SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

21 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet fiskali – Direttiva 1999/62/KE – Taxxa fuq vetturi tqal tal-merkanzija għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi – Sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva – Artikolu 9a – Rekwiżit ta’ proporzjonalità – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona l-ksur kollu permezz ta’ multa b’ammont fiss”

Fil-Kawża C‑61/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

“Ekostroy” EOOD

vs

Agentsia “Patna infrastruktura”,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Haskovo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Kumin (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (relatur)u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal “Еkоstroy” EOOD, minn A. P. Petrova, advokat,

–

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u S. Ruseva, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Messina u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/62”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Ekоstroy” EOOD, impriża stabbilita fil-Bulgarija, u l-Agentsia “Patna infrastruktura” (l-Aġenzija tal-Infrastruttura tat-Toroq, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“API”) dwar sanzjoni pekunjarja imposta fuq Ekostroy għall-użu ta’ sezzjoni mill-awtostrada mingħajr ma ħallset l-ammont ta’ pedaġġ meħtieġ kif ukoll il-ħlas eventwali ta’ ħlas tat-triq kumpensatorju fiss.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tad-Direttiva 1999/62 tipprovdi:

“L-eliminazzjoni ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri teħtieġ kemm l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż ta’ infrastruttura fuq dawk li jġorru l-merkanzija bl-art”.

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal taxxi fuq vetturi, ħlasijiet għall-użu ta’ toroq u ħlasijiet fuq l-utenti imposti fuq vetturi kif definiti fl-Artikolu 2.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘ħlas għall-użu tat-triq’ tfisser ammont speċifiku pagabbli għal vettura bbażat fuq id-distanza ta’ vjaġġ fuq infrastruttura partikolari u fuq it-tip ta’ vettura, li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u/jew tariffa għall-ispejjeż esterni;

[…]

(d)

‘vettura’ tfisser vettura bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi artikolata maħsuba jew użata għall-ġarr ta’ merkanzija fuq it-triq u li għandha piż massimu permissibbli meta tkun mgħobbija ’l fuq minn 3,5 tunnellati;

(e)

vettura tal-kategorija ‘EURO 0’, ‘EURO I’, ‘EURO II’, ‘EURO III’, ‘EURO IV’, ‘EURO V’, ‘EEV’ tfisser vettura li tkun konformi mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness 0;

[…]

(f)

‘tip ta’ vettura’ tfisser kategorija li vettura taqa’taħtha skond in-numru ta’ fusien tagħha, il-qisien jew il-piż tagħha, jew fatturi oħra ta’ klassifikazzjoni ta’ vetturi li jirriflettu l-ħsara fit-triq […]

[…]”

6

L-Artikoli 7 sa 7k tal-istess direttiva jirrigwardaw b’mod partikolari l-prinċipji u r-regoli fundamentali dwar l-introduzzjoni u/jew iż-żamma ta’ sistema ta’ pedaġġi, id-drittijiet għall-użu, il-ħlasijiet u kif ukoll it-tariffi.

7

Skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli xierqa u jiddeterminaw is-sistema ta’ penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva. Huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi

8

L-Artikolu 2(1) taż-zakon za administrativnite narushenia i nakazania (il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi, DV Nru 92 tat-28 ta’ Novembru 1969), fil-verżjoni tagħha li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZANN”), jipprovdi:

“L-atti li jikkostitwixxu ksur amministrattiv u s-sanzjonijiet li għalihom huma suġġetti huma stabbiliti permezz ta’ liġi jew digriet.”

9

L-Artikolu 13 taz-ZANN jipprovdi:

“(1)   Is-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin jistgħu jiġu previsti u imposti f’każ ta’ ksur amministrattiv:

[…]

(b) il-multa;

[…]”

10

Skont l-Artikolu 15(1) taz-ZANN, il-multa hija sanzjoni li tirriżulta fil-ħlas ta’ somma ddeterminata ta’ flus.

11

L-Artikolu 27 taz-ZANN jipprovdi:

“(1)   Is-sanzjoni amministrattiva hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi fil-limiti tas-sanzjoni prevista f’każ ta’ twettiq tal-ksur.

(2)   Fid-determinazzjoni tas-sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-motivi tat-twettiq tagħha u ċirkustanzi oħra attenwanti u aggravanti, kif ukoll is-sitwazzjoni patrimonjali tal-awtur.

(3)   Iċ-ċirkustanzi attenwanti jimplikaw l-applikazzjoni ta’ sanzjoni iktar leġġera u ċ-ċirkustanzi aggravanti ta’ sanzjoni iktar ħarxa.

