17.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/39

tas-16 ta’ Jannar 2020

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

F’Ottubru 2007, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2007 (2) (“il-miżuri oriġinali”). Żewġ kumpaniji ngħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES); għal waħda minnhom ġie introdott dazju tad-dumping individwali ta’ 24,5 %. Għall-kumpanija l-oħra ma kienx ikkonstatat dumping u kienet eskluża mill-miżuri. Għall-kumpaniji l-oħra kollha tapplika rata ta’ dazju ta’ 71,8 %. F’Diċembru 2013, il-Kunsill, wara rieżami ta’ skadenza, estenda l-miżuri anti-dumping bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 (3) (“il-miżuri fis-seħħ”).

1.2.   Il-bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza

(2)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-iskadenza viċina tal-miżura fis-seħħ (4), RheinPerChemie GmbH u United Initiators GmbH (“l-applikanti”), li jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ perossosulfati, talbu l-bidu tar-rieżami ta’ skadenza. Huma sostnew li l-iskadenza tal-miżuri aktarx tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza ta’ dumping u dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(3)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) (“in-Notifika tal-Bidu”), il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

Fis-26 ta’ Settembru 2019 il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ mill-kumpanija ABC Chemicals (Shanghai) Co. Ltd — kumpanija li fir-rigward tagħha ma ġiex ikkonstatat dumping fl-investigazzjoni oriġinali — u ordnat ir-reġistrazzjoni doganali tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami (6). L-eżitu ta’ din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza bl-ebda mod ma jippreġudika l-eżitu tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

1.3.   L-investigazzjoni

1.3.1.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni u l-perjodu meqjus

(5)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2017 sat-30 ta’ Settembru 2018 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu meqjus”).

1.3.2.   Il-partijiet interessati

(6)

Fin-Notifika tal-Bidu l-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. B’mod partikolari, ikkuntattjat lill-applikanti, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ.

(7)

Il-partijiet kollha interessati ġew mistiedna jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fil-limiti ta’ żmien stipulati fin-Notifika tal-Bidu. Il-partijiet interessanti ngħataw ukoll l-opportunità li jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta ta’ Smigħ fi proċedimenti kummerċjali.

1.3.3.   Il-kampjunar

(8)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ u ta’ importaturi mhux relatati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Produttur esportatur wieħed biss, United Initiators (Hefei) Co. Ltd u l-kumpanija omm tiegħu United Initiators (Shanghai) Co., Ltd, ippreżentaw ruħhom u pprovdew l-informazzjoni mitluba. Għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li jintgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi.

(9)

Bosta importaturi ppreżentaw ruħhom fil-bidu tal-investigazzjoni iżda l-ebda wieħed minnhom ma importa ammonti sinifikanti tal-prodott taħt rieżami matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ħaditx kampjun tal-importaturi.

1.3.4.   Il-kwestjonarji u ż-żjarat ta’ verifika

(10)

Il-Kummissjoni għamlet il-kwestjonarji disponibbli għall-esportaturi kollha u bagħtet il-kwestjonarji lill-produtturi u lill-utenti tal-Unjoni. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lill-gvern tar-RPĊ (“GTĊ”). Waslu tweġibiet mingħand żewġ produtturi tal-Unjoni u produttur esportatur wieħed fir-RPĊ.

(11)

Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu u tal-interess tal-Unjoni. Saru żjarat ta’ verifika għand il-partijiet interessati li ġejjin:

(a)

Produttur esportatur Ċiniż:

—

United Initiators (Hefei) Co., Ltd. u l-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha United Initiators (Shanghai) Co., Ltd.

(b)

Produtturi tal-Unjoni:

—

RheinPerChemie GmbH & Co. KG, il-Ġermanja;

—

United Initiators GmbH & Co. KG, il-Ġermanja.

1.3.5.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(12)

Fid-dawl tal-evidenza suffiċjenti disponibbli fit-talba għal reviżjoni li indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tiftaħ ir-reviżjoni fir-rigward tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(13)

Konsegwentement, sabiex tinġabar id-data meħtieġa għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, fin-Notifika tal-Bidu l-Kummissjoni stiednet lill-produtturi magħrufa kollha fir-RPĊ biex jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Anness III tan-Notifika fir-rigward tal-inputs użati għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. L-uniku produttur li bagħat tweġiba għall-kampjunar issottometta wkoll l-informazzjoni mitluba fl-Anness III.

(14)

Barra minn hekk, sabiex tikseb l-informazzjoni li l-Kummissjoni qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, hija bagħtet ukoll kwestjonarju lill-GTĊ. F’dak il-kwestjonarju, il-GTĊ kien mistieden jipprovdi l-fehmiet tiegħu dwar l-evidenza li tinsab fit-talba tal-applikant, dwar kwalunkwe evidenza oħra fil-fajl dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, inkluża l-evidenza stabbilita fil-“Commission Staff Working Document on Significant Distortions in the Economy of the People’s Republic of China for the Purposes of Trade Defence Investigations” (“ir-Rapport”) (7), kif ukoll dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-GTĊ.

(15)

Il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati kollha jressqu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fl-iskadenza prevista fin-Notifika tal-Bidu.

(16)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, din jista’ jkollha bżonn tagħżel pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni.

(17)

Fil-15 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha permezz tal-ewwel nota għall-fajl (8) (“in-Nota tal-15 ta’ Jannar”) dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku. Abbażi tat-tweġibiet għall-Anness III tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha tal-produzzjoni, bħalma huma l-materjali, l-enerġija u x-xogħol użati fil-produzzjoni tal-perossosulfati. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla tal-prezzijiet jew tal-valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat lit-Turkija bħala l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dak l-istadju.

(18)

Il-Kummissjoni tat l-opportunità lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-applikanti.

(19)

Il-Kummissjoni indirizzat dawk il-kummenti fit-tieni nota (9) dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali, datata s-6 ta’ Mejju 2019 (“in-Nota tas-6 ta’ Mejju”). Fin-Nota tas-6 ta’ Mejju, il-Kummissjoni speċifikat ukoll il-lista ta’ fatturi tal-produzzjoni u tenniet il-konklużjoni li t-Turkija kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment.

2.   IL-PRODOTT TAĦT REVIŻJONI U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott taħt reviżjoni

(20)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-perossosulfati (persulfati), inkluż is-sulfat tal-perossimonosulfat tal-potassju, li joriġina mir-RPĊ, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (il-kodiċi TARIC 2842908020) (“il-prodott taħt rieżami”).

(21)

Il-perossosulfati jintużaw bħala inizjatur jew bħala aġent ossidanti f’numru ta’ proċessi. Xi eżempji jinkludu l-użu tagħhom bħala inizjatur tal-polimerizzazzjoni fil-produzzjoni tal-polimeri, bħala aġent ta’ inċiżjoni fil-produzzjoni ta’ bordijiet ta’ ċirkwiti stampati, jew bħala aġent tal-ibbliċjar fil-kożmetiċi tax-xagħar.

2.2.   Il-prodott simili

(22)

Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-perossosulfati mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-perossosulfati prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-perossosulfati importati fl-Unjoni mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali. Għalhekk, jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DUMPING

(23)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping mir-RPĊ.

3.1.   Il-kontinwazzjoni ta’ dumping tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni

3.1.1.   Valur normali

(24)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatu r”.

(25)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “fil-każ li jiġi determinat […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjon i”, u “għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitt i” (“kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali” minn hawn ’il quddiem jissejħu “SG&A”). Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, fl-investigazzjoni preżenti l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ u l-assenza ta’ pretensjonijiet mill-produtturi esportaturi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.1.2.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

3.1.2.1.   Introduzzjoni

(26)

L-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jiddikjara dan li ġej. Id-distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

—

is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

—

il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

—

politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;

—

in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

—

il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

—

l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

(27)

Jirriżulta li fil-valutazzjoni tal-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, għandu jitqies l-impatt potenzjali ta’ wieħed minn dawn l-elementi jew aktar, fuq il-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur tal-prodott taħt reviżjoni. Madankollu, billi dik il-lista mhijiex kumulattiva, ma hemmx bżonn li jitqiesu l-elementi kollha biex jiġu kkonstatati distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw biex juru l-eżistenza ta’ element wieħed jew aktar tal-lista. Kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir fuq il-bażi tal-evidenza kollha disponibbli. Il-valutazzjoni ġenerali tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur.

(28)

L-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jipprevedi li “[f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settu r”.

(29)

Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet ir-Rapport (ara l-premessa 14), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija fir-RPĊ, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’bosta fatturi ewlenin ta’ produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u x-xogħol) kif ukoll f’setturi speċifiċi, inkluż is-settur tal-perossosulfati. Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu.

(30)

L-applikazzjoni għal rieżami ta’ skadenza (“l-applikazzjoni”) ipprovdiet evidenza addizzjonali dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-settur tal-perossosulfati fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), li tikkomplementa r-Rapport. L-applikanti pprovdew evidenza li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt reviżjoni huma affettwati (tal-inqas potenzjalment) mid-distorsjonijiet imsemmija fir-Rapport, b’mod partikolari l-livelli għoljin ta’ interferenza mill-istat fis-settur tal-peroxosulphates.

3.1.2.2.   Distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ: kuntest ekonomiku ġenerali

(31)

Is-sistema ekonomika Ċiniża hija bbażata fuq il-kunċett ta’ “ekonomija tas-suq soċjalista”. Dak il-kunċett huwa inkorporat fil-Kostituzzjoni Ċiniża u jiddetermina l-governanza ekonomika tar-RPĊ. Il-prinċipju ewlieni huwa “s-sjieda pubblika soċjalista tal-mezzi tal-produzzjoni, jiġifieri s-sjieda min-nies kollha u s-sjieda kollettiva mill-persuni li jaħdm u”. L-ekonomija tal-Istat hija “l-forza mexxejja tal-ekonomija nazzjonal i” u l-Istat għandu l-mandat “li jiżgura l-konsolidazzjoni u t-tkabbir tagħh a” (10). Konsegwentement, l-istruttura ġenerali tal-ekonomija Ċiniża mhux biss tippermetti interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija, iżda tali interventi huma mogħtija mandat espliċitu. Il-kunċett ta’ supremazija tas-sjieda pubblika fuq is-sjieda privata huwa mifrux fis-sistema legali sħiħa u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fil-partijiet fundamentali kollha tal-leġiżlazzjoni. Il-liġi tal-proprjetà Ċiniża hija eżempju ewlieni: hija tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bit-tħaddin tas-sistema ekonomika bażika li taħtha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti. Forom oħra ta’ sjieda huma tollerati, fejn il-liġi tippermettilhom jiżviluppaw spalla ma’ spalla mas-sjieda tal-Istat (11).

