IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.12.2019
COM(2019) 634 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar informazzjoni b’rabta mal-miżuri marbuta mal-politika agrikola komuni
{SWD(2019) 438 final}
I.INTRODUZZJONI
Dan ir-rapport jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni relatati mal-politika agrikola komuni (PAK) għall-2017 u għall-2018, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”).
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament jiddikjara li l-miżuri ta’ informazzjoni ffinanzjati “għandu [jkollhom] l-għan, b’mod partikolari, li [jgħinu] fit-tifsir, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-PAK u li [jżidu] l-għarfien tal-pubbliku dwar il-kontenut u l-objettivi tagħha, [jerġgħu jrawmu] [il-fiduċja] tal-konsumaturi wara l-kriżijiet permezz ta' kampanji ta' informazzjoni, [jinformaw] lill-bdiewa u lil partijiet oħra attivi f’żoni rurali u [jippromwovu] l-mudell Ewropew tal-agrikoltura u [jgħinu] liċ-ċittadini jifhmuh. L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 45(2) jgħid li dawn il-miżuri “għandhom ukoll jikkontribwixxu biex tiġi koperta l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sakemm dawk il-prijoritajiet ikun relatati mal-għanijiet ġenerali ta' dan ir-Regolament”.
Il-miżuri ta’ informazzjoni ffinanzjati jaqgħu f’żewġ kategoriji ewlenin:
-Dawk sottomessi minn organizzazzjonijiet ta’ partijiet terzi għall-kofinanzjament taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija – FAEG (għotjiet);
-Dawk fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u ffinanzjati b’rata ta’ 100 % taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija – FAEG (azzjonijiet diretti/akkwist pubbliku).
Skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament, kull sentejn għandu jiġi ppreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni skont ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan hu t-tmien rapport bħal dan.
Fil-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2018, il-Kummissjoni intensifikat l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni korporattiva tagħha fuq il-bażi tal-għaxar prijoritajiet ta’ politika tagħha, b’enfasi speċjali fuq l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Inġabru riżorsi minn programmi ta’ nfiq differenti biex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni abbażi tal-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Matul dan il-perjodu, id-dipartimenti tal-Kummissjoni, inkluż id-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali (DĠ AGRI), komplew jikkontribwixxu għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-approċċ korporattiv. Il-kampanji ta' komunikazzjoni korporattiva li tnedew fl-2017 u l-2018 tfasslu biex jenfasizzaw kif l-UE twettaq, tagħti s-setgħa liċ-ċittadini filwaqt li tipproteġihom. L-enfasi kienet ukoll fuq li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi attwali u futuri u dwar il-ħtieġa li tinbena unjoni aktar magħquda, aktar b'saħħitha u aktar demokratika.
Dan l-approċċ ta’ komunikazzjoni korporattiva huwa ċentrali għall-istrateġija ta’ komunikazzjoni tad-DĠ AGRI għall-perjodu ta' bejn l-2016 u l-2020. F'dan il-qafas, il-miżuri ta' informazzjoni huma ddefiniti kull sena fi pjanijiet ta' azzjoni annwali.
Aktar informazzjoni dwar l-azzjonijiet diretti u indiretti tista' tinstab fid-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.
II.IL-BAĠIT
Fl-2017, il-baġit disponibbli għall-miżuri ta’ informazzjoni taħt il-linja baġitarja 05 08 06 (it-titjib tas-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-PAK) oriġinarjament previst fid-deċiżjoni ta' finanzjament, kien EUR 8 miljun; u EUR 8 miljun fl-2018. (Barra minn hekk, fil-qafas tal-azzjonijiet ta' komunikazzjoni korporattiva tal-Kummissjoni matul il-perjodu, fl-2017 ġew kodelegati EUR 8 480 000 mid-DĠ AGRI lid-DĠ Komunikazzjoni (DĠ COMM), li huwa responsabbli għall-immaniġġjar tal-kampanji korporattivi tal-Kummissjoni, u fl-2018 l-ammont kien EUR 8 700 000.
It-tqassim tal-baġit allokat bejn l-akkwist pubbliku (azzjonijiet meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) u l-għotjiet (azzjonijiet koffinanzjati) kien kif ġej:
2017: akkwist pubbliku (EUR 4.5 miljun) (56.25 %) – Għotjiet (EUR 3.5 miljun) (43.75 %)
2018: akkwist pubbliku (EUR 4 miljun) (50 %) – Għotjiet (EUR 4 miljun) (50 %)
L-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-2017 laħqet 98.3 % f’termini ta’ impenji u 90.2% f’termini ta’ pagamenti.