(4)   Ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 15(2), is-sanzjonijiet marbuta mal-ksur ma jistgħux jiġu ssostitwiti b’sanzjonijiet iktar leġġeri.

(5)   Lanqas ma huwa awtorizzat li tiġi ffissata sanzjoni taħt is-sanzjoni taħt l-ammont minimu previst tas-sanzjonijiet li jikkostitwixxu l-multa u ċ-ċaħda temporanja tad-dritt li tiġi eżerċitata professjoni jew attività ddeterminata ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.”

12

Skont l-Artikolu 28(1) taz-ZANN:

“Fil-każ ta’ ksur amministrattiv negliġibbli, l-awtorità li għandha s-setgħa li timponi sanzjonijiet ma timponix sanzjoni fuq l-awtur tal-ksur, filwaqt li tavżah bil-miktub, li, jekk, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tal-avviż, huwa jwettaq ksur amministrattiv ieħor tal-istess natura li jikkostitwixxi każ negliġibbli, sanzjoni amministrattiva ser tiġi imposta fuqu għal dan il-ksur l-ieħor. L-awtorità li għandha s-setgħa li timponi sanzjonijiet għandha, flimkien mat-twissija, tapplika l-Artikolu 20(2) sa (4) u l-Artikolu 21.”

13

L-Artikolu 83(1) u (2) taz-ZANN jipprovdi:

“(1)   Fil-każijiet previsti mil-liġi, id-digriet, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri jew id-deċiżjoni muniċipali rilevanti, tista’ tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fuq il-persuni ġuridiċi u fuq l-imprendituri individwali talli jkunu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-Istat jew tal-muniċipalità fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom.

(2)   Is-sanzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti hija imposta skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi, meta l-att normattiv korrispondenti ma jipprovdix mod ieħor.”

14

Il-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZANN jinkludi l-passaġġ li ġej:

“Fis-sens ta’ din il-liġi:

1. Il-‘formola elettronika’ hija dikjarazzjoni elettronika fuq karta, medium manjetiku jew ta’ xorta oħra, stabbilita permezz ta’ sistema amministrattiva u tal-informatika abbażi ta’ data relatata ma’ ksur irċevuta u pproċessata permezz ta’ apparati jew sistemi tekniċi awtomatizzati.

[…]

4. Il-‘każ negliġibbli’ huwa dak li fil-kuntest tiegħu l-ksur imwettaq minn persuna fiżika jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu minn imprenditur li jaġixxi individwalment, jew ukoll persuna ġuridika fil-konfront tal-Istat jew mal-komun, jirrappreżenta livell inqas ta’ perikolu soċjali meta mqabbel mal-każijiet abitwali ta’ ksur jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tat-tip ta’ obbligu kkonċernat, fid-dawl tal-assenza jew tan-natura insinjifikattiva tal-effetti dannużi jew fid-dawl ta’ ċirkustanzi attenwanti oħra.”

Il-Liġi dwar it-Toroq

15

L-Artikolu 10 taż-zakon za patishtata (il-Liġi dwar it-Toroq, DV Nru 26 tad-29 ta’ Marzu 2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZP”), jipprevedi:

“(1)   Sistema mħallta ta’ tassazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ vetturi tat-triq, kif ukoll ħlasijiet ikkalkolati skont it-tul ta’ żmien u ħlasijiet ikkalkolati skont id-distanza koperta għandha tiġi stabbilita għall-finijiet tal-użu tan-network tat-toroq b’pedaġġi:

1.

dritt ta’ użu fuq in-network tat-toroq b’pedaġġi — vignette għall-vetturi tat-triq skont l-Artikolu 10a(7); il-ħlas tal-vignette jagħti d-dritt lil vettura waħda tat-triq li tuża n-network tat-toroq b’pedaġġi għal perijodu ta’ żmien iddeterminat;

2.

ħlas għad-distanza koperta – pedaġġ għall-vetturi tat-triq skont l-Artikolu 10b(3); il-ħlas tal-pedaġġ jagħti d-dritt lil vettura waħda tat-triq li taqsam id-distanza bejn żewġ punti tat-triq jew tas-sezzjoni tat-triq ikkonċernata, bid-distanza koperta tiġi kkalkolata abbażi tat-total tad-diversi segmenti ta’ pedaġġi użati mill-vettura tat-triq ikkonċernata, u l-ħlasijiet dovuti jiġu ddeterminati abbażi tat-total tal-ħlasijiet ikkalkolati għas-segmenti tal-pedaġġi kkonċernati; il-ħlas għad-distanza koperta għandu jiġi ddeterminat skont il-karatteristiċi tekniċi tat-triq jew tas-sezzjoni tat-triq, id-distanza koperta, il-kategorija tal-vettura tat-triq, in-numru ta’ axles kif ukoll il-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha u għandha tiġi ddeterminata għal kull triq jew sezzjoni tat-triq meħuda waħedha.

