Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑26 ta’ Marzu 2026 (1)
Kawża C‑592/24
Agenzia delle Entrate
vs
Société Générale S.A.,
SG Factoring SpA,
SG Leasing SpA,
Fraer Leasing SpA,
SG Equipment Finance Italy SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Libertajiet fundamentali – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq il-kumpanniji – Tassazzjoni ta’ grupp – Integrazzjoni orizzontali u vertikali – Stabbiliment permanenti ta’ kumpannija omm barranija – Allokazzjoni tal-ishma kkontrollati lill-assi operazzjonali tal-istabbiliment permanenti residenti ta’ kumpannija omm barranija – Sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp permezz ta’ stabbiliment permanenti ‘nonkontrollanti’ – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Osservanza ta’ terminu nazzjonali għall-preżentata ta’ talba għal tassazzjoni ta’ grupp li ma tiġix aċċettata, possibbilment bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”
I. Daħla
1. F’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara jekk il-libertajiet fundamentali jipprojbixxux sempliċement diskriminazzjoni kontra sitwazzjonijiet transkonfinali jew jekk, barra minn hekk, jeżiġux preferenza għall-każijiet transkonfinali (għażla mingħajr limitazzjoni ratione temporis ta’ sistema ta’ tassazzjoni ta’ grupp mingħajr ma l-azzjonijiet tal-kumpanniji kkontrollati jaqgħu wkoll taħt il-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat tal-grupp fiskali).
2. Fil-kawża ineżami, kumpannija Franċiża qiegħda tipprova tikseb (retroattivament) tassazzjoni transkonfinali ta’ grupp lil hinn mit-terminu nazzjonali għall-preżentata tagħha. Billi tinvoka d-dritt tal-Unjoni, hija ssostni li l-ħlasijiet ta’ interessi lill-kumpannija omm Franċiża, li ma tagħmilx parti mill-grupp, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħlasijiet ta’ interessi lil kumpannija omm stabbilita fl-Italja li tagħmel parti minn tali grupp.
3. Għalkemm jeżisti stabbiliment permanenti Taljan tal-kumpannija omm Franċiża (li, bħala prinċipju, huwa suffiċjenti għal integrazzjoni vertikali skont id-dritt Taljan), l-azzjonijiet fis-sussidjarji Taljani kkontrollati ma ġewx attribwiti lil dak l-istabbiliment permanenti. B’riżultat ta’ dan, il-qligħ kapitali ta’ dawn l-azzjonijiet ma jaqax taħt is-sovranità fiskali Taljana. Preżumibbilment huwa għal din ir-raġuni li, fis-snin inkwistjoni, l-Italja ma ppermettietx tassazzjoni ta’ grupp permezz ta’ sempliċi stabbiliment permanenti tal-kumpannija omm Franċiża. Barra minn hekk, it-tassazzjoni ta’ grupp fl-Italja hija possibbli biss jekk jiġi osservat it-terminu tal-preżentata statutorju, li tfisser li ma tistax tiġi applikata b’mod retroattiv.
4. Għaldaqstant, fil-kawża ineżami, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk ir-rifjut li jingħataw il-vantaġġi ta’ tassazzjoni ta’ grupp fil-kawża ineżami huwiex kuntrarju għal-libertajiet fundamentali u, fl-affermattiv, min-naħa l-oħra, jekk din it-tassazzjoni ta’ grupp tistax imbagħad tiġi invokata a posteriori u mingħajr ma jiġi osservat it-terminu tal-preżentata effettivament previst skont id-dritt tal-Unjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. Il-kuntest ġuridiku tad-dritt tal-Unjoni huwa l-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji prevista fl-Artikoli 49 u 54 TFUE.
B. Id-dritt Taljan
6. Fid-dritt Taljan, id-Decreto del Presidente della Repubblica 22 dicembre 1986, n. 917 (Approvazione del testo unico delle imposte sui redditi) (id-Digriet Nru 917 tal-President tar-Repubblika, tat‑22 ta’ Diċembru 1986, li japprova l-Liġi Kkonsolidata dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem it-“TUIR”), jinkludi tip ta’ limitazzjoni tal-interessi.
7. L-Artikolu 96(5a) tat-TUIR jipprovdi:
“L-ispejjeż tal-interessi mġarrba mill-entitajiet msemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 5 għandhom jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli tal-imsemmija taxxa sa 96 % tal-ammont tagħhom. Fil-kuntest tal-konsolidazzjoni fiskali nazzjonali prevista fl-Artikoli 117 sa 129, l-ammont totali tal-ispejjeż tal-interessi mġarrba mill-entitajiet imsemmija fis-sentenza preċedenti parteċipanti fil-konsolidazzjoni fiskali għall-benefiċċju ta’ parteċipanti oħra għandu jkun deduċibbli fl-intier tiegħu sal-ammont totali tal-ispejjeż tal-interesssi mġarrba mill-entitajiet parteċipanti għall-benefiċċju ta’ entitajiet li ma jipparteċipawx fil-konsolidazzjoni fiskali. Fid-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 122, il-kumpannija jew entità kontrollanti għandha tnaqqas fl-intier tagħhom l-ispejjeż tal-interessi msemmija fis-sentenza preċedenti billi twettaq aġġustament korrispondenti b’diminuzzjoni tas-somma alġebrajka tad-dħul nett totali tal-entitajiet parteċipanti.”
8. L-Artikolu 117 tat-TUIR, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-snin fiskali kkonċernati, jipprevedi:
“1. Il-kumpannija omm jew entità u kull sussidjarja li tagħmel parti mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 73(1)(a) u (b), li bejniethom teżisti relazzjoni ta’ kontroll, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2359(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 120, jistgħu jeżerċitaw b’mod konġunt l-għażla tat-tassazzjoni ta’ grupp.
2. L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 73(1)(d) jistgħu jeżerċitaw l-għażla prevista fil-paragrafu 1 biss bħala kumpannija omm, bil-kundizzjoni li:
a) ikunu residenti f’pajjiżi li magħhom tkun ġiet konkluża konvenzjoni dwar ħelsien minn taxxa doppja;
b) huma jeżerċitaw fit-territorju nazzjonali attività ekonomika, kif iddefinita fl-Artikolu 55, permezz ta’ stabbiliment permanenti, kif iddefinit fl-Artikolu 162, li l-assi tiegħu jinkludu l-ishma f’kull sussidjarja.