L-eżekuzzjoni tal-miżuri tal-2018 laħqet 99.9 % f’termini ta’ impenji; iċ-ċifri għall-pagamenti fuq il-miżuri tal-2018 kienu għadhom ma ġewx iffinalizzati fiż-żmien li qiegħed jiġi abbozzat dan ir-rapport, minħabba li setgħu jsiru pagamenti sal-31 ta’ Diċembru 2019.
III.TQASSIM TAL-AZZJONIJIET IFFINANZJATI
Il-fokus tal-azzjonijiet ta' komunikazzjoni diretti u indiretti fl-2017 u l-2018 kien primarjament fuq kwistjonijiet relatati mat-tħejjija tar-riforma tal-politika agrikola komuni u l-proposti legali settorjali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Kien hemm sforz konġunt matul dan il-perjodu biex titqajjem sensibilizzazzjoni u jkun hemm impenn dwar il-futur tal-PAK fost il-partijiet interessati, dawk li jfasslu l-politika, u ċ-ċittadini madwar l-UE. Barra minn hekk, ġew intensifikati l-isforzi biex jiġu żviluppati aktar sinerġiji ma' sħab differenti fil-qasam tal-komunikazzjoni, fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, mal-awtoritajiet nazzjonali u ma' partijiet interessati oħra.
Fl-2017, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa' dwar is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tal-PAK sabiex iżżid il-kontribut tagħha għall-għaxar prijoritajiet ta' politika tal-Kulleġġ u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. Fl-ewwel nofs tal-2017 saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa li ħeġġet lill-partijiet interessati, inklużi l-atturi mhux agrikoli, biex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur tal-PAK. Din il-konsultazzjoni pubblika ħolqot reazzjoni pubblika kbira, b'aktar minn 322 000 kontribuzzjoni. Sussegwentement, fis-7 ta' Lulju 2017, fi Brussell saret konferenza importanti mal-partijiet interessati li fiha ħadu sehem aktar minn 500 parteċipant. Din iffaċilitat id-dibattitu dwar l-ideat li tressqu minn organizzazzjonijiet u ċittadini governattivi u mhux governattivi fid-dawl tat-tħejjija tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-PAK.
Il-komunikazzjoni dwar il-"Futur tal-Ikel u l-Biedja" ġiet adottata fid-29 ta' Novembru 2017. Il-miżuri ta' informazzjoni dwar il-Komunikazzjoni (u l-proposti legali sussegwenti) ngħataw appoġġ konsiderevoli mill-istampa, mill-midja soċjali u kienu megħjuna mis-settur awdjoviżiv. Fil-jiem u x-xhur ta' wara, bl-appoġġ tad-DĠ COMM, tar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-partijiet interessati, id-DĠ AGRI beda sensiela ta' laqgħat ta' sensibilizzazzjoni mal-pubbliku ġenerali u mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u reġjonali. L-għan kien li jiġu diskussi l-ideat imressqa fil-Komunikazzjoni dwar kif għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet futuri għall-agrikoltura Ewropea filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri, inklużi t-tibdil fil-klima, il-volatilità tal-prezzijiet, u l-ħtieġa li s-settur jiġi appoġġat biex jadatta ruħu għal ambjent li qed jinbidel. Matul perjodu ta' ħames xhur, ġew organizzati sa 50 avveniment ma' aktar minn 3,300 parteċipant – ċittadini, partijiet interessati, persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet f'livell għoli u l-midja – ħafna minnhom b'effett multiplikatur importanti fl-Istat Membru u r-reġjun tagħhom. Il-feedback mill-parteċipanti wera li dan l-eżerċizzju kien utli għal dawk li jfasslu l-politika fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi settorjali tal-QFP dwar il-PAK.
L-inizjattiva ta' politika ewlenija tal-2018 kienet l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi dwar il-PAK futura fil-qafas tal-pakkett QFP li saret fl-1 ta' Ġunju. Fil-kuntest tal-approċċ korporattiv ġenerali tal-Kummissjoni għall-komunikazzjoni dwar il-QFP futur, id-DĠ AGRI intensifika l-isforzi ta' komunikazzjoni biex iqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-proposti legali. Dan kien jinkludi sensiela ta' avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni mmexxija mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali, u uffiċjali tad-DĠ AGRI fl-Istati Membri. L-isforzi ta' informazzjoni kienu akkumpanjati minn kampanja tal-midja soċjali u kienu jinkludu stampa estensiva, pubblikazzjoni online, u attività awdjoviżiva.