(2)   F’każ ta’ konstatazzjoni, fin-network tat-toroq b’pedaġġi, ta’ ċirkulazzjoni ta’ vettura tat-triq li għaliha l-ħlas korrispondenti msemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx sar, jista’ jsir ħlas kumpensatorju mis-sewwieq tal-vettura tat-triq, mill-proprjetarju tagħha jew minn terz, li jkunu, minħabba f’hekk, eżentati mir-responsabbiltà amministrattiva tagħhom ta’ natura kriminali. F’dan il-każ, huma eżentati wkoll mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali l-persuni l-oħra kollha li jistgħu jsostnu tali responsabbiltà fir-rigward ta’ din il-vettura tat-triq.

[…]

(6)   L-ammont tal-ħlasijiet msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4 u 5, kif ukoll fl-Artikolu 10b(5), huwa ddeterminat b’tariffa tal-Kunsill tal-Ministri fuq proposta tal-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ rkupru tal-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Ministri fuq proposta tal-Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u għax-Xogħlijiet Pubbliċi. […]

(7)   Il-kundizzjonijiet, il-proċedura u r-regoli għall-istabbiliment u għall-funzjonament ta’ sistema mħallta ta’ tassazzjoni tad-diversi kategoriji ta’ vetturi tat-triq ikkalkolata skont it-tul u d-distanza koperta għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Ministri skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva [1999/62] u tad-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabbiltà ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 856)]. Id-digriet għandu jiddetermina wkoll il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ rkupru tal-ħlasijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 u fl-Artikolu 10b(5).

[…]”

16

L-Artikolu 10b taz-ZP jipprovdi:

“(1)   Il-pedaġġi għandhom jiġu ffissati skont il-karatteristiċi tekniċi tat-triq jew tas-sezzjoni tat-triq, id-distanza koperta, il-kategorija tal-vettura tat-triq u n-numru ta’ axles tagħha, kif ukoll il-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha u għandhom jiġu stabbiliti għal kull triq jew sezzjoni tat-triq.

(2)   Il-kontroll tal-vettura tat-triq mad-dħul u mal-ħruġ min-network tat-toroq b’pedaġġi, il-kontabbiltà tad-distanza li tkun għamlet, kif ukoll il-ħlas tal-pedaġġ għandhom jitwettqu permezz tas-sistema elettronika tal-pedaġġi. […]

(3)   Il-pedaġġ għandu jitħallas mill-proprjetarju jew mill-utent tal-vettura tat-triq għall-vetturi tat-triq kollha b’massa totali massima teknikament permissibbli ta’ iktar minn 3.5 tunnellati minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 10a(9) u l-ħlas ta’ dan il-pedaġġ jagħti lill-vettura tat-triq li fir-rigward tagħha dan il-pedaġġ ikun tħallas id-dritt li tkopri distanza ddeterminata bejn żewġ punti.

(4)   L-ammont tal-pedaġġ dovut huwa ddeterminat abbażi tad-data ta’ pedaġġi effettivament miksuba, iċċertifikati skont il-modalitajiet previsti fid-digriet imsemmi fl-Artikolu 10(7) jew permezz tax-xiri tal-karta tat-triq unika li tagħti d-dritt lill-utent tat-triq li jkopri d-distanza li jkun ħabbar minn qabel fuq triq iddeterminata, peress li din tkun valida biss għall-vettura tat-triq li n-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha jkun ġie ddikjarat korrettament mill-proprjetarju jew mill-utent tal-vettura. Id-digriet imsemmi fl-Artikolu 10(7) jiddetermina wkoll il-modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ ħlas tal-pedaġġ dovut.

(4a)   Ir-responsabbiltà għad-data ddikjarata b’mod skorrett fil-karta tat-triq taqa’ fuq il-proprjetarju jew fuq l-utent. Fil-każ ta’ data ddikjarata b’mod żbaljat fir-rigward tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura tat-triq, inkluż fir-rigward tal-Istat li fih hija rreġistrata, jew il-perijodu ta’ validità tal-karta tat-triq, il-pedaġġ jitqies li ma tħallasx għall-vettura tat-triq.