(32)

Barra minn hekk, skont il-leġiżlazzjoni Ċiniża, l-ekonomija tas-suq soċjalista hija żviluppata taħt it-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”). L-istrutturi tal-Istat Ċiniż u tas-CCP huma marbutin ma’ xulxin f’kull livell (legali, istituzzjonali, personali), u jiffurmaw superstruttura li fiha ma tkunx tista’ ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tas-CCP u tal-Istat. Wara emenda għall-Kostituzzjoni Ċiniża f’Marzu 2018, ir-rwol ewlieni tas-CCP ingħata prominenza saħansitra akbar billi ġie affermat mill-ġdid fit-test tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Wara l-ewwel sentenza eżistenti tad-dispożizzjoni: “is-sistema soċjalista hija s-sistema bażika tar-Repubblika Popolari taċ-Ċin a”, iddaħħlet it-tieni sentenza ġdida li taqra: “Il-karatteristika li tiddefinixxi s-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi hi t-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċin a” (12). Dan juri l-kontroll tas-CCP fuq is-sistema ekonomika tar-RPĊ. Dan il-kontroll hu inerenti għas-sistema Ċiniża u jmur lil hinn mis-sitwazzjoni abitwali fil-pajjiżi l-oħra fejn il-gvernijiet jeżerċitaw kontroll makroekonomiku mifrux f’qafas affettwat minn forzi tas-suq ħieles.

(33)

L-ewwel, fil-livell ta’ kontroll amministrattiv globali, id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija rregolata minn sistema kumplessa ta’ ppjanar industrijali, li taffettwa l-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-pajjiż. It-totalità ta’ dawn il-pjanijiet tkopri matriċi komprensiv u kumpless ta’ setturi u politiki trażversali u hija preżenti fil-livelli kollha tal-gvern. Il-pjanijiet fil-livell provinċjali huma dettaljati filwaqt li l-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu miri usa’. Il-pjanijiet jispeċifikaw ukoll il-mezzi sabiex jiġu appoġġjati l-industriji/is-setturi rilevanti kif ukoll il-perjodi ta’ żmien li fihom jeħtieġ li jintlaħqu l-objettivi. Xi pjanijiet jinkludu miri espliċiti tal-output. Skont il-pjanijiet, is-setturi u/jew il-proġetti industrijali individwali qed jiġu identifikati bħala prijoritajiet (pożittivi jew negattivi) skont il-prijoritajiet tal-gvern li jiġu attribwiti għanijiet ta’ żvilupp speċifiċi lilhom (ammeljorament industrijali, espansjoni internazzjonali, eċċ.). L-operaturi ekonomiċi, privati u tal-Istat kollha kemm huma għandhom jaġġustaw b’mod effettiv l-attivitajiet kummerċjali tagħhom skont ir-realtajiet imposti mis-sistema tal-ippjanar. Mhux biss minħabba n-natura vinkolanti tal-pjanijiet iżda anke minħabba l-fatt li l-awtoritajiet rilevanti Ċiniżi fil-livelli kollha tal-gvern jaderixxu mas-sistema ta’ pjanijiet u jużaw is-setgħat mogħtija lilhom skont kif ikun meħtieġ, l-operaturi ekonomiċi huma mħajra jikkonformaw mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet (13).

(34)

It-tieni, fil-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, is-sistema finanzjarja taċ-Ċina hija ddominata mill-banek kummerċjali tal-Istat. Dawn il-banek, meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplementaw il-politika tas-self tagħhom, iridu jallinjaw ruħhom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-gvern minflok ma jivvalutaw qabel kollox il-merti ekonomiċi ta’ proġett partikolari (ara wkoll it-taqsima 3.3.2.9 hawn taħt) (14). L-istess japplika għall-komponenti l-oħra tas-sistema finanzjarja Ċiniża, bħas-swieq tal-istokks, is-swieq tal-bonds, is-swieq tal-ekwità privata, eċċ. Minkejja s-sinifikat aktar baxx tas-settur bankarju, dawn il-partijiet tas-settur finanzjarju huma istituzzjonalment u operazzjonalment stabbiliti b’mod li mhuwiex immirat biex itejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji iżda biex jiżgura l-kontroll u jippermetti l-intervent mill-Istat u mis-CCP (15).

(35)

It-tielet, fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-interventi mill-Istat fl-ekonomija jieħdu għadd ta’ forom. Pereżempju, ir-regoli tal-akkwist pubbliku jintużaw regolarment sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika għajr l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk idgħajfu l-prinċipji bbażati fuq is-suq fil-qasam. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi b’mod speċifiku li l-akkwist pubbliku għandu jsir sabiex jiġi ffaċilitat l-ilħuq tal-għanijiet imfassla mill-politiki tal-Istat. Madankollu, in-natura ta’ dawn l-għanijiet għadha mhix iddefinita, u b’hekk tħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (16). Bl-istess mod, fil-qasam tal-investiment, il-GTĊ iżomm kontroll u influwenza sinifikanti fuq id-destinazzjoni u l-kobor tal-investiment kemm tal-Istat kif ukoll dak privat. L-iskrinjar tal-investiment kif ukoll diversi inċentivi, restrizzjonijiet, u projbizzjonijiet relatati mal-investiment jintużaw mill-awtoritajiet bħala għodda importanti biex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-politika industrijali, bħaż-żamma tal-kontroll tal-Istat fuq setturi ewlenin jew it-tisħiħ tal-industrija domestika (17).

(36)

Fil-qosor, il-mudell ekonomiku Ċiniż huwa bbażat fuq ċerti assjomi bażiċi li jipprevedu u jħeġġu diversi interventi tal-gvern. Tali interventi sostanzjali tal-gvern jinsabu f’kunflitt mal-azzjoni libera tal-forzi tas-suq u jwasslu għal distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi skont il-prinċipji tas-suq (18).

3.1.2.3.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku: is-suq inkwistjoni li f’estent sinifikanti huwa moqdi minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur

(37)

Fir-RPĊ, l-intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u s-superviżjoni politika jew il-gwida tal-Istat jirrappreżentaw parti essenzjali mill-ekonomija.

(38)

L-uniku manifattur Ċiniż tal-perossosulfati li kkoopera mal-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni għandu sjieda privata. Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħrif preċiż dwar l-istruttura tas-sjieda ta’ kumpaniji oħra attivi fis-settur tal-perossosulfati fir-RPĊ.

(39)

Fir-rigward tal-kontroll, is-superviżjoni jew il-gwida politika mill-Istat, il-gvern u s-CCP iħaddnu strutturi li jiżguraw l-influwenza kontinwa tagħhom fuq l-intrapriżi. L-Istat (u f’ħafna aspetti anke s-CCP) mhux biss jifformula u jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi ġenerali minn intrapriżi individwali, iżda jeżerċita wkoll id-drittijiet tiegħu li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali tagħhom. L-elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ kontroll mill-gvern fuq l-intrapriżi fis-settur tal-perossosulfati huma żviluppati aktar fit-taqsima 3.1.2.4 ta’ hawn taħt. Bil-livell għoli ta’ kontroll u intervent mill-gvern fis-settur tal-kimika kif deskritt hawn taħt, anke l-produtturi tal-perossosulfati bi sjieda privata ma jitħallewx joperaw skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

3.1.2.4.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku: Il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet

(40)

Il-GTĊ huwa f’pożizzjoni li jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti. Kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm jekk tal-Istat kif ukoll privati, jirrappreżentaw mezz ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet kummerċjali. Skont id-dritt soċjetarju taċ-Ċina, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-inqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP (19)) u l-kumpanija trid tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Huwa rrappurtat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati biex jagħmlu l-“patrijottiżmu” prijorità u jsegwu d-dixxiplina tal-partit (20). Fl-2017, kien irrapportat li ċ-ċelloli tal-partit kienu jeżistu f’70 % ta’ madwar 1,86 miljun kumpanija privata, bi pressjoni dejjem tikber biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fuq id-deċiżjonijiet tan-negozju fil-kumpaniji rispettivi tagħhom (21). Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha. Il-Kummissjoni sabet li dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-produtturi tal-perossosulfati u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.

(41)

B’mod speċifiku, fl-investigazzjoni oriġinali li tikkonċerna l-perossosulfati ġie stabbilit għal kumpanija waħda li l-maġġoranza tad-Diretturi fil-Bord, inkluż il-President, li kellu ammont sinifikanti ta’ ishma fil-kumpanija, baqgħu l-istess bħal qabel il-privatizzazzjoni u kienu nħatru mill-Istat. Instabu wkoll li kienu membri tas-CCP. Barra minn dan, il-kumpanija ma rnexxilhiex tagħti prova ta’ ħlas għall-ishma matul il-proċess ta’ privatizzazzjoni (22).

(42)

F’kumpanija oħra, li kienet fundata bħala intrapriża tal-istat u pprivatizzata fl-2000, l-investigazzjoni oriġinali wriet li tliet membri tal-istaff li kellhom kariga ta’ maniġment qabel ma saret il-privatizzazzjoni wettqu l-privatizzazzjoni u żammew kontroll fuq il-korpi ewlenin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumpanija. Dawk it-tliet persuni nstabu li kienu membri tas-CCP (23). Fir-rigward ta’ kumpanija terza investigata fl-investigazzjoni oriġinali, instab li l-kapital użat biex tinbeda l-kumpanija nkiseb minn intrapriżi li huma proprjetà konġunta mmexxija mill-President attwali tal-kumpanija (24).

(43)

Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-taqsima 3.3.2.8 hawn taħt) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u inputs iħallu wkoll effett ta’ distorsjoni fuq is-suq (25).

(44)

Abbażi ta’ dawn kollha ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni li topponi l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-preżenza tal-Istat f’ditti fis-settur tal-perossosulfati, kif ukoll fis-settur finanzjarju u setturi oħra tal-input, flimkien mal-qafas deskritt fit-taqsima 3.3.2.3 u fit-taqsimiet sussegwenti, tippermetti lill-GTĊ jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet.