Ir-rieda tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni li jinvolvu ruħhom f'konsultazzjoni u djalogu kienet apprezzata ħafna miċ-ċittadini, mill-partijiet interessati, minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u mill-NGOs. Il-preżentazzjonijiet ta' spiss kienu segwiti minn mistoqsijiet interattivi ħafna u minn sessjonijiet ta' tweġibiet. Minn Ġunju sa Diċembru 2018 ġew organizzati aktar minn tmenin avveniment bħal dan seħħ fl-Istati Membri. Ħadu sehem aktar minn 7000 persuna, ħafna minnhom b'effett multiplikatur importanti fl-Istat Membru u r-reġjun tagħhom (Ministri, parlamentari, MEPs, partijiet interessati ewlenin, NGOs, uffiċjali, persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-midja).
L-eżerċizzju għen biex jiżdied il-fehim tal-objettivi tal-Kummissjoni kif deskritti fil-proposti dwar il-PAK tal-QFP. Dan żviluppa l-għanijiet ġenerali tal-approċċ ta' komunikazzjoni korporattiva tal-Kummissjoni, inkluż is-smigħ, u l-involviment fi djalogu mas-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali dwar il-valuri tal-UE u l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE.
Matul dan il-perjodu d-DĠ AGRI kompla jikkontribwixxi b'mod attiv għall-kampanji ta' komunikazzjoni korporattiva żviluppati mid-DĠ COMM - #Investor, #EUandME, EU Protects. Ħadem ukoll mad-DĠ COMM u DĠ oħra dwar il-proċess ta' ppjanar matul dan il-perjodu għall-kampanja pilota korporattiva fuq żoni rurali, li tnediet mid-DĠ COMM fl-2019.
1.
Għotjiet (miżuri ta’ informazzjoni kofinanzjati meħuda fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet
ta' partijiet terzi)
L-Artikolu 45 (miżuri ta’ informazzjoni) tar-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet, ta’ programmi ta’ ħidma annwali jew ta’ miżuri speċifiċi oħra ppreżentati minn partijiet terzi. Miżuri ta’ informazzjoni speċifiċi jirreferu għal avvenimenti ta’ informazzjoni limitati fiż-żmien u fl-ispazju u implimentati abbażi ta’ baġit wieħed. Avvenimenti bħal dawn jistgħu jvarjaw minn konferenzi sa kampanja ta' informazzjoni komprensiva li tkopri diversi tipi ta' attivitajiet ta' informazzjoni (bħal produzzjonijiet awdjoviżivi, avvenimenti tal-midja, konferenzi u workshops) imwettqa f'diversi reġjuni u/jew Stati Membri. Programm ta’ ħidma annwali huwa sett ta’ bejn żewġ miżuri sa ħames miżuri speċifiċi ta’ informazzjoni. Għall-2017 u l-2018, ġie deċiż (bħal fis-snin ta’ qabel) li jinżammu biss miżuri speċifiċi ta’ informazzjoni għall-kofinanzjament, bil-għan li tiġi ssimplifikata l-iskema tal-għotjiet u tiġi żgurata koerenza bejn l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni differenti.
Għall-2017, is-sejħa għal proposti ħeġġet azzjonijiet ta' informazzjoni li kellhom l-għan li juru l-kontribut tal-PAK għat-tkabbir u l-impjiegi u l-komunitajiet rurali vijabbli; ir-rwol tal-biedja u tal-forestrija fil-miżuri relatati mal-adattament għall-klima u mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; biedja sostenibbli, u t-titjib tal-ġustizzja fil-katina tal-provvista agroalimentari. Barra minn hekk, għall-2018, is-sejħa għal proposti ffokat fuq ir-rwol tal-PAK fit-trawwim tal-innovazzjoni u l-iskambju tal-għarfien; u anke fuq li tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jibdew jaħdmu fis-settur tal-biedja, u li trawwem drawwiet ta' ikel li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa.
Għal dawn is-sentejn, il-pubbliku ġenerali kien fil-mira (b’mod partikolari ż-żgħażagħ f’żoni urbani), kif ukoll il-bdiewa u partijiet interessati oħra attivi fiż-żoni rurali.