(5)   Fil-każ ta’ impossibbiltà li tiġi stabbilita d-distanza fil-fatt koperta għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ funzjonament ħażin tekniku tas-sistema elettronika tal-pedaġġi miżmuma mill-[API], il-vettura tat-triq ikkonċernata għandha titqies li tkun għamlet distanza li tikkorrispondi għall-itwal sezzjoni bejn żewġ punti fin-network tat-toroq b’pedaġġi, stabbilita fid-dawl tal-iktar triq diretta tul in-network tat-toroq b’pedaġġi, f’liema każ il-proprjetarju jew l-utent ikun suġġett għal ħlas massimu, stabbilit fit-tariffa msemmija fl-Artikolu 10(6).

[…]”

17

Il-paragrafu 1 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZP jinkludi dan li ġej:

“Punt 31: ‘Network tat-toroq b’pedaġġi” huwa sistema ta’ toroq u tas-sezzjonijiet tagħhom li l-aċċess għalihom huwa suġġett għall-ħlas ta’ vignette jew ta’ pedaġġ, sa fejn din is-sistema tkun ġiet stabbilita mill-Kunsill tal-Ministri skont l-Artikolu 10(3).

[…]

Punt 35: ‘Segment tal-pedaġġ’ tfisser parti speċifika ta’ triq jew ta’ sezzjoni ta’ toroq tan-network tat-toroq b’pedaġġi, individwalizzata permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni u d-direzzjoni tat-traffiku, li l-aċċess għaliha huwa suġġett għal pedaġġ ibbażat fuq it-tul tas-segment tal-pedaġġ u r-rata stabbilita fit-tariffa msemmija fl-Artikolu 10(6) għat-triq jew, skont il-każ, għas-sezzjoni tat-triq.”

Il-Liġi dwar it-Traffiku

18

L-Artikolu 102(2) taż-zakon za dvizhenieto po patishtata (il-Liġi dwar it-Traffiku, DV Nru 20 tal-5 ta’ Marzu 1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZDP”), jipprovdi:

“Il-proprjetarju ma jistax jawtorizza ċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura tat-triq fuq triq li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi relatati ma’ din il-vettura tat-triq marbuta mad-determinazzjoni tal-ammont u mal-ħlas korrispondenti skont l-Artikolu 10(1) taz-[ZP] skont il-kategorija tal-vettura tat-triq. Jekk utent tal-vettura jissemma fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, huwa għandu jwettaq l-obbligu.”

19

L-Artikolu 167a taz-ZDP jistipula:

“(1)   L-[API] għandha teżerċita kontroll fuq il-ħlas korrispondenti msemmi fl-Artikolu 10(1) taz-[ZP], permezz tas-sistema elettronika tal-pedaġġi.

[…]

(3)   Is-sistema elettronika tal-pedaġġi msemmija fl-Artikolu 10(1) taz-[ZP] tiġġenera rapporti għal kull ksur ikkonstatat skont l-Artikolu 179(3) – (3c), li magħhom huma awtomatikament annessi stampi statiċi fil-forma ta’ ritratti u/jew stampi li jiċċaqalqu [fil-forma ta’] reġistrazzjonijiet vidjo. Ir-rapporti, flimkien mal-istampi statiċi fil-forma ta’ ritratti u/jew l-istampi li jiċċaqalqu [fil-forma ta’] reġistrazzjonijiet vidjo, mehmuża magħhom, għandhom jikkostitwixxu provi taċ-ċirkustanzi hemm riflessi fir-rigward tal-vettura tat-triq, il-pjanċa tar-reġistrazzjoni, id-data, il-ħin u l-post taċ-ċirkulazzjoni f’sezzjoni tat-triq li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi, kif ukoll il-lokalizzazzjoni tal-apparat tekniku li jagħmel parti mis-sistema.

[…]”

20

L-Artikolu 179 taz-ZDP jipprovdi, fil-paragrafi 3 – 3b:

“(3)   Is-sewwieq ta’ vettura tat-triq li jsuq fi triq li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi, mingħajr ma jkun għamel il-ħlas skont il-punt 1 tal-Artikolu 10(1) taz-[ZP] għal din il-vettura, huwa suġġett għal multa li tammonta għal 300 [leva Bulgari (BGN)].

(3a)   Is-sewwieq ta’ vettura tat-triq tal-kategorija msemmija fl-Artikolu 10b(3) taz-[ZP] li jsuq fi triq li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi mingħajr ma jkunu ġew eżegwiti l-obbligi korrispondenti relatati ma’ din il-vettura relatati mad-determinazzjoni tad-distanza koperta, konformement mar-rekwiżiti taz-[ZP], fis-sezzjoni tat-triq, li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi, li huwa jkun beda juża, jew li ma jkunx xtara karta tat-triq ta’ dan in-network, huwa suġġett, skont il-kategorija ta’ vettura tat-triq, għal multa fl-ammont ta’ BGN 1800.