3.1.2.5.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), it-tielet inċiż tar-Regolament bażiku: politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles

(45)

Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija ddeterminata f’livell sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li l-gvernijiet ċentrali u lokali jridu jiffokaw fuqhom. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru virtwalment is-setturi ekonomiċi kollha, l-objettivi stabbiliti mill-istrumenti tal-ippjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell korrispondenti aktar baxx tal-gvern. B’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ tirriżulta fis-sitwazzjoni fejn ir-riżorsi jintbagħtu lejn setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jkunu allokati skont il-forzi tas-suq (26).

(46)

L-aktar dokument ta’ politika komprensiv u dettaljat dwar is-settur kimiku Ċiniż huwa t-13-il FYP għall-Industrija Petrokimika u Kimika (2016-2020) (“il-Pjan”). Pereżempju, fir-rigward tal-ammonja, il-materja prima ewlenija għall-perossosulfati, il-Pjan jitlob li tingħata attenzjoni biex jitħeġġeġ il-bini tat-tieni fażi tal-faċilità tal-ammonja ta’ 600 000 tunnellata ta’ Cangzhou Zhengyuan (27). Il-Pjan jipprovdi li, fil-prinċipju, ma tistax tinbena faċilità ġdida għall-manifattura sintetika tal-ammonja li tuża l-faħam f’biċċiet mingħajr duħħan u l-gass naturali bħala materja prima. Minflok għandu jkun hemm dipendenza fuq l-iżvilupp ta’ vantaġġ kompetittiv tal-industrija biex jinħolqu ħoloq ġodda fil-katina tal-industrija, bħall-industrija tal-karbonju-kimika (28). Il-Pjan jippromwovi wkoll settijiet ta’ teknoloġija u tagħmir li jiżguraw produzzjoni annwali li teċċedi l-miljun tunnellata ta’ ammonja sintetika u metanol sintetiku (29).

(47)

Rigward materja prima ewlenija oħra — l-aċidu sulfuriku — it-13-il Pjan ta’ Ħames Snin (“FYP”) għall-provinċja ta’ Hebei għall-industrija petrokimika jipprovdi eżempju ta’ kif l-għan u l-miri tal-politika jgħaddu mil-livell nazzjonali għal-livell li jmiss tal-amministrazzjoni. Wara rieżami tal-kisbiet fit-12-il FYP, il-pjan jidentifika l-problemi ewlenin għall-perjodu ta’ ħames snin li ġejjin, bħall-ħtieġa li tittejjeb l-istruttura tal-prodott (30).

(48)

Rigward materja prima oħra – l-idrossidu tal-potassju – l-imluħa tal-potassju huma msemmija fit-13-il FYP għal riżorsi minerali. Il-Pjan jidentifika għadd ta’ problemi fis-settur tal-estrazzjoni: l-interventi tal-gvern fl-allokazzjoni tar-riżorsi għadhom relattivament numerużi, il-prinċipji tas-suq applikabbli għad-drittijiet tal-estrazzjoni mhumiex komprensivi, is-sistema moderna tal-estrazzjoni għadha mhix kompluta (31). Il-melħ tal-potassju huwa wieħed mill-minerali identifikati bħala “strateġiċi”. Wieħed mill-objettivi espliċiti tal-Pjan huwa li jiġu kkonsolidati l-bażijiet tal-melħ tal-potassju f’Qinghai Chaerhan u Xinjiang Lopnur, biex ir-rata tal-awtosuffiċjenza domestika tibqa’ bejn 55 % u 60 % u biex jiġu kkontrollati l-intensità tal-estrazzjoni tal-melħ tal-potassju u ż-żidiet ġodda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni (32).

(49)

Barra minn hekk, interventi varji oħra tal-Istat jaffettwaw il-katina tal-provvista fiċ-Ċina kollha għall-materja prima ewlenija u għall-enerġija. Hemm livell għoli ta’ interferenza mill-Istat fis-settur tal-elettriku, kapaċità żejda, ipprezzar differenzjali u/jew preferenzjali għall-elettriku bil-għan li jitnaqqsu l-kontijiet tal-elettriku għas-settur tal-perossosulfati fiċ-Ċina (33). Rigward is-sulfat tal-ammonju hemm skemi ta’ sussidju, b’mod partikolari programmi ta’ taxxa, forniment ta’ art, programmi ta’ self, għotjiet kif ukoll programmi oħra (34). Rigward l-idrossidu tas-sodju (soda kawstika): hemm provvista ta’ elettriku b’rati orħos (35).

(50)

Għaldaqstant huwa stabbilit li l-GTĊ għandu numru ta’ politiki pubbliċi fis-seħħ li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-materja prima użata fis-settur tal-perossosulfati. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod normali.

3.1.2.6.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż tar-Regolament bażiku: in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà

(51)

Skont l-informazzjoni fil-fajl, jidher li s-sistema Ċiniża tal-falliment mhijiex adegwata biex tilħaq l-objettivi ewlenin tagħha stess, bħal dak tas-saldu tal-pretensjonijiet u tad-djun b’mod ġust u li tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi legali tal-kredituri u tad-debituri. Dan jidher li huwa msejjes fil-fatt li filwaqt li l-liġi Ċiniża dwar il-falliment tiddependi b’mod formali fuq prinċipji simili bħala liġijiet korrispondenti f’pajjiżi oħra, is-sistema Ċiniża hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ fallimenti jibqa’ notorjament baxx meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż, mhux l-inqas minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jbatu minn għadd ta’ nuqqasijiet, li effettivament jiffunzjonaw bħala diżinċentiv għal preżentazzjonijiet ta’ fallimenti. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza għadu wieħed b’saħħtu u attiv, li spiss ikollu influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti (36).

(52)

Barra minn hekk, in-nuqqasijiet tas-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà huma partikolarment evidenti fir-rigward tas-sjieda tal-art u d-drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ (37). L-art kollha hi proprjetà tal-Istat Ċiniż (art rurali ta’ proprjetà kollettiva u art urbana tal-Istat). L-allokazzjoni tagħha għadha tiddependi biss fuq l-Istat. Hemm dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jallokaw id-drittijiet għall-użu tal-art b’mod trasparenti u bil-prezzijiet tas-suq, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ offerti. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet huma regolarment mhux irrispettati, b’ċerti akkwirenti jiksbu l-art tagħhom mingħajr ħlas jew taħt ir-rati tas-suq (38). Barra minn dan, l-awtoritajiet spiss isegwu għanijiet politiċi speċifiċi, inkluż l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi, meta jkunu qed jallokaw l-art (39).

(53)

Għalhekk, jidher li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-fallimenti u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost, li jirriżulta f’distorsjonijiet meta ditti insolventi jkunu qed jinżammu attivi u fir-rigward tal-provvista u l-akkwist tal-art fir-RPĊ. Dawn il-liġijiet japplikaw ukoll fir-rigward tas-settur tal-perossosulfati u l-fornituri tiegħu tal-materja prima. Fir-rigward ta’ żewġ produtturi tal-perossosulfati, il-Kummissjoni sabet li d-distorsjonijiet ġew ittrasferiti mill-ekonomija mhux tas-suq, b’mod partikolari fir-rigward tal-kost tad-drittijiet tal-użu tal-art miksuba (40). Investigazzjonijiet riċenti f’setturi oħra kkonfermaw ukoll il-forniment ta’ drittijiet għall-użu tal-art għal remunerazzjoni inqas minn adegwata (41).

(54)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm applikazzjoni diskriminatorja jew infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà fis-settur tal-perossosulfati.

3.1.2.7.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku: il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni

(55)

Mhuwiex possibbli li fir-RPĊ tiżviluppa bis-sħiħ sistema ta’ pagi bbażata fuq is-suq peress li d-drittijiet ta’ organizzazzjoni kollettiva tal-ħaddiema u tal-impjegaturi huma mxekkla. Ir-RPĊ ma rratifikatx għadd ta’ konvenzjonijiet essenzjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”), b’mod partikolari dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv (42). Skont il-liġi nazzjonali, organizzazzjoni waħda biss tat-trade unions hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni mhijiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali (43). Barra minn dan, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta bis-sistema tar-reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dan tipikament jirriżulta f’ħaddiema li ma jkollhomx ir-reġistrazzjoni tar-residenza lokali u jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u jirċievu introjtu aktar baxx mid-detenturi tar-reġistrazzjoni tar-residenza (44). Dawk is-sejbiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet tal-pagi fir-RPĊ.

(56)

Xejn fil-fajl ta’ din l-investigazzjoni ma żvela li s-settur tal-perossosulfati mhuwiex soġġett għas-sistema tal-liġi tax-xogħol Ċiniża. Fil-fatt, dan is-settur jidher li huwa affettwat bl-istess mod mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi kemm direttament (meta jkun qed isir il-prodott taħt rieżami) kif ukoll indirettament (meta jkollu aċċess għall-kapital jew għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fir-RPĊ).

(57)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kostijiet tal-pagi kienu distorti fis-settur tal-perossosulfati, inkluż fir-rigward tal-prodott taħt rieżami.

3.1.2.8.   Distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku: l-aċċess għall-finanzi minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat

(58)

L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fir-RPĊ huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.

(59)

L-ewwel, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija kkaratterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat (45), li, meta jagħtu aċċess għall-finanzi, iqisu kriterji oħra għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. B’mod simili għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jibqgħu marbutin mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ relazzjonijiet personali (l-ogħla eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji kbar tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) (46) u, għal darba oħra eżatt bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw b’mod regolari politiki pubbliċi mfassla mill-gvern. Meta jagħmlu dan, il-banek jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jmexxu n-negozju tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u skont il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat (47). Dan huwa aggravat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi f’setturi deżinjati mill-gvern bħala mħeġġa jew rilevanti b’xi mod ieħor (48).

(60)

Filwaqt li huwa rikonoxxut li jista’ jkun hemm diversi strumenti legali li jirreferu għall-ħtieġa li jiġu rrispettati l-imġiba bankarja normali u r-regoli prudenzjali bħall-ħtieġa li tiġi eżaminata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju, l-evidenza relevanti turi li dawn id-dispożizzjonijiet jaqdu biss rwol sekondarju fl-applikazzjoni tad-diversi strumenti legali (49). Is-sejbiet li saru f’investigazzjonijiet preċedenti dwar il-protezzjoni kummerċjali waslu wkoll għall-istess konklużjoni (50).

(61)

Barra minn hekk, il-klassifikazzjonijiet tal-bonds u tal-kreditu ta’ spiss huma distorti għal diversi raġunijiet, inkluż il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi influwenzata mill-importanza strateġika tad-ditta għall-GTĊ u mis-saħħa ta’ kull garanzija impliċita mill-gvern. L-istimi jissuġġerixxu b’mod qawwi li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi jikkorrispondu sistematikament għal klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi (51).