3. Sakemm il-kundizzjoni ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 1 tiġi ssodisfatta, l-għażla jkollha perijodu ta’ tliet snin finanzjarji u tkun irrevokabbli.
Jekk din il-kundizzjoni ma tibqax issodisfatta, għandhom japplikaw il-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 124.”
III. Il-kawża prinċipali
9. Société Générale S.A., kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż (iktar ’il quddiem il-“kumpannija omm”), għandha stabbiliment permanenti fl-Italja (SG Milano, iktar ’il quddiem l-“istabbiliment permanenti Taljan”). Jidher li li diversi sussidjarji Taljani pparteċipaw fil-konsolidazzjoni fiskali Taljana permezz ta’ dan l-istabbiliment permanenti (iktar ’il quddiem it-“tassazzjoni ta’ grupp”). Dan kien possibbli bil-kundizzjoni li l-ishma f’dawn is-sussidjarji kkontrollati kienu jagħmlu parti mill-assi tal-istabbiliment permanenti Taljan (u mhux minn dawk tal-kumpannija omm stabbilita fi Franza).
10. Erba’ sussidjarji Taljani oħra tal-kumpannija omm (SG Factoring SpA, SG Leasing SpA, Fraer Leasing SpA u SG Equipment Finance Italy SpA – iktar ’il quddiem “is-sussidjarji rikorrenti”) ma pparteċipawx fit-tassazzjoni ta’ grupp peress li l-kundizzjonijiet għal dan l-għan ma kinux issodisfatti. L-ishma tagħhom jidhru li kienu marbuta mal-assi tal-kumpannija omm fi Franza u, fi kwalunkwe każ, mhux mal-assi tal-istabbiliment permanenti tal-kumpannija omm li jinsab fl-Italja.
11. Madankollu, fl-Italja, is-sussidjarji rikorrenti ħallsu interessi lill-kumpannija omm Franċiża (fil-forma tal-istabbiliment permanenti Taljan) u, peress li ma pparteċipawx fil-konsolidazzjoni fiskali nazzjonali mal-istabbiliment, huma naqqsu biss 96 % tal-ammont tagħhom mill-ispejjeż tal-interessi waqt id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli għat-taxxa fuq il-kumpanniji, skont l-Artikolu 96(5)(a) tat-TUIR.
12. Fid‑19 ta’ Ġunju 2015, il-kumpannija omm ippreżentat tliet applikazzjonijiet għal rimbors tat-taxxa fuq il-kumpanniji quddiem l-Agenzia delle Entrate (l-Aġenzija tad-Dħul Pubbliku, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) għas-snin fiskali 2010, 2011 u 2012, li kienet tħallset żejda mill-kumpanniji sussidjarji rikorrenti peress li l-kumplament tal-4 % mill-ispejjeż tal-interessi mġarrba ma setgħux jitnaqqsu mid-dħul tagħhom. Ir-rimbors mitlub kien jammonta, għas-snin fiskali kkonċernati, għal EUR 215 156, għal EUR 476 878 u għal EUR 301 275 rispettivament.
13. Fit‑28 ta’ Diċembru 2016, l-awtorità tat-taxxa nnotifikat lill-kumpannija omm bi tliet deċiżjonijiet ta’ rifjut għal kull waħda mis-snin fiskali kkonċernati, abbażi tal-fatt li qieset li l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni tas-sussidjarji rikorrenti fit-tassazzjoni ta’ grupp, stabbiliti fl-Artikolu 117(2) tat-TUIR, ma kinux issodisfatti minħabba li l-istabbiliment permanenti tal-kumpannija omm ma kienx inkluda fl-assi tiegħu l-ishma fis-sussidjarji rikorrenti.
14. Il-kumpannija omm ippreżentat, mingħajr suċċess, rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Commissione Tributaria Provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Milano, l-Italja). Madankollu, adita b’appell ippreżentat mill-kumpannija omm minn din is-sentenza, il-Commissione Tributaria Regionale della Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja), laqgħet dawn it-talbiet mitluba permezz tas-sentenza tagħha Nru 4061/06/2019 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). L-awtorità tat-taxxa appellat minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju. Il-kumpannija omm u s-sussidjarji rikorrenti ppreżentaw appell inċidentali.
15. Skont l-awtorità tat-taxxa, minn naħa, il-kundizzjonijiet tat-tassazzjoni ta’ grupp ma humiex issodisfatti. Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni ta’ grupp ma tidħolx fis-seħħ skont il-liġi, iżda biss fuq talba. Madankollu, tali talba hija suġġetta għal terminu u ma kinitx iktar possibbli fil-kawża ineżami, wara l-iskadenza tat-terminu.
16. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-libertà ta’ stabbiliment tista’ tinkiser jekk tiġi eskluża l-possibbiltà li jitnaqqsu, fil-kuntest ta’ tassazzjoni ta’ grupp, l-ispejjeż tal-interessi mġarrba minn kumpanniji li l-kumpannija omm tagħhom għandha s-sede tagħha barra mill-pajjiż filwaqt li din il-possibbiltà tingħata lil kumpanniji li għandhom kumpannija omm komuni stabbilita fit-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk talba għal tassazzjoni ta’ grupp hijiex neċessarja wkoll f’sitwazzjoni fejn din il-possibbiltà ma kinitx prevista, peress li ma ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet.
IV. It‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
17. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikoli 49 u 54 TFUE, interpretati mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding (C‑39/13; C‑40/13; C‑41/13) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil ċerti kumpanniji milli jibbenefikaw minn skema iktar favorevoli ta’ tnaqqis tal-interessi li jirriżultaw minn integrazzjoni fiskali nazzjonali, biss għar-raġuni li l-kumpannija omm hija residenti fi Stat Membru ieħor u għalhekk ma tistax tipparteċipa f’din l-integrazzjoni fiskali nazzjonali, filwaqt li dawn l-istess kumpanniji kienu jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ tnaqqis iktar favorevoli li kieku l-kumpannija omm tagħhom kienet residenti fl-Italja jew li kieku l-ishma f’dawn il-kumpanniji kellhom jiġu assenjati lill-istabbiliment permanenti tal-kumpannija omm mhux residenti?