(3b)   Il-proprjetarju ta’ vettura tat-triq tal-kategorija msemmija fl-Artikolu 10b(3) taz-[ZP] li għaliha l-ħlas dovut skont il-punt 2 tal-Artikolu 10(1) tal-istess liġi ma jkunx sar, kompletament jew parzjalment, inkluż minħabba dikjarazzjoni ineżatta ta’ data, imsemmija fl-Artikolu 10b(1) tal-istess liġi, huwa suġġett għal multa fl-ammont ta’ BGN 2500. Jekk utent tal-vettura tat-triq ikun ġie rreġistrat, il-multa tiġi imposta fuqu. Jekk il-proprjetarju jew l-utent irreġistrat ikun persuna ġuridika, sanzjoni pekunjarja li tammonta għal BGN 2500 għandha tiġi imposta fuqha.”

21

L-Artikolu 187a(1) u (2) taz-ZDP jipprovdi:

“(1)   Fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ okkorrenzi ta’ ksur imsemmija fl-Artikolu 179(3) – (3b), fl-assenza ta’ awtur tal-ksur, il-vettura tat-triq titqies li nstaqet mill-proprjetarju tagħha, jew mill-utent, meta utent tal-vettura jissemma fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, ħlief jekk jiġi stabbilit li l-vettura tat-triq kienet misjuqa minn terz.

(2)   Jekk il-proprjetarju tal-vettura tat-triq ikun persuna ġuridika jew imprenditur individwali, il-proprjetarju li jkun awtorizza ċ-ċirkulazzjoni tal-vettura tat-triq, mingħajr ma jkun wettaq l-obbligi relatati mad-determinazzjoni tal-ammont u mal-ħlas korrispondenti msemmi fl-Artikolu 10(1) taz-[ZP], ikun suġġett għal sanzjoni pekunjarja ddeterminata kif ġej:

1.

skont l-Artikolu 179(3) – ammont ta’ BGN 300;

2.

skont l-Artikolu 179(3a) – ammont ta’ BGN 1800;

3.

skont l-Artikolu 179(3b) – ammont ta’ BGN 2500.”

22

Skont l-Artikolu 189h taz-ZDP, l-okkorrenzi ta’ ksur ta’ din il-liġi ma humiex irregolati mill-Artikoli 28 u 58d taz-ZANN.

It-tariffa tal-ħlasijiet għall-aċċess għan-network tat-toroq tar-Repubblika u għall-użu tiegħu

23

L-Artikolu 27 tat-tariffa tal-ħlasijiet għall-aċċess għan-network tat-toroq tar-Repubblika u għall-użu tiegħu, adottata bid-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 370 tal-20 ta’ Diċembru 2019 (DV Nru 101, tas-27 ta’ Diċembru 2019), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“tariffa tal-ħlasijiet”), jiffissa l-ammont tal-ħlas għad-distanza koperta li għalih huwa suġġett l-użu mill-vetturi tat-triq tal-infrastruttura tat-toroq bi ħlas. Fir-rigward tal-awtostradi, dan il-ħlas jammonta għal 0.08 BGN/km għal vettura tqila fil-kategorija Euro III, b’massa teknikament ammissibbli ta’ iktar minn 12-il tunnellata u li għandha żewġ jew tliet axles, u għal 0.16 BGN/km għal vettura tqila f’din il-kategorija iżda li għandha erba’ axles u iktar.

24

L-Artikolu 28(1) tat-tariffa tal-ħlasijiet jipprevedi li, meta ċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura tat-triq tiġi kkonstatata fin-netwerk tat-toroq b’pedaġġ, meta ma jkunx sar, skont l-Artikolu 10b(3) taz-ZP, il-ħlas korrispondenti msemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 10(1) taz-ZP, il-ħlas kumpensatorju li għandu jħallas is-sewwieq tal-vettura tat-triq irreġistrata fil-Bulgarija, il-proprjetarju tagħha jew terz ikun ta’ BGN 750 fil-każ li l-vettura tkun vettura tqila b’massa totali massima teknikament ammissibbli ta’ iktar minn 12-il tunnellata, li jkollha erba’ axles u iktar.