(62)

Dan jirriżulta fi preġudizzju għas-self lil SOEs, ditti privati kbar u konnessi tajjeb u ditti f’setturi industrijali ewlenin, li jimplika li d-disponibbiltà u l-kost tal-kapital mhumiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq.

(63)

It-tieni, il-kostijiet tas-self inżammu baxxi b’mod artifiċjali biex jiġi stimolat it-tkabbir tal-investiment. Dan wassal għall-użu eċċessiv tal-investiment kapitali b’redditi dejjem aktar baxxi fuq l-investiment. Dan intwera mit-tkabbir riċenti fl-ingranaġġ korporattiv fis-settur tal-Istat minkejja tnaqqis kbir fil-profitabbiltà, li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi li joperaw fis-sistema bankarja ma jsegwux loġika kummerċjali normali.

(64)

It-tielet, minkejja li f’Ottubru 2015 inkisbet liberalizzazzjoni tar-rata tal-imgħax nominali, is-sinjali tal-prezzijiet għadhom mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles, iżda huma influwenzati minn distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern. Tabilħaqq, is-sehem ta’ self bir-rata normattiva tal-imgħax jew taħtha għadu jirrappreżenta 45 % tas-self kollu u r-rikors għal kreditu mmirat jidher li żdied, billi dan is-sehem żdied notevolment mill-2015, minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi li sejrin għall-agħar (52). Rati tal-imgħax baxxi b’mod artifiċjali jirriżultaw fi prezz aktar baxx, u sussegwentement fl-użu eċċessiv tal-kapital.

(65)

It-tkabbir kumplessiv tal-kreditu fir-RPĊ jindika deterjorament tal-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapital mingħajr ebda sinjal ta’ restrizzjoni kreditizja li tkun mistennija f’ambjent tas-suq mingħajr distorsjoni. Bħala riżultat, is-self improduttiv żdied b’mod rapidu fis-snin riċenti. Quddiem sitwazzjoni ta’ żieda tad-dejn f’riskju, il-GTĊ għażel li jevita l-inadempjenzi. Konsegwentement, il-kwistjonijiet ta’ dejn mitluf ġew ittrattati permezz ta’ dejn ta’ riportament, u b’hekk inħolqu l-hekk imsejħa kumpaniji “zombie”, jew permezz tat-trasferiment tas-sjieda tad-dejn (pereżempju permezz ta’ fużjonijiet jew swaps ta’ dejn għal ekwità), mingħajr ma titneħħa neċessarjament l-problema kumplessiva tad-dejn jew jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha (53).

(66)

Essenzjalment, minkejja l-passi riċenti li ttieħdu biex is-suq jiġi liberalizzat, is-sistema tal-kreditu korporattiva fir-RPĊ hija affettwata minn kwistjonijiet sistemiċi sinifikanti u distorsjonijiet li jirriżultaw mir-rwol mifrux kontinwu tal-istat fis-swieq kapitali.

(67)

Xejn fil-fajl ta’ din l-investigazzjoni ma żvela li l-produtturi tal-perossosulfati u/jew il-fornituri ta’ materja prima u ta’ inputs oħra ma jibbenefikawx minn din is-sistema finanzjarja.

(68)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi tal-perossosulfati kellhom aċċess għall-finanzi minn istituzzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi tal-ordni pubbliku jew li b’mod ieħor ma jaġixxux b’mod indipendenti mill-istat.

3.1.2.9.   In-natura sistemika tad-distorsjonijiet deskritti

(69)

Il-Kummissjoni nnotat li d-distorsjonijiet deskritti fir-Rapport mhumiex limitati għal xi settur tal-industrija partikolari. Għall-kuntrarju, l-evidenza disponibbli turi li l-fatti u l-karatteristiċi tas-sistema Ċiniża kif deskritt hawn fuq fit-Taqsimiet 3.1.2.1-3.1.2.8 kif ukoll fil-Partijiet A u B tar-Rapport japplikaw fil-pajjiż kollu u fis-setturi kollha tal-ekonomija.

(70)

Sabiex jiġu prodotti l-perossosulfati huma meħtieġa materji primi ewlenin. Meta l-produtturi jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li huma rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) jiġu esposti b’mod ċar għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs iħaddmu manodopera li hija soġġetta għad-distorsjonijiet. Jistgħu jissellfu flus li jkunu soġġetti għad-distorsjonijiet fuq is-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, dawn huma soġġetti għas-sistema ta’ ppjanar li tapplika fil-livelli tal-gvern u tas-setturi kollha.

(71)

Bħala konsegwenza, mhux biss ma jistgħux jintużaw il-prezzijiet domestiċi tal-bejgħ tal-perossosulfati, iżda l-kostijiet tal-input kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, ix-xogħol, eċċ.) huma wkoll ivvizzjati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt hawn fuq. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, l-art, il-manodopera, l-enerġija u l-materja prima huma preżenti fir-RPĊ kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li minnu nnifsu kien prodott fir-RPĊ permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti.

3.1.2.10.   Konklużjoni

(72)

L-analiżi stabbilita fit-taqsimiet 3.1.2.2 sa 3.1.2.9, li tinkludi eżami tal-evidenza kollha disponibbli relatata mal-intervent tar-RPĊ fl-ekonomija tagħha b’mod ġenerali, kif ukoll fis-settur tal-perossosulfati (inkluż il-prodott taħt rieżami), uriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tax-xogħol, mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Fuq din il-bażi, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-GTĊ u l-informazzjoni limitata dwar dawn il-kwistjonijiet ipprovduta mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-Kummissjoni kkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ.

(73)

Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex tibni l-valur normali b’mod esklużiv abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ, li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja. Il-Kummissjoni fakkret li l-ebda parti interessata ma argumentat li xi kostijiet domestiċi kienu se jkunu mingħajr distorsjoni skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.1.3.   Il-pajjiż rappreżentattiv

(74)

Il-Kummissjoni bbażat l-għażla tagħha tal-pajjiż rappreżentattiv fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni vvalutat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi ta’ data tal-Bank Dinji (54);

(b)

Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż;

(c)

Id-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti f’dak il-pajjiż;

(d)

F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, għandha tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż li jkollu livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(75)

Abbażi tad-data disponibbli għall-Kummissjoni, il-prodott taħt rieżami huwa prodott f’għadd limitat ta’ pajjiżi u minn għadd limitat ta’ produtturi. Il-produzzjoni ewlenija kienet tinsab fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Indja, l-UE, it-Turkija, il-Ġappun u l-Istati Uniti.

(76)

Mill-pajjiżi fejn qed issir il-produzzjoni, it-Turkija biss għandha livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-indiċi tal-Bank Dinji.

Għalhekk, abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq, it-Turkija ġiet identifikata bħala l-uniku pajjiż rappreżentattiv possibbli.

(77)

L-unika parti li kkummentat – l-applikanti – appoġġjat din l-għażla. Fin-nuqqas ta’ kummenti li jmorru kontra l-użu tat-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fir-rigward tal-pajjiż rappreżentattiv u tal-ħidma tal-valur normali abbażi tad-data mit-Turkija.

3.1.4.   Il-metodoloġija tal-kalkolu

(78)

Sabiex jiġi stabbilit il-valur normali maħdum, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija li ġejja. L-ewwel, stabbilixxiet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Imbagħad immultiplikat il-fatturi tal-użu kif osservati fil-livell tal-proċess ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera għall-materjali, ix-xogħol u l-elettriku bil-kostijiet mingħajr distorsjoni għal kull unità osservati fil-pajjiż rappreżentattiv, jiġifieri t-Turkija.

(79)

It-tieni, il-Kummissjoni żiedet mal-kostijiet tal-manifattura identifikati hawn fuq l-SG&A u l-profitt tal-kumpanija Torka Ak-Kim Kimya Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi (“Ak-kim”). Ak-kim kienet l-unika kumpanija li timmanifattura l-perossosulfati fil-pajjiż rappreżentattiv li għaliha kienet disponibbli d-data disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kummenti mill-partijiet interessati, Ak-Kim kienet meqjusa bħala kumpanija xierqa biex jiġi ddeterminat ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli ta’ SG&A u l-profitt għall-kalkolu tal-valur normali.

(80)

Fuq il-bażi ta’ li ntqal hawn fuq, għall-produttur esportatur li kkoopera, il-Kummissjoni bniet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.1.4.1.   Id-data li ntużat biex inħadem il-valur normali

(81)

Fin-Noti tal-15 ta’ Jannar u tas-6 ta’ Mejju, il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex taħdem il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kellha l-ħsieb li tuża s-sorsi li ġejjin:

(a)

il-Global Trade Atlas (“GTA”) (55) għall-materja prima;

(b)

l-Istitut tal-Istatistika tat-Turkija (“Turkstat”) (56) għax-xogħol u għall-elettriku;

(c)

Orbis (57) għad-data finanzjarja tal-kumpanija Torka (Ak-Kim Kimya Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi) fir-rigward tal-SG&A u tal-profitt.

(82)

It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-fatturi tal-produzzjoni użati fil-kalkoli bil-kodiċijiet HS u l-valuri tal-unità korrispondenti tagħhom mill-GTA jew mill-bażijiet ta’ data Torok, inklużi d-dazji tal-importazzjoni u l-kost tat-trasport.

Tabella 1

Fatturi tal-Produzzjoni

Fattur tal-Produzzjoni

Kodiċi HS  (58)

Prezz f’RMB/unità

Materja Prima

Aċidu Sulfuriku; Oleu

2807 00

371,86/tunnellata

Ammonijaka Anidra

2814 10

2 099,05/tunnellata

Sulfat tal-Ammonju

3102 21

1 079,46/tunnellata

Idrossidu tas-Sodju (Soda Kawstika)

2815 12

2 601,91/tunnellata

Idrossidu tal-Potassju

2815 20

4 063,65/tunnellata

Xogħol

Il-kostijiet lavorattivi fis-settur tal-manifattura

Mhux Applikabbli

43,96/siegħa

L-enerġija

Elettriku

Mhux Applikabbli

0,485/kWh

3.1.4.2.   Materja Prima

(83)

Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni ta’ materja prima kif ikkonsenjat sax-xatba tal-fabbrika ta’ produttur rappreżentattiv tal-pajjiż, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju peżat ta’ importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv kif irrappurtat fil-GTA li miegħu żdiedu d-dazji ta’ importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport. L-importazzjonijiet mir-RPĊ ġew esklużi minħabba d-distorsjonijiet sinifikanti eżistenti f’dan il-pajjiż kif stabbilit fit-taqsima 3.1.2 ta’ hawn fuq. Wara li ġiet eskluża r-RPĊ, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn baqgħu rappreżentattivi u kienu jvarjaw minn 48 % sa 100 % tal-volumi totali importati fit-Turkija.

