European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1940

7.8.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1940

tas-7 ta’ Awwissu 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod u persistenti tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. Il-Kunsill Ewropew stqarr li l-Unjoni ser tkompli tipprovdi, f’koordinazzjoni ma’ sħab u alleati tal-istess fehma, appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku komprensiv lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha. Il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni serja reċenti mir-Russja, inkluż attakki bil-missili u bid-droni fuq skala kbira kontra persuni ċivili fl-Ukrajna. Il-Kunsill Ewropew esprima wkoll ir-rieda tal-Unjoni li żżid il-pressjoni fuq ir-Russja, inkluż billi timponi aktar sanzjonijiet.

(3)

Fid-dawl tal-aggressjoni kontinwa u li qed teskala tar-Russja kontra l-Ukrajna, u b’mod partikolari l-kampanja militari brutali reċenti tagħha mmirata deliberatament lejn l-infrastruttura ċivili, li kkawżat tbatija serja lill-popolazzjoni ċivili u li għandha l-għan li ddgħajjef ir-reżiljenza tal-Ukrajna, il-Kunsill iqis li huwa neċessarju li jiġu adottati aktar miżuri restrittivi.

(4)

B’mod partikolari, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li ħames persuni jiżdiedu mal-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/269/oj.


ANNESS

Il-persuna li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2106.

Ramil Nailevich BADGUTDINOV

bir-Russu: Рамиль Наилевич БАДГУТДИНОВ

Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ JSC Serpukhov Plant ‘Metallist’

Nazzjonalità: Russa

Sess: maskil

Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa: 165047710567

Ramil Badgutnidov huwa d-direttur ġenerali ta’ JSC Serpukhov Plant ‘Metallist’. Il-kumpanija hija parti mill-industrija tal-armi tar-Russja, li huwa settur ta’ importanza strateġika għall-Federazzjoni Russa.

JSC Serpukhov Plant ‘Metallist’ tipproduċi muturi ġiroskopiċi, unitajiet ġiroskopiċi u diversi sensuri u apparati elettromekkaniċi ta’ preċiżjoni. Il-kumpanija hija involuta fil-manifattura tas-sistema ta’ navigazzjoni 9B918 għall-missila ballistika 9M723 ‘Iskander-M’, użata mill-forzi Russi fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għalhekk, Ramil Badgutdinov qed jappoġġa materjalment lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, inkluż billi jkun involut fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

7.8.2026

2107.

Sergey Aleksandrovich BASHKOV

bir-Russu: Сергей Александрович БАШКОВ

Funzjoni: Direttur ta’ Limited Liability Company ‘Irz-Svyaz’

Nazzjonalità: Russa

Sess: maskil

Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa: 183502158784

Sergey Bashkov huwa d-direttur ta’ Limited Liability Company (LLC) ‘Irz-Svyaz’. Il-kumpanija hija parti mill-industrija tal-armi tar-Russja, li huwa settur ta’ importanza strateġika għall-Federazzjoni Russa.

LLC ‘Irz-Svyaz’ hija manifattur Russu ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni li jwettqu l-funzjoni tal-iswiċċjar, l-aktar għar-riċevituri tan-navigazzjoni. LLC ‘Irz-Svyaz’ għandha liċenzji għall-produzzjoni u t-tiswija ta’ armi u tagħmir militari. Il-kumpanija tipprovdi wkoll komponenti lill-kumpless militari u industrijali tal-Federazzjoni Russa, peress li l-prodotti manifatturati tagħha huma użati fil-UAVs ‘Orlan-10’ u ‘Tachion’, li huma użati mill-forzi armati Russi fl-Ukrajna. LLC ‘Irz-Svyaz’ tbigħ ukoll l-oġġetti manifatturati lill-kumpaniji tal-kumpless militari industrijali Russu, bħal JSC ‘Votokinsk Plant’, manufattur magħruf tal-missili ballistiċi Iskander-M. Barra minn hekk, LLC ‘Irz-Svyaz’ hija kumpanija sistematikament importanti fir-Russja, fil-qasam tal-manifattura tar-riċevituri tan-navigazzjoni għall-GPS u għall-GLONASS, li hija sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita Russa ddisinjata għal navigazzjoni operazzjonali u appoġġ tal-ħin għal għadd illimitat ta’ utenti bbażati fuq l-art, il-baħar, l-ajru u l-ispazju.

Għalhekk, Sergey Bashkov qed jappoġġa materjalment lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, inkluż billi jkun involut fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

7.8.2026

2108.