Ir-rata massima ta' kofinanzjament għall-miżuri msemmija hawn fuq ġiet stabbilita għal 60 % tal-kostijiet eliġibbli. Fl-2017, ġew ikkofinanzjati sittax-il miżura. Fl-2018, ġew ikkofinanzjati tmintax-il miżura, li b’kollox jagħmlu 36 azzjoni kkofinanzjata (kollha b'rata ta' 60 %) għall-perjodu ta' bejn l-2017 u l-2018.
Fl-2017 u l-2018, ġew appoġġjati l-azzjonijiet li ġejjin:
- Ingħataw sittax-il għotja lill-midja u lill-aġenziji tal-komunikazzjonijiet għal miżuri li jippromwovu s-sensibilizzazzjoni fuq livell nazzjonali dwar l-importanza tal-agrikultura u taż-żoni rurali għas-soċjetà kollha kemm hi. Ħafna drabi, dawn l-azzjonijiet kienu jinkludu elementi pedagoġiċi u avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni dwar l-ikel u l-biedja, b'enfasi fuq ir-rwol tal-appoġġ tal-UE u fuq l-importanza ta' bdiewa żgħażagħ għas-settur.
- Ingħata wkoll appoġġ lil seba' azzjonijiet fuq livell nazzjonali mmexxija minn assoċjazzjonijiet jew entitajiet tal-bdiewa b'rabtiet qawwija mas-settur agrikolu.
- żewġ organizzazzjonijiet attivi fil-qasam ambjentali fuq livell nazzjonali rċevew appoġġ għal miżuri relatati maż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-bijodiversità rispettivament.
- Ġew appoġġjati sitt azzjonijiet b'element transnazzjonali sinifikanti propost mill-kumpaniji tal-midja, u waħda minn NGO ambjentali fil-livell tal-UE; il-fokus prinċipali ta' dawn il-miżuri transkonfinali kien li ċ-ċittadini tal-UE jiġu informati dwar il-kontribut tal-PAK għal ħajjithom.
- Barra minn hekk, fil-livell nazzjonali, organizzazzjoni li tippromwovi l-edukazzjoni relatata maċ-ċittadinanza Ewropea, kunsill ta' kontea li jippromwovi prodotti agrikoli tradizzjonali lokali, u assoċjazzjoni nazzjonali attiva fi kwistjonijiet tal-ilma/irrigazzjoni ngħataw ukoll appoġġ.
-Finalment, f'kunċett innovattiv, ġiet ikkofinanzjata wkoll kooperattiva fil-qasam kreattiv li qed tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-PAK fost iż-żgħażagħ u ċ-ċittadini permezz ta' avvenimenti mużikali u artistiċi.
Fost il-miżuri invarjabbli kien hemm taħlita ta' għodod ta' komunikazzjoni (midja soċjali, onlajn, stampati u awdjoviżivi) immirati lejn il-komunità tal-biedja, il-pubbliku ġenerali u ż-żgħażagħ, u ħafna drabi kienu jinkludu dimensjoni edukattiva.
Is-sejħiet għal proposti ħeġġew lill-applikanti għall-għotjiet biex ifittxu definizzjoni aħjar tal-udjenzi fil-mira, tixrid aħjar ta’ informazzjoni, u analiżi tal-impatt tal-miżuri f’termini tan-numri ta’ persuni milħuqa b’mod dirett u indirett. L-applikanti ntalbu jippreżentaw pjanijiet iddettaljati għall-miżuri proposti tagħhom, inkluż l-implimentazzjoni tal-proġetti, it-twassil tal-messaġġ u l-kejl tal-effikaċja. Huwa importanti li wieħed jenfasizza li għadd konsiderevoli ta' azzjonijiet ikkofinanzjati laħqu udjenza usa' lil hinn mill-parteċipanti immedjati, bis-saħħa tal-effett ta' multiplikazzjoni tal-istampa speċjalizzata u tal-midja, kif ukoll bis-saħħa tal-użu akbar tal-internet u tal-midja soċjali bħala għodod tat-tixrid.
L-applikazzjonijiet ġew ivvalutati fid-dawl tal-kriterji rigorużi tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti kif stipulat fis-sejħiet għal proposti. Dan kien konformi mar-Regolament Finanzjarju u kien jirrifletti l-għan tal-Kummissjoni li tikseb trattament indaqs u kompetizzjoni ġusta bejn l-applikanti.
Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport jagħti informazzjoni ddettaljata dwar l-għotjiet mogħtija matul il-perjodu ta’ rapportar, inkluż l-għadd ta’ applikazzjonijiet li rnexxew għal kull Stat Membru.
