5.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/99


P9_TA(2021)0435

Trasparenza tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni ta' vaċċini kontra l-COVID-19

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2021 dwar it-trasparenza tal-UE fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 (2021/2678(RSP))

(2022/C 184/07)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll l-Artikoli 4, 6, 9, 15(3) u 122(1) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 35 tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 31 tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata fil-plenarja tat-72 Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-28 ta' Mejju 2019 bit-titlu “Improving the transparency of markets for medicines, vaccines, and other health products” (It-titjib tat-trasparenza tas-swieq għall-mediċini, il-vaċċini, u prodotti oħra tas-saħħa),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, (1)

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (3),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (4),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (5),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19” (COM(2020)0245),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2020 li tapprova l-ftehim mal-Istati Membri dwar l-akkwist tal-vaċċini kontra l-COVID-19 f'isem l-Istati Membri u l-proċeduri relatati, inkluż l-Anness tagħha (C(2020)4192),

—

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), b'mod partikolari s-sentenzi tagħha fil-kawżi C-183/95 u C-221/10, (6)

—

wara li kkunsidra s-sensiela ta' inkjesti u inizjattivi tal-Ombudsman Ewropew li jeżaminaw it-trasparenza tar-rispons tal-amministrazzjoni tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19, (7)

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2361 (2021) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta' Jannar 2021 bit-titlu “Covid-19 vaccines: ethical, legal and practical considerations” (8) (Il-vaċċini kontra l-COVID-19: kunsiderazzjonijiet etiċi, legali u prattiċi);

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u l-Protokolli tagħha (9);

—

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-UE fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 (O-000046/2021 – B9-0033/2021),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva l-petizzjonijiet 1477/2020, 0062/2021 u 0066/2021 li jqajmu tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza tal-UE fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19;

B.

billi l-petizzjonijiet li waslu jitolbu biex id-dettalji kollha tal-kuntratti tal-vaċċini kontra l-COVID-19 konklużi bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija farmaċewtika, kif ukoll id-data dwar il-provi kliniċi fil-livell tal-pazjenti jiġu ppubblikati fi żmien xieraq, u li l-liġi dwar il-privattivi tiġi sospiża temporanjament sabiex ikun hemm aċċess rapidu, ekwu u universali għall-vaċċini f'kull parti tad-dinja;

C.

billi trasparenza sħiħa fir-rigward tad-dettalji kollha tar-riċerka dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tagħhom hija l-prerekwiżit fundamentali għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-vaċċini u l-mod kif l-istituzzjonijiet nefqu ammonti kbar ta' fondi pubbliċi; billi kwalunkwe nuqqas ta' trasparenza fil-qafas tal-aktar kriżi serja tas-saħħa pubblika fi żminijiet moderni jikkostitwixxi ksur tad-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni u jista' jwassal għal inċertezza, it-tixrid tad-diżinformazzjoni u riskju akbar ta' eżitazzjoni għat-tilqim, u b'hekk tiddgħajjef l-azzjoni rapida u effettiva kontra l-pandemija; billi t-trasparenza hija pilastru fundamentali għas-suċċess tal-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19;

D.

billi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) qed timplimenta miżuri eċċezzjonali biex timmassimizza t-trasparenza tal-attivitajiet regolatorji tagħha fir-rigward tat-trattamenti u l-vaċċini kontra l-COVID-19 li huma approvati jew li qed jiġu evalwati, inkluża l-pubblikazzjoni ta' rapporti ta' studji kliniċi sottomessi lill-EMA fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq; billi l-miżuri implimentati mill-EMA għandhom l-għan li jindirizzaw l-interess kbir fl-informazzjoni dwar il-mediċini tal-COVID-19 u jappoġġjaw ir-riċerka globali dwarhom;

E.

billi fl-ewwel żewġ trimestri tal-2021, il-kumpaniji farmaċewtiċi ma kinux qed jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-twassil tal-vaċċini, u dan ikkawża dewmien sinifikanti fil-proċess tat-tilqim fl-Istati Membri u b'hekk kien ta' theddida serja għas-saħħa pubblika;

F.

billi t-trasparenza fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 tistabbilixxi l-bażi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-vaċċini fl-Ewropa;

G.

billi aktar minn 200 000 ċittadin diġà appoġġjaw l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “L-ebda Profitt fuq il-Pandemija”, li titlob li “d-data dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-kontribuzzjonijiet pubbliċi u l-effettività u s-sikurezza tal-vaċċini u l-mediċini għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u l-kuntratti bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji farmaċewtiċi jridu jsiru disponibbli għall-pubbliku”;

H.