(84)

Fir-rigward tad-dazji tal-importazzjoni l-Kummissjoni nnotat li t-Turkija importat materja prima rilevanti minn aktar minn 70 pajjiż b’livell differenti ta’ rati tad-dazju tal-importazzjoni u differenzi sinifikanti fil-volumi. Għalhekk, u minħabba li f’rieżami ta’ skadenza mhuwiex meħtieġ li jiġi kkalkulat marġni eżatt ta’ dumping, iżda pjuttost li tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping, il-Kummissjoni kkalkulat id-dazji tal-importazzjoni għal kull materja prima fuq il-bażi ta’ volumi rappreżentattivi ta’ importazzjonijiet minn għadd limitat ta’ pajjiżi, li fil-biċċa l-kbira tal-materji prima kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-importazzjonijiet kollha u qatt inqas minn 90 % tal-importazzjonijiet totali.

(85)

Il-Kummissjoni esprimiet l-ispiża tat-trasport imġarrba mill-produttur esportatur li kkoopera għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-ispiża attwali ta’ materja prima bħal din u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-ispiża mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex tinkiseb l-ispiża mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-ispejjeż tat-trasport irrappurtati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-ispejjeż mingħajr distorsjoni tal-materja prima meta titwassal lill-fabbrika tal-kumpanija.

3.1.4.3.   Xogħol

(86)

L-Istitut Statistiku tat-Turkija jippubblika informazzjoni ddettaljata dwar il-pagi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-Kummissjoni użat il-pagi rrappurtati fis-settur tal-manifattura għall-2016, għall-attività ekonomika C.20 (Manifattura ta’ sustanzi kimiċi u prodotti kimiċi) (59) skont il-klassifikazzjoni NACE Rev.2 (60). Il-valur medju ta’ kull xahar tal-2016 ġie aġġustat kif xieraq għall-inflazzjoni bl-użu tal-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi domestiċi (61) kif ġie ppubblikat mill-Istitut Statistiku Tork.

3.1.4.4.   Elettriku

(87)

Il-prezz tal-elettriku għall-utenti industrijali fit-Turkija hu ppubblikat mill-Istitut Statistiku tat-Turkija fl-istqarrijiet għall-istampa regolari tiegħu. Il-Kummissjoni użat id-data dwar il-prezzijiet tal-elettriku industrijali fil-medda tal-konsum korrispondenti f’Kuruș/kWh (62) kif ippubblikata fis-26 ta’ Marzu 2019 (biex ikun kopert il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami) (63).

3.1.4.5.   Fwar u spejjeż diretti oħra

(88)

Il-fwar mhuwiex innegozjat b’mod transfruntier u ma għandux kodiċi HS. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-fwar mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni l-ewwel ikkalkulat il-perċentwal li dak il-fwar jirrappreżenta fit-total tal-fatturi ta’ produzzjoni li fadal u mbagħad applikat dan il-perċentwal għall-ispiża totali mingħajr distorsjoni tal-istess fatturi ta’ produzzjoni.

(89)

Il-Kummissjoni segwiet l-istess metodoloġija għal kostijiet diretti oħra li flimkien jammontaw għal madwar 2 % tal-valur totali tal-fatturi ta’ produzzjoni rrappurtati mill-produttur esportatur.

3.1.4.6.   L-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura

(90)

Sabiex tistabbilixxi valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura, il-Kummissjoni użat il-proporzjon li l-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura jirrappreżentaw mill-ispiża tal-manifattura fl-istruttura tal-ispejjeż tal-produttur esportatur li kkoopera. B’mod aktar preċiż, l-ewwel esprimiet l-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura attwali tal-produttur esportatur li kkoopera bħala perċentwal tal-ispiża attwali totali tal-manifattura. Imbagħad applikat l-istess perċentwal fuq il-valur mingħajr distorsjoni tal-ispiża tal-manifattura biex tikseb il-valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura. Il-Kummissjoni qieset dan l-approċċ bħala wieħed raġonevoli f’dan il-każ billi l-ebda data disponibbli għall-pubbliku dwar l-ispejjeż amministrattivi tal-manifattura mġarrba mill-produttur Tork magħżul għall-SG&A u l-profitti (ara fil-premessa (91)) ma kienet disponibbli u l-ammont ikkalkulat b’dan il-mod jirrifletti l-fatturi attwali tal-produzzjoni użati minn kull produttur esportatur iżda mbagħad jiġi mmultiplikat bl-ispiża tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni bl-użu tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq.

3.1.4.7.   SG&A u profitti

(91)

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”.

(92)

Sabiex jiġi stabbilit valur mingħajr distorsjoni għall-SG&A u għall-profitt, il-Kummissjoni użat id-data finanzjarja mill-unika kumpanija Torka li tipproduċi l-prodott taħt rieżami - Ak-Kim Kimya Sanayi Ve Ticaret Anonim Sirketi - kif irrappurtat fil-bażi ta’ data Orbis (64). Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli tal-kumpanija, il-maġġoranza tal-attività kummerċjali kienet tikkonċerna l-prodott taħt rieżami; skont l-informazzjoni mir-rapporti finanzjarji, ma seħħ l-ebda avveniment straordinarju matul dan il-perjodu li kien jesiġi aġġustament għad-data rrappurtata.

(93)

B’riżultat ta’ dan, żdiedu l-entrati li ġejjin mal-kost mingħajr distorsjoni tal-manifattura:

(a)

SG&A ta’ 19,34 % mill-kost tal-oġġetti mibjugħa, b’applikazzjoni fuq is-somma tal-kostijiet tal-manifattura;

(b)

Profitt ta’ 27,81 % mill-kost tal-oġġetti mibjugħa, b’applikazzjoni fuq il-kostijiet tal-manifattura.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni u marġni tad-dumping

(94)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-produttur esportatur li kkoopera biegħ biss volumi mhux sinifikanti fl-Unjoni. Għal din ir-raġuni, il-prezzijiet instabu li ma kinux rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx dak il-bejgħ bħala bażi affidabbli għall-istabbiliment ta’ prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping.

3.3.   Il-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping

(95)

Skont id-data rrappurtata minn COMEXT, prattikament l-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienu mill-esportatur li nstab li ma kienx qed jagħmel dumping fl-investigazzjoni oriġinali (65) u mhuwiex soġġett għar-rieżami attwali.

(96)

Għalhekk, skont il-metodoloġija użata fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, il-Kummissjoni għamlet paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera lejn pajjiżi terzi (66) u l-valur normali għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

3.3.1.   It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja

(97)

Sabiex jiġi assigurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja, il-Kummissjoni għamlet konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Aġġustat il-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni FOB għall-kostijiet tat-trasport intern tal-merkanzija, tal-immaniġġjar u tat-tagħbija, għall-kostijiet tal-imballaġġ, il-miżati tal-bank u l-kostijiet tal-kreditu, filwaqt li l-prezzijiet tal-bejgħ CIF, barra minn hekk, ġew aġġustati għall-kostijiet tal-merkanzija u tal-assigurazzjoni tal-baħar.

(98)

Billi l-produttur esportatur ħallas il-VAT sħiħa fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali maħdum bil-VAT sħiħa.

(99)

Il-Kummissjoni għalhekk stabbilixxiet li l-produttur li kkoopera biegħ lill-pajjiżi terzi kollha bi prezzijiet li huma aktar minn 20 % taħt il-valur normali.

3.3.2.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(100)

Hemm 15-il produttur tal-prodott taħt rieżami fir-RPĊ. Fit-talba għal rieżami, abbażi ta’ intelliġenza interna (67), l-applikanti stmaw li ċ-Ċina għandha kapaċità żejda sinifikanti ta’ mill-inqas 75 000 tunnellata fis-sena (68). Kapaċità tal-produzzjoni ta’ tali kobor tfisser li ċ-Ċina waħedha tista’ tkopri l-konsum totali tal-Unjoni li kien stmat bejn 35 000 u 45 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(101)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċ-Ċina kienet fost l-akbar produtturi ta’ perossosulfati fid-dinja u kellha kapaċità ta’ riżerva sinifikanti, li tista’ tkun faċilment esportata lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħassru.

(102)

Barra minn hekk, is-suq tal-Unjoni, minħabba d-daqs relattivament kbir tiegħu u l-konsum li qed jiżdied b’mod kostanti, kif stabbilit fit-taqsima 5.2, jibqa’ attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

3.4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tar-rikorrenza ta’ dumping

(103)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà li jerġa’ jseħħ dumping jekk il-miżuri attwali jitħallew jiskadu. B’mod partikolari l-livell tal-valuri normali stabbiliti fiċ-Ċina, il-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur li kkoopera lejn swieq ta’ pajjiżi terzi, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u d-disponibbiltà ta’ kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti fir-RPĊ juru probabbiltà kbira ta’ rikorrenza ta’ dumping fil-każ li l-miżuri attwali jitħassru.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

4.1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

(104)

Il-perossosulfati huma mmanifatturati minn żewġ produtturi fl-Unjoni. Huma jikkostitwixxu 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR. Iż-żewġ produtturi appoġġjaw it-talba għal rieżami kif ukoll ikkooperaw fl-investigazzjoni.

(105)

Dawn iż-żewġ kumpaniji għalhekk jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u minn hawn ’il quddiem se ssir referenza għalihom bħala l-“industrija tal-Unjoni”.

4.2.   Kumment preliminari

(106)

Sabiex tkun imħarsa l-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, id-data relatata maż-żewġ produtturi tal-Unjoni hija ppreżentata f’forma ta’ indiċi jew firxiet.

(107)

Informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ġiet analizzata fil-livell tal-kodiċi NM għat-tliet tipi ewlenin tal-prodott simili, il-persulfat tal-ammonju, il-persulfat tas-sodju, il-persulfat tal-potassju, fuq il-livell tal-kodiċi TARIC għar-raba’ tip, il-perossimonosulfat tal-potassju. L-analiżi tal-importazzjonijiet ġiet issupplimentata bid-data miġbura skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku.