2.
Azzjonijiet diretti/akkwist pubbliku (miżuri ta’ informazzjoni meħuda fuq l-inizjattiva
tal-Kummissjoni)
Bejn l-2017 u l-2018, bħal fl-imgħoddi, twettqu għadd importanti ta’ miżuri ta’ informazzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.
a) Bini ta’ netwerks medjatiċi
L-appoġġ lill-midja b'informazzjoni u bi briefings rilevanti u li huma faċli biex jintużaw mill-utenti dwar żviluppi fil-PAK u l-iżvilupp rurali kompla, kif sar fl-imgħoddi, biex dawn jintwerew b'mod qawwi fl-azzjonijiet ta' komunikazzjoni. Bħal fil-passat, dan kellu effett multiplikatur sinifikanti ħafna, speċjalment minħabba li l-iżvilupp tal-midja soċjali u tal-komunikazzjoni bbażata fuq l-Internet irċevew spinta qawwija f'dan il-perjodu. L-iżvilupp u l-manutenzjoni kontinwi tal-pjattaforma għall-ġurnalisti u l-komunikaturi professjonali,
www.Ag-Press.eu
, u l-organizzazzjoni ta' vjaġġi ta’ studju u seminars għall-membri ta’ AG-Press, komplew irawmu l-kuntatti mill-qrib u l-iskambji kemm ma’ ġurnalisti li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet agrikoli, kif ukoll mal-midja mhux speċjalizzata. Fl-aħħar
tal-2018, in-netwerk Ag-Press inkluda madwar 950 ġurnalist. In-netwerk ikompli jkun riżorsa ta' valur għall-Kummissjoni, u netwerk utli għall-membri tagħha. L-attività tal-midja soċjali tad-DĠ AGRI (permezz ta' Facebook, Twitter, Instagramma) kibret b'mod konsiderevoli u kellha udjenza li kienet qed tikber b'rata mgħaġġla. Dan kien importanti biex jiġu attirati speċjalisti lejn is-sit web u l-informazzjoni komprensiva u l-aħħar aħbarijiet, kif ukoll biex jintlaħaq il-pubbliku ġenerali.
Fis-sitt vjaġġi ta' studju li saru matul l-2017 u l-2018, gruppi ta’ ġurnalisti kellhom l-opportunità li jesperjenzaw kundizzjonijiet tal-biedja li ta' spiss huma differenti ħafna f’reġjuni u fi Stati Membri oħra minbarra dawk tagħhom stess. Il-kwistjonijiet koperti kienu jinkludu fost l-oħrajn il-kompetittività, is-sostenibilità, il-biedja ta' preċiżjoni, il-bijoekonomija, u t-tiġdid ġenerazzjonali. Il-laqgħat mal-bdiewa, ma' dawk li jgħixu f'żoni rurali u man-nies ta' negozju fil-prattiku għenu biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li qed tħabbat wiċċha magħhom l-agrikoltura fi Stati Membri u reġjuni differenti. Barra minn hekk, matul ħames seminars bil-parteċipazzjoni ta' esperti tal-politika tal-UE, il-ġurnalisti rċevew għarfien profond dwar l-iżviluppi tal-politika tal-UE fil-kummerċ tal-agroikel, il-PAK u l-katina tal-ikel, il-politika ta' kwalità, l-innovazzjoni fis-settur; u anke dwar il-proposti ta' riforma tal-PAK bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali u l-MEPs rilevanti.
b) Bini ta’ netwerks tal-partijiet interessati - konferenzi
Il-partijiet interessati jikkostitwixxu multiplikatur importanti ħafna tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Il-konferenzi komplew ikunu forum importanti għall-konsultazzjoni u d-djalogu dwar l-iżvilupp futur tal-politika fil-perjodu tar-rapportar. Kif imsemmi fit-Taqsima III, f'konformità mal-prijoritajiet tal-politika tal-Kummissjoni u l-enfasi fuq konsultazzjoni wiesgħa mas-soċjetà ċivili, l-impenn mal-partijiet interessati - istituzzjonijiet oħra tal-UE, mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, mas-settur soċjo-professjonali nazzjonali u fil-livell tal-UE u mal-komunità akkademika - ġie intensifikat fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposti settorjali tal-QFP; u anke fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-indirizzar ta' prattiki inġusti ta' kummerċ fil-katina alimentari.