25

Skont l-Artikolu 29(1) tat-tariffa tal-ħlasijiet, fil-każ ta’ impossibbiltà li tiġi stabbilita d-distanza fil-fatt koperta għal raġunijiet li ma humiex relatati ma’ funzjonament ħażin tekniku tas-sistema elettronika tal-pedaġġi, il-vettura tat-triq irreġistrata fil-Bulgarija hija meqjusa li tkun għamlet distanza li tikkorrispondi għall-itwal sezzjoni bejn żewġ punti tan-network tat-toroq b’pedaġġi, iddeterminata skont l-iktar triq diretta tul in-network tat-toroq b’pedaġġi, f’liema każ il-proprjetarju jew l-utent għandu jagħmel ħlas massimu ta’ BGN 167 meta l-vettura tkun vettura tqila tal-kategorija EURO III, b’massa totali massima teknikament permissibbli ta’ iktar minn 12-il tunnellata, li jkollha erba’ axles u iktar.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

26

Fit-18 ta’ Jannar 2022, iċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura tqila, b’massa totali massima teknikament ammissibbli ta’ 44 tunnellati, li taqa’ taħt il-kategorija EURO III, li għandha ħames axles, u li tappartjeni lil Ekostroy, ġiet ikkonstatata fuq awtostrada li taqa’ taħt in-network tat-toroq b’pedaġġi tal-Bulgarija. Skont l-Artikolu 27 tat-tariffa tal-ħlasijiet, l-ammont tal-ħlas għal vettura ta’ dan it-tip ta’ vettura huwa ta’ 0.16 BGN/km.

27

Wara li osservat li l-karatteristiċi tekniċi reali tal-vettura kkontrollata ma kinux jikkorrispondu għal dawk li Ekostroy kienet indikat fl-istess jum fid-dikjarazzjoni tal-pedaġġi tagħha, jiġifieri vettura li għandha biss żewġ axles, li għaliha l-ħlas huwa ta’ 0.08 BGN/km, l-API kkonstatat ksur tal-Artikolu 102(2) taz-ZDP.

28

Permezz ta’ formola elettronika, l-API imponiet fuq Ekostroy sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 2500 abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 187a(2) taz-ZDP, moqri flimkien mal-Artikolu 179(3b) ta’ din il-liġi. L-API talbitha wkoll ħlas tat-triq ta’ BGN 167 skont l-Artikolu 10b(5) taz-ZP, minħabba l-impossibbiltà li tiġi stabbilita d-distanza fil-fatt koperta mill-vettura. Madankollu, din l-istess formola kienet tindika li kien possibbli għal Ekostroy, skont l-Artikolu 10(2) taz-ZP, li teżenta ruħha mis-sanzjoni pekunjarja u mill-ħlas tat-triq permezz ta’ ħlas tat-triq kumpensatorju ta’ BGN 750, f’terminu ta’ erbatax-il jum dekorribbli minn meta tirċievi l-formola elettronika.

29

Ekostroy ikkontestat il-formola elettronika quddiem ir-Rayonen sad – Svilengrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Svilengrad, il-Bulgarija). Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2022, din il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni tal-API u ċaħdet l-azzjoni.

30

Ekostroy appellat minn din is-sentenza quddiem l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

31

Din il-qorti għandha dubji dwar jekk is-sanzjonijiet, previsti fl-Artikolu 179(3) – (3b) taz-ZDP, imġarrba f’każ ta’ ksur tal-obbligi msemmija fl-atti leġiżlattivi li jittrasponu l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62, jiġifieri multa jekk l-awtur tal-ksur ikun persuna fiżika u sanzjoni pekunjarja jekk l-awtur tal-ksur ikun persuna ġuridika, jissodisfawx ir-rekwiżiti li jinsabu f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Fil-fatt, din il-multa u l-ħlas kumpensatorju li l-ħlas tiegħu jeżenta lill-awtur tal-ksur mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali huma wkoll fil-forma ta’ somma fissa.

32

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża f’dan ir-rigward li hija ma hijiex awtorizzata tirriforma, skont in-natura jew il-gravità tal-ksur, l-ammonti tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 179(3) – (3b) taz-ZDP. Fil-fatt, l-Artikolu 189h ta’ din il-liġi jipprekludiha milli tistabbilixxi sanzjoni iktar leġġera jew milli tikkunsidra li fatt jikkostitwixxi każ negliġibbli fid-dawl tal-leġiżlazzjoni, minkejja li dan ikun il-każ.

33

Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma tqisx li hija f’pożizzjoni li twettaq evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn is-sanzjonijiet u li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi elementi li huma karatteristiċi ta’ kull każ partikolari, bħall-kwistjonijiet ta’ jekk il-ħlas dovut ikunx sar kompletament jew parzjalment, liema distanza tkun ġiet koperta mingħajr ħlas jew jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonali jew b’negliġenza.