2. L-Artikoli 49 u 54 TFUE, interpretati mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding (C‑39/13; C‑40/13; C‑41/13) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti biss integrazzjoni fiskali vertikali bejn kumpannija omm residenti u s-sussidjarji residenti tagħha u integrazzjoni fiskali orizzontali bejn is-sussidjarji ta’ kumpannija mhux residenti u li teskludi, min-naħa l-oħra, integrazzjoni fiskali bejn kumpanniji sussidjarji u kumpannija omm residenti?
3. L-Artikoli 49 u 54 TFUE, interpretati mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding (C‑39/13; C‑40/13; C‑41/13) u fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza kif previsti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-fatt li ma ġietx eżerċitata l-għażla tal-integrazzjoni fiskali, f’mument fejn din l-integrazzjoni ma kinitx permessa, jista’ sussegwentement jipprekludi l-aċċess għall-effetti (ta’ ripristinazzjoni, permezz ta’ rimbors) tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dan id-dritt?”
18. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Société Générale (flimkien ma’ SG Factoring, SG Leasing u Fraer Leasing), ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li ma tinżammx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
V. Evalwazzjoni ġuridika
A. Fuq id-domandi preliminari
19. It-tliet domandi jirrigwardaw parzjalment (l-ewwel u t-tieni domanda) id-dritt fiskali sostantiv u parzjalment (it-tielet domanda) id-dritt proċedurali fiskali. L-ewwel u t-tieni domanda jirrigwardaw, f’iktar dettall, il-kwistjoni determinanti dwar jekk il-libertajiet fundamentali jeżiġux tassazzjoni ta’ grupp transkonfinali. Dawn id-domandi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ risposta konġunta, anki jekk, kuntrarjament għall-formulazzjoni tagħhom, ebda tassazzjoni ta’ grupp purament orizzontali bejn sussidjarji ta’ kumpannija omm barranija ma kienet għadha ġiet prevista fl-Italja matul is-snin inkwistjoni, iżda jidher li kienet introdotta biss fl‑2015. Madankollu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża SCA Holding (2), iċċitata espressament fiż-żewġ domandi, ma tipprovdi ebda indikazzjoni insostenn ta’ risposta fl-affermattiv (ara t-Taqsima B).
20. Għall-kuntrarju, it-tielet domanda tirrigwarda l-kundizzjonijiet proċedurali applikabbli fil-każ li l-libertajiet fundamentali jeżiġu, fil-kawża ineżami, tassazzjoni ta’ grupp. Peress li t-tassazzjoni ta’ grupp fit-territorju nazzjonali kienet suġġetta għal talba mressqa f’terminu partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix tassazzjoni ta’ grupp retroattiva u mingħajr applikazzjoni meta tali tassazzjoni ma tkunx ġiet prevista sa dak iż-żmien (possibbilment bi ksur tad-dritt tal-Unjoni). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża B et (3), invokata mill-qorti tar-rinviju, kienet tikkonċerna preċiżament dan il-każ u r-risposta li ngħatat hemmhekk kienet fin-negattiv (ara t-Taqsima C).
B. Tassazzjoni ta’ grupp b’kumpannija omm stabbilita barra mill-pajjiż
1. Fuq l-istabbiliment permanenti bħala parti mhux awtonoma ta’ kumpannija omm
21. Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE tipprekludix is-sistema Taljana ta’ tassazzjoni ta’ grupp minħabba li ma tippermettix tassazzjoni ta’ grupp b’kumpannija omm stabbilita barra l-pajjiż (iktar ’il quddiem il-“kumpannija omm barranija”), filwaqt li dan huwa possibbli fil-każ ta’ kumpannija omm stabbilita fl-Italja (iktar ’il quddiem il-“kumpannija omm barranija residenti”). B’ħarsa iktar mill-qrib, din id-domanda hija qarrieqa, peress li r-Repubblika Taljana tawtorizza tassazzjoni ta’ grupp b’kumpannija omm barranija.
22. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni parti tal-ewwel domanda stess, tassazzjoni ta’ grupp b’kumpannija omm barranija hija possibbli permezz ta’ stabbiliment permanenti residenti. Madankollu, stabbiliment permanenti ma huwiex parti awtonoma, jew saħansitra entità ġuridika proprja, iżda biss parti mhux awtonoma ta’ entità ġuridika, fil-kawża ineżami il-kumpannija omm barranija. Għalhekk ma huwiex possibbli, pereżempju, li jiġu konklużi kuntratti ma’ stabbiliment permanenti. Hija biss l-entità ġuridika kkonċernata, jiġifieri l-kumpannija omm, li hija l-parti kontraenti. Huwa biss għal finijiet ta’ taxxa (b’mod partikolari fid-dritt internazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dħul) li stabbiliment permanenti jiġi ttrattat bħala kumpannija awtonoma, peress li d-dritt li jiġu ntaxxati l-profitti ta’ stabbiliment permanenti (ara l-Artikolu 7 tal-Mudell tal-Konvenzjoni tal-OECD) huwa assenjat lill-Istat li fih jinsab l-istabbiliment permanenti.
23. Sabiex ikun hemm kondiviżjoni, għal dan l-għan, tal-profitti tal-kumpannija omm bejn il-pajjiżi kkonċernati, jiġifieri bejn l-uffiċċju prinċipali li tinsab f’pajjiż u l-istabbiliment permanenti li jinsab f’pajjiż ieħor, il-flussi ta’ provvisti bejniethom jiġu ttrattati daqslikieku jseħħu bejn żewġ entitajiet ġuridiċi u l-assi operazzjonali rispettivi jiġu wkoll isseparati. Bħala regola ġenerali, il-qligħ kapitali fl-assi ta’ stabbiliment permanenti huwa ntaxxat mill-Istat tal-istabbiliment permanenti, filwaqt li l-qligħ kapitali fl-assi operazzjonali tal-uffiċċju prinċipali huwa ntaxxat mill-Istat tal-uffiċċju prinċipali.
24. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Taljana tawtorizza tassazzjoni ta’ grupp b’kumpannija omm barranija, sa fejn din taqa’ wkoll taħt il-kompetenza fiskali tal-Italja b’mod paragunabbli ma’ kumpannija omm residenti. Dan huwa l-każ meta l-istabbiliment permanenti residenti tal-kumpannija omm barranija jiġi allokat ukoll l-azzjonijiet fil-membri tal-grupp ikkontrollat, li jfisser li dawn l-azzjonijiet jifformaw parti mill-assi tal-istabbiliment permanenti (fil-kawża ineżami l-“istabbiliment permanenti eliġibbli”). F’dan il-każ, stabbiliment permanenti eliġibbli bħal dan huwa paragunabbli ma’ kumpannija omm residenti, peress li l-assi tagħha normalment jinkludu wkoll l-ishma tas-sussidjarji residenti kkontrollati.
25. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Taljana ma tagħmilx distinzjoni skont jekk il-kumpannija omm hijiex stabbilita fit-territorju nazzjonali jew barra mill-pajjiż, iżda skont jekk il-kumpannija omm barranija għandhiex stabbiliment permanenti eliġibbli fit-territorju nazzjonali (paragunabbli ma’ kumpannija omm residenti) u għalhekk taqa’ taħt il-kompetenza fiskali Taljana paragunabbli (jiġifieri fir-rigward tal-ishma kkontrollati). Dan ma jkunx il-każ meta l-ishma kkontrollati jkunu suġġetti għal kompetenza fiskali oħra u għalhekk ma jkunux allokati fl-assi tal-istabbiliment permanenti residenti (fil-kawża ineżami, l-“istabbiliment permanenti sempliċi”).
26. Peress li, f’dan il-każ, l-azzjonijiet fis-sussidjarji rikorrenti ma humiex allokati lill-assi operazzjonali tal-istabbiliment permanenti Taljan, l-Italja ma tistax tintaxxa l-qligħ kapitali mill-ishma “ikkontrollati”. Għall-kuntrarju, għandu jiġi preżunt li dawn jagħmlu parti mill-assi operazzjonali tal-kumpannija omm Franċiża u li sussegwentement huma ntaxxati fl-Istat tal-kumpannija omm (hawnhekk Franza).
27. Għaldaqstant, wara ħarsa f’iktar dettall, l-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk il-libertà ta’ stabbiliment teżiġix tassazzjoni ta’ grupp (vertikali) fit-territorju nazzjonali anki meta, fl-assenza ta’ stabbiliment permanenti eliġibbli, id-dritt ta’ tassazzjoni fil-qasam tal-qligħ kapitali mill-ishma miżmuma barra mill-pajjiż jeżisti biss barra mill-pajjiż.
28. Ir-ratio u l-iskop ta’ tassazzjoni ta’ grupp huma li fl-aħħar mill-aħħar jinġabru diversi persuni taxxabbli indipendenti f’persuna taxxabbli waħda sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsolidati l-profitti u t-telf. Tali konsolidazzjoni sseħħ awtomatikament jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx organizzata bħala grupp b’sussidjarji kkontrollati, iżda bħala impriża individwali (possibbilment b’diversi stabbilimenti permanenti). Konsegwentement, tali tassazzjoni ta’ grupp isservi wkoll sabiex tippreżerva n-newtralità tal-forma ġuridika u, għaldaqstant, in-newtralità organizzattiva ta’ persuna taxxabbli (entità ġuridika ta’ drittijiet fundamentali).
29. Madankollu, fl-istat attwali tal-armonizzazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, tali konsolidazzjoni tista’ sseħħ biss fi Stat Membru wieħed. F’każ kuntrarju, il-persuna taxxabbli effettivament tingħata l-għażla li tiddetermina f’liema Stat Membru għandhom jiġu ntaxxati profitti u telf partikolari (4). Dan jiftaħ ukoll il-bieb għal arranġamenti fiskali aggressivi. It-tassazzjoni ta’ grupp hija għalhekk limitata għal Stat Membru wieħed biss (5). Konsegwentement, anki l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jillimita l-possibbiltà ta’ tassazzjoni ta’ grupp (jiġifieri t-trattament bħala persuna taxxabbli) għall-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-VAT ferm iktar armonizzata (ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (6)).
30. F’dan ir-rigward, stabbiliment permanenti, bħala parti mhux awtonoma, jista’ jassumi l-funzjoni ta’ kumpannija omm kontrollanti għall-finijiet ta’ integrazzjoni vertikali fl-Istat Membru. Madankollu, il-kundizzjoni hija li huwa jirrappreżenta, bħal kumpannija omm residenti, il-kumpannija omm barranija fit-territorju nazzjonali (permezz ta’ stabbiliment permanenti eliġibbli). Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-ishma ma jkunux allokati lill-istabbiliment permanenti, iżda lill-uffiċċju prinċipali ta’ Stat ieħor. Għalhekk, minn perspettiva tal-liġi tat-taxxa, huwa konsistenti li, bħal fil-każ tal-Italja, il-ħlasijiet magħmula lil stabbiliment permanenti sempliċi jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħlasijiet magħmula lil terzi barranin.
2. Fuq in-nuqqas ta’ preġudizzju għal-libertà ta’ stabbiliment in concreto
31. Il-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, ma wasslitx għal estensjoni tal-effetti legali ta’ tassazzjoni ta’ grupp lil hinn mit-territorju fiskali kkonċernat (jiġifieri tassazzjoni transkonfinali ta’ grupp).
32. Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni, tinkludi għal dawn tal-aħħar id-dritt li jibdew u jeżerċitaw attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, kif ukoll li jikkostitwixxu u jmexxu impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. Din tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (7).
33. Fir-rigward tal-kumpanniji, is-sede tagħhom fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE sservi, bħan-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi, sabiex tiġi ddeterminata r-rabta tagħhom mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat. Kieku l-Istat Membru ta’ residenza seta’ liberament japplika differenza fit-trattament għas-sempliċi raġuni li s-sede ta’ kumpannija tinsab fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 49 TFUE jitlef is-sens tiegħu. Il-libertà ta’ stabbiliment hija għalhekk intiża sabiex tiżgura t-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tas-sede ta’ kumpannija (8).