Din l-enfasi fuq l-isfidi futuri kienet ukoll ċentrali għall-Konferenzi ewlenin ta' Prospettivi Agrikola tal-UE dwar l-Agrikoltura tad-DĠ AGRI. L-edizzjoni ta' Diċembru 2018, li nfetħet mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali, studjat l-aħħar żviluppi dwar id-diġitizzazzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tal-biedja. Din indirizzat ukoll il-kooperazzjoni dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Afrika. Kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018, il-konferenza għamlet enfasi qawwija fuq l-immodernizzar tal-PAK, u fuq il-ħidma li twettqet flimkien maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar il-previżjonijiet għas-swieq agrikoli tal-UE. Il-parteċipanti inkludew lill-istituzzjonijiet tal-UE, lil gvernijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali, dawk involuti fil-katina tal-provvista tal-ikel, esperti tas-suq, akkademiċi, gruppi ta' riflessjoni u lis-soċjetà ċivili.
F'Novembru 2018, ġie organizzat b'mod konġunt avveniment dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-UE mill-Kummissjoni u mill-Presidenza Awstrijaka tal-UE fi Vjenna, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew. Madwar 200 espert li ġew mistiedna mill-ktajjen tal-provvista agrikola għall-produzzjoni tal-għalf u tal-ikel, min-netwerks ta' riċerka u dawk konsultattivi, u mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, iddiskutew is-sejbiet ewlenin tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-proteini tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea; u kif il-qafas ta' politika eżistenti u futur jista' jappoġġja l-isfruttament ulterjuri tal-potenzjal għall-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti fl-Unjoni.
F'Novembru u Diċembru 2018 ġew organizzati żewġ diskussjonijiet madwar mejda dwar l-arkitettura proposta għall-ekoloġizzazzjoni tal-PAK il-ġdida, f'kooperazzjoni mal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura. Dan iffaċilita skambju ta' fehmiet bejn il-partijiet interessati li jirrappreżentaw is-setturi agrikoli u ambjentali dwar kif jistgħu jiġu implimentati l-proposti legali dwar il-PAK futura.
Is-Summit dwar l-Innovazzjoni Agrikola li sar f'Lisbona, f'Ottubru 2017 kien pass sinifikanti ieħor. Dan kien inizjattiva konġunta bejn Konsorzju Portugiż, il-Gvern Portugiż, in-netwerk SEI-AGRI u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. F'Mejju 2018 saret konferenza importanti oħra dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura tal-UE li pprovdiet punti ta' riflessjoni dwar kif għandhom jiġu involuti l-partijiet interessati fid-definizzjoni tal-attivitajiet futuri Ewropej ta' Riċerka u Innovazzjoni fis-settur.
c) Attivitajiet għall-pubbliku ġenerali
Parteċipazzjoni f'fieri
L-enfasi tal-Kummissjoni fuq li tisma' u li tinvolvi ruħha maċ-ċittadini filwaqt li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-UE kollha kemm hi, ir-rwol u l-valuri tagħha, baqgħu ċentrali għall-parteċipazzjoni fil-fieri matul dan il-perjodu. Id-DĠ AGRI intensifika l-azzjonijiet tiegħu billi ffoka fuq iċ-ċittadini u l-partijiet interessati f'disa' fieri tal-irziezet bit-tema "mill-għalqa sal-platt, ikel sostenibbli għall-futur tagħna". Dan sikwit sar f'kooperazzjoni ma' DĠ u servizzi oħra, inkluż id-DĠ SANTE, id-DĠ MARE u d-DĠ RTD, kif ukoll ir-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri. Ta' spiss, il-preżenza tal-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali flimkien ma' rappreżentanti għolja tal-Istati Membri f'fieri bħall-Ġimgħa Ekoloġika Internazzjonali f'Berlin, u s-Salon de l’Agriculture f'Pariġi ġġenerat interess qawwi u kopertura importanti mill-midja fil-midja nazzjonali u reġjonali. Il-parteċipazzjoni ġiet żgurata wkoll f'fieri agrikoli f'diversi Stati Membri oħra.
L-isforzi komplew jipprovdu materjal ta' komunikazzjoni attraenti u effettiv u attivitajiet għal fieri f'dan il-perjodu. Dawn ħafna drabi kienu maħsuba biex jattiraw familji u tfal tal-iskola
Pakkett edukattiv għat-tfal tal-iskola
Matul dan il-perjodu, il-pakkett edukattiv għat-tfal tal-iskola ta’ bejn ħdax u ħmistax-il sena (“pakkett ta’ edudivertiment”) ġie ffinalizzat, promoss u mqassam permezz taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni tal-Europe Direct u tar-rappreżentazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, bl-appoġġ ta’ kampanja diġitali u fuq il-midja soċjali.