34

Din il-qorti tenfasizza madankollu li s-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha differenzi meta mqabbla ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229). Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-leġiżlazzjoni applikabbli f’din il-kawża ma tinkludix il-possibbiltà li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ sanzjoni permezz ta’ “ħlas kumpensatorju” ta’ ammont iddeterminat f’tariffa korrispondenti. Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li, indipendentement mill-impożizzjoni tas-sanzjonijiet, il-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata għandha tħallas l-ammont mhux imħallas tal-pedaġġ relatat mal-użu tan-network tat-toroq. Dan jiġi ddeterminat, fil-każ ta’ impossibbiltà li tiġi stabbilita d-distanza fil-fatt koperta, skont ammont massimu fiss, bit-tariffa msemmija fl-Artikolu 10(6) taz-ZP, peress li, skont l-Artikolu 10b(5) tal-istess liġi, il-vettura tat-triq ikkonċernata titqies li għamlet distanza li tikkorrispondi għas-sezzjoni l-iktar twila bejn żewġ punti tan-network tat-toroq b’pedaġġi, iddeterminata fuq it-triq l-iktar diretta tul in-network tat-toroq b’pedaġġi.

35

F’dan il-kuntest, l-Administrativen sad – Haskovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Haskovo) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“L-Artikolu 9a tad-Direttiva [1999/62] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-direttiva, rekwiżit li huwa previst f’dan l-artikolu, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tippermetti eżenzjoni mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali fil-każ li titħallas “tariffa kumpensatorja”, tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja li l-ammont tagħhom huwa stabbilit minn qabel fir-rigward tal-ksur, irrispettivament min-natura u mill-gravità tiegħu, tar-regoli marbuta mal-obbligu li jitħejja u jitħallas bil-quddiem il-pedaġġ marbut mal-użu tal-infrastruttura tat-toroq?”

Fuq id-domanda preliminari

36

Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità li huwa jsemmi jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja fissa għall-okkorrenzi ta’ ksur kollha, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tagħhom, tar-regoli dwar l-obbligu li jsir il-ħlas minn qabel tal-pedaġġ relatat mal-użu ta’ infrastruttura tat-toroq, bil-possibbiltà ta’ eżenzjoni minn dawn is-sanzjonijiet permezz ta’ “ħlas kumpensatorju” ta’ ammont fiss.

37

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontrolli xierqa u jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt din id-direttiva, li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati u li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju sempliċement tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet previst minn din id-dispożizzjoni.

39

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont id-Direttiva 1999/62, l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw l-atti legali neċessarji skont id-dritt nazzjonali tagħhom, u għalhekk l-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi obbligu li, min-natura tiegħu stess, jeħtieġ l-intervent ta’ att min-naħa ta’ dawn l-Istati Membri, li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fit-traspożizzjoni ta’ dan l-obbligu (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 51).

40

Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tinkludix regoli iktar speċifiċi fir-rigward tal-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali u, b’mod partikolari, ma tistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li timplimentah, inkluż fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate,C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’hekk, il-miżuri repressivi permessi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, bil-premess li, meta tkun teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, is-severità tas-sanzjoni imposta għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li hija intiża li tissanzjona (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate,C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 1999/62, mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn jinkludu kemm l-armonizzazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxi kif ukoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġusti għall-impożizzjoni ta’ ħlas għall-ispejjeż tal-infrastruttura fuq it-trasportaturi, bil-għan tal-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn intrapriżi tat-trasport fl-Istati Membri.

45

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-severità tas-sanzjonijiet għandha tkun adegwata għall-gravità tal-okkorrenzi ta’ ksur issanzjonati, b’mod partikolari billi tiżgura effett realment dissważiv, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u tar-regoli relattivi għal-livell tal-ammont tal-multi, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Għaldaqstant, dan il-prinċipju ma jeżiġix biss li s-sanzjoni imposta tikkorrispondi għall-gravità tal-ksur iżda wkoll li, meta tiġi ddeterminata s-sanzjoni kif ukoll meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N&N, C‑384/17, EU:C:2018:810, punt 45).

48

F’dan il-każ, l-Artikolu 179(3) – (3b) taz-ZDP jipprevedi, fil-każ ta’ ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din il-liġi, multi u sanzjonijiet pekunjarji li jammontaw għal somma fissa ta’ BGN 300, ta’ BGN 1800 jew ta’ BGN 2500, rispettivament.