4.3.   Il-konsum fl-Unjoni

(108)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u tad-data tal-importazzjoni mill-Eurostat, fil-livell tal-kodiċi NM u l-kodiċi TARIC. Dawn il-volumi tal-bejgħ ġew kontroverifikati u aġġornati fejn kien meħtieġ fir-rigward tal-informazzjoni vverifikata mill-produtturi tal-Unjoni.

(109)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum

 

2015

2016

2017

PIR

Konsum (tunnellati)

37 000 – 43 000

37 000 – 43 000

37 000 – 43 000

37 000 – 43 000

Indiċi (2009 = 100)

100

100

106

108

Sorsi: Tweġibiet għall-kwestjonarju, Eurostat, il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6)

(110)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.   Importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq

(111)

Kif issemma fil-premessa (95) hawn fuq, kważi l-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ joriġinaw mill-kumpanija waħda li nstab li ma kinitx qed tagħmel dumping fl-investigazzjoni oriġinali. Minħabba li l-importazzjonijiet koperti mill-miżuri mhumiex sinifikanti (inqas minn 1 % tas-sehem tas-suq), il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet ma kinux rappreżentattivi. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma tistax tiġi analizzata. Għall-istess raġuni, ma kienx possibbli li jiġi kkalkulat it-twaqqigħ tal-prezz tagħhom.

4.5.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(112)

Il-volum, il-prezzijiet u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, kif ukoll tal-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina matul il-perjodu kkunsidrat jidhru fit-tabella hawn taħt. Minħabba l-kunfidenzjalità kif spjegat fil-premessa (106) hawn fuq, iċ-ċifri tas-sehem mis-suq u l-volumi tal-importazzjoni li mhumiex l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina huma żvelati f’forma indiċizzata.

Tabella 3

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra u importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina

 

2015

2016

2017

PIR

Iċ-Ċina

Volum ta’ importazzjonijiet (f’tunnellati)

3 000 – 3 500

2 500- 3 000

3 500 – 4 000

4 000 – 4 500

Il-volum tal-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping

Indiċi (2015 = 100)

100

84

114

135

Prezz EUR/tunnellata

1100 – 1300

1100 – 1200

1000 – 1100

1000 – 1100

Sehem mis-suq

Indiċi (2015 = 100)

100

84

108

125

It-Turkija

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

2 328

2 522

2 008

2 303

Indiċi (2015 = 100)

100

108

86

99

Il-prezz EUR/tunnellata

1 177

1 216

1 240

1 344

Indiċi (2015 = 100)

100

103

105

114

Sehem mis-suq

Indiċi

100

108

82

92

L-Istati Uniti tal-Amerka

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

4 520

4 828

5 019

5 364

Indiċi (2015 = 100)

100

107

111

119

Il-prezz EUR/tunnellata

1 104

1 588

1 204

1 275

Indiċi (2015 = 100)

100

144

109

116

Sehem mis-suq

Indiċi

100

107

105

110

L-Indja

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

934

956

1 299

1 668

Indiċi (2015 = 100)

100

102

139

179

Il-prezz EUR/tunnellata

1 537

1 514

1 487

1 545

Indiċi (2015 = 100)

100

99

97

101

Sehem mis-suq

Indiċi

100

102

132

165

Pajjiżi terzi oħrajn

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

819

1 042

1 223

1 088

Indiċi (2009 = 100)

100

127

149

133

Il-prezz EUR/tunnellata

1 148

1 397

1 305

1 411

Indiċi (2009 = 100)

100

122

114

123

Sehem mis-suq

Indiċi

100

127

141

123

Pajjiżi terzi totali

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

9 000-12 000

10 000-13 000

11 000-14 000

12 000-15 000

Indiċi (2009 = 100)

100

102

112

125

Il-prezz EUR/tunnellata

1 000-1 200

1 200-1 400

1 200-1 400

1 200-1 400

Indiċi (2009 = 100)

100

117

102

106

Sehem mis-suq

Indiċi

100

102

106

116

Sorsi: Eurostat, il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6)

(113)

Il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (inklużi l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina) lejn is-suq tal-Unjoni żdiedu b’madwar 25 % matul il-perjodu kkunsidrat, u l-prezz medju żdied b’madwar 6 % matul l-istess perjodu. Is-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi oħra (inklużi l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina) żdied ukoll b’madwar 16 % matul l-istess perjodu. Fl-istess ħin l-industrija tal-Unjoni żiedet il-prezzijiet tagħha b’medja ta’ 5 % kif iddikjarat fil-premessa (124) hawn taħt.

4.6.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(114)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li affettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.6.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(115)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

 

2015

2016

2017

PIR

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

30 000 – 40 000

30 000 – 40 000

30 000 – 40 000

30 000 – 40 000

Indiċi (2015 = 100)

100

100

104

101

Kapaċità ta’ produzzjoni (tunnellati)

40 000 – 45 000

40 000 – 45 000

40 000 – 45 000

40 000 – 45 000

Indiċi (2015 = 100)

100

104

103

103

Użu tal-kapaċità (%)

80-90

80-90

80-90

80-90

Indiċi (2015 = 100)

100

96

101

99

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(116)

Jirriżulta li kien hemm żieda żgħira fil-kapaċità tal-produzzjoni (bi 2-4 %) iżda l-volum tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità baqgħu stabbli.

4.6.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni

(117)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-bejgħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 5

 

2015

2016

2017

PIR

Volum tal-bejgħ fl-Unjoni (tunnellati)

20 000 – 30 000

20 000 – 30 000

20 000 – 30 000

20 000 – 30 000

Indiċi (2015 = 100)

100

99

103

101

Sehem mis-suq

Indiċi (2015 = 100)

100

99

98

93

Sorsi: Tweġibiet għall-kwestjonarju, Eurostat, il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14(6)

(118)

Il-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni baqa’ stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni tilfet gradwalment is-sehem mis-suq matul l-istess perjodu b’7 % filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 8 %.

4.6.3.   L-impjiegi u l-produttività

(119)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livell tal-impjiegi u l-produttività fi ħdan l-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

 

2015

2016

2017

PIR

Indiċi tal-impjegati (2015 = 100)

100

103

102

103

Indiċi tal-produttività (2015 = 100)

100

97

102

99

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(120)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-impjiegi żdiedu bi 3 %. Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-produtturi tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) għal kull persuna impjegata kull sena, baqgħet stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Din l-istabbiltà hi dovuta parzjalment għall-isforzi tal-industrija tal-Unjoni fis-snin ta’ qabel biex twieġeb għall-pressjoni li ġejja mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ f’dak iż-żmien, li diġà kienet qed iżżid il-produttività għal livelli għoljin qabel il-perjodu kkunsidrat.

4.6.4.   It-tkabbir

(121)

Iż-żieda fil-konsum fl-Unjoni kienet ta’ 8 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika minn din iż-żieda modesta fil-konsum peress li baqgħet titlef is-sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat.

4.6.5.   L-istokkijiet

(122)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

 

2015

2016

2017

PIR

L-istokkijiet (tunnellati)

2 000 – 3 000

2 000 – 3 000

2 000 – 3 000

2 000 – 3 000

Indiċi (2015 = 100)

100

113

101

108

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(123)

Għalkemm il-livell tal-istokkijiet tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni żdied bejn l-2015 u l-PIR, il-livell tiegħu jibqa’ relattivament baxx fir-rigward tal-livell ta’ produzzjoni.

4.6.6.   Prezzijiet medji tal-bejgħ tal-unità fl-Unjoni u l-kost tal-produzzjoni

(124)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-unitajiet lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni u l-kost ta’ unità medju tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

 

2015

2016

2017

PIR

Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità fl-Unjoni

Indiċi (2015 = 100)

100

101

101

105

Kost ta’ unità tal-produzzjoni

Indiċi (2015 = 100)

100

102

99

104

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(125)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kost tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 3-5 %. Fl-istess żmien il-prezzijiet tagħha żdiedu b’4-6 % u b’hekk l-industrija tal-Unjoni setgħet tkopri ż-żieda fil-kost billi għolliet il-prezzijiet tagħha.

4.6.7.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, il-possibbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital u l-pagi

Tabella 9

 

2015

2016

2017

PIR

Il-profitabbiltà

Indiċi (2015 = 100)

100

86

123

110

Fluss ta’ flus

Indiċi (2015 = 100)

100

79

117

103

Investimenti

Indiċi (2015 = 100)

100

60

91

99

Redditu fuq l-investiment

Indiċi (2015 = 100)

100

88

128

110

Kostijiet lavorattivi annwali għal kull impjegat

Indiċi (2015 = 100)

100

97

102

103

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(126)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun bħala profitt nett qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni f’perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni varjat bejn l-aktar punt baxx tagħha ta’ 6-8 % fl-2016 u l-ogħla punt tagħha ta’ 8-10 % fl-2017 u taħt il-profitt fil-mira stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri 12,0 %).

(127)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fluss tal-flus tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 3 %, filwaqt li l-livell tal-investimenti baqa’ stabbli.

(128)

Bejn l-2015 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, ir-redditu fuq l-investiment, iddefinit bħala l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti, żdied b’10 %. Matul l-istess perjodu l-livelli medji tal-pagi żdiedu bi ftit billi segwew l-istess xejra bħall-kost ta’ unità tal-produzzjoni.

4.6.8.   Id-daqs tad-dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti

(129)

Kif spjegat hawn fuq ma kienx hemm importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat, u b’hekk id-daqs tal-marġni tad-dumping ma setax jiġi vvalutat.

(130)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni wriet sinjali ta’ rkupru mill-effetti ta’ dumping fil-passat. Il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ, u l-investiment tal-Unjoni baqgħu stabbli, filwaqt li l-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment żviluppaw b’mod pożittiv. L-industrija tal-Unjoni saħansitra żiedet kemxejn l-impjiegi matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, anke jekk il-volumi tal-bejgħ ma segwewx iż-żieda fid-domanda fis-suq tal-Unjoni peress li baqgħu stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni rkuprat mid-dumping tal-passat.