billi l-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19 hija eżami tal-fiduċja għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kollha li se taffettwa r-rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika futuri possibbli;

I.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma obbligati jaħdmu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadini meta jinnegozjaw il-kuntratti tal-vaċċini kontra l-COVID-19 ma' kumpaniji farmaċewtiċi; billi l-Kummissjoni tirrifjuta li tiżvela l-ismijiet tal-esperti jew saħansitra tas-seba' Stati Membri rrappreżentati fit-tim konġunt tan-negozjati; billi r-responsabbiltà demokratika hija prerekwiżit sabiex l-istrateġija tal-UE għall-vaċċini jkollha rwol effiċjenti u kredibbli fl-isforzi globali tat-tilqim;

J.

billi s-soċjetà hija esposta għal miżinformazzjoni, u billi spiss tingħata informazzjoni kontradittorja u qarrieqa dwar ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19;

K.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri ppubblikaw biss verżjonijiet editjati tal-ftehimiet ta' xiri bil-quddiem u l-ftehimiet ta' xiri, b'informazzjoni essenzjali mgħottija jew nieqsa, u dan ikkawża nuqqas ta' trasparenza u fiduċja bla bżonn fis-soċjetà;

L.

billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li jirċievu informazzjoni reali u veritiera dwar il-ġestjoni tal-pandemija u dwar il-ġlieda kontra l-COVID-19 mill-istituzzjonijiet Ewropej u minn sorsi uffiċjali oħra; billi l-awtoritajiet Ewropej kollha huma obbligati jipprovdu din l-informazzjoni;

M.

billi l-UE ffinanzjat ħafna mir-riċerka u l-iżvilupp tal-vaċċini, iffaċilitat il-ħidma tal-kumpaniji farmaċewtiċi b'investiment li jneħħi r-riskji bil-quddiem, tat awtorizzazzjoni kundizzjonali, appoġġjat il-kapaċità tal-manifattura u xtrat vaċċini bil-fondi pubbliċi;

N.

billi l-QĠUE tirrikonoxxi l-prinċipju ġenerali li l-ħarsien tas-saħħa pubblika għandu, bla dubju, jieħu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi;

O.

billi l-Kummissjoni jeħtiġilha tinforma lill-Parlament b'mod adegwat u effiċjenti dwar l-aspetti kollha tal-implikazzjonijiet baġitarji tar-riċerka, l-iżvilupp, in-negozjati, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fl-UE, sabiex il-Parlament ikun jista' jeżerċita bis-sħiħ id-dmir tiegħu ta' skrutinju tal-mod kif jiġi implimentat il-baġit tal-UE;

P.

billi l-maġġoranza tal-kumpaniji farmaċewtiċi involuti fl-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19 s'issa għadhom ma pprovdewx data dwar il-provi kliniċi fil-livell tal-pazjenti u billi din id-data mhux se tiġi ppubblikata qabel nofs l-2022 u tmiem l-2023;

Q.

billi l-Ombudsman Ewropew, wara inkjesta ta' sitt xhur (10) dwar il-prestazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) matul il-kriżi tal-COVID-19, ikkonstatat lakuni fil-prattiki ta' trasparenza tal-ECDC, inkluż fid-data li fuqha huma bbażati l-valutazzjonijiet tar-riskju u l-interazzjonijiet tiegħu ma' sħab internazzjonali, bħad-WHO u ċ-Ċentru Ċiniż għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard; billi l-Ombudsman għamlet sensiela ta' proposti biex ikun hemm aktar skrutinju u fehim pubbliku fir-rigward tal-ħidma tal-ECDC dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19;

R.

billi l-kunfidenzjalità tal-prezzijiet għax-xiri ta' prodotti mediċinali hija prattika li tista' twassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern fil-livell tal-Istati Membri;

S.

billi t-tħaffif tar-rata tat-tilqim madwar id-dinja kontra l-COVID-19 għandu jitqies bħala prijorità għas-saħħa pubblika; billi l-pass attwali tagħha mhuwiex biżżejjed biex jipprevjeni l-aggravar tal-pandemija attribwibbli għall-varjanti aktar kontaġġużi tal-COVID-19 u l-emerġenza ta' oħrajn ġodda u saħansitra aktar perikolużi li jista' jkollhom il-kapaċità li jevadu l-protezzjoni immunitarja mogħtija mill-vaċċini eżistenti kontra l-COVID-19;

1.   

Jissottolinja l-importanza ta' risposta konġunta, rapida u effettiva għall-pandemija tal-COVID-19 bħala l-Unjoni Ewropea u bħala parti mill-komunità globali, u jirrikonoxxi r-responsabbiltà partikolari tal-UE li tiżgura aċċess ekwu u universali għall-vaċċini kontra l-COVID-19;

2.   

Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu għan-nuqqas ta' trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kumpaniji farmaċewtiċi fl-iżvilupp, ix-xiri u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19, speċjalment fil-kuntest ta' ksur kontinwu tal-kuntratti ffirmati;

3.   

Jenfasizza l-limitazzjonijiet li l-Parlament kien soġġett għalihom fir-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur minħabba l-opaċità tal-istrateġija għall-vaċċini adottata mill-Kummissjoni, li waqqfet lill-Parlament milli jkun jista' jeżerċita kontroll effettiv fuq il-proċess tax-xiri u tad-distribuzzjoni tal-vaċċini, u b'hekk ġabet fix-xejn il-kapaċità tiegħu li jiskrutinizza l-applikazzjoni korretta tal-baġit tal-Unjoni;

4.   

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini sabiex ikun hemm fehim aħjar tat-tħassib u d-dubji ġenwini tagħhom dwar it-tilqim; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha mal-pubbliku rigward l-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19, filwaqt li tagħmilha ċara, trasparenti u rigoruża sabiex jiġi ssodisfat id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkollhom aċċess għall-informazzjoni relatata direttament mas-saħħa tagħhom, inklużi l-kriterji li bihom jintgħażlu xi vaċċini fuq oħrajn;

5.   

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta leġiżlattiva dwar l-akkwist konġunt futur tal-vaċċini b'dispożizzjonijiet ċari dwar it-trasparenza u d-distribuzzjoni tal-kompetenza fost l-atturi tal-qafas istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri u dwar it-trattamenti futuri kontra l-COVID-19 u t-trattamenti orfni fil-qafas tal-istrateġija farmaċewtika għall-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina t-termini tal-ftehimiet dwar il-kunfidenzjalità tal-prezzijiet sabiex tindirizza l-frammentazzjoni attwali tas-suq intern Ewropew;

6.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela l-membri tat-timijiet involuti fin-negozjar ta' ftehimiet ta' xiri bil-quddiem u ftehimiet ta' xiri ma' kumpaniji farmaċewtiċi għax-xiri tal-vaċċini kontra l-COVID-19; jitlob li l-Kummissjoni tiċċara l-kriterji tagħha għall-għażla tal-membri tat-tim ta' negozjar;

7.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-grupp ta' kuntatt tal-COVID-19 bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, imħabbar mill-President tal-Kummissjoni fi Frar 2021 (11), fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-approvazzjoni ta' kuntratti futuri sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar fil-proċess tan-negozjati; jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata kull ġimgħa lil dan il-grupp, inkluż studju dettaljat tal-produzzjoni, l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tbassir tad-doża tal-vaċċin;

8.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura trasparenza sħiħa billi tippubblika verżjonijiet mhux editjati tal-ftehimiet ta' xiri bil-quddiem u l-ftehimiet ta' xiri mingħajr aktar dewmien u, fost l-oħrajn, tiżvela d-dettalji li ġejjin: l-ammont ta' investiment pubbliku li sar fl-iżvilupp tal-vaċċini; il-pagamenti bil-quddiem u ta' wara l-konsenja mill-Kummissjoni lil kull żviluppatur tal-vaċċin, bid-dettalji tad-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi fl-iżvilupp u fil-produzzjoni tal-vaċċini; id-dettalji tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn l-investituri pubbliċi u privati fir-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni tal-vaċċini; l-għadd ta' dożi mogħtija lil kull pajjiż u li għandhom jiġu kkonsenjati kull tliet xhur; il-prezzijiet għal kull doża; l-għadd u l-postijiet tas-siti ta' produzzjoni disponibbli; dettalji tal-ftehimiet dwar xiri ulterjuri prospettiv; ir-reġimi ta' responsabbiltà u kumpens għal kwalunkwe ħsara potenzjali kkawżata mill-vaċċini; is-sanzjonijiet f'każ ta' ksur ta' kuntratt jew ta' dewmien fil-konsenja; informazzjoni dwar il-kondiviżjoni possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari jekk il-Kummissjoni teżerċitax kwalunkwe influwenza fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minħabba l-investimenti inizjali tagħha fil-proċess tal-iżvilupp tal-vaċċini, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni relatata oħra li tista' tkun ta' interess għall-pubbliku; ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fid-determinazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali; u d-dettalji tat-trasferimenti u d-donazzjonijiet tat-teknoloġija lil pajjiżi terzi, u kwalunkwe informazzjoni relatata li tista' tkun ta' interess għall-pubbliku;

9.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela l-prezzijiet għal kull doża għall-vaċċin ta' kull manifattur u tagħti informazzjoni dettaljata dwar l-istrateġija ta' akkwist tagħha, peress li l-prezzijiet tal-vaċċin ivarjaw ħafna bejn il-manifatturi;

10.   