49

Barra minn hekk, kif indikat il-qorti tar-rinviju, iz-ZDP ma tawtorizzax lill-qorti adita tbiddel il-multi jew is-sanzjonijiet pekunjarji imposti, u b’mod partikolari tnaqqas l-ammonti fissi skont in-natura jew il-gravità tal-ksur imwettaq. B’mod iktar partikolari, is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ intenzjonalità jew ta’ negliġenza tan-nuqqas imwettaq u teskludi b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 189h taz-ZDP, l-applikazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti prevista bħala prinċipju miz-ZANN.

50

Għaldaqstant, l-uniku tibdil tal-multi previst minn din is-sistema huwa dak relatat mal-kategorija li taħtha taqa’ l-vettura kkonċernata, li hija stabbilita abbażi tan-numru ta’ axles tagħha. Madankollu, dan it-tibdil, nieqes minn kull rabta mal-aġir tal-operatur tal-vettura jew tas-sewwieq tagħha, ma jiħux inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur imwettaq. B’hekk, b’mod partikolari, il-qorti adita ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, fl-impożizzjoni tas-sanzjoni, id-distanza koperta mill-vettura mingħajr ma s-sewwieq ikun ħallas l-ammont tal-pedaġġ meħtieġ, peress li l-ammont tal-multa li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas huwa fiss u la jvarja skont il-kilometri koperti mingħajr awtorizzazzjoni u lanqas abbażi ta’ jekk l-awtur tal-ksur ikunx ħallas jew le minn qabel l-ammont tal-pedaġġ għal itinerarju partikolari. Barra minn hekk, kull tibdil huwa eskluż anki jekk id-distanza tista’ tiġi kkalkolata sussegwentement.

51

Barra dan, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/62, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikoli 7 sa 7k tagħha, is-sistema tal-pedaġġ tat-toroq inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet iddisinjata b’tali mod li l-parteċipazzjoni tal-utenti għall-manteniment tal-infrastruttura tkun proporzjonali għall-użu tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ emissjonijiet li taħtha taqa’ l-vettura użata. Issa, l-assenza ta’ possibbiltà li l-multi u s-sanzjonijiet pekunjarji jiġu stabbiliti skont il-gravità tal-ksur imwettaq jista’ jmur kontra dan il-prinċipju ta’ parteċipazzjoni.

52

B’hekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, is-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni mill-qrati nazzjonali.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja b’ammont fiss għal kull ksur ta’ ċerti obbligi previsti mil-liġi, mingħajr tibdil fl-ammont ta’ din il-multa jew ta’ din is-sanzjoni pekunjarja skont il-gravità tal-ksur, kif previst mis-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tidher li hija sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép (C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Il-fatt li, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali sostnuta permezz ta’ “ħlas kumpensatorju” ma huwiex ta’ natura li jbiddel il-konklużjoni li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

55

Fil-fatt, dan il-“ħlas kumpensatorju” huwa stabbilit f’ammont fiss, li jammonta għal BGN 750 meta l-vettura tkun vettura tqila ta’ massa totali massima teknikament ammissibbli ta’ iktar minn 12-il tunnellata, li għandha mill-inqas erba’ axles, u dan l-ammont lanqas ma jidher li jista’ jiġi aġġustat skont il-gravità tal-ksur, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

56

Barra minn hekk, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li l-ammont tal-“ħlas kumpensatorju” jvarja skont it-tip ta’ vetturi. F’tali każ, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni dwar il-“ħlas kumpensatorju” tikkonferma wkoll in-natura sproporzjonata tas-sistema ta’ sanzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda preliminari għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità li huwa jipprevedi jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja ta’ ammont fiss għall-okkorrenzi ta’ ksur kollha, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tagħhom, tar-regoli dwar l-obbligu li jsir il-ħlas minn qabel tal-pedaġġ relatat mal-użu ta’ infrastruttura tat-toroq, inkluż meta din is-sistema tagħti l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali permezz ta’ “ħlas kumpensatorju” ta’ ammont fiss.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, kif emendata bid-Direttiva 2011/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità li huwa jipprevedi jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ multa jew ta’ sanzjoni pekunjarja ta’ ammont fiss għall-okkorrenzi ta’ ksur kollha, tkun xi tkun in-natura u l-gravità tagħhom, tar-regoli dwar l-obbligu li jsir il-ħlas minn qabel tal-pedaġġ relatat mal-użu ta’ infrastruttura tat-toroq, inkluż meta din is-sistema tagħti l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali permezz ta’ “ħlas kumpensatorju” ta’ ammont fiss.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.