IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.8.2020
COM(2020) 431 final
2020/0203(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed jeħtieġ li jiġi modifikat biex iqis il-korrezzjonijiet ta’ modifika fil-linja bażi ta’ Spanja rigward l-isforz tas-sajd.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżuri proposti huma mfasslin f’konformità mal-objettivi u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikulari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
L-obbligi tal-Unjoni li tisfrutta b’mod sostenibbli r-riżorsi akkwatiċi ħajjin ġejjin mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: il-Politika Komuni tas-Sajd hija politika komuni. F’konformità mal-Artikolu 43(3) tat-Trattat, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma japplikawx.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma japplikawx.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma japplikawx.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ma japplikawx.
•Drittijiet fundamentali
Ma japplikawx.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ma japplikawx.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
Ma japplikawx.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-emenda proposta tfittex li timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 kif deskritt hawn taħt.
Il-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali fil-Punent tal-Mediterran (MAP) ikopri t-tkarkir demersali minn Spanja, minn Franza u mill-Italja u daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2019. Il-MAP jipprevedi b’mod partikolari reġim tal-isforz bi tnaqqis gradwali fl-isforz, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ linja bażi determinata mill-Istati Membri skont il-kriterji stabbiliti fil-MAP. It-tnaqqis tal-isforz preskritt mill-MAP għall-2020, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, ġie stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236.
Rigward il-kalkolu tat-tnaqqis tal-isforz, Spanja infurmat lill-Kummissjoni fl-aħħar ta’ Mejju 2020 dwar żball fid-data tal-isforz tas-sajd tagħha li għandu implikazzjoni fuq il-linja bażi użata għat-tnaqqis tal-isforz tas-sajd, mhux f’termini tal-ammont tal-linja bażi iżda kif tiġi distribwita bejn gruppi tal-isforz tas-sajd fi Spanja. Matul il-proċess ta’ din l-istima ta’ linja bażi, Spanja identifikat difett fil-kalkolu tekniku li jifred il-jiem tas-sajd bejn is-sajd kostali u s-sajd fil-fond (jiġifieri l-gamblu l-aħmar, wieħed mill-ispeċijiet fil-mira ewlenin fil-MAP) fil-każ tal-vjaġġi b’durata ta’ aktar minn jum. Din il-modifika fil-kalkolu ma taffettwax l-għadd totali ta’ jiem ta’ sajd għal Spanja fir-rigward tal-isforz u tikkonċerna biss proporzjon żgħir tal-vjaġġi u l-bastimenti totali. Madankollu, din għandha impatt sinifikanti fuq l-allokazzjoni ta’ jiem ta’ sajd bejn iż-żewġ tipi ta’ sajd, għal Spanja u għall-bastimenti Spanjoli.
Din il-modifika ma għandhiex implikazzjoni għall-Istati Membri l-oħra li jimplimentaw l-MAP.
Għalhekk, sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn ir-rapportar Spanjol dwar l-isforz tas-sajd tagħhom u l-ammont tal-isforz tas-sajd adottat għall-2020 fir-Regolament tal-Kunsill imsemmi hawn fuq, ir-Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2020 jeħtieġ li jiġi emendat skont dan, biex tiġi kkoreġuta d-data.
2020/0203 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236 jiffissa, għall-2020, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed
(2)Il-Pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet imniżżlin fl-Artikolu 1 tiegħu jiġu ffissati b’mod li jiksbu mortalità mis-sajd fil-livell tar-rendiment massimu sostenibbli (l-“MSY”) fuq bażi progressiva u inkrementali sal-2020 fejn possibbli, u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025. Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jingħataw f’termini tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli u li dawn jiġu ffissati skont ir-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament. Kull Stat Membru kien meħtieġ jikkalkula l-linja bażi għal kull grupp tal-isforz tas-sajd jew kull subżona ġeografika bħala l-isforz tas-sajd medju, espress bħala l-għadd ta’ jiem tas-sajd bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2017, u b’qies biss tal-bastimenti attivi matul dak il-perjodu. Għalhekk, għall-2020, jenħtieġ li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jitnaqqas b’10 % meta mqabbel mal-valur ta’ referenza kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7(4) ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri ddikjaraw id-data tal-linja bażi dwar l-isforz ta’ referenza tagħhom skont is-segmenti tal-flotta u l-jiem tas-sajd.
(3)Matul il-proċess ta’ stima tal-linja bażi għat-tnaqqis tal-isforz, Spanja identifikat difett fil-kalkolu tekniku li jifred il-jiem tas-sajd bejn is-sajd kostali u s-sajd fil-fond (jiġifieri l-gamblu l-aħmar, wieħed mill-ispeċijiet fil-mira ewlenin fir-Regolament (UE) 2019/1022), fil-każ ta’ vjaġġi b’durata ta’ aktar minn jum.
(4)Konsegwentement, hemm bżonn li jiġi emendat il-kalkolu tal-linja bażi ta’ Spanja rigward l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f’jiem tas-sajd. Din il-modifika għall-kalkolu ma taffettwax l-għadd totali ta’ jiem tas-sajd għal Spanja, u lanqas ma għandha implikazzjoni għall-Istati Membri l-oħra li jimplimentaw il-Pjan ta’ Ġestjoni Pluriennali. Madankollu, din il-modifika hija meħtieġa sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn ir-rappurtar Spanjol dwar l-isforz tas-sajd tagħhom u l-ammont tal-isforz tas-sajd stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/2236.
(5)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/2236 jiġi emendat skont dan.
(6)Biex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020. Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih mal-pubblikazzjoni tiegħu.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236
Fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2236, fit-taqsima li tirreferi għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli, f’jiem tas-sajd it-tabella (a) tinbidel b’dan li ġej:
“Fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf ta’ Lion (is-subżoni ġeografiċi 1-2-5-6-7)
|
Grupp ta’ stokkijiet
|
Tul sħiħ tal-bastimenti
|
Spanja
|
Franza
|
L-Italja
|
Kodiċi tal-grupp tal-isforz tas-sajd
|
|
It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; il-merluzz fis-subżoni ġeografiċi 1-5-6-7; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 5 u 6.
|
< 12-il metru
|
2 260
|
0
|
0
|
EFF1/MED1_TR1
|
|
|
≥ 12-il metru u < 18-il metru
|
24 284
|
0
|
0
|
EFF1/MED1_TR2
|
|
|
≥ 18-il m u < 24 m
|
45 563
|
5 144
|
0
|
EFF1/MED1_TR3
|
|
|
≥ 24 metru
|
16 047
|
6 258
|
0
|
EFF1/MED1_TR4
|
|
Il-gamblu l-blu u l-aħmar fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7.
|
< 12-il metru
|
0
|
0
|
0
|
EFF2/MED1_TR1
|
|
|
≥ 12-il metru u < 18-il metru
|
1139
|
0
|
0
|
EFF2/MED1_TR2
|
|
|
≥ 18-il m u < 24 m
|
11535
|
0
|
0
|
EFF2/MED1_TR3
|
|
|
≥ 24 metru
|
9260
|
0
|
0
|
EFF2/MED1_TR4
|
”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President