4.7.   Konklużjoni

(131)

Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet matul il-perjodu kkunsidrat. Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tad-dannu wrew xejra pożittiva jew stabbli. Il-fatt li l-industrija tal-Unjoni bbenefikat mill-miżuri huwa muri, fost l-oħrajn, bil-livell għoli tal-użu tal-kapaċità, u biż-żieda fil-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment. L-importazzjonijiet mir-RPĊ preżenti fis-suq tal-Unjoni joriġinaw mill-uniku produttur Ċiniż li nstab li ma kienx qed jagħmel dumping fl-investigazzjoni oriġinali. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

5.   IL-PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

(132)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat kemm hu probabbli li jerġa’ jseħħ dannu materjali, jekk il-miżuri kontra r-RPĊ jitħallew jiskadu.

(133)

Ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fir-RPĊ, kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni, inklużi konsiderazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ miżuri anti-dumping jew kompensatorji fuq il-perossosulfati f’pajjiżi terzi oħra, l-imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra ta’ pajjiżi terzi, u l-effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fir-RPĊ

(134)

Ir-RPĊ hija bil-wisq l-akbar esportatur globali tal-prodott taħt rieżami. L-UE kienet it-tielet l-aktar suq importanti tal-esportazzjoni tar-RPĊ, abbażi tal-valur totali esportat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (69).

(135)

Kif spjegat fil-premessi (100) sa (101) aktar ’il fuq, il-produtturi fir-RPĊ għandhom kapaċitajiet tal-produzzjoni sinifikanti u kapaċità ta’ riżerva stmata sinifikanti li tisboq bil-bosta l-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

5.2.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(136)

Is-suq tal-Unjoni huwa l-akbar importatur fid-dinja tal-prodott taħt rieżami (70). Barra minn hekk, kif muri fit-Tabella 1 hawn fuq, il-konsum tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat żdied bi 8 % bejn l-2015 u l-PIR. Dan juri li l-konsum fl-Unjoni għadu b’saħħtu u qed jikber. Minħabba d-daqs relattivament kbir tiegħu u l-konsum tiegħu li qed jiżdied b’mod kostanti, is-suq tal-Unjoni għadu attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(137)

Barra dan, f’pajjiżi terzi oħra bħall-Istati Uniti u l-Indja japplikaw miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali fil-konfront tal-esportazzjoni tal-prodott taħt rieżami, li jagħmluha iktar diffiċli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi biex jesportaw lejn dawn is-swieq, u li jkomplu jżidu l-attraenza tas-suq tal-Unjoni bħala destinazzjoni possibbli ta’ dawn l-esportazzjonijiet.

5.3.   Imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi

(138)

Element ieħor li juri l-attraenza tas-suq tal-Unjoni hu l-istrateġija ta’ pprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. F’dan il-kuntest twettqet analiżi fuq il-bażi ta’ paragun bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni u l-prezzijiet mill-fabbrika tal-produttur Ċiniż li kkoopera ċċarġjati lill-pajjiżi terzi, li nġiebu għal-livell CIF biż-żieda tal-kostijiet għall-assigurazzjoni u għat-trasport fl-Unjoni, u li ġew aġġustati bil-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni u bid-dazji konvenzjonali. Dawn il-kalkoli wrew li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi huma 26 % inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni meta mqabbla fl-istess livell. L-istess analiżi saret fuq il-bażi tal-prezzijiet kollha tal-esportazzjoni Ċiniżi kif irrappurtati lill-pajjiżi terzi (mingħajr l-Unjoni) fil-Global Trade Atlas. Dawn il-kalkoli wrew li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi huma 18 % inqas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni meta mqabbla fl-istess livell. Għalhekk, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-importazzjonijiet Ċiniżi se jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk mitluba mill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(139)

Minħabba l-kapaċitajiet ta’ riżerva għolja fir-RPĊ, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kif spjegat fil-qosor hawn fuq fil-premessi (134) sa (138), huwa probabbli li volumi sinifikanti ta’ perossosulfati bi prezz baxx ikunu disponibbli għall-bejgħ/ridirezzjonar lejn l-Unjoni diġà fi żmien qasir f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(140)

Minħabba f’hekk, hemm il-probabbiltà li l-industrija tal-Unjoni, li bħalissa hija kapaċi tissodisfa d-domanda tal-Unjoni, titlef mill-volum tal-bejgħ kif ukoll mis-sehem tas-suq fis-suq tal-Unjoni.

5.4.   L-effett fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(141)

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt probabbli fuq l-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-Kummissjoni analizzat x’aktarx li jiġri fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, fil-volum tal-bejgħ u fil-profitabbiltà jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx jidħlu fis-suq tal-Unjoni b’volumi sinifikanti.

(142)

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li meta l-miżuri skadew bejn l-2002 u l-2007, l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping telgħu minn 200 tunnellata fl-2001 għal kważi 9 000 tunnellata fl-2006 u dan wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet, telf fis-sehem mis-suq u tnaqqis sinifikanti fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(143)

Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u s-sitwazzjoni kompetittiva attwali tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni eżaminat kif l-indikaturi tad-dannu x’aktarx li jintlaqtu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Il-Kummissjoni għalhekk wettqet simulazzjoni bbażata fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-evoluzzjoni stmata tal-volumi tal-bejgħ kienet ibbażata fuq taħlita ta’ żieda storika fil-volumi meta l-miżuri skadew għall-ewwel darba (jiġifieri meta l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping laħqu 9 000 tunnellata fl-2006), u s-sitwazzjoni kompetittiva attwali tal-industrija tal-Unjoni għal kull tip ta’ prodott, filwaqt li jitqiesu l-vantaġġi kompetittivi tal-industrija tal-Unjoni fuq id-diversi tipi ta’ prodotti (bħal pereżempju kwalità aħjar jew limiti ta’ żmien iqsar), u l-fatt li żieda fl-importazzjonijiet mhux biss tieħu sehem mis-suq mill-industrija tal-Unjoni iżda minn pajjiżi terzi oħra wkoll.

(b)

L-evoluzzjoni mistennija tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni hija bbażata fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi kif irrappurtati lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami bi tnaqqis ta’ frazzjoni tad-differenzi fil-livell tal-prezz osservati fil-premessa (99) hawn fuq, filwaqt li jitqiesu tipi differenti ta’ prodotti.

(c)

Id-dħul stmat li jirriżulta mbagħad ġie applikat għall-istruttura tal-kost tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, kif ivverifikat fuq il-post, biex jiġu kkalkulati mill-ġdid iċ-ċifri tal-profittabbiltà.

(144)

Is-simulazzjoni wriet li skadenza tal-miżuri tirriżulta fi tnaqqis ta’ madwar 13 % fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni wara sena, u 20 % wara sentejn, kif ukoll fi tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ta’ madwar 15 %. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċifri tal-profitabbiltà jinbidlu mil-livelli attwali għal sitwazzjoni ta’ kważi telf għall-industrija tal-Unjoni wara sena, u għal sitwazzjoni ta’ telf wara sentejn.

5.5.   Konklużjoni

(145)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tħassir tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ probabbilment iwassal għal rikorrenza ta’ dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni fi żmien qasir.

6.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(146)

Ġie konkluż fil-premessa (144) hawn fuq li l-industrija tal-Unjoni aktarx tesperjenza deterjorazzjoni serja tas-sitwazzjoni tagħha fil-każ li l-miżuri anti-dumping jitħallew jiskadu. Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-miżuri tibbenefika lill-industrija tal-Unjoni minħabba li l-produtturi tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi jżommu l-volumi tagħhom tal-bejgħ, is-sehem fis-suq, il-profittabbiltà u s-sitwazzjoni ekonomika pożittiva ġenerali tagħha. B’kuntrast, il-waqfien tal-miżuri jista’ jhedded serjament il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni għax ikun hemm raġunijiet biex wieħed jistenna bidla tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u f’volumi konsiderevoli li jikkawżaw li d-dannu jerġa’ jseħħ.

7.   L-interess tal-utenti

(147)

Ebda utent ikkuntattjat ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, utent wieħed, Wacker Chemie AG, ipprovda sottomissjoni li fiha sostna li jenħtieġ li l-miżuri jiġu tterminati għal diversi raġunijiet, li huma indirizzati hawn taħt.

(148)

L-ewwel nett, l-utent iddikjara li l-industrija tal-Unjoni żviluppat b’mod pożittiv minkejja l-importazzjonijiet sinifikanti miċ-Ċina u l-importazzjonijiet għoljin minn sorsi oħra bi prezzijiet komparabbli/prezzijiet spiss neżlin. Għaldaqstant, l-industrija tal-Unjoni x’aktarx tkun kapaċi tirreżisti aktar kompetizzjoni mill-importazzjonijiet Ċiniżi. It-tieni, Wacker Chemie ddikjara li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jgħollu l-prezzijiet fis-suq tal-UE irrispettivament mit-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni. Fl-aħħar nett, l-eliminazzjoni tal-miżuri ssaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq u l-kapaċità li l-perossosulfati jinkisbu bi prezzijiet kompetittivi mis-sorsi kollha.

(149)

Kif imsemmi fit-taqsima 4.7 hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, din iż-żieda fil-prezz tal-bejgħ kienet marbuta ma’ żieda ekwivalenti fil-kost tal-produzzjoni (ara l-premessa (125)). Fir-rigward tal-prezzijiet u l-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ, il-Kummissjoni fakkret li kważi l-importazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni mir-RPĊ oriġinaw mill-esportatur li nstab li ma kienx qed jagħmel dumping fl-investigazzjoni oriġinali, u li mhuwiex soġġett għar-rieżami attwali. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra saru bi prezzijiet komparabbli mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u wrew xejra li qed tiżdied aktar milli tonqos. L-investigazzjoni żvelat ukoll li minħabba n-natura tal-prodott kif ukoll minħabba d-diversi sorsi ta’ provvisti disponibbli fis-suq, l-utenti jistgħu faċilment jibdlu l-fornitur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argumenti tal-utent.

(150)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni oriġinali żvelat li l-impatt tal-prodott taħt rieżami fuq il-kostijiet tal-prodotti downstream huwa pjuttost marġinali u l-effett tad-dazju anti-dumping kien negliġibbli (71). L-utenti ma pprovdew l-ebda informazzjoni li tista’ tinvalida l-konklużjonijiet milħuqa f’investigazzjonijiet preċedenti li l-impatt tad-dazju fuq in-negozju tagħhom ikun marġinali.

8.   L-interess tal-importaturi

(151)

L-ebda wieħed mill-importaturi kkuntattjati ma importa volumi sinifikanti tal-prodott taħt rieżami u għalhekk ma kinux meħtieġa li jipprovdu tweġibiet għall-kwestjonarju. L-ebda wieħed mill-importaturi li ppreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni fil-bidu tar-rieżami ma pprovda kummenti.