L-għan tal-pakkett huwa li jispjega f’format pedagoġiku attraenti r-rwol tal-bidwi u tal-familji tal-bdiewa, il-kontribut tagħhom għas-soċjetà u l-isfidi li jaffaċċjaw. Fl-2018, l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar ir-riżorsi edukattivi tad-DĠ AGRI rriżultaw f'żieda impressjonanti fiż-żjarat fuq il-paġni web rilevanti tad-DĠ AGRI.
Midja soċjali
Kif imsemmi hawn fuq, il-kontijiet tal-midja soċjali tad-DĠ AGRI, li żviluppaw b'mod konsiderevoli f'dan il-perjodu, għadhom ta' valur importanti biex titqajjem sensibilizzazzjoni u jiġi xprunat l-involviment fir-rigward tas-suġġett tal-#FutureofCAP fost il-partijiet interessati, dawk li jfasslu l-politika, il-ġurnalisti u ċ-ċittadini. Pereżempju, il-kont ta' Instagram qed jgħin biex jinforma u jagħmel kuntatt ma' udjenzi żgħażagħ u urbani dwar kwistjonijiet relatati mal-ikel u mal-produzzjoni tal-ikel, u għalhekk jenfasizza l-benefiċċji tal-PAK għaċ-ċittadini kollha.
B'mod ġenerali f'dan il-perjodu, iż-żieda fl-użu tad-disinn grafiku u tal-materjal viżiv u awdjoviżiv tat spinta lid-dehra u l-attraenza tal-materjal ta' komunikazzjoni tad-DĠ AGRI għall-pubblikazzjonijiet, l-użu tal-web u l-midja soċjali.
Pubblikazzjonijiet
Fil-perjodu ta’ rapportar, baqgħet tinxteħet enfasi kbira fuq l-iżvilupp ulterjuri tal-pubblikazzjonijiet f’format elettroniku. Bħal fl-imgħoddi, ġew prodotti għadd ta’ pubblikazzjonijiet f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, u anke mal-Uffiċċju għall-Infrastruttura u Loġistika fi Brussell (OIB). Pubblikazzjonijiet ġodda fittxew li jenfasizzaw il-wirt kulinari Ewropew, u kwistjonijiet ta' politika inklużi r-regoli sanitarji u fitosanitarji tal-UE (f'kooperazzjoni mad-DĠ SANTE). Ġew prodotti wkoll skedi informattivi biex jispjegaw b'mod partikolari l-proposti legali dwar l-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-PAK.
Sit web
Il-perjodu ta’ rapportar ra tibdiliet importanti fil-preżenza fuq il-web tal-Kummissjoni, imfassla biex tkun aktar faċli għall-utent u rilevanti għall-pubbliku ġenerali. L-attività tal-preżenza fuq l-internet tad-DĠ AGRI kienet iffokata fuq l-eżerċizzju ta' trasformazzjoni diġitali li sar fis-servizzi tal-Kummissjoni u r-reviżjoni tal-kontenut tal-Internet biex jittejbu l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza għall-utenti kollha.
Is-sit web kompla wkoll ikun sors importanti ta' informazzjoni speċjalizzata dwar l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. Bħal fl-imgħoddi, dan kellu rwol importanti wkoll fil-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali fir-rigward tad-direzzjoni futura tal-politika dwar l-agrikoltura u ż-żoni rurali.
Bħala medja, it-traffiku fuq l-internet żdied bi 30 %.
Il-viżitaturi
F'dan il-perjodu, id-DĠ AGRI kompla jieħu sehem fis-sessjonijiet ta' informazzjoni ma' gruppi ta' viżitaturi (inklużi partijiet interessati, studenti u akkademiċi) organizzati miċ-Ċentru għall-Viżitaturi tad-DĠ COMM. L-iskop ta' dawn l-iskambji kien li jiżdied l-għarfien tal-isfidi u l-opportunitajiet li qiegħda tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea fil-kuntest tal-QFP futur.