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-iżvelar tad-dettalji kollha ta' interess pubbliku rigward il-kuntratti futuri tal-vaċċin kontra l-COVID-19, u l-konformità ma' dawn il-kuntratti, kif ukoll ma' dawk għax-xiri ta' teknoloġiji oħra tal-COVID-19, prekundizzjoni għal negozjati futuri ma' kumpaniji farmaċewtiċi;

11.   

Jikkritika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lura milli tuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja permezz tal-Artikolu 168 TFEUEwropea fit-twaqqif tal-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) l-ġdida, u b'hekk naqset milli tistabbilixxiha bħala aġenzija indipendenti sħiħa li għandha mandat biex tipproteġi l-interess pubbliku u li hija soġġetta għall-istess skrutinju rigoruż bħal aġenziji oħra tal-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-approċċ tal-Kummissjoni, li wassal biex il-Parlament jiġi eskluż milli jissorvelja l-ħidma tal-HERA, jista' jitqies bħala nuqqas ieħor li dgħajjef it-trasparenza u r-responsabbiltà għall-infiq pubbliku u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa pubblika;

12.   

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika kwalunkwe ksur potenzjali ta' kuntratt minn kumpaniji farmaċewtiċi, kif ukoll ir-raġunijiet li wasslu għal dan, u tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippenalizza kwalunkwe ksur possibbli jew dewmien mhux ġustifikat;

13.   

Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament informazzjoni dettaljata dwar il-mod kif il-kumpaniji li jingħataw il-kuntratti użaw il-pagamenti magħmula mill-UE, inklużi l-metodoloġija li tkun intużat għall-kejl tagħhom u l-mezzi ta' kontroll u verifika; jistieden lill-Kummissjoni tiżvela fid-dettall l-implikazzjonijiet baġitarji kollha tal-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19;

14.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji li jingħataw il-kuntratti jagħmlu r-riżultati sħaħ tal-provi kliniċi u l-protokolli ta' riċerka potenzjali dwar il-vaċċini tal-COVID-19 disponibbli għall-evalwazzjoni, mill-aktar fis possibbli, minn esperti xjentifiċi indipendenti, lil hinn mill-esperti fl-EMA, inklużi pjanijiet ta' analiżi statistika, studji kliniċi u rapporti; jindika li f'każ li jinstabu effetti sekondarji serji u/jew frekwenti matul il-provi kliniċi, dawn l-avvenimenti għandhom jiġu kkomunikati minnufih;

15.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji li jingħataw il-kuntratti jippubblikaw id-data mir-rapporti tal-farmakoviġilanza f'konformità sħiħa mar-regoli dwar ir-rispett għad-data personali tal-pazjenti involuti, u tippromwovi u timmonitorja l-iskrutinju pubbliku tar-reazzjonijiet avversi li jseħħu matul l-għoti tal-vaċċini;

16.   

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar il-korrelazzjoni bejn il-livell ta' trasparenza tal-kuntratti tal-vaċċini, il-fiduċja pubblika fl-istrateġija tal-UE għall-vaċċini u l-livell ta' esponiment għad-diżinformazzjoni, bil-għan li jiġu indirizzati l-kawżi tal-eżitazzjoni għat-tilqim;

17.   

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika valutazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-vaċċini kontra l-COVID-19 u l-komunikazzjoni pubblika tagħha billi tirrieżamina l-elementi kollha fid-dettall u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar qafas għall-akkwist konġunt Ewropew fil-futur, speċjalment fir-rigward tat-trasparenza;

18.   

Jitlob lill-Kummissjoni tkompli turi solidarjetà ma' pajjiżi oħra tad-dinja, b'mod partikolari dawk li jappartjenu għall-politika tal-viċinat, u tappoġġja l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu l-virus tal-COVID-19;

19.   

Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tiggarantixxi li l-vaċċini tal-COVID-19 jitqiesu bħala ġid pubbliku globali għall-benefiċċju ta' kulħadd, filwaqt li tiżgura aċċess universali għalihom; jenfasizza li dan l-aspett irid jiġi rifless ukoll fil-kuntratti relatati kollha ffirmati ma' kumpaniji farmaċewtiċi billi jiġu inklużi l-aktar salvagwardji b'saħħithom f'dan ir-rigward għad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tat-tilqim kontra l-COVID-19; jappoġġja l-isforz globali biex il-vaċċini, it-tagħmir u t-trattamenti tal-COVID-19 isiru disponibbli għall-pajjiżi kollha inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jissottolinja l-importanza fundamentali tat-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-esportazzjoni ta' komponenti essenzjali lejn pajjiżi terzi biex jiżdiedu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fuq livell globali bil-għan li tiġi aċċellerata r-rata tat-tilqim madwar id-dinja u b'hekk tiġi evitata żieda ulterjuri fl-imwiet u fl-ammissjonijiet fl-isptar u fit-tixrid tal-varjanti tal-COVID-19; jirrikonoxxi li ostaklu ewlieni għad-disponibbiltà tal-vaċċini huwa l-kapaċità tal-produzzjoni; jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mal-kumpaniji tat-teknoloġija tal-mRNA biex jiġu stabbiliti siti ta' produzzjoni ġodda għat-tagħmir tal-COVID-19 u għall-vaċċini kontrih, u li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti għall-inizjattiva COVAX, li tagħmel trasparenti d-donazzjonijiet kollha għal kull perjodu ta' żmien, sabiex jiġu salvati l-ħajjiet f'dawk il-pajjiżi li tħallew barra mid-distribuzzjoni tal-vaċċini;

20.   

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kumpaniji farmaċewtiċi jaqsmu l-għarfien u d-data tagħhom permezz tal-Pul ta' Aċċess għat-Teknoloġija tal-COVID-19 (C-TAP) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u li jużaw l-għażliet kollha disponibbli biex iżidu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni madwar id-dinja, inkluża l-assoċjazzjoni ma' kumpaniji oħra għall-proċessi ta' żvilupp u distribuzzjoni;

21.   

Jemmen bis-sħiħ li l-proposti tal-Ombudsman, magħmula wara l-inkjesta strateġika OI/3/2020/TE, għat-titjib tal-ħidma tal-ECDC u tal-prattiki ta' trasparenza tiegħu jridu jiġu implimentati bis-sħiħ u b'mod konsistenti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fl-istrateġija tal-UE għat-tilqim kontra l-COVID-19, minħabba r-rwol ewlieni li għandu l-ECDC fil-ġbir u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni kruċjali dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19;

22.   

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika u tivvaluta l-istrateġija globali tal-UE biex tiżgura d-distribuzzjoni rapida u ekwa tal-vaċċini madwar id-dinja, inkluż l-involviment tagħha fl-inizjattiva COVAX, C-TAP u l-provvista transfruntiera ta' materjali meħtieġa għall-produzzjoni tal-vaċċini, kif ukoll l-istrateġija tagħha għal żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni u l-kriterji għad-distribuzzjoni tad-dożi bejn il-pajjiżi;

23.   

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi aċċess rapidu u ekwu għall-vaċċini madwar id-dinja bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE meta tiffirma kuntratti futuri ma' kumpaniji farmaċewtiċi, filwaqt li tikkunsidra klawżoli relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u liċenzji, prezzijiet mhux esklużivi u l-aħjar sforzi biex jittejbu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini;

24.   

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu, permezz tal-mezzi xierqa, mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex wieħed jistudja u jitgħallem dwar l-isfidi u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw fil-produzzjoni ta' vaċċini kontra l-COVID-19 bil-għan li jiġu pprovduti bil-mezzi meħtieġa biex jagħmlu l-produzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19 possibbli fit-territorji tagħhom u b'hekk tinkiseb ġlieda aktar effettiva kontra l-pandemija madwar id-dinja;

25.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1.

(2)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(3)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(4)  ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1.

(5)  ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Lulju 1997, Affish BV vs Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees, C-183/95, EU:C:1997:373, il-punt 43, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:61995CJ0183&from=en;

Is-Sentenza tal-Qorti (it-tielet awla) tad-19 ta' April 2012, Artegodan vs il-Kummissjoni, C-221/10 P, EU:C:2012:216. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:62010CJ0221&from=mt.

(7)  Ħarsa ġenerali: https://www.ombudsman.europa.eu/en/news-document/en/136499.

(8)  https://pace.coe.int/en/files/29004/html

(9)  https://www.coe.int/en/web/bioethics/oviedo-convention

(10)  L-inkjesta strateġika tal-Ombudsman Ewropew OI/3/2020/TE dwar kif l-ECDC ġabar u bagħat informazzjoni matul il-kriżi tal-COVID-19.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea, diskors mill-President von der Leyen fil-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-istrateġija tal-UE għat-tilqim kontra l-COVID-19, 10 ta' Frar 2021. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/speech_21_505