal dawn, ir-residwi tad-diġestjoni u l-kompost għandhom jitqiegħdu biss fis-suq fl-Istat Membru fejn ikunu ġew awtorizzati parametri alternattivi ta' trasformazzjoni. Sabiex l-awtorità kompetenti tiġi pprovduta bil-flessibilità meħtieġa fil-mod kif jiġu rregolati l-impjanti tal-bijogass u tal-kompost imsemmija fil-punt 3 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, huwa xieraq li jiġu esklużi mill-istandards stabbiliti fil-punt 2 tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu III dawk ir-residwi ta' diġestjoni u l-kompost li għalihom l-Istat Membru diġà awtorizza parametri alternattivi ta' trasformazzjoni. L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(4)

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' prodotti sekondarji tal-annimali u ta' prodotti derivati minn pajjiżi terzi awtorizzati biss. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd minn pajjiżi mhux tal-UE awtorizzati għall-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem skont l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE (3). Dan mhux il-każ għal importazzjonijiet ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd. F'dak ir-rigward, l-importazzjoni ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd huwa soġġett għal kundizzjonijiet iktar stretti mill-importazzjoni ta' ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd. Huwa xieraq li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd mill-pajjiżi kollha mhux fl-UE li huma awtorizzati għall-importazzjoni ta' ikel mhux ipproċessat li ġej minn prodotti sekondarji tas-sajd. Għaldaqstant it-Tabella 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandha tiġi emendata skont dan.

(5)

L-esportazzjoni ta' demel ipproċessat iddestinat għall-inċinerazzjoni jew għar-rimi f'miżbla hija pprojbita. Madankollu, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-esportazzjoni ta' dak il-materjal għall-użu f'impjanti tal-bijogass jew tal-ikkompostjar tista' tiġi permessa sakemm il-pajjiż tad-destinazzjoni huwa pajjiż membru tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Sabiex tista' sseħħ l-esportazzjoni ta' demel ipproċessat u ta' fertilizzanti organiċi li fihom biss demel ipproċessat, huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-esportazzjoni ta' dawk il-prodotti għal finijiet għajr l-inċinerazzjoni, ir-rimi fil-miżbliet, jew l-użu f'impjanti tal-bijogass jew tal-ikkompostjar f'pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD. Dawk ir-regoli għandhom jistabbilixxu rekwiżiti tal-anqas ekwivalenti għar-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta' demel ipproċessat u ta' fertilizzanti organiċi li fihom biss demel ipproċessat. L-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4.   Ir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu V tal-Anness XIV għandhom japplikaw għal esportazzjonijiet mill-Unjoni ta' prodotti derivati speċifikati hemmhekk.”

Artikolu 2

L-Annessi V u XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati skont it-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/766/KE tas-6 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-listi ta' pajjiżi terzi u territorji li minnhom l-importazzjonijiet ta' molluski bivalvi, ekinodermi, tunikati, gastropodi tal-ibħra u prodotti tas-sajd huma permessi (ĠU L 320, 18.11.2006, p. 53).


ANNESS

L-Annessi V u XIV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness V, il-punt 2, tat-Taqsima 3, tal-Kapitolu III, jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Residwi ta' diġestjoni jew ta' kompost għajr dawk imsemmija fil-punt 3(b) tat-Taqsima 2 li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'din it-Taqsima għandhom jiġu sottomessi mill-ġdid għal trasformazzjoni jew għal ikkompostjar, u fil-każ ta' Salmonella jiġu ttrattati jew mormija skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti.”

(2)

L-Anness XIV huwa emendat kif gej:

(a)

Fil-Kapitolu II, ir-ringiela nru 12 fit-Tabella 2 tat-Taqsima 1 tinbidel b'dan li ġej:

“12

Ikel għall-annimali domestiċi, inkluż il-mgħid tal-klieb

(a)

Fil-każ ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi u ta' mgħid tal-klieb: il-materjali msemmijin fl-Artikolu 35(a)(i) u (ii).

(b)

Fil-każ ta' ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi: il-materjali msemmijin fl-Artikolu 35(a)(iii).

L-ikel għall-annimali domestiċi u l-mgħid tal-klieb iridu jkunu ġew prodotti skont il-Kapitolu II tal-Anness XIII.

(a)

Fil-każ ta' ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi:

Il-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 jew fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008, li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw importazzjonijiet ta' laħam frisk mill-istess speċi u minn fejn laħam bl-għadma biss ikun awtorizzat.

Fil-każ ta' materjali tal-ħut, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(b)

Fil-każ ta' mgħid tal-klieb u ikel għall-annimali domestiċi minbarra ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi:

Il-pajjiżi terzi elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, u l-pajjiżi li ġejjin:

 

(JP) Il-Ġappun

 

(EC) L-Ekwador

 

(LK) Is-Sri Lanka

 

(TW) It-Tajwan.

Fil-każ ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi li ġej minn materjali tal-ħut, il-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2006/766/KE.

(a)

Fil-każ ta' ikel għall-annimali domestiċi fil-landa: Anness XV, Kapitolu 3(A).

(b)

Fil-każ ta' ikel ipproċessat għall-annimali domestiċi minbarra ikel għall-annimali domestiċi fil-landa: Anness XV, Kapitolu 3(B).

(c)

Fil-każ ta' mgħid tal-klieb: Anness XV, Kapitolu 3(C).

(d)

Fil-każ ta' ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi: Anness XV, Kapitolu 3(D).”;

(b)

Jiżdied il-Kapitolu V li ġej:

“KAPITOLU V

REGOLI GĦALL-ESPORTAZZJONI TA' ĊERTI PRODOTTI DERIVATI

Ir-regoli applikabbli għall-esportazzjoni tal-prodotti derivati elenkati hawn taħt kif imsemmija fl-Artikolu 25(4):

 

Prodotti derivati

Regoli għall-esportazzjoni

1

Demel ipproċessat u fertilizzanti organiċi, kompost jew residwi tad-diġestjoni mit-trasformazzjoni tal-bijogass li ma jkunx fihom prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati minn demel ipproċessat

Demel ipproċessat u fertilizzanti organiċi, kompost jew residwi tad-diġestjoni mit-trasformazzjoni tal-bijogass li ma jkunx fihom prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati minn demel ipproċessat iridu jikkonformaw tal-inqas mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b), (d) u (e) tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tal-Anness XI.”