|
12.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
426 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-6 ta’ Ottubru 2005
dwar ċerti miżuri protettivi rigward l-influwenza tat-tjur fir-Russja
(innotifikata taħt dokument numru C(2005) 3705)
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
(2005/693/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Waqt li jikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(1) u (6) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistipula l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) u (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-influwenza tat-tjur hija marda virali infettiva fit-tjur ta’ l-irziezet u l-għasafar, li tikkawża l-mortalità u disturbi li malajr jistgħu jiżviluppaw fi proporzjonijiet epiżootiċi li kapaċi jwaslu għal theddida serja għas-saħħa pubblika u dik ta’ l-annimali u li jnaqqsu sew il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur ta' l-irziezet. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/666/KE tas-16 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali u ċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta' għasafar, minbarra t-tjur ta’ l-irziezet u l-kundizzjonijiet għal kwarantina (3) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ l-għasafar minn pajjiżi terzi elenkati bħala membri fl-Office International des Epizootics (OIE). Ir-Russja hija membru ta’ l-OIE u għalhekk, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-importazzjonijiet ta’ l-għasafar, għajr it-tjur ta' l-irziezet, mir-Russja skond dik id-Deċiżjoni. |
|
(3) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (4), l-importazzjoni tar-rix mhux proċessat u partijiet mir-rix li joriġinaw mir-Russja hija awtorizzata. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/122/KE tas-6 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' protezzjoni rigward l-influwenza ta' l-għasafar f'għadd ta’ pajjiżi terzi (5) tissospendi ċerti importazzjonijiet tat-tjur ta’ l-irziezet u tal-prodotti mit-tjur ta’ l-irziezet mill-pajjiżi terzi affettwati. |
|
(5) |
Nhar l-24 ta' Lulju 2005, ir-Russja għarrfet lill-OIE dwar tifqigħa ta’ l-influwenza ta’ l-għasafar fit-tjur ta’ l-irziezet. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/122/KE ġiet emendata sabiex tikkunsidra dawk it-tifqigħat billi tissospendi l-importazzjonijiet tar-rix mhux proċessat u ta' l-għasafar għajr it-tjur ta' l-irziezet minn dak il-pajjiż terz lejn il-Komunità. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni 2004/122/KE ġiet abrogata u, fir-rigward tal-pajjiżi terzi milquta, għajr ir-Russja, ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/…/KE dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni rigward l-influwenza ta’ l-għasafar f’għadd ta’ pajjiżi terzi (6). Għaldaqstant, jixraq li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-importazzjoni ta' ċerti għasafar u prodotti mit-tjur ta' l-irziezet mir-Russja f'att separat. |
|
(7) |
B’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi potenzjali serji marbuta mal-varjant speċifiku ta' vajrus ta' l-influwenza ta' l-għasafar (H5N1) inkwistjoni, li huwa l-istess bħal dak ikkonfermat f'għadd ta’ pajjiżi Ażjatiċi, l-importazzjoni ta’ ċerti għasafar mir-Russja għandha tiġi sospiża bħala miżuri prekawzjonali. Invista tas-sitwazzjoni attwali tal-marda fir-Russja, l-importazzjonijiet ta’ rix mhux proċessat u partijiet minn rix li joriġina mir-Russja għandha tiġi sospiża wkoll. |
|
(8) |
Ir-Russja issa pprovdiet aktar informazzjoni li tindika li t-tifqiegħa ġiet limitata fir-reġjuni (distretti federali) li jinsabu fil-Lvant tal-Muntanji Urali u tista' għalhekk tiġi reġjunalizzata għall-importazzjoni ta' rix mhux proċessat. L-importazzjoni ta’ l-għasafar għajr it-tjur ta’ l-irziezet għandha tibqa’ tiġi sospiża mir-Russja kollha. |
|
(9) |
Il-miżuri li hemm f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mir-Russja ta’ għasafar ħajjin għajr it-tjur ta’ l-irziezet kif definit fl-Artikolu 1, it-tielet inċiż, tad-Deċiżjoni 2000/666/KE, inlużi l-għasafar li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom (għasafar pets).
2. L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mir-Russja ta’ rix mhux proċessat u partijiet minn rix mir-reġjuni elenkati fl-Anness I.
3. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ rix mhux proċessat u partijiet minn rix minn dawk ir-reġjuni fir-Russja mhux elenkati fl-Anness I, sakemm dawn ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat sanitarju skond il-mudell stipulat fl-Anness II.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-importazzjoni ta’ rix proċessat jew partijiet minn rix mir-Russja, jinthemeż mal-kunsinja dokument kummerċjali li jiddikjara li r-rix proċessat jew partijiet minnu jkunu ġew trattati b'kurrent tal-fwar jew b'xi metodu ieħor li jiżgura li ma jkunu ġew trażmessi l-ebda patoġeni.
Madankollu, id-dokumenti kummerċjali m’għandhomx ikunu meħtieġa għal rix ipproċessat dekorattiv, rix ipproċessat li jinġarr mill-vjaġġaturi għall-użu personali tagħhom jew kunsinji ta' rix ipproċessat mibgħut lil individwi privati għal għanijiet mhux industrijali.
Artikolu 2
L-Istati Membi għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għal importazzjonijiet sabiex ikunu bi qbil ma' din id-Deċiżjoni u għandhom mill-aktar fis jagħrfu pubblikament bil-miżuri adottati. Huma għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Ottubru 2005 sal-31 ta' Diċembru 2005.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussel, nhar is-6 ta’ Ottubru 2005.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
(2) ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni kkoreġuta ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).