L-Ewrobarometru
F'Diċembru 2017 twettaq stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru, ikkummissjonat mid-DĠ AGRI biex tiġi esplorata l-opinjoni pubblika dwar l-agrikoltura fl-UE28. Aktar minn disa’ parteċipanti minn kull għaxra esprimew l-opinjoni li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur. L-għan ewlieni tal-UE fir-rigward tal-politika agrikola u rurali għandu jkun li tipprovdi ikel sikur u tajjeb għas-saħħa ta' kwalità għolja, filwaqt li r-rispondenti ħeġġew li tittieħed aktar azzjoni fost l-oħrajn dwar l-ambjent u t-tkabbir ekonomiku fiż-żoni rurali.
IV.IL-PROPORZJON TAL-INFIQ (IMPENJI U PAGAMENTI) BEJN L-AZZJONIJIET IKKOFINANZJATI FUQ L-INIZJATTIVA TA’ PARTIJIET TERZI (GĦOTJIET) U L-AZZJONIJIET TA’ INFORMAZZJONI FUQ L-INIZJATTIVA TAL-KUMMISSJONI (AKKWIST PUBBLIKU)
|
|
2017
|
2018
|
|
|
Għotjiet
|
Akkwist pubbliku
|
Total
|
Għotjiet
|
Akkwist pubbliku
|
Total
|
|
Baġit previst inizjali
|
3.500.000
|
4.500.000
|
8.000.000
|
4.000.000
|
4.000.000
|
8.000.000
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Impenji f’EUR
|
3.676.801,52
(*)
|
3.980.580,45
(*)
|
7.657.381,97
|
4.008.448,57
(*)
|
3.893.989,35
(*)
|
7.902.437,92
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
% tal-impenn
|
105,05 %
|
88,46 %
|
95,72 %
|
100,21 %
|
97,35 %
|
98,78 %
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti f’EUR
|
3.291.910,64
|
3.734.801,71
|
7.026.711,35
|
2.786.752,07
(*)
|
2.496.542,35
(*)
|
5.283.294,42
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
% ta’ żborż vs impenn
|
89,53 %
|
93,83 %
|
91,76 %
|
69,52 %
|
64,11 %
|
66,868 %
(***)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
(*) Il-ħlasijiet ta' dawn l-azzjonijiet għadhom għaddejjin u għadhom mhumiex finalizzati
(**) cf. Skont l-emenda tal-pjanijiet ta’ azzjoni tad-DĠ AGRI għall-2017 u l-2018 dwar il-komunikazzjoni esterna.
(***) Il-ħlasijiet għall-miżuri tal-2018 għadhom għaddejjin.
Ġeneralment, il-pagamenti jkunu aktar baxxi mill-ammonti oriġinarjament impenjati. Fil-każ tal-għotjiet, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-kostijiet finali tal-azzjonijiet huma aktar baxxi milli inizjalment previst mill-benefiċjarju u, it-tieni, minħabba li mhux l-ispejjeż kollha ddikjarati mill-benefiċjarji jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli. Fil-każ ta’ azzjonijiet meħuda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, id-differenza bejn il-pagamenti u l-impenji tirriżulta mill-fatt li, filwaqt li l-impenji huma fissi, in-nefqa proprja hija anqas minn dik prevista minħabba l-iffrankar u l-użu ta’ aktar miżuri kosteffikaċi matul l-implimentazzjoni.
V.KONKLUŻJONI
Fil-perjodu ta' rapportar, il-Kummissjoni kompliet tibbaża l-azzjonijiet ta' komunikazzjoni korporattiva fuq l-għaxar prijoritajiet politiċi tagħha, b'enfasi fuq il-kontribut tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir, u l-benefiċċji tanġibbli li l-UE tat liċ-ċittadini tagħha.
Il-miżuri ta' informazzjoni li twettqu b'rabta mal-politika agrikola komuni u l-iżvilupp rurali fittxew li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut tal-politika għat-tkabbir ekonomiku u ż-żoni rurali vibranti, l-effiċjenza tar-riżorsi u t-tnaqqis tat-tibdil fil-klima, kif ukoll l-għoti tas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni.
Il-perjodu kien ikkaratterizzat b'mod partikolari minn sforz estensiv ta' involviment maċ-ċittadini u partijiet interessati madwar l-UE fir-rigward tar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni u l-indirizzar tal-isfidi u l-opportunitajiet futuri għall-agrikoltura u ż-żoni rurali fl-UE, fil-proposti settorjali tal-QFP.
Dawn il-miżuri ta' komunikazzjoni kienu kkaratterizzati minn kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħra tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.