34. It-tassazzjoni ta’ grupp Taljan għandha l-konsegwenza li, meta jitħallsu interessi lil kumpannija oħra tal-grupp, il-projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-interessi ta’ 4 % (jiġifieri l-projbizzjoni li jintalab tnaqqis tal-ispejjeż kollha tal-interessi relatati man-negozju) ma hijiex applikabbli (jew b’mod limitat biss). Dan jagħti vantaġġ lill-kumpanniji ta’ tali grupp meta mqabbla mal-interessi mħallsa lil terzi (jiġifieri barra minn grupp).
a) Grupp ta’ paragun
35. Huwa minnu li dan jikkostitwixxi differenza fit-trattament. Madankollu, kuntrarjament għall-fehma tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx din id-differenza bejn il-gruppi b’kumpanniji omm barranin u l-gruppi b’kumpanniji omm residenti. Din timmaterjalizza biss bejn il-gruppi li fihom l-azzjonijiet fis-sussidjarji kkontrollati jinżammu minn kumpannija (omm) nazzjonali jew minn stabbiliment permanenti nazzjonali eliġibbli (u għalhekk fil-pajjiż) u minn gruppi li fihom l-azzjonijiet tas-sussidjarji kkontrollati ma jinsabux fit-territorju nazzjonali u li għalihom il-ħlasijiet ma jsirux b’mod orizzontali (fi ħdan il-grupp), iżda vertikalment lill-kumpannija omm barranija (jekk ikun il-każ permezz ta’ stabbiliment permanenti nazzjonali sempliċi).
36. Fi kliem ieħor, il-ħlasijiet lil persuni taxxabbli nazzjonali nonkontrollanti jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawk imħallsa lil persuni taxxabbli residenti kontrollanti. F’dan ir-rigward, ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi fil-każ ta’ ħlas lil persuni taxxabbli nonkontrollanti ma tikkostitwixxix differenza fit-trattament (u għalhekk, a fortiori, ebda diskriminazzjoni), peress li tapplika indipendentement mill-post ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju. Fl-assenza ta’ kontroll, ma hemmx, fih innifsu, tassazzjoni ta’ grupp.
37. Ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi fil-każ ta’ ħlas lil persuna taxxabbli kontrollanti lanqas ma tagħmel distinzjoni skont il-post ta’ residenza tagħha, iżda skont jekk il-benefiċjarju u l-ishma kkontrollati humiex, f’dan ir-rigward, kompletament suġġetti għall-kompetenza fiskali tal-Istat ta’ tassazzjoni ta’ grupp. Fil-fatt, kif spjegajt iktar ’il fuq, ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi fil-każ ta’ ħlasijiet lil kumpannija omm barra mill-pajjiż lanqas ma tapplika meta dawn il-ħlasijiet isiru permezz ta’ stabbiliment permanenti residenti li fih jinżammu l-ishma ta’ min iħallas (stabbiliment permanenti eliġibbli).
38. Il-grupp ta’ paragun determinanti għal dan il-każ (ħlas ta’ sussidjarja residenti lil stabbiliment permanenti nazzjonali sempliċi tal-kumpannija omm barranija) huwa għalhekk sussidjarja nazzjonali li twettaq ħlas lil kumpannija omm nazzjonali, peress li l-azzjonijiet tas-sussidjarja ma jifformawx parti mill-assi residenti tal-kumpannija omm (iżda, pereżempju, minn stabbiliment permanenti tal-kumpannija omm li jinsab barra mill-pajjiż). Jekk, f’dan il-każ, tassazzjoni ta’ grupp kienet possibbli fl-Italja, b’tali mod li r-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi ma tibqax teżisti, fil-fatt ikun hemm differenza fit-trattament fuq il-bażi tas-sede tal-kumpannija omm, li lanqas ma tkun ġustifikabbli. Madankollu, dan ma jirriżultax mit-talba għal deċiżjoni preliminari, u huwa pjuttost improbabbli u, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jiġi vverifikat biss mill-qorti tar-rinviju.
39. Jekk jitqies li hemmx tali differenza fit-trattament, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiżvantaġġawx, mil-lat fiskali, is-sitwazzjonijiet transkonfinali meta mqabbla mas-sitwazzjonijiet purament interni. Għaldaqstant, dawn ma jikkostitwixxux restrizzjoni, bħala prinċipju, ipprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (9).
b) Paragunabbiltà
40. B’kunrast ma’ dan, it-trattament sfavorevoli tal-ħlasijiet ta’ interessi lil kumpannija omm kontrollanti barra mill-pajjiż meta mqabbla ma’ ħlas ta’ interessi lil kumpannija omm kontrollanti fit-territorju nazzjonali ma huwiex problematiku fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali restrizzjoni hija ammissibbli jekk tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonata għal dan l-għan (10). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni nazzjonali għandha tiġi eżaminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (11).
41. It-tneħħija tar-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-ħlasijiet tal-interessi fi ħdan grupp fiskali tirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, mill-idea li diversi persuni taxxabbli jiġu ttrattati bħala persuna taxxabbli waħda. Konsegwentement, il-ħlasijiet ta’ interessi fi ħdan grupp fiskali ma jiġġenerawx dħul minn interessi jew spejjeż ta’ interessi, peress li qatt ma joħorġu mill-grupp fiskali. Madankollu, persuna taxxabbli waħda biss fit-territorju nazzjonali hija wkoll suġġetta għall-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat ikkonċernat, fil-kawża ineżami l-Italja, fuq l-assi operazzjonali interni tagħha.
42. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, il-ħlasijiet saru lil persuna taxxabbli li tinsab fit-territorju nazzjonali (l-istabbiliment permanenti sempliċi), li ma jistax ikollha rabta mas-sussidjarji li jħallsu minħabba li l-ishma ma jagħmlux parti mill-assi tagħha, iżda (probabbilment) mill-assi tal-kumpannija omm barranija. Għaldaqstant, tali arranġament ma huwiex paragunabbli ma’ persuna taxxabbli waħda (jew ma’ grupp li l-ishma kkontrollati tiegħu jaqgħu wkoll taħt il-kompetenza fiskali Taljana). Għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni hija paragunabbli mal-ħlas lil persuna taxxabbli oħra li lanqas ma għandha l-ishma fis-sussidjarji u li għalhekk lanqas ma tista’ tifforma grupp magħhom. Fin-nuqqas ta’ paragunabbiltà, id-differenza fit-trattament hija għalhekk ammissibbli.
c) Ġustifikazzjoni
43. Barra minn hekk, hija ġġustifikata wkoll sabiex jinżamm it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, kieku l-kumpanniji setgħu jiddeċiedu huma stess jekk it-telf tagħhom kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom jew fi Stat Membru ieħor, it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jkun serjament kompromess, peress li l-bażi taxxabbli tiżdied bit-telf ittrasferit fl-ewwel Stat u titnaqqas b’mod korrispondenti fit-tieni Stat (12). L-istess japplika, skont il-fehma korretta tal-Qorti tal-Ġustizzja (13), għal sistema ta’ integrazzjoni fiskali (tassazzjoni ta’ grupp) bħal dik inkwistjoni fil-kawża ineżami. Kif tenfasizza ġustament ir-Repubblika Taljana, l-allokazzjoni tal-azzjonijiet fl-assi tal-istabbiliment permanenti hija għażla libera tal-kumpannija omm.