(152)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-importaturi jistgħu faċilment jixtru minn sorsi differenti li huma attwalment disponibbli fis-suq, b’mod partikolari mill-industrija tal-Unjoni, l-esportaturi tal-Istati Uniti u l-esportaturi Ċiniżi li jbigħu bi prezzijiet li mhumiex oġġett ta’ dumping. Fl-investigazzjoni oriġinali l-Kummissjoni sabet li l-proporzjon tal-importazzjonijiet ta’ perossosulfati kien jirrappreżenta bejn 0,03 % u 1,3 % tal-fatturat totali tal-importaturi (72). Għalhekk, mingħajr evidenza li tinvalida din is-sejba, u meta jitqies li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami ma kinux sinifikanti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importaturi ma jkunux affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri.

9.   Konklużjoni

(153)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset id-diversi interessi f’kompetizzjoni u tat attenzjoni speċjali għall-ħtieġa li l-industrija tal-Unjoni tiġi protetta kontra l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. Peress li ma hemmx evidenza li tista’ tinvalida l-konstatazzjonijiet tal-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-importaturi u l-utenti mhumiex ikkonċernati b’mod tant sinifikanti li ż-żamma tal-miżuri tkun sproporzjonata b’mod ċar. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li fir-rigward tal-interess tal-Unjoni ma hemmx raġunijiet konvinċenti kontra ż-żamma tal-miżuri anti-dumping attwali.

10.   Il-proċedura sussegwenti

(154)

Fit-8 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji anti-dumping (“żvelar finali”) u stiednet lill-partijiet biex jikkummentaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment fejn partijiet interessati oġġezzjonaw għall-konstatazzjonijiet żvelati.

(155)

Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u ttieħdu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq.

11.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(156)

Minħabba r-raġunijiet ippreżentati, jenħtieġ li l-miżuri anti-dumping applikabbli għall-perossosulfati b’oriġini fiċ-Ċina jinżammu.

(157)

Sabiex jiġu mminimizzati kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati ta’ dazju, jenħtieġu miżuri speċjali biex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali għandhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(158)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati individwali tad-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet, jenħtieġ li din ma tkunx l-uniku element li l-awtoritajiet doganali jqisu. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw il-preċiżjoni tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni, u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(159)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpanniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi tad-dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata/i ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(160)

Jekk kumpanija b’rata individwali ta’ anti-dumping tibdel l-isem tal-entità tagħha b’mod sussegwenti, hija tista’ titlob li din ir-rata tibqa’ tapplika. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (73). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jiġi ppubblikat avviż dwar il-bidla tal-isem.

(161)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (74), meta ammont għandu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(162)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-perossosulfati (persulfati), inkluż is-sulfat tal-perossimonosulfat tal-potassju, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 2833 40 00 u ex 2842 90 80 (il-kodiċi TARIC 2842908020) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

ABC Chemicals (Shanghai) Co., Ltd., Shanghai

0,0

A820

United Initiators Shanghai Co., Ltd

24,5

A821

Il-kumpaniji l-oħra kollha

71,8

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju individwali speċifikata għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha għandha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat bl-isem u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-[prodott ikkonċernat] mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni Ewropea kopert b’din il-fattura ġie mmanifatturat minn [isem u indirizz tal-kumpanija] [kodiċi addizzjonali TARIC] fi [pajjiż ikkonċernat]. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata tali fattura, għandha tapplika r-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE) 2018/825 (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(2)   ĠU L 265, 11.10.2007, p. 1.

(3)   ĠU L 338, 17.12.2013, p. 11.

(4)   ĠU C 110, 23.3.2018, p. 29.

(5)   ĠU C 454, 17.12.2018, p. 7.

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1584 tal-25 ta’ Settembru 2019 li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1343/2013 fuq l-importazzjonijiet ta’ perossosulfati (persulfati) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 246, 26.9.2019, p. 19).

(7)  Brussell, 20.12.2017 SWD(2017) 483 finali/2; aċċessibbli fuq: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf.

(8)  Nota għall-Fajl tal-15 ta’ Jannar, in-numru Sherlock Nru t19.000129, (disponibbli fil-fajl miftuħ).

(9)  In-Nota tal-fajl tas-6 ta’ Mejju, in-numru Sherlock Nru t19.002077, (disponibbli fil-fajl miftuħ).

(10)  Ir-Rapport p. 6 – 7.

(11)  Ir-Rapport p. 10.

(12)  Ara http://en.pkulaw.cn/display.aspx?cgid=311950&lib=law.

(13)  Ir-Rapport, p. 41, 73 - 74.

(14)  Ir-Rapport, p. 120 - 121.

(15)  Ir-Rapport, p. 122 - 135.

(16)  Ir-Rapport, p. 167 - 168.

(17)  Ir-Rapport, p. 169 - 170, 200 - 201.

(18)  Ir-Rapport, p. 15 - 16, p. 50, p. 84, p. 108 - 9.

(19)  Ir-Rapport, p. 26.

(20)  Ir-Rapport, p. 31 – 2.

(21)  https://www.reuters.com/article/us-china-congress-companies-idUSKCN1B40JU.

(22)  Ir-Rapport, p. 431.

(23)  Ir-Rapport, p. 431.

(24)  Ir-Rapport, p. 431.

(25)  Ir-Rapport, p. 111 – 150.

(26)  Ir-Rapport, p. 41 – 42, 83.

(27)  Ir-Rapport, p. 69.

(28)  Ir-Rapport, p. 409.

(29)  Ir-Rapport, p. 411.

(30)  Ir-Rapport, p. 66.

(31)  Ir-Rapport, p. 267 - 268.

(32)  Ir-Rapport, p. 271.

(33)  Ir-Rapport, p. 217 – 234.

(34)  Ir-Rapport, p. 431.

(35)  Ir-Rapport, p. 223, 231, 408 u 412.

(36)  Ir-Rapport, p. 138 – 149.

(37)  Ir-Rapport, p. 216.

(38)  Ir-Rapport, p. 213 – 215.

(39)  Ir-Rapport, p. 209 – 211.

(40)  Ara l-premessa (58) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 390/2007 (ĠU L 97, 12.4.2007, p. 6).

(41)  Ara l-premessi 478-493 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 (ĠU L 283, 12.11.2018, p. 1).

(42)  Ir-Rapport, p. 332 – 337.

(43)  Ir-Rapport, p. 336.

(44)  Ir-Rapport, p. 337 – 341.

(45)  Ir-Rapport, p. 114 – 117.

(46)  Ir-Rapport, p. 119.

(47)  Ir-Rapport, p. 120.

(48)  Ir-Rapport, p. 121 – 122, 126 – 128, 133 – 135.

(49)  Ir-Rapport, p. 121 – 122, 126 – 128, 133 – 135.

(50)  Ir-Rapport, p. 362 – 3.

(51)  Ir-Rapport, p. 127.

(52)   OECD Economic Surveys: China 2017, OECD Publishing, Pariġi, p. 22. Ċifri dettaljati jistgħu jinstabu wkoll fiċ-China Quarterly Monetary Policy Report maħruġ mill-PBOC. Ir-Rapport, p. 241.

(53)  Ir-Rapport, p. 252 – 255.

(54)   Data Miftuħa tal-Bank Dinji – Introjtu Medju Superjuri, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income (aċċessat fis-27 ta’ Marzu 2019).

(55)  https://connect.ihs.com/gta/standardreports

(56)  L-Istitut tal-Istatistika tat-Turkija, http://www.turkstat.gov.tr

(57)  https://orbis4.bvdinfo.com/version-201866/orbis/Companies

(58)  Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li żewġ materji primi kienu maqsumin fit-Turkija f’livell ta’ 12-il ċifra, jiġifieri l-aċidu sulfuriku u l-idrossidu tal-potassju. Kważi l-importazzjonijiet kollha fit-Turkija ġew irrappurtati taħt kodiċi wieħed jiġifieri taħt 28 07 00 00 00 19 għall-aċidu sulfuriku u taħt 28 15 20 00 00 00 għall-idrossidu tal-potassju. Kif iddikjarat fin-Nota tal-15 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni użat il-livell ta’ kodiċi (HS) ta’ sitt ċifri.

(59)  http://www.turkstat.gov.tr/PreIstatistikTablo.do?istab_id=2090, kif aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Awwissu 2019.

(60)  Din hi klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi użata mill-Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/web/nace-rev2, kif aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Awwissu 2019.

(61)  http://www.turkstat.gov.tr/PreIstatistikTablo.do?istab_id=2104, kif aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Awwissu 2019.

(62)  http://www.turkstat.gov.tr/PreHaberBultenleri.do?id=30608, kif aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Awwissu 2019. 100 Kuruș = 1 lira Torka.

(63)  Id-data hija disponibbli għal perjodi ta’ nofs sena. Il-Kummissjoni kkalkulat il-prezz medju fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami bħala 25 % tat-tieni nofs tal-2017, 50 % tal-ewwel nofs tal-2018 u 25 % tat-tieni nofs tal-2018.

(64)  https://orbis4.bvdinfo.com/version-201988/orbis/1/Companies/report/Index?format=114678F1-A093-E711-8A1A-2C44FD99A5A0&BookSection=GLOBALSTANDARDFORMAT&seq=0

(65)  Kif innotat fil-premessa (5), il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni dwar dawn l-importazzjonijiet fis-26 ta’ Settembru 2019. L-investigazzjoni tikkonċerna l-kumpanija ABC Chemicals (Shanghai) Co. Ltd.

(66)  Il-produttur esportatur biegħ lil 25 pajjiż fl-Asja, fl-Ameriki, fl-Afrika u f’pajjiżi Ewropej, mhux membri tal-Unjoni.

(67)  Fl-Anness 4.2.2(b) tal-Applikazzjoni, li għadu miftuħ, l-applikanti stabbilixxew lista tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni Ċiniżi fuq il-bażi tas-siti web tal-kumpanija.

(68)  L-applikanti rrapportaw il-kapaċità żejda fil-verżjoni miftuħa tat-talba, it-taqsima 4.1.2, p. 18.

(69)  Fuq il-bażi tal-istatistika meħuda mill-GTA.

(70)  Fuq il-bażi tal-istatistika meħuda mill-GTA.

(71)   ĠU L 97, 12.4.2007, p. 6.

(72)   ĠU L 97, 12.4.2007, p. 6.

(73)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Directorate H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussels, Belgium.

(74)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).