(3) ĠU L 278, 31.10.2000, p. 26. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2002/279/KE (ĠU L 99, 16.4.2002, p. 17).
(4) ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) No 416/2005 (ĠU L 66, 12.3.2005, p. 10).
(5) ĠU L 36, 7.2.2004, p. 59. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/619/EC (ĠU L 214, 19.8.2005, p. 66).
ANNESS I
Id-distretti federali tar-Russja msemmija fl-Artikolu 1(2) u (3)
1. Id-Distrett Federali tal-Lvant Imbiegħed
Jinkludi dawn is-Suġġetti tal-Federazzjoni Russa li ġejjin: Amur Oblast, Jewish Autonomous Oblast, Kamchatka Oblast, Koryakia Autonomous District, Khabarovsk Krai, Magadan Oblast, Chukotka Autonomous District, Primorsky Krai, Sakha (Yakutia) Republic, Sakhalin Oblast.
2. Id-Distrett Federali Siberjan
Jinkludi s-Suġġetti tal-Federazzjoni Russa li ġejjin: Ir-Repubblika Altaika, Altai Krai, ir-Repubblika ta’ Buryatia, Chita Oblast, id-Distrett Awtonomu ta’ Aga Buryatia, Irkutsk Oblast, id-Distrett Awtonomu ta’ Ust-Orda Buryatia, ir-Repubblika ta’ Khakassia, Kemerovo Oblast, Krasnoyarsk Krai, id-Distrett Awtonomu ta’ Taymyria, id-Distrett Awtonomu ta’ Evenkia, Novosibirsk Oblast, Omsk Oblast, Tomsk Oblast, ir-Repubblika ta’ Tuva.
3. Id-Distrett Dederali ta’ l-Urali
Jinkludi s-Suġġetti tal-Federazzjoni Russa li ġejjin: Kurgan Oblast, Sverdlovsk Oblast, Tyumen Oblast, id-Distrett Awtonomu ta’ Khantia-Mansia, id-Distrett Awtonomu ta’ Yamalia, Chelyabinsk Oblast
ANNESS II
Kif imsemmi fl-Artikolu 1(3)
Ċertifikat veterinarju mudell għal rix mir-Russja mhux proċessat
Noti
|
a) |
Iċ-ċertifikati veterinarji għandhom jinħarġu mir-Russja bl-użu tal-mudell li ġej. Dawn għandhom jinkludu, fl-ordni kif tidher fil-mudell, l-attestazzjonijiet li huma meħtieġa għal kull pajjiż terz/mhux membru u, fejn japplika, dawk ir-rekwiżiti sanitarji addizzjonali meħtieġa għall-pajjiż esportatur terz/mhux membru jew parti minnhom. |
|
b) |
Għandu jiġi ppreżentat ċertifikat individwali separat għal kull kunsinja tal-komodità kkonċernata, esportata lejn l-istess destinazzjoni mir-Russja u ttrasportata fl-istess vagun ta’ ferrovija, trakk, biċċa ta' l-ajru jew vapur. |
|
ċ) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jkun jikkonsisti f’paġna individwali stampata miż-żewġ naħat jew, fejn hu meħtieġ aktar test, b'tali mod li l-paġni kollha jiffurmaw entità waħdanija u ma jkunux jistgħu jiġu subdiviżi. |
|
d) |
Iċ-ċertifikat għandu jitfassal f’talanqas waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' l-UE fejn isseħħ l-ispezzjoni fuq il-fruntiera u f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-UE destinatarju. Madankollu, dawk l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tidher xi lingwa Komunitarja oħra minflok tagħhom, akkumpanjata, jekk ikun meħtieġ, minn traduzzjoni uffiċjali. |
|
e) |
Meta jinthemżu paġni addizzjonali maċ-ċertifikat għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta' l-elementi li jiffurmaw il-kunsinja, dawn il-paġni addizzjonali għandhom jitqiesu wkoll bħala parti mill-oriġinal taċ-ċertifikat, sakemm il-firma u t-timbru tal-veterinarju uffiċjali li jkun qed jiċċertifika tkun tidher fuq kull paġna. |
|
f) |
Meta ċ-ċertifikat, inkluż kull paġna addizzjonali kif previst f’(e), ikunu magħmula minn aktar minn paġna waħda, kull paġna għandha tiġi nnumerata skond it-tifsila “–x(numru tal-paġna) ta’ y(total tan-nunru ta’ paġni)–” fil-qiegħ u għandha turi n-numru tal-kodiċi taċ-ċertifikat allokat mill-awtorità kompetenti fin-naħa ta' fuq. |
|
g) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jimtela u jiġi ffirmat minn veterinarju uffiċjali sa 24 siegħa qabel ma tingħabba il-kunsinja għall-esportazzjoni lejn il-Komunità. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tar-Russja għandhom jiżguraw li jiġu segwiti prinċipji ta’ ċertifikazzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE.
Il-kulur tal-firma għandu jkun differenti minn dak tat-test stampat. L-istess regola għandha tapplika għal timbri għajr it-timbri imqabbża jew il-watermarks. |
|
h) |
L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-kunsinja sal-postazzjoni ta' l-ispezzjoni fuq il-fruntiera ta' l-UE. |
|
i) |
Iċ-ċertifikat għandu jkun validu għall-10 ijiem mid-data tal-ħruġ. |