44. Ir-rekwiżit li l-istabbiliment permanenti nazzjonali ta’ kumpannija omm barranija, sabiex ikun jista’ jiġi inkluż fi grupp fiskali, għandu jżomm ukoll l-ishma kkontrollati fl-assi operazzjonali tiegħu, jiżgura li l-kumpannija omm barranija ma tiddeċidix liberament fejn għandhom jiġu ntaxxati l-profitti fil-każ ta’ bejgħ tal-ishma. Fil-każ kuntrarju, l-ishma dejjem jiġu allokati lil stabbiliment permanenti li jinsab f’pajjiż b’taxxa baxxa filwaqt li xorta waħda jitgawdew il-benefiċċji tat-tassazzjoni tal-grupp f’pajjiż b’rata għolja ta’ taxxa. Madankollu, dan ftit li xejn ikollu x’jaqsam mal-fatt li wieħed jiġi ttrattat bħala persuna taxxabbli waħda residenti, peress li tali persuna taxxabbli ma jkollhiex tali għażla.
45. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni tkun iktar favorevoli mis-sitwazzjoni residenti paragunabbli, fejn il-qligħ kapitali tal-ishma kkontrollati huwa suġġett għall-kompetenza fiskali Taljana. Madankollu, l-għan tal-libertajiet fundamentali ma huwiex li jiġu ppreferuti (b’mod partikolari fil-forma ta’ “għażla ta’ dak li jaqbel”) l-attivitajiet transkonfinali (14). Konsegwentement, sistema fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun iġġustifikata wkoll min-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
46. Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija adattata sabiex tiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, hija wkoll proporzjonata. L-oġġezzjoni possibbli f’dan ir-rigward, li r-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi fil-każ ta’ ħlasijiet lil stabbiliment permanenti residenti tal-kumpannija omm hija sproporzjonata, peress li l-ħlasijiet ta’ interessi huma effettivament intaxxati fit-territorju nazzjonali, ma tistax tintlaqa’. Ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi tapplika wkoll għall-ħlasijiet ta’ interessi lil persuni taxxabbli oħra stabbiliti fit-territorju nazzjonali, anki jekk dawn jissuġġettaw id-dħul mill-interessi għal tassazzjoni sħiħa. It-tassazzjoni tal-interessi (fit-territorju nazzjonali) għalhekk ma għandha l-ebda effett fuq ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi.
47. Għalhekk, il-kompetenza fiskali limitata fit-territorju nazzjonali tiġġustifika l-esklużjoni ta’ stabbiliment permanenti nazzjonali sempliċi li ma jżommx l-ishma fis-sussidjarji “kkontrollati” minn integrazzjoni msejħa vertikali u, għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi fil-każ ta’ ħlas lil tali stabbiliment permanenti nazzjonali sempliċi. L-integrazzjoni orizzontali imposta mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 52 et seq. iktar ’il quddiem) bejn is-sussidjarji rikorrenti, li ġietx implimentata fl-Italja qabel l‑2015, ma hijiex affettwata, iżda, kif tenfasizza wkoll l-Italja, ikollha effett biss fil-kawża ineżami fil-każ ta’ ħlasijiet ta’ interessi bejn is-sussidjarji.
3. Fuq il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma hijiex rilevanti fil-kawża ineżami, fil-kuntest ta’ tassazzjoni ta’ grupp
48. Kemm il-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni kif ukoll Société Générale jinvokaw, insostenn tal-fehma kuntrarja tagħhom, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sistemi nazzjonali ta’ tassazzjoni ta’ grupp. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan jinterpreta b’mod żbaljat il-kontenut ta’ dawn id-deċiżjonijiet.
49. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dritt tal-Unjoni diġà jeżiġi integrazzjoni tas-sussidjarji kollha kkontrollati minn kumpannija omm barranija fi Stat Membru jekk din tkun ukoll il-konsegwenza fil-każ ta’ kumpannija omm residenti, huwa korrett f’dan ir-rigward (15), iżda ma huwiex utli fil-kawża ineżami, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Dan peress li, anki jekk is-sussidjarji kollha kienu jagħmlu parti mill-istess grupp fiskali (l-hekk imsejħa integrazzjoni orizzontali), il-ħlasijiet ma kinux, fil-kawża ineżami, isiru kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawżi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, lil parti oħra tal-istess grupp fiskali, peress li fil-kawża ineżami l-interessi ma tħallsux lil sussidjarji oħra.
50. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, il-ħlas isir, minn perspettiva legali, lill-kumpannija omm mhux residenti kontrollanti, b’tali mod li l-ħlasijiet ikunu wkoll telqu minn grupp fiskali (orizzontali) u għalhekk ikunu saru wkoll barra mill-grupp fiskali. Il-konsolidazzjoni bl-istess mod ma kinitx tkun possibbli. Għaldaqstant, il-konsegwenza legali tal-grupp fiskali, jiġifieri l-integrazzjoni tas-sussidjarji kollha bħala persuna taxxabbli waħda, ma tipproduċix riżultat differenti fil-kawża ineżami
51. B’mod partikolari, is-sentenza fil-kawża SCA Holding, iċċitata mill-qorti tar-rinviju, ma twassalx għal tassazzjoni transkonfinali ta’ grupp. Għall-kuntrarju, għal raġunijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni, it-tassazzjoni ta’ grupp ġiet estiża għas-sottosussidjarji permezz ta’ kumpannija omm residenti wkoll (16). Il-parti tal-grupp fiskali li tikkontrolla s-sottosussidjarji kienet għalhekk stabbilita fit-territorju nazzjonali u għaldaqstant kienet taqa’ taħt il-kompetenza fiskali sħiħa (17). Għalhekk, din kienet tikkostitwixxi l-konsolidazzjoni tar-riżultati fit-territorju nazzjonali. Madankollu, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-ħlasijiet magħmula mis-sottosussidjarji lis-sussidjarja stabbilita barra mill-pajjiż għandhom jitqiesu bħala ħlasijiet magħmula fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp fit-territorju nazzjonali.