Sergey Nikolaevich BESSONOV

bir-Russu: Сергей Николаевич БЕССОНОВ

Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ LLC ‘AEROMAKS’

Nazzjonalità: Russa

Sess: maskil

Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa: 644914040799

Sergey Bessonov huwa d-direttur ġenerali ta’ LLC ‘AEROMAKS’. Il-kumpanija hija parti mill-industrija tal-armi tar-Russja, li huwa settur ta’ importanza strateġika għall-Federazzjoni Russa.

LLC ‘AEROMAKS’ tiżviluppa software għal droni biex iwettqu diversi operazzjonijiet tal-avjazzjoni, inkluż il-fotografija mill-ajru, il-ġbir, l-ipproċessar u t-tħejjija ta’ data kartografika u informazzjoni spazjali. LLC ‘AEROMAKS’ hija wkoll manifattur ta’ droni tat-tip elikotteru SH-3000/-750/-450/-350 u tiżviluppa 11-il tip ta’ dron. Fl-2023, il-kumpanija fetħet l-Aviation Training Centre tagħha approvat mill-Ministeru għax-Xogħol tal-Federazzjoni Russa. Sa tmiem l-2024, il-kumpanija kienet iffirmat 13-il kuntratt tal-gvern. Gazprom Neft, Russian Post u d-Dipartiment tal-Informazzjoni Teknoloġija tal-Belt ta’ Moska kienu fost il-klijenti tagħha.

Għalhekk, Sergey Bessonov qed jappoġġa materjalment lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, inkluż billi jkun involut fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

7.8.2026

2109.

Viktor Evgenevich IVANOV

Russian: Виктор Евгеньевич ИВАНОВ

Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ JSC Research Institute of Precision Instruments NII TP

Nazzjonalità: Russa

Sess: maskil

Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa: 771676457404

Viktor Ivanov huwa d-direttur ġenerali ta’ JSC Research Institute of Precision Instruments NII TP. Il-kumpanija hija parti mill-industrija tal-armi tar-Russja, li huwa settur ta’ importanza strateġika għall-Federazzjoni Russa.

JSC Research Institute of Precision Instruments NII TP hija organizzazzjoni li twettaq attivitajiet fl-isfera spazjali u militari u li tforni lill-Ministeru għad-Difiża Russu u lill-Ministeru għal Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza b’tagħmir u servizzi speċjali. Il-kumpanija hija parti mill-korporazzjoni statali ‘Roscosmos’ u tipparteċipa bħala intrapriża ewlenija fid-diversi proġetti spazjali Russi mmexxija mir-‘Roscosmos’. Il-kumpanija ilha taħdem fuq is-sistema satellitari l-ġdida għall-armata Russa, ir-radar spazjali sintetiku Kasatka-R. Fil-Forum tal-Armata 2024, il-kumpanija ppreżentat ir-radar Kasatka-R u r-radar sintetiku Compact-4 żviluppat biex jinqabdu immaġnijiet dettaljati ħafna ta’ terren u oġġetti. Barra minn hekk, f’Settembru 2025 intuża t-tagħmir ta’ monitoraġġ tat-titjiriet tal-kumpanija matul it-titjira tal-bijosatellita Bion-M Nru 2 fl-ispazju.

Għalhekk, Viktor Ivanov qed jappoġġa materjalment lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, inkluż billi jkun involut fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

7.8.2026

2110.

Aleksandr Yurevich DYUKAREV

bir-Russu: Александр Юрьевич ДЮКАРЕВ

Funzjoni: Direttur Ġenerali ta’ Joint Stock Company ‘Krasnoyarsk Machine-Building Plant’

Nazzjonalità: Russa

Sess: maskil

Numru tal-Identifikazzjoni tat-Taxxa: 246210181450

Aleksandr Dyukarev huwa d-direttur ġenerali ta’ Joint Stock Company (JSC) ‘Krasnoyarsk Machine-Building Plant’. Il-kumpanija hija parti mill-industrija tal-armi tar-Russja, li huwa settur ta’ importanza strateġika għall-Federazzjoni Russa.

JSC ‘Krasnoyarsk Machine-Building Plant’ hija kumpanija Russa li tibni l-makkinarji. Waħda mill-attivitajiet ta’ JSC ‘Krasnoyarsk Machine-Building Plant’ hija l-produzzjoni ta’ missili ballistiċi u moduli għal-lanċjaturi tar-rokits. JSC ‘Krasnoyarsk Machine-Building Plant’ tipproduċi l-missili ballistiċi RS-28 ‘Sarmat’.

Għalhekk, Aleksandr Dyukarev qed jappoġġa materjalment lill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, inkluż billi jkun involut fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.

7.8.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1940/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)