52. Barra minn hekk, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet it-tassazzjoni ta’ grupp għas-sussidjarji residenti marbuta permezz ta’ kumpannija omm mhux residenti (integrazzjoni msejħa orizzontali) (18). Għalhekk, dan kien jirrigwarda mill-ġdid l-integrazzjoni tar-riżultati tas-sussidjarji residenti bejniethom u mhux l-integrazzjoni bir-riżultati tal-kumpannija omm stabbilita barra mill-pajjiż. Għaldaqstant, lanqas ma jirriżulta minn din is-sentenza li l-ħlasijiet magħmula mis-sussidjarji lill-kumpannija omm stabbilita barra mill-pajjiż għandhom jitqiesu bħala ħlasijiet magħmula fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp fit-territorju nazzjonali. Fil-fatt, kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi dak iż-żmien (19), l-entità fiskali unika kellha tkun ikkostitwita biss bejn il-persuni taxxabbli suġġetti għat-tassazzjoni sħiħa fit-territorju nazzjonali.
53. Bl-istess mod, is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża B et (20) ma twassalx għal konklużjoni differenti. Għal darba oħra, din kienet tirrigwarda “biss” it-tassazzjoni ta’ grupp ta’ kumpanniji residenti u l-ishma kkontrollati minnhom (u li huma miżmuma fl-assi operazzjonali tagħhom) fit-territorju nazzjonali. Lanqas ma ġie deċiż f’din il-kawża li l-ħlasijiet lill-kumpannija omm mhux residenti kellhom jiġu inklużi fit-tassazzjoni ta’ grupp. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din kienet biss inklużjoni orizzontali tas-sussidjarji residenti kollha (21).
54. Jekk nifhem sew il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertajiet fundamentali kienu jirrikjedu, fil-każ inkwistjoni, li l-ħlas ta’ interessi lil sussidjarja rikorrenti oħra jiġi inkluż f’tassazzjoni ta’ grupp Taljana (integrazzjoni msejħa orizzontali). Madankollu, dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami, peress li ma jirrigwardax il-ħlasijiet magħmula mis-sussidjarji bejniethom. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex rilevanti fil-kawża ineżami.
55. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament qatt ma ddeċidiet li l-ħlasijiet magħmula lil kumpannija omm barranija għandhom ikunu suġġetti wkoll għat-tassazzjoni ta’ grupp (jiġifieri integrazzjoni f’persuna taxxabbli waħda) (integrazzjoni msejħa vertikali permezz ta’ stabbiliment permanenti) meta l-ishma kkontrollati ma jiġux allokati lill-istabbiliment permanenti nazzjonali (jiġifieri fil-każ ta’ stabbiliment permanenti sempliċi).
4. Konklużjoni
56. Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 49 u 54 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil ċerti kumpanniji milli jibbenefikaw, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ grupp nazzjonali, minn sistema iktar favorevoli ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interessi għas-sempliċi raġuni li l-kumpannija omm komuni (inklużi l-ishma kkontrollati minnha) ma taqax taħt il-kompetenza fiskali nazzjonali. Dan ikun il-każ anki jekk il-kumpanniji setgħu jibbenefikaw minn din is-sistema iktar favorevoli li kieku l-ishma f’dawn il-kumpanniji kienu ġew allokati lil kumpannija omm nazzjonali jew lill-istabbiliment permanenti residenti ta’ kumpannija omm barranija u, għaldaqstant, suġġetti għall-kompetenza fiskali nazzjonali.
C. Sussidjarjament: ir-rekwiżiti ta’ proċedura fiskali applikabbli għal tassazzjoni ta’ grupp (it-tielet domanda)
57. Sussidjarjament, li kieku, b’kuntrast ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-libertà ta’ stabbiliment ma teżiġix biss integrazzjoni orizzontali bejn is-sussidjarji nnifishom, iżda wkoll integrazzjoni vertikali tas-sussidjarji ma’ stabbiliment permanenti sempliċi (jiġifieri stabbiliment permanenti li ma jżommx ukoll ishma fis-sussidjarji) ta’ kumpannija omm barranija, tqum il-kwistjoni tal-implimentazzjoni proċedurali.
58. Id-dritt nazzjonali ma jipprevedix, matul il-perijodi ta’ tassazzjoni rilevanti fil-kawża ineżami, tassazzjoni ta’ grupp li sseħħ skont il-liġi. Jibqa’ pjuttost applikabbli l-prinċipju ta’ tassazzjoni individwali. Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ tassazzjoni ta’ grupp prevista mid-dritt nazzjonali, talba f’dan is-sens għandha titressaq qabel l-iskadenza ta’ ċertu terminu, li ma ġiex ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u din hija vinkolanti għal tliet snin. Fl-assenza ta’ tali talba fit-terminu previst, it-tassazzjoni ta’ grupp lanqas ma tista’ tapplika f’każ purament nazzjonali. Konsegwentement, ma teżistix differenza fit-trattament meta t-tassazzjoni ta’ grupp (retroattiva) tiġi rrifjutata minħabba li talba ma tkunx ġiet ippreżentata fit-termini previsti. Madankollu, fl-assenza ta’ differenza fit-trattament, il-libertajiet fundamentali ma japplikawx fid-dritt fiskali (22).
59. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni Société Générale, il-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-qbiż tat-terminu għall-preżentata tat-talbiet ta’ tassazzjoni ta’ grupp jistax jiġi invokat kontra l-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività applikabbli għat-talbiet intiżi li jiżguraw l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni (23).
60. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-terminu previst mid-dritt Taljan sabiex titressaq talba għal integrazzjoni fiskali jmur kontra dan il-prinċipju.
61. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà, f’kull każ konkret, li jiżguraw protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (24).
62. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-rwol ta’ dik id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tal-proċedura u tal-karatteristiċi partikolari tal-proċedura quddiem il-korpi nazzjonali differenti. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (25).
63. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk l-iskadenza ta’ dawn it-termini neċessarjament tagħti lok għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tat-talba mressqa (26). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, eventwali konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni hija, fil-prinċipju, irrilevanti għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni (27).
64. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li awtorità nazzjonali teċċepixxi l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni biss jekk l-aġir tagħha flimkien ma’ terminu ta’ dekadenza jkunu ċaħħdu lill-persuna kkonċernata minn kull possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (28).
65. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività li l-persuni leżi jintalbu jagħmlu użu sistematiku mir-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, anki jekk dan iwassal għal diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx raġonevolment meħtieġ (29). Madankollu, dawn kienu każijiet eċċezzjonali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien hemm riskji finanzjarji jew legali speċifiċi.
66. Huwa minnu li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll skont il-prassi amministrattiva u ġudizzjarja Taljana għas-snin fiskali 2010 sa 2012, integrazzjoni fiskali vertikali bejn stabbiliment permanenti nazzjonali tal-kumpannija omm barranija u s-sussidjarji ma kinitx awtorizzata jekk l-ishma fis-sussidjarji ma kinux ġew allokati lil dan l-istabbiliment permanenti. Madankollu, talba f’dan is-sens għall-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx timplika, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, riskji finanzjarji jew legali paragunabbli għal dawk inkwistjoni f’dawn il-każijiet eċċezzjonali (30). F’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża B et (31) jista’ jiġi traspost kważi kollu kemm hu.
67. Fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni li tiġi invokata l-hekk imsejħa protezzjoni tad-dritt primarju ma kinitx iktar diffiċli minn dik li jiġi ppreżentat rikors sussegwenti għal tassazzjoni ta’ grupp (retroattiva). Il-kumpanniji rikorrenti kellhom, f’kull mument, il-possibbiltà li jitolbu t-tassazzjoni ta’ grupp fl-istess terminu bħall-kumpanniji l-oħra kollha, u jinvokaw, b’hekk, l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mad-dritt tal-Unjoni (preżunta fil-kawża ineżami b’mod sussidjarju). Lanqas ma jidher li, fil-kawża ineżami, l-invokazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tagħti lok għal diffikultajiet eċċessivi jew li tali invokazzjoni ma setgħetx tiġi mistennija li ssir minn grupp li jopera globalment stabbilit fi Franza.
68. Fil-kawża ineżami, ma ġewx invokati u lanqas ma jistgħu jiġu identifikati ċirkustanzi eċċezzjonali li jrendu din is-sitwazzjoni irraġonevoli u li kienu previsti mill-ġurisprudenza preċedenti msemmija iktar ’il fuq (bħal, pereżempju, multi u ħlasijiet bil-quddiem (32) mhux rimborsabbli jew is-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-ħaddiem f’kunflitt mal-persuna li timpjega(33), iżda mhux ir-“riskju” ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (34)).
69. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar sistema ta’ integrazzjoni fiskali li skontha talba intiża sabiex isir benefiċċju minn tali integrazzjoni tista’ titressaq biss f’ċertu terminu.
VI. Konklużjoni
70. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:
“1. L-Artikoli 49 u 54 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil ċerti kumpanniji milli jibbenefikaw, fil-kuntest ta’ tassazzjoni ta’ grupp, minn sistema iktar favorevoli ta’ tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interessi minħabba li l-kumpannija omm komuni (inklużi l-ishma kkontrollati minnha) ma hijiex suġġetta għall-kompetenza fiskali nazzjonali. Dan japplika fid-dawl tas-sentenza fil-kawża SCA Holding (C‑39/13; C‑40/13; C‑41/13), anki fejn is-sistema ta’ tnaqqis iktar favorevoli tista’ tiġi invokata biss jekk l-ishma f’dawk il-kumpanniji jiġu attribwiti lil kumpannija omm residenti jew lil stabbiliment permanenti residenti tal-kumpanija omm mhux residenti u għalhekk huma suġġetti għall-kompetenza fiskali nazzjonali.
2. Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux tassazzjoni ta’ grupp li tista’ tiġi invokata biss fuq talba mressqa f’ċertu terminu.”
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758).
3 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370).
4 Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza stabbilita. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punti 29 et seq.), tal‑15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C‑414/06, EU:C:2008:278, punt 32), u tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 46).
5 Ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 27), tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 43), tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 27 et seq.), u tas‑27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 39).
6 Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60). L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej: “[...] kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.” (enfasi miżjuda).
7 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 21), u tal‑1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et (C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 22), tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 45), tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C‑284/06, EU:C:2008:365, punt 77), u tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 43).
9 A contrario, ara: is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 31), tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 48), u tas‑27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 32).
10 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 32), tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C‑650/16, EU:C:2018:424, punt 20), u s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 20).
11 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 33), tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 28), u tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 22).
12 Sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 29), tal‑15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C‑414/06, EU:C:2008:278, punt 32), u tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 46).
13 Ara, espressament, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 30).
14 Dan huwa kompletament konsistenti mas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, X Holding (C‑337/08, EU:C:2010:89, punt 32).
15 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 27).
16 Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 43).
17 F’dan ir-rigward, anki l-qligħ kapitali tal-azzjonijiet tas-sottosussidjarji kkontrollati (indirettament) tal-kumpannija omm, jiġifieri fit-territorju nazzjonali, ittieħed inkunsiderazzjoni.
18 Sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 51).
19 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Inspecteur van de Belastingdienst/Noord/kantoor Groningen et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:104, punt 45).
20 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370).
21 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 36).
22 Fuq il-ġustifikazzjoni dommatika, ara f’iktar dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google Ireland (C‑482/18, EU:C:2019:728, punti 35 et seq.).
23 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 63), ara fl-istess sens: sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punti 89 et seq.).
24 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 65), u s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Caterpillar Financial Services (C‑500/16, EU:C:2017:996, punt 41).
25 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 66), tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 49), u tat‑22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln (C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 44).
26 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 67), tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 36), u tal‑15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 29).
27 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 67), u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 47).
28 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 68), tat‑8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 51), u tal‑15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 33).
29 Sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punt 69), tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 77), tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 62), u tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punti 104 sa 106).
30 Ara, f’dan ir-rigward ,is-sentenzi tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 81), u tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punt 104).
31 Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, B et (Integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali) (C‑749/18, EU:C:2020:370, punti 55 et seq.).
32 Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punt 104).
33 Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 80 u 81).
34 Ara, espressament